European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/588

16.3.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/588

tas-16 ta’ Marzu 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 (1).

(2)

Bħala parti mill-azzjoni sostnuta, imfassla u koordinata tal-Unjoni kontra atturi persistenti ta’ theddid ċibernetiku, jenħtieġ li żewġ persuni fiżiċi u tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797. Dawk il-persuni u l-entitajiet huma responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha, jew huma involuti fihom.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/797/oj).


ANNESS

L-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“18.

CHEN Cheng

陈诚

(ortografija Ċiniża)

Psewdonimi:

Jesse Chen

lengmo

l3n6m0

Data tat-twelid: 20.10.1984

Post tat-twelid: Yancheng, Jiangsu, China

Nazzjonalità: Ċiniża

Sess: raġel

Chen Cheng huwa negozjant Ċiniż, kofundatur u wieħed mill-maniġers ġenerali (Uffiċjal Kap Operattiv) ta’ Anxun Information Technology Co. Ltd. Huwa wkoll rappreżentant legali tal-fergħa ta’ Sichuan ta’ dik il-kumpanija.

Anxun Information Technology Co. Ltd, magħrufa wkoll bħala i-Soon, hija kumpanija bbażata fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) li toffri servizzi ta’ ‘hacking-for-hire’. Anxun Information Technology Co. Ltd.qiegħdet fil-mira infrastruttura kritika u funzjonijiet kritiċi tal-istat tal-Istati Membri u aċċessat u biegħet informazzjoni klassifikata. Barra minn hekk, Anxun Information Technology Co. Ltd. attakkat gvernijiet ta’ diversi stati terzi, u b'hekk thedded il-miri tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 21(2), il-punti (a) sa (c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Anxun Information Technology Co. Ltd.tikseb benefiċċju ekonomiku importanti mis-servizzi pprovduti.

Għalhekk, Anxun Information Technology Co. Ltd.hija responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll attakki kontra Stati terzi.

F’din il-kapaċità, Chen Cheng huwa responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti, u huwa involut fihom, li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Istati Membri kif ukoll attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

16.3.2026

19.

WU Haibo

吴海波

(ortografija Ċiniża)

Psewdonimi:

shutdown

shutd0wn

Post tat-twelid: China

Nazzjonalità: Ċiniża

Sess: raġel

Wu Haibo huwa negozjant Ċiniż, kofundatur u wieħed mill-maniġers ġenerali (Uffiċjal Kap Eżekuttiv) ta’ Anxun Information Technology Co. Ltd. Huwa wkoll r-rappreżentant legali, president u maniġer ġenerali tal-fergħa ta’ Shanghai (‘omm’) ta’ Anxun Information Technology Co. Ltd. Barra minn hekk, huwa qed jaġixxi wkoll bħala r-rappreżentant legali tal-fergħa ta’ Sichuan ta’ dik il-kumpanija.

Anxun Information Technology Co. Ltd., magħrufa wkoll bħala i-Soon, hija kumpanija bbażata fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) li toffri servizzi ta’ ‘hacking-for-hire’. Anxun Information Technology Co. Ltd.qiegħdet fil-mira infrastruttura kritika u funzjonijiet kritiċi tal-Istat tal-Istati Membri u aċċessat u biegħet informazzjoni klassifikata. Barra minn hekk, Anxun Information Technology Co. Ltd. attakkat gvernijiet ta’ diversi Stati terzi, u b’hekk thedded il-miri tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 21(2), il-punti (a) sa (c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Anxun Information Technology Co. Ltd.tikseb benefiċċju ekonomiku importanti mis-servizzi pprovduti.

Għalhekk, Anxun Information Technology Co. Ltd. hija responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Istati Membri kif ukoll attakki kontra Stati terzi.

Wu Haibo kien involut fit-tmexxija u l-inkoraġġiment ta’ tentattivi ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra l-Istati Membri.

Fil-kapaċità tiegħu, huwa responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti, u huwa involut fihom, li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Istati Membri kif ukoll attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

16.3.2026”;

(2)

L-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“5.

Integrity Technology Group

永信至诚科技集团股份有限公司

(ortografija Ċiniża)

Psewdonimu:

Beijing Integrity Technology Company Limited, Yongxin Zhicheng Technology Group Company Limited

Indirizz: Fenghao East Road, Room 103, Building 6, No. 9, Beijing Haidian District, China

Post tar-reġistrazzjoni: Beijing, China

Data tar-reġistrazzjoni: 2.9.2010

Kodiċi ta’ Kreditu Soċjali Unifikat: 91110108562135265P

Integrity Technology Group hija intrapriża taċ-ċibersigurtà, ibbażata fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ), li ffaċilitat attakki ċibernetiċi marbuta mat-Theddida Persistenti Avvanzata (APT) Flax Typhoon,. Dik l-APT użat l-prodotti u t-teknoloġija ta’ Integrity Technology Group biex timplimenta l-attivitajiet tagħha ta’ sfruttament tan-network tal-kompjuters. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-prodotti ta’ Integrity Technology Group ntużaw biex jikkompromettu u jaċċessaw l-apparati tal-Internet tal-Oġġetti fl-Istati Membri,kif ukoll f’pajjiżi fl-Ewropa u madwar id-dinja. Bejn l-2022 u l-2023, Flax Typhoon aċċessat mill-inqas 65 600 apparat tal-Internet tal-Oġġetti f’sitt Stati Membri billi użaw il-prodotti ta’ Integrity Technology Group.

Għalhekk, il-prodotti kummerċjali u l-infrastruttura ta’ Integrity Technology Group intużaw b’mod regolari f’attakki ċibernetiċi kontra l-Istati Membri kif ukoll Stati terzi. Konsegwentement, billi taffettwa s-sistemi ta’ informazzjoni relatati mal-infrastruttura diġitali, Integrity Technology Group qed tipprovdi appoġġ tekniku u materjali għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Istati Membri u Stati terzi.

16.3.2026

6.

Emennet Pasargad

Psewdonimu:

Anzu Team, Holy Souls, Aria Sepehr Ayandehsazan, Haywire Kitten

Post tar-reġistrazzjoni: Teheran, Iran

Numru tar-reġistrazzjoni: 554267

Post prinċipali tan-negozju: Teheran, Iran

Emennet Pasargad huwa attur ċibernetiku Iranjan (kumpannija) li qiegħed fil-mira bosta entitajiet, b’mod partikolari, fl-Istati Membri kif ukoll fl-Istati Uniti (US).

Emennet Pasargad, li jopera taħt il-psewdonimu ‘Anzu Team’, qiegħed fil-mira infrastruttura diġitali fl-Iżvezja u kkomprometta servizz tal-SMS Żvediż, li affettwa għadd kbir ta’ nies. Barra minn hekk, billi aġixxa taħt il-psewdonimu ‘Holy Souls’, l-entità kkompromettiet il-bażi tad-data tal-abbonati tar-rivista satirika Franċiża, Charlie Hebdo, u rreklamatha għall-bejgħ fuq id-dark web. Emennet Pasargad ikkomprometta l-billboards tar-reklamar matul il-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi u wera kampanji ta’ diżinformazzjoni. Emennet Pasargad ipprova wkoll jinterferixxi fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti tal-2020, billi hedded id-demokrazija u l-istat tad-dritt, billi kiseb informazzjoni kunfidenzjali dwar il-votanti tal-Istati Uniti u kiseb aċċess mhux awtorizzat għan-network tal-kompjuters ta’ kumpanija tal-media tal-Istati Uniti.

Għalhekk, Emennet Pasargad huwa responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Istati Membri u għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stat terz.

16.3.2026

7.

Anxun Information Technology Co. Ltd.

安洵信息技术有限公司

(ortografija Ċiniża)

Psewdonimu: i-Soon

Indirizz: Room 1002, Qiangqiang Building, No. 1318 Qixin Road, Minhang District, Shanghai

Kodiċi ta’ Kreditu Soċjali Unifikat: 91510105332025597A (fergħa ta’ Sichuan)

Kodiċi ta’ Kreditu Soċjali Unifikat: 91310116561906136G (fergħa ta' Shanghai)

Siti web: i-soon.net, isoon.net, i-soon.com.cn, isoonren.com, isoon.win

Numri tat-telefown: +862161119992, +8605645893417, +8613761671735, +864000665915

Posta elettronika: shutdown@163.com, isoon2015@126.com, tao_tingting@i-soon.net, li_ping@i-soon.net

Anxun Information Technology Co. Ltd. hija kumpannija bbażata fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li toffri servizzi ta’ ‘hacking-for-hire’. Hija qiegħdet fil-mira infrastruttura kritika u funzjonijiet kritiċi tal-Istat tal-Istati Membri u aċċessat u biegħet informazzjoni klassifikata. Barra minn hekk, Anxun Information Technology Co. Ltd. attakkat gvernijiet ta’ diversi Stati terzi, u b’hekk thedded il-miri tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) tal-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 21(2), il-punti (a) sa (c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Anxun International Technology Co. Ltd. tikseb benefiċċju ekonomiku importanti mis-servizzi pprovduti.

Għalhekk, Anxun Information Technology Co. Ltd. hija responsabbli għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Istati Membri kif ukoll għal attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

16.3.2026”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/588/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)