European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/645

16.3.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/645

tas-16 ta’ Marzu 2026

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(2)

Fid-9 ta’ Jannar 2026, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Iran, filwaqt li nnota bi tħassib kbir ir-rapporti dwar il-vittmi u kkundanna l-użu tal-vjolenza, id-detenzjoni arbitrarja u t-tattiċi ta’ intimidazzjoni mill-forzi tas-sigurtà kontra d-dimostranti. Id-dikjarazzjoni appellat biex l-individwi kollha detenuti inġustament talli eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom jinħelsu immedjatament u ħeġġet lill-awtoritajiet Iranjani jaderixxu mal-obbligi internazzjonali tal-Iran u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika. Appellat ukoll biex jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, inkluż billi jiġi restawrat l-aċċess għall-Internet għal kulħadd.

(3)

F’dak il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li 16-il persuna u tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/235/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/235/oj.


ANNESS

Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni tal-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“260.

Ali Akbar POUR-JAMSHIDIAN

Funzjoni: Viċi Ministru għall-Intern għal Affarijiet ta’ Sigurtà u Infurzar tal-Liġi; Segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Iran

Data tat-twelid: 30.12.1962

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Ali Akbar Pour-Jamshidian huwa Brigadier Ġeneral tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) u jaqdi kemm ir-rwol ta’ Viċi Ministru għall-Intern għal Affarijiet ta’ Sigurtà u Infurzar tal-Liġi kif ukoll dak ta’ Segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Iran.

F’dawk ir-rwoli, Ali Akbar Pour-Jamshidian huwa responsabbli għat-trażżin tal-protesti fit-toroq li bdew f’Diċembru 2025, li wassal għal mijiet ta’ vittmi minħabba l-azzjonijiet ta’ diversi forzi tas-sigurtà taħt il-kontroll tiegħu. Huwa pparteċipa wkoll fit-tentattiv tar-reġim li jfixkel milli toħroġ il-verità dwar il-vittmi u esprima l-appoġġ tiegħu għall-għeluq tal-Internet waqt il-protesti.

Għaldaqstant, Ali Akbar Pour-Jamshidian huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

261.

Gholam Ali MOHAMMADI

غلامعلی محمدی

magħruf ukoll bħala Gholamali MOHAMMADI

Funzjoni: Kap tal-Organizzazzjoni għall-Ħabsijiet u għall-Miżuri ta’ Sigurtà u Edukattivi tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran

Data tat-twelid: 22.6.1963

Post tat-twelid: Tehran, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Gholam Ali Mohammadi huwa l-Kap tal-Organizzazzjoni għall-Ħabsijiet u għall-Miżuri ta’ Sigurtà u Edukattivi tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. F’dak ir-rwol, huwa jissorvelja l-ħabsijiet kollha tal-pajjiż. Matul il-mandat tiegħu, ġie ddokumentat ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-ħabsijiet Iranjani kollha. Tali ksur jinkludu l-użu tat-tortura u ta’ forom oħra ta’ trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti, id-detenzjoni arbitrarja u l-abbuż fiżiku ta’ dissidenti politiċi u ta’ minoranzi reliġjużi, każijiet ta’ vjolenza sesswali u koerċizzjoni kontra priġunieri nisa u l-abbuż u t-tortura tat-tfal. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-ħabsijiet Iranjani taħt id-direzzjoni ta’ Gholam Ali Mohammadi ċaħdu deliberatament kura medika essenzjali lill-priġunieri politiċi, u b’hekk ikkontribwew għal imwiet taħt kustodja, u naqsu milli jinvestigaw jew jerfgħu responsabbiltà għal dawk il-fatalitajiet.

Għaldaqstant, Gholam Ali Mohammadi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

262.

Davoud Moazami GOUDARZI

Funzjoni: Kap taċ-Ċiberpulizija ta’ Greater Tehran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Davoud Moazami Goudarzi huwa l-Kap taċ-Ċiberpulizija ta’ Greater Tehran, parti miċ-Ċiberpulizija tal-Iran. Iċ-Ċiberpulizija Iranjana hija unità tal-Pulizija Iranjana, u għandha l-kompitu li tissorvelja l-attività online. Taqdi rwol importanti fil-monitoraġġ tal-media soċjali u l-prosekuzzjoni taċ-ċittadini b’rabta mal-kontenut diġitali. Fil-mira tagħha jisfaw ta’ spiss id-dissidenti u dawk li jopponu r-reġim, imma anke personalitajiet kulturali importanti li ma jikkonformawx mar-rwoli stretti tas-soċjetà u tal-ġeneru, bħal artisti nisa. Hija trażżan il-libertà tal-espressjoni u tinforza ċ-ċensura billi tagħlaq paġni tal-media soċjali jew tarresta individwi li jsemmgħu leħinhom jew li jippromwovu opinjonijiet li mhumiex appoġġati mir-reġim.

Għaldaqstant, Davoud Moazami Goudarzi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

263.

Ali SHIRAZI

علی شیرازی

magħruf ukoll bħala Hojjatoleslam Ali SHIRAZI

Funzjoni: Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ideoloġija Politika tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (magħrufa wkoll bħala FARAJA; LEF)

Data tat-twelid: 1962

Post tat-twelid: Rafsanjan, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Ali Shirazi huwa l-Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ideoloġija Politika tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (FARAJA) u eks Rappreżentant tal-Mexxej Suprem fil-kwartieri ġenerali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) f’Sarallah. Fl-istruttura organizzazzjonali tal-FARAJA, l-Organizzazzjoni tal-Ideoloġija Politika taqdi rwol ċentrali billi tippromwovi l-indottrinazzjoni ideoloġika tal-forzi tas-sigurtà. Il-FARAJA ripetutament qdiet rwol ewlieni fit-trażżin vjolenti ta’ protesti paċifiċi, u għalhekk hija responsabbli għal ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, matul il-mandat ta’ Ali Shirazi fil-kwartieri ġenerali tal-IRGC f’Sarallah, ġie stabbilit pjan li jagħti l-awtorità lill-forzi tas-sigurtà biex f’każ ta’ protesti joqtlu u jeskalaw malajr għal forza letali.

Għaldaqstant, Ali Shirazi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

264.

Mohammad Moazami GOUDARZI

محمد معظمی گودرزی

magħruf ukoll bħala Mohammad Moazzami GOUDARZI

Funzjoni: Kap tal-Pulizija Preventiva; Viċi Kap tal-Pulizija ta’ Greater Tehran

Data tat-twelid: 21.3.1957

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Mohammad Moazami Goudarzi huwa l-Kap tal-Pulizija Preventiva, Viċi Kap tal-Pulizija ta’ Greater Tehran u eks Kmandant tal-Pulizija ta’ Karaj u Alborz. Fil-pożizzjonijiet attwali u preċedenti tiegħu, huwa kien involut direttament fit-trażżin vjolenti tal-protesti fl-Iran. Matul il-protesti ta’ Diċembru 2025 u Jannar 2026, huwa kien direttament responsabbli għat-tmexxija tal-unitajiet ta’ appoġġ, l-għases tal-pulizija u l-iskwadri ta’ attakk fit-toroq ta’ Tehran.

Għaldaqstant, Mohammad Moazami Goudarzi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

265.

Yadollah BOUALI

magħruf ukoll bħala Yadollah BUALI

Funzjoni: Kmandant tal-Korp Fajr tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Provinċja ta’ Fars

Data tat-twelid: 7.9.1965

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Yadollah Bouali huwa l-Kmandant tal-Korp Fajr tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Provinċja ta’ Fars. Taħt il-kmand tiegħu, il-forzi tal-IRGC fil-Provinċja ta’ Fars kienu involuti fir-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet, inkluż matul il-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025, fejn il-forzi tal-IRGC fetħu n-nar fuq id-dimostranti, li rriżultaw fi mwiet u korrimenti.

Għaldaqstant, Yadollah Bouali huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

266.

Seyed Hashem GHIASI

سید هاشم غیاثی

magħruf ukoll bħala Hashem GHIASI; Hashem GHIYASI

Funzjoni: Kmandant tal-Korp Imam Reza tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Seyed Hashem Ghiasi huwa l-Kmandant tal-Korp Imam Reza tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, il-fergħa lokali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Provinċja ta’ Khorasan Razavi. Taħt il-kmand tiegħu, il-forzi tal-IRGC u tal-Basij fil-Provinċja ta’ Khorasan Razavi kienu involuti fir-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet, inkluż matul il-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025, fejn il-forzi tal-IRGC fetħu n-nar fuq id-dimostranti, li rriżultaw fi mwiet u korrimenti.

Għaldaqstant, Seyed Hashem Ghiasi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

267.

Ahmad DARVISH GOFTAR

احمد درویش گفتار

Funzjoni: Kap tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Rasht u President tal-Ewwel Fergħa tagħha

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Ahmad Darvish Goftar huwa l-Kap tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Rasht u l-President tal-Ewwel Fergħa ta’ dik il-qorti. F’dak ir-rwol, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari konfessjonijiet furzati, ksur ta’ garanziji ta’ proċess ġust u l-għoti ta’ sentenzi ħorox jew ta’ piena kapitali kontra attivisti.

Għaldaqstant, Ahmad Darvish Goftar huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

268.

Mohammad Ali Ahmad DARVISH GOFTAR

Funzjoni: Kap tat-Tieni Fergħa tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Rasht

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Mohammad Ali Ahmad Darvish Goftar huwa l-Kap tat-Tieni Fergħa tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Rasht. F’dak ir-rwol, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari konfessjonijiet furzati, ksur ta’ garanziji ta’ proċess ġust u l-għoti ta’ sentenzi ħorox jew ta’ piena kapitali kontra attivisti.

Għaldaqstant, Mohammad Ali Darvish Goftar huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

269.

Seyed Qasim QURESHI

سید قاسم قریشی

magħruf ukoll bħala Sardar Seyyed Ghasem QURESHI; Sardar Seyed Ghassem GHOREISHI

Funzjoni: Viċi Kmandant tal-Forzi tal-Basij

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Seyed Ghassem Qureshi huwa l-Viċi Kmandant tal-Forzi tal-Basij, fergħa paramilitari tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC). Huwa għandu karriera twila fl-IRGC li tmur lura għall-gwerra bejn l-Iran u l-Iraq. Huwa serva bħala l-Kmandant tal-Organizzazzjoni ta’ Reżistenza Basij f’Qom mill-1999 sal-2002 u bħala Viċi Spettur tal-Forzi ta’ Reżistenza Basij mill-2002 sal-2006.

Fil-pożizzjoni attwali tiegħu, Seyed Ghassem Qureshi jikkmanda organizzazzjoni akkużata bi ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-trażżin brutali tal-protesti. Il-forzi tal-Basij ġew akkużati ripetutament li użaw armi tan-nar, swat qalil u qtil intenzjonat ta’ dimostranti matul ir-repressjoni tal-protesti, inkluż il-protesti reċenti li bdew f’Diċembru 2025.

Għaldaqstant, Seyed Ghassem Qureshi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

270.

Ahmad BIGDELI

احمد بیگدلی

magħruf ukoll bħala Ahmad BIGDALI

Funzjoni: Viċi Kap tal-Operazzjonijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) ta’ Sarallah

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Ahmad Bigdeli huwa l-Viċi Kap tal-Operazzjonijiet fil-kwartieri ġenerali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) ta’ Sarallah. Il-kwartieri ġenerali ta’ Sarallah jaqdu rwol kruċjali fil-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ sigurtà tal-forzi tal-art tal-IRGC, il-forzi tal-Basij u unitajiet oħra. Dawk il-forzi kienu atturi ewlenin fir-repressjoni vjolenti mir-reġim tal-protesti reċenti li bdew f’Diċembru 2025. Ir-responsabbiltajiet ta’ Bigdeli jinkludu t-twettiq ta’ eżerċizzji ta’ taħriġ u s-sorveljanza tal-operazzjonijiet fuq il-post.

Għaldaqstant, Ahmad Bigdeli huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

271.

Mohammad NASIRI POUR

محمد نصیری پور

Funzjoni: Viċi Prosekutur ta’ Tehran u Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għad-Distrett 33 ta’ Tehran (magħruf ukoll bħala Evin Prosecution Office)

Mohammad Nasiri Pour huwa l-Viċi Prosekutur ta’ Tehran u l-Aġent Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għad-Distrett 33 ta’ Tehran (magħruf ukoll bħala Evin Prosecution Office). Barra minn hekk, huwa l-eks superviżur tal-Qorti ta’ Evin (Evin Court) fejn serva ta’ maġistrat istruttur u għall-eżekuzzjoni tal-pieni.

F’dawk ir-rwoli, ipparteċipa fi prosekuzzjonijiet kontra attivisti ċivili u soċjali, inkluż attivisti tad-drittijiet tan-nisa, kif ukoll kontra ġurnalisti u attivisti politiċi kritiċi tar-Repubblika Iżlamika. Fir-rwol tiegħu ta’ ħidma fis-sistema ġudizzjarja Iranjana, huwa responsabbli għal ksur ta’ proċess ġust bħaċ-ċaħda ta’ aċċess għal avukat, kundizzjonijiet inumani ta’ detenzjoni, pressjoni fuq il-membri tal-familja u tortura psikoloġika.

Għaldaqstant, Mohammad Nasiri Pour huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

272.

Amirhossein TARIAN

امیرحسین تاریان

Funzjoni: Viċi Prosekutur tal-Ewwel Fergħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għad-Distrett 33 ta’ Tehran (magħruf ukoll bħala Evin Prosecution Office)

Data tat-twelid: 1990

Post tat-twelid: Nowshahr, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Amirhossein Tarian huwa wieħed mill-Viċi Prosekuturi tal-Ewwel Fergħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għad-Distrett 33 ta’ Tehran (magħruf ukoll bħala Evin Prosecution Office). F’dak ir-rwol, huwa kien involut f’diversi każijiet fejn iċ-ċittadini ġew imħarrka, akkużati u sussegwentement ipproċessati mingħajr garanzija ta’ proċess ġust, li wassal għal pieni ħorox, inkluż il-piena tal-mewt.

Għaldaqstant, Amirhossein Tarian huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

273.

Naser Jalayer SARNAGHI

ناصر جلاير سرنقی

Funzjoni: Viċi Prosekutur tal-Ewwel Fergħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għad-Distrett 33 ta’ Tehran (magħruf ukoll bħala Evin Prosecution Office) u investigatur

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Naser Jalayer Sarnaghi huwa wieħed mill-Viċi Prosekuturi tal-Ewwel Fergħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għad-Distrett 33 ta’ Tehran (magħruf ukoll bħala Evin Prosecution Office), u investigatur f’dak l-Uffiċċju ta’ Prosekuzzjoni (Prosecution Office). F’dak ir-rwol, huwa kien involut f’każijiet fejn ċaħad l-aċċess għal proċess ġust u li ressaq akkużi inġusti kontra attivisti politiċi u tad-drittijiet ċivili, b’mod partikolari attivisti nisa, li wassal għal pieni ħorox, inkluż il-piena tal-mewt.t

Għaldaqstant, Naser Jalayer Sarnaghi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

274.

Mahmoud Haj MORADI

محمود حاج مرادی

Funzjoni: Investigatur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur għad-Distrett 33 ta’ Tehran (magħruf ukoll bħala Evin Prosecution Office).

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Mahmoud Haj Moradi huwa investigatur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur għad-Distrett 33 ta’ Tehran (magħruf ukoll bħala Evin Prosecution Office).

F’dak ir-rwol, huwa pparteċipa fil-prosekuzzjoni inġusta tan-nisa. Qeda rwol fil-ftuħ ta’ kawżi kontra attivisti ċivili u soċjali, kif ukoll kontra ġurnalisti u attivisti politiċi kritiċi tar-Repubblika Iżlamika. B’dan l-aġir, Haj Moradi kiser id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal proċess ġust.

Għaldaqstant, Mahmoud Haj Moradi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

275.

Hossein YEKTA

Funzjoni: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Data tat-twelid: 27.11.1967

Data tat-twelid: Qom, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Hossein Yekta huwa Kmandant għoli tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) li jirrekluta u jindottrina għall-IRGC. Matul il-protesti li bdew f’Diċembru 2025, appoġġa pubblikament l-isparar fuq dimostranti paċifiċi.

Għaldaqstant, Hossein Yekta huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026”;

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni tal-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“52.

Naji Research and Development Company (NRDC)

شرکت پژوهش و توسعه ناجی

Indirizz: Mirdamad Blvd, Tehran, Tehran Province, 1518964613, Iran

Tip ta’ entità: Kumpanija b’Ishma Konġunti Privata

Post tar-reġistrazzjoni: Tehran, Iran

Data tar-reġistrazzjoni: 2005

Sit web: www.epolice.ir

Naji Research and Development Company (NRDC) hija kumpanija Iranjana tas-servizzi tal-IT u ta’ konsulenza li hija responsabbli għall-iżvilupp tal-applikazzjoni mobbli Nazer għall-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi tal-Iran.

L-applikazzjoni mobbli Nazer tintuża bħala għodda ta’ sorveljanza għall-monitoraġġ u l-kontroll taċ-ċittadini fl-Iran. Hija tippermetti lil individwi awtorizzati mill-istat jirrappurtaw individwi oħra talli kisru r-regoli tal-ħiġab u għal imġiba li tmur kontra l-moralità pubblika. L-individwi rrappurtati fuq l-applikazzjoni mobbli Nazer jistgħu jkunu soġġetti għal proċessi kriminali u pieni, inkluż multi, priġunerija u swat.

Għaldaqstant, NRDC hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

53.

Mohammad Rasulullah Corps

Indirizz: Niayesh Highway, Tehran, Iran

Il-Mohammad Rasulullah Corps (Korp Mohammad Rasullah) huwa responsabbli għall-koordinazzjoni tal-forzi tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) u ta’ Basij f’Tehran. Dawk il-forzi kienu involuti fir-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet, inkluż matul il-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025, fejn il-forzi tal-IRGC u ta’ Basij fetħu n-nar fuq id-dimostranti, li rriżulta fi mwiet u korrimenti.

Għaldaqstant, il-Korp Mohammad Rasulullah huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026

54.

Imam Reza Islamic Revolutionary Guard Corps

magħruf ukoll bħalaImam Reza Corps

Indirizz: Mashhad, Iqbal, Kohestan St., Iran

L-Imam Reza Islamic Revolutionary Guard Corps (Korp Imam Reza tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika) huwa l-fergħa lokali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-Provinċja ta’ Khorasan Razavi, u għalhekk jikkmanda l-forzi tal-IRGC u ta’ Basij fil-Provinċja ta’ Khorasan Razavi. Dawk il-forzi kienu involuti fir-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet, inkluż matul il-protesti mal-pajjiż kollu fl-Iran li bdew f’Diċembru 2025 fejn il-forzi tal-IRGC fetħu n-nar fuq id-dimostranti, li rriżulta fi mwiet u korrimenti.

Għaldaqstant, il-Korp Imam Reza tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

16.3.2026”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/645/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)