|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/681 |
27.3.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/681
tal-20 ta’ Marzu 2026
li tafda lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) b’ċerti azzjonijiet ta’ infurzar skont ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 67 sa 71 tar-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex twettaq spezzjonijiet u azzjonijiet ta’ koordinazzjoni fir-rigward ta’ vjeġġi illegali ta’ skart li huma ta’ natura kumplessa u li jista’ jkollhom effetti negattivi serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent u fejn l-investigazzjoni meħtieġa jkollha dimensjoni transfruntiera li tinvolvi mill-inqas żewġ pajjiżi. |
|
(2) |
Skont il-Premessa 63 tar-Regolament (UE) 2024/1157, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra, bħala materja tal-organizzazzjoni interna tagħha, li tafda ċerti azzjonijiet ta’ infurzar previsti minn dak ir-Regolament lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”), li għandu għarfien espert rilevanti f’dak ir-rigward. |
|
(3) |
L-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 67 sa 71 tar-Regolament (UE) 2024/1157 jenħtieġ għalhekk jiġi fdat lill-OLAF, bħala parti mill-kompiti tal-OLAF, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (2). |
|
(4) |
L-OLAF jeħtieġ li jkollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti miżmuma mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi sabiex jeżerċita s-setgħat li din id-Deċiżjoni tagħtih, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”) huwa b’dan fdat bis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fl-Artikoli 67 sa 71 tar-Regolament (UE) 2024/1157, li għandhom jiġu eżerċitati mill-OLAF skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet u fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom.
Artikolu 2
Fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1157 kif previst fl-Artikolu 2(1) tiegħu, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi għandhom jittrażmettu lill-OLAF mingħajr dewmien l-informazzjoni, id-dokument jew id-data rilevanti kollha relatata ma’ suspett ta’ vjeġġi illegali ta’ skart li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-OLAF.
Is-servizzi u l-aġenziji eżekuttivi msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom, fuq talba tal-OLAF jew fuq inizjattiva tagħhom stess, jittrażmettu lill-OLAF mingħajr dewmien l-informazzjoni, id-dokumenti jew id-data rilevanti kollha relatati ma’ każijiet possibbli ta’ vjeġġi illegali ta’ skart jew ma’ azzjonijiet li jkunu għaddejjin imwettqa mill-OLAF fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1157.
Artikolu 3
Fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-OLAF skont din id-Deċiżjoni, l-OLAF għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti kollha fil-bażijiet tad-data miżmuma mis-servizzi u l-aġenziji eżekuttivi msemmija fl-Artikolu 2(1), u b’mod partikolari għas-sistema ċentrali msemmija fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) 2024/1157.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L, 2024/1157, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1157/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/352/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/681/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)