|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/555 |
12.3.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA Nru 5/2025/SC
tat-23 ta’ Ottubru 2025
dwar l-iffissar mill-ġdid tar-riżerva għal riskju sistemiku skont l-Artikolu 133 r-Regolament u n-notifika Norveġiża tal-iffissar ta’ riżerva O-SII skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif inkorporata fil-Ftehim dwar iż-ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 79/2019 u emendi sussegwenti [2026/555]
IL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-punt 14 tal-Anness IX tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, (1)
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 131(6), il-punt (b), tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (CRD), l-awtoritajiet kompetenti jew nominati jridu jirrieżaminaw mill-inqas darba fis-sena r-rati ta’ riżerva tal-istituzzjonijiet sistemikament importanti l-oħra (“O-SIIs”, other systemically important institutions) li jeħtieġu li jinżammu. Skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 12 ta’ dak l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti jew nominati jridu wkoll jirrieżaminaw kull sena l-identifikazzjoni tal-O-SIIs li għalihom tiġi imposta tali rata ta’ riżerva. Skont l-Artikolu 131(7) ta’ dik id-Direttiva, kif inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-awtoritajiet kompetenti jew nominati jridu jinnotifikaw lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“BERS”) qabel ma jiffissaw jew jistabbilixxu mill-ġdid rata ta’ riżerva għal O-SIIs, u l-BERS għandu jibgħat dawn in-notifiki lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-awtoritajiet kompetenti u nominati tal-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE kkonċernati, mingħajr dewmien. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 131(15) tas-CRD, flimkien mat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5a ta’ dak l-Artikolu, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA jeħtieġ li jawtorizza miżuri makroprudenzjali fi Stat tal-EFTA membru taż-ŻEE li jwasslu għal rata kombinata ta’ riżerva għal riskju sistemiku (SyRB, systemic risk buffer) u rata ta’ riżerva tal-O-SII li taqbeż il-5 % tal-ammont rilevanti tal-iskopertura għar-riskju għal istituzzjoni ta’ kreditu partikolari u sett jew subsett ta’ skoperturi. Skont l-istess Artikoli tas-CRD, il-BERS għandu jipprovdi lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievi notifika kif imsemmi fl-Artikolu 131(7) tas-CRD, b’opinjoni dwar jekk ir-rata kombinata ta’ SyRB u r-rata ta’ riżerva ta’ O-SII tkunx xierqa. |
|
(3) |
Qed issir referenza għal Rakkomandazzjoni preċedenti mill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 1/2020/SC, u d-Deċiżjonijiet Nru 2/2022/SC, Nru 3/2023/SC u Nru 6/2024/SC dwar notifiki mill-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż skont l-Artikolu 133(1) tad-Direttiva 2013/36/UE. |
|
(4) |
Fil-15 ta’ Awwissu 2025, il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż bagħat notifika formali lill-BERS dwar l-intenzjoni tiegħu li jirrieżamina r-rata ta’ riżerva tal-istituzzjoni sistemikament importanti l-oħra (O-SII) f’konformità mal-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE. L-Awtorità tipproponi li tkompli tirrikjedi li erba’ istituzzjonijiet iżommu riżerva ta’ O-SII, u li testendi l-applikazzjoni ta’ riżerva ta’ O-SII ta’ 1 % għal istituzzjoni ta’ kreditu addizzjonali, Sparebanken Norge, wara l-fużjoni ta’ żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Is-Segretarjat tal-BERS bagħat in-notifika lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA fit-18 ta’ Awwissu 2025, f’konformità mal-Artikolu 131 (5a) tas-CRD. |
|
(5) |
Il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż identifika dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu bħala O-SIIs skont il-kriterji li ġejjin: (i) assi totali bħala sehem mill-prodott domestiku gross (PDG) tan-Norveġja u (ii) self lis-settur privat mhux finanzjarju bħala sehem tas-self totali lis-settur privat mhux finanzjarju fin-Norveġja. Dawn il-kriterji huma elenkati bħala indikaturi fakultattivi fl-Anness 2 tal-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-kriterji biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 131(3) CRD fir-rigward tal-valutazzjoni tal-O-SIIs (3). Minbarra dawn iż-żewġ kriterji ewlenin, il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż ikkunsidra wkoll l-indikaturi obbligatorji tal-Linji Gwida tal-EBA meta applika l-ġudizzju superviżorju tiegħu. Il-valuri tal-indikaturi għal Sparebanken Norge ġew ikkalkulati bħala l-valuri tal-indikaturi kkombinati għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fużi. |
|
(6) |
Il-miżuri notifikati se japplikaw għal ħames istituzzjonijiet ta’ kreditu domestiċi, li waħda minnhom hija sussidjarja li l-entità prinċipali tagħha hija stabbilita f’pajjiż ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea: erbgħa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu se jkunu soġġetti għal riżerva O-SII ta’ 1 % (Sparebanken Norge, Kommunalbanken AS, Nordea Eiendomskreditt AS u Sparebank 1 Sør-Norge AS) u waħda se tkun soġġetta għal riżerva ta’ 2 % (DNB Bank ASA). |
|
(7) |
Billi 4,5 % tas-SyRB u r-riżervi ta’ O-SII proposti se jirriżultaw f’rati ta’ riżerva kombinati ogħla minn 5 %, il-BERS ipprovda lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA b’opinjoni dwar il-miżura proposta fit-3 ta’ Awwissu 2023 dwar jekk il-livell tar-rata kombinata tar-rata ta’ riżerva O-SII u r-rata SyRB huwiex meqjus bħala xieraq. |
|
(8) |
Fl-Opinjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2025, u n-Nota ta’ Valutazzjoni li takkumpanjaha, il-BERS jirrevedi r-riskji indirizzati permezz tal-miżura proposta u jsib li r-riskji li jwasslu għall-iffissar mill-ġdid tar-riżervi ta’ O-SII jirriżultaw mir-rwol partikolarment importanti li għandhom l-O-SIIs fl-ekonomija Norveġiża. |
|
(9) |
Il-BERS ikompli jibqa’ tal-fehma li l-livell tar-riżervi ta’ O-SII fl-akkumulazzjoni mas-SyRB huwa effettiv u proporzjonat biex jindirizza r-riskji identifikati. F’dan ir-rigward il-BERS iqis li r-riżervi ta’ O-SII huma kumulattivi mas-SyRB eżistenti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma diġà soġġetti għalihom. Il-BERS jinnota b’mod partikolari li, fiċ-ċirkustanzi attwali, ir-rati tar-riżerva kumulattivi ta’ O-SII u SyRB ma jinvolvux effetti negattivi sproporzjonati fuq l-istabbiltà finanzjarja fin-Norveġja u li mhuwiex mistenni li jifformaw jew joħolqu ostaklu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
|
(10) |
Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA jinnota wkoll li l-BERS fin-Nota ta’ Valutazzjoni ta’ akkumpanjament isemmi li t-tim ta’ valutazzjoni tiegħu huwa tal-fehma li l-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż jista’ jikkunsidra livell ogħla ta’ granularità għall-metodoloġija ta’ kalibrazzjoni tal-O-SII fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tal-O-SIIs. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi huma mħeġġa jimmonitorjaw l-impatt tal-bidliet regolatorji reċenti fuq l-effettività tal-miżuri ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII. |
|
(11) |
Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, wara li eżamina n-notifika mill-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż tal-15 ta’ Awwissu 2025 u wara li kkunsidra l-opinjoni tal-BERS, jivvaluta li l-kombinazzjoni tar-rata ta’ riżerva ta’ O-SII notifikata għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati u s-SyRB fis-seħħ għall-iskoperturi u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati ma tinvolvix effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew partijiet mis-sistema finanzjarja ta’ Partijiet Kontraenti oħra taż-ŻEE, jew taż-ŻEE kollha kemm hi, li jiffurmaw jew joħolqu ostaklu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Rati ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII
Il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż huwa b’dan awtorizzat li jimplimenta r-rati tar-riżerva ta’ O-SII li jirriżultaw fir-rata kombinata ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII ogħla minn 5 % tal-ammont rilevanti tal-iskopertura għar-riskju għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ġejjin, għal perjodu sa sena li jibda mit- 23 ta’ Ottubru 2025, dment li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rati ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII jibqgħu ssodisfati:
|
Istituzzjoni ta’ kreditu |
Rata ta’ riżerva kombinata ta’ SyRB u O-SII |
|
DNB Bank ASA |
6,5 % |
|
Kommunalbanken AS |
5,5 % |
|
Nordea Eiendomskreditt AS |
5,5 % |
|
Sparebanken Norge |
5,5 % |
|
Sparebank 1 SR-Bank ASA |
5,5 % |
Artikolu 2
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż, Finansdepartementet, Akersgata 40, 0180 Oslo, in-Norveġja.
Artikolu 3
Pubblikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2025.
F’isem il-Kumitat Permanenti
Il-President
Stefán Haukur JÓHANNESSON
Is-Segretarju Ġenerali
Kurt JÄGER
(1) L-Opinjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-22 ta’ Settembru 2025 dwar ir-riżerva għal riskju sistemiku eżistenti skont l-Artikolu 133 u n-notifika Norveġiża tal-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid ta’ riżerva O-SII skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ESRB/2025/8).
(2) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).
(3) EBA/GL/2014/10.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/555/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)