European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/546

13.3.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/546

tat-12 ta’ Marzu 2026

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 fir-rigward tal-istandards armonizzati għall-magni tal-ippakkjar, għat-trakkijiet li jaħdmu fuq art imħarbta, għall-magni tal-ipproċessar tal-ikel, għall-krejnijiet, għall-installazzjonijiet tal-cableways, għall-magni agrikoli u tal-forestrija, għal-lifts, għall-għodod tas-salvataġġ, għall-għodod li jinżammu bl-idejn, għat-tagħmir fl-applikazzjonijiet għall-ferroviji, għat-tagħmir ibbażat fuq l-art li jappoġġa l-ajruplani, għall-gafef, u għall-vetturi għall-ġbir tal-iskart, u li tikkoreġi dik id-Deċiżjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/42/KE, il-makkinarju manifatturat f’konformità mal-istandards armonizzati, jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.

(2)

Bl-ittra M/396 tad-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) (“l-ewwel talba”) biex jiġu abbozzati, jiġu riveduti u titlesta l-ħidma fuq standards armonizzati li jappoġġaw id-Direttiva 2006/42/KE biex jitqiesu l-bidliet li daħħlet dik id-Direttiva meta mqabbla mad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

Barra minn hekk, bl-ittra M/471 tad-29 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni għamlet talba oħra lis-CEN (“it-tieni talba”), biex jiġu abbozzati, jiġu riveduti u titlesta l-ħidma fuq standards armonizzati li jappoġġaw id-Direttiva 2006/42/KE biex jitqiesu l-emendi u ż-żidiet li daħħlet id-Direttiva 2009/127/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) b’rabta mar-rekwiżiti essenzjali dwar il-protezzjoni tal-ambjent li magħhom, speċifikament, irid jikkonforma wkoll il-makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi.

(4)

Abbażi tal-ewwel talba, is-CEN abbozza l-istandards armonizzati ġodda li ġejjin li jkopru d-dispożizzjonijiet tas-sikurezza: EN 415-2:2025 għall-magni tal-ippakkjar, EN 1459-4:2020+A1:2025 għat-trakkijiet li jaħdmu fuq art imħarbta, EN 15180:2025 għall-magni tal-ipproċessar tal-ikel, EN 17076:2020+A1:2025 għall-krejnijiet torri, EN 17639:2025 għal ċertu materjal għat-tqandil ta’ installazzjonijiet tal-cableways, u EN 17923:2025 għall-kultivazzjoni tad-dwieli u għall-produzzjoni tal-inbid.

(5)

Abbażi tal-ewwel talba, is-CEN irreveda l-istandards armonizzati li ġejjin, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1586 (5): EN 81-43:2009 għal-lifts, EN 415-8: 2008 għall-magni tal-ippakkjar, EN 1459-1:2017 għat-trakkijiet li jaħdmu fuq art imħarbta, EN 13001-3-1:2012+A2:2018 għall-krejnijiet, EN 13204:2016 għall-għodod tas-salvataġġ motorizzati għall-użu minn servizzi tat-tifi tan-nar u tas-salvataġ, EN 13852-1:2013 għall-krejnijiet li joperaw ’il barra mill-kosta, EN 14439:2006+A2:2009 għall-krejnijiet torri, EN 15895:2011+A1:2018 għall-għodod tal-idejn għat-twaħħil u l-immarkar iebes, attwati bil-porvli, u EN 15954-2:2013 ma’ EN 15955-2:2013 għal ċertu tagħmir fl-applikazzjonijiet tal-ferroviji. Dan wassal għall-adozzjoni tal-istandards armonizzati riveduti li ġejjin: EN 415-8:2025, EN 1459-1:2025, EN 13001-3-1:2025, EN 13204:2025, EN 13852-1:2025, EN 14439:2025, EN 15895:2025 u EN 15955-2:2025.

(6)

Barra minn hekk, abbażi tal-ewwel talba, is-CEN emenda l-istandards armonizzati li ġejjin, li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586: EN 1459-5:2020 għat-trakkijiet li jaħdmu fuq art imħarbta, EN 12312-15:2006+A1:2009 għat-tagħmir ibbażat fuq l-art li jappoġġa lill-ajruplani, EN 12965:2019 għat-tratturi u makkinarju għall-agrikoltura u għall-forestrija, EN 12999:2020 għall-krejnijiet li jgħabbu, u EN 13155:2003+A2:2009 għall-aċċessorji tal-krejnijiet għall-irfigħ. Dan wassal għall-adozzjoni tal-istandards armonizzati konsolidati EN 1459-5:2020+A1:2025, EN 12312-15:2020+A2:2025, EN 12965:2019+A1:2025, EN 12999:2020+A1:2025 u EN 13155:2020+A1:2025.

(7)

Abbażi tat-tieni talba, is-CEN abbozza l-istandard armonizzat EN 17744:2025 għall-magni agrikoli u tal-forestrija armati b’magni tarraba biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju potenzjali ta’ kontaminazzjoni ambjentali waqt l-użu.

(8)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk dawk l-istandards armonizzati humiex konformi mat-talba rilevanti.

(9)

L-istandards armonizzati li ġejjin jissodisfaw l-objettivi tas-sikurezza li għandhom l-għan li jkopru u stabbiliti fid-Direttiva 2006/42/KE: EN 415-8:2025, EN 1459-1:2025, EN 1459-4:2020+A1:2025, EN 1459-5:2020+A1:2025, EN 12312-15:2020+A2:2025, EN 12965:2019+A1:2025, EN 12999:2020+A1:2025, EN 13001-3-1:2025, EN 13155:2020+A1:2025, EN 13204:2025, EN 13852-1:2025, EN 14439:2025, EN 15180:2025, EN 15895:2025, EN 15955-2:2025, EN 17076:2020+A1:2025, EN 17639:2025, EN 17744:2025 u EN 17923:2025. Għalhekk jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards u l-emendi tagħhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati li jagħtu preżunzjoni tal-konformità mad-Direttiva 2006/42/KE. Biex ikun żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati biex jappoġġaw id-Direttiva 2006/42/KE jiġu elenkati f’att wieħed, ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN 81-43:2025, EN 415-2:2025, EN 415-8:2025, EN 1459-1:2025, EN 1459-4:2020+A1:2025, EN 1459-5:2020+A1:2025, EN 12312-15:2020+A2:2025, EN 12965:2019+A1:2025, EN 12999:2020+A1:2025, EN 13001-3-1:2025, EN 13155:2020+A1:2025, EN 13204:2025, EN 13852-1:2025, EN 14439:2025, EN 15180:2025, EN 15895:2025, EN 15955-2:2025, EN 17076:2020+A1:2025, EN 17639:2025, EN 17744:2025 u EN 17923:2025 jenħtieġ li jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(11)

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN 81-43:2009, EN 415-8:2008, EN 1459-1:2017, EN 1459-5:2020, EN 12312-15:2006+A1:2009, EN 12965:2019, EN 12999:2020, EN 13001-3-1:2012+A2:2018, EN 13155:2003+A2:2009, EN 13204:2016, EN 13852-1:2013, EN 14439:2006+A2:2009, EN 15895:2011+A1:2018, EN 15954-2:2013 u EN 15955-2:2013 jeħtieġ jiġu rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għax dawn ġew riveduti jew emendati. Għalhekk jixraq li dawk ir-referenzi jitħassru mill-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586.

(12)

Biex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien ħalli jadattaw il-makkinarju tagħhom kopert bl-istandards armonizzati EN 81-43:2009, EN 415-8:2008, EN 1459-1:2017, EN 1459-5:2020, EN 12312-15:2006+A1:2009, EN 12965:2019, EN 12999:2020, EN 13001-3-1:2012+A2:2018, EN 13155:2003+A2:2009, EN 13204:2016, EN 13852-1:2013, EN 14439:2006+A2:2009, EN 15895:2011+A1:2018, EN 15954-2:2013 jew EN 15955-2:2013, l-irtirar tar-referenzi ta’ dawk l-istandards armonizzati jeħtieġ jiġi differit.

(13)

Peress li l-istandard armonizzat EN 474-1:2022, b’dispożizzjonijiet ġenerali tas-sikurezza għall-gafef, li r-referenza tiegħu ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586, fih nuqqas editorjali għad-detriment tal-manifatturi li setgħu implimentaw kunċetti ta’ limitazzjoni tat-tagħbija massima inerentement sikuri, il-Kummissjoni jidhirilha li din il-kwistjoni jeħtieġ tiġi indirizzata. Jiġifieri, il-valuri fil-klawżoli 4.12.7.2 u 4.12.7.3 tagħha jridu jiġu speċifikati b’mod aktar preċiż biex il-valuri xierqa jkunu jistgħu jiġu applikati għall-finijiet tal-preżunzjoni tal-konformità.

(14)

L-istandard armonizzat EN 1501-5:2021, għas-sikurezza tal-apparati għall-irfigħ tal-vetturi għall-ġbir tal-iskart, li r-referenza tiegħu ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586, ġie vvalutat ulterjorment mill-Kummissjoni, flimkien mal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Makkinarju, nhar is-7 ta’ Novembru 2025. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard armonizzat EN 1501-5:2021 ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punti 1.1.7., 1.2.1. u 1.5.11. tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. Jiġifieri, fir-rigward tal-punt 1.1.7. ta’ dak l-Anness, l-istandard armonizzat EN 1501-5:2021 ma jiżgurax li meta l-makkinarju nnifsu jagħti lok għal ambjent perikoluż, se jkunu pprovduti mezzi adegwati biex l-operatur ikun protett minn kull periklu prevedibbli, b’mod partikolari li jitħabbel fil-mekkaniżmu tal-irfigħ waqt kompiti prevedibbli bħat-tneħħija tal-materjal imxerred jew it-tagħbija manwali ta’ skart ta’ daqs eċċessiv, b’mod partikolari meta l-makkinarju jkun f’modalità awtomatika. Fir-rigward tal-punt 1.2.1. ta’ dak l-Anness, l-istandard armonizzat EN 1501-5:2021 ma jiżgurax is-sikurezza u l-affidabbiltà tas-sistemi tal-kontroll, b’mod partikolari li żball uman raġonevolment prevedibbli waqt it-tħaddim ma jwassalx għal sitwazzjonijiet perikolużi, u biex il-partijiet relatati mas-sikurezza tas-sistema tal-kontroll jitħaddmu b’mod koerenti għall-assemblaġġ kollu tal-makkinarju. Fir-rigward tal-punt 1.5.11. ta’ dak l-Anness, l-istandard armonizzat EN 1501-5:2021 ma jiżgurax li d-disinn u l-kostruzzjoni tal-makkinarju jkunu tali li r-radjazzjoni esterna ma tinterferix mat-tħaddim tiegħu.

(15)

Għalhekk, l-istandards armonizzati EN 474-1:2022 u EN 1501-5:2021 jenħtieġ li jinżammu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.

(16)

Instab żball fir-restrizzjoni tar-ringiela 622a, it-Tielet Parti, il-punt 2, tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586, fir-rigward tal-frażi “bħal siġar twal”, li tintuża bħala eżempju f’dik ir-restrizzjoni. Dak l-iżball jenħtieġ li jiġi kkoreġut b’effett retroattiv.

(17)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 jenħtieġ li tiġi emendata u kkoreġuta skont dan.

(18)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ dak l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-referenzi tal-istandards elenkati fit-Tielet Parti, il-punt 2, ir-ringieli 24a, 121, 126a, 266, 324a, 343, 405, 495, 495a, 502a, 513a, 622a, 671a u 681a, tal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni huma ippubblikati jew miżmuma f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjonijiet.”;

(2)

l-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Korrezzjoni għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586

Fir-restrizzjoni tar-ringiela 622a, it-Tielet Parti, il-punt 2, tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586, il-frażi “bħal siġar twal” għandha tinbidel bi “bħal friegħi twal”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2 għandu japplika mit-13 ta’ Jannar 2026.

Il-punt (1) tal-Anness għandu japplika mill-20 ta’ Jannar 2027.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)   ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/42/oj.

(3)  Id-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 207, 23.7.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/37/oj).

(4)  Id-Direttiva 2009/127/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li temenda d-Direttiva 2006/42/KE fir-rigward ta’ makkinarju għall-applikazzoni tal-pestiċidi (ĠU L 310, 25.11.2009, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/127/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1586 tas-26 ta’ Lulju 2023 dwar l-istandards armonizzati għall-makkinarju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 2.8.2023, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1586/oj).


ANNESS

Fit-Tielet Parti tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1586, il-punt 2 huwa emendat kif ġej:

(1)

jitħassru r-ringieli 5, 18, 113, 115, 301, 365, 368, 372, 401, 403, 437, 457, 509, 511 u 512;

(2)

jitħassru r-ringieli 24 u 126;

(3)

jiddaħħlu r-ringieli li ġejjin f’ordni sekwenzjali:

“5 – a.

EN 81-43:2025

Regoli tas-sikurezza għall-kostruzzjoni u għall-istallazzjoni ta’ lifts – Lifts speċjali għat-trasport ta’ persuni u oġġetti – Parti 43: Lifts għall-krejnijiet”;

“13a.

EN 415-2:2025

Sikurezza tal-magni tal-ippakkjar – Parti 2: Magni tal-ippakkjar għal kontejners riġidi ffurmati minn qabel”;

“18a.

EN 415-8:2025

Sikurezza tal-magni tal-ippakkjar – Parti 8: Magni li jorbtu l-ippakkjar biċ-ċineg”;

“24a.

EN 474-1:2022

Gafef – Sikurezza – Parti 1: Rekwiżiti ġenerali

Restrizzjoni: Għall-fini tal-preżunzjoni tal-konformità ta’ dan l-istandard armonizzat, il-valur fil-klawżola 4.12.7.2 tiegħu “f’125 % ta’ Q1 u Q2” għandu jinqara bħala “mqar 100 % jew sa valur ta’ 125 % ta’ Q1 u Q2 sakemm il-magna ttestjata tkun tista’ tabilħaqq tikseb tagħbija ogħla”, u l-valur fil-klawżola 4.12.7.3 tiegħu “f’110 % ta’ Q1 u Q2” għandu jinqara bħala “mqar 100 % jew sa valur ta’ 110 % ta’ Q1 u Q2 sakemm il-magna ttestjata tkun tista’ tabilħaqq tikseb tagħbija ogħla”;

“113a.

EN 1459-1:2025

Trakkijiet li jaħdmu fuq art imħarbta – Rekwiżiti tas-sikurezza u ta’ verifika – Parti 1: Trakkijiet b’mezzi ta’ lħuq varjabbli”;

“114a.

EN 1459-4:2020+A1:2025

Trakkijiet li jaħdmu fuq art imħarbta – Rekwiżiti tas-sikurezza u ta’ verifika – Parti 4: Rekwiżiti addizzjonali għat-trakkijiet li jilħqu distanzi li jvarjaw u li jerfgħu tagħbijiet sospiżi liberament”;

“115a.

EN 1459-5:2020+A1:2025

Trakkijiet li jaħdmu fuq art imħarbta – Rekwiżiti tas-sikurezza u ta’ verifika – Parti 5: Interfaċċa tat-tqabbid”;

“126a.

EN 1501-5:2021

Vetturi għall-ġbir tal-iskart – Rekwiżiti ġenerali u rekwiżiti tas-sikurezza – Parti 5: Tagħmir tal-irfigħ għal vetturi għall-ġbir tal-iskart

Restrizzjoni: Dan l-istandard armonizzat ma jfissirx preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti stabbiliti: fil-punt 1.1.7. tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, li jeżiġi li l-makkinarju jkun iddisinjat u mibni b’tali mod li jipprovdi mezzi adegwati biex ikun żgurat li l-operatur ikollu kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u jkun protett mill-perikli prevedibbli; fil-punt 1.2.1. ta’ dak l-Anness, li jeżiġi li s-sikurezza u l-affidabbiltà tas-sistemi tal-kontroll ikunu japplikaw b’mod koerenti għall-assemblaġġ kollu tal-makkinarju, b’mod partikolari f’każ ta’ żball uman raġonevolment prevedibbli waqt it-tħaddim, biex dan ma jwassalx għal sitwazzjonijiet perikolużi; fil-punt 1.5.11. ta’ dak l-Anness, li jeżiġi li l-makkinarju kollu jkun iddisinnjat u mibni b’tali mod li r-radjazzjoni esterna ma tinterferix mat-tħaddim tiegħu.”;

“301a.

EN 12312-15:2020+A2:2025

Tagħmir ibbażat fuq l-art li jappoġġa lill-ajruplani – Rekwiżiti speċifiċi – Parti 15: Tratturi għall-valiġġi u għat-tagħmir”;

“365a.

EN 12965:2019+A1:2025

Tratturi u makkinarju għall-agrikoltura u għall-forestrija – Xaftijiet li jiġġeneraw l-enerġija (PTO) u l-irpari tagħhom – Sikurezza”;

“368a.

EN 12999:2020+A1:2025

Krejnijiet – Krejnijiet li jgħabbu”;

“372a.

EN 13001-3-1:2025

Krejnijiet – Disinn Ġenerali – Parti 3-1: Kondizzjoni ta’ struttura li ma taqbiżx il-limiti tad-disinn tagħha u prova ta’ kompetenza tal-istruttura tal-azzar”;

“401a.

EN 13155:2020+A1:2025

Krejnijiet – Sikurezza – Aċċessorji mhux fissi għall-irfigħ ta’ tagħbijiet”;

“403a.

EN 13204:2025

Għodod tas-salvataġġ idrawliċi b’ċilindru li jopera f’żewġ direzzjonijiet biex jintużaw f’każijiet ta’ ħruq u salvataġġ – Rekwiżiti tas-sikurezza u tal-operat”;

“437a.

EN 13852-1:2025

Krejnijiet – Krejnijiet li joperaw ’il barra mill-kosta – Part 1: Krejnijiet għal skopijiet ġenerali li joperaw ’il barra mill-kosta”;

“457a.

EN 14439:2025

Krejnijiet – Krejnijiet torri”;

“494a.

EN 15180:2025

Magni tal-ipproċessar tal-ikel – Magni awtomatiċi li jaqsmu d-dahar ta’ karkassi fil-biċċerija – Rekwiżiti tas-sikurezza u tal-iġjene”;

“509a.

EN 15895:2025

Għodod tal-idejn għat-twaħħil u l-immarkar iebes, attwati bil-porvli – Rekwiżiti tas-sikurezza”;

“512a.

EN 15955-2:2025

Applikazzjonijiet għall-ferroviji – Linji – Magni li jiżżarmaw, trejlers u tagħmir li għandu x’jaqsam magħhom – Parti 2: Rekwiżiti ġenerali tas-sikurezza”;

“563a.

EN 17076:2020+A1:2025

Krejnijiet torri – Sistemi kontra l-ħabtiet – Rekwiżiti tas-sikurezza”;

“572 – a.

EN 17639:2025

Sikurezza tal-makkinarju – Installazzjonijiet tal-cableways iddisinjati għat-trasport ta’ materjal u ta’ persuni magħżulin apposta – Rekwiżiti ġenerali tas-sikurezza”;

“572b.

EN 17744:2025

Magni agrikoli u tal-forestrija – Rekwiżiti ambjentali għall-magni tarraba”;

“573 – a.

EN 17923:2025

Tagħmir għall-kultivazzjoni tad-dwieli u għall-produzzjoni tal-inbid – Sikurezza – Pompi tal-ħsad tal-most u tal-għeneb”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/546/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)