European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/533

12.3.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/533

tal-11 ta’ Marzu 2026

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut tal-istatistika bejn is-sistemi ta’ kull xahar bl-użu ta’ data mill-Eurodac, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ skont l-Artikolu 12(3) ta’ dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika sabiex jiġu applikati b’mod effettiv ir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE u sabiex jiġu identifikati ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi b’soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1358 jistabbilixxi s-sistema magħrufa bħala “Eurodac” sabiex, fost l-oħrajn, tassisti fil-kontroll tal-immigrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni, u tappoġġa t-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza permezz tal-produzzjoni tal-istatistika.

(2)

Għal dawk il-finijiet, l-istatistika bejn is-sistemi ta’ kull xahar għandha tiġi prodotta bl-użu ta’ data mill-Eurodac, mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES, Entry/Exit System) stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2024/1358, wieħed mill-finijiet tal-Eurodac huwa li tappoġġa t-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza permezz tal-produzzjoni tal-istatistika.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-kisba ta’ dik il-fini huwa meħtieġ li titfassal statistika li tirrifletti s-sitwazzjoni migratorja u l-flussi migratorji fl-Unjoni, inkluża data statistika dwar movimenti sekondarji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li jiġu mmonitorjati u antiċipati l-flussi migratorji lejn l-Unjoni u fi ħdanha kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(5)

Sabiex tiġi riċevuta informazzjoni aktar preċiża dwar ir-rotot migratorji u l-mezzi użati għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri, huwa meħtieġ li titfassal statistika dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu waslu fi Stat Membru b’viża valida jew skaduta, inkluża viża għal soġġorn twil, u li mbagħad ikunu applikaw għall-protezzjoni internazzjonali. Għall-istess fini, huwa meħtieġ ukoll li titfassal statistika dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li nċaħditilhom il-viża qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża viża għal soġġorn twil, u l-għadd ta’ applikanti li kellhom il-viża tagħhom revokata jew annullata jew li kellhom il-viża tagħhom għal soġġorn twil revokata, annullata jew irtirata.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1358, fini ieħor tal-Eurodac huwa li tassisti fil-kontroll tal-migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-kisba ta’ dik il-fini, inkluża l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari lejn it-territorju tal-Unjoni, u fi ħdanu, huwa meħtieġ li titfassal statistika dwar l-għadd ta’ persuni li jkunu waslu fi Stat Membru b’viża valida, inkluża viża għal soġġorn twil iżda li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet relatati mat-tul tas-soġġorn awtorizzat tagħhom; l-għadd ta’ persuni li nċaħditilhom viża qabel ma nstabu li kienu qed joqogħdu illegalment fi Stat Membru, inkluża viża għal soġġorn fit-tul; l-għadd ta’ persuni li kellhom il-viża tagħhom revokata jew annullata jew il-viża tagħhom għal soġġorn fit-tul revokata, annullata jew irtirata; l-għadd ta’ persuni li nċaħditilhom l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali u li sussegwentement applikaw għal viża, inkluża viża għal soġġorn twil jew awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar. Bl-istess mod, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita statistika dwar l-għadd ta’ persuni li jirrisjedu irregolarment fi Stat Membru li kienu rrifjutati l-permess ta’ residenza jew li l-permess ta’ residenza tagħhom kien ġie rrevokat, annullat jew irtirat qabel ma ġie kkonstatat li jirrisjedu irregolarment fi Stat Membru.

(7)

Għal dik il-fini, u speċjalment biex tingħata assistenza fid-determinazzjoni tal-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi b’soġġorn illegali, huwa meħtieġ li titfassal statistika dwar l-għadd ta’ persuni maqbuda b’rabta ma’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna tal-Unjoni u l-għadd ta’ persuni żbarkati wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ li tkun inċaħditilhom il-viża qabel ma nqabdu jew żbarkaw, inkluża viża għal soġġorn twil, li jkun inċaħdilhom id-dħul jew l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar qabel ma nqabdu jew żbarkaw jew li jkunu ġew irreġistrati ħerġin mill-Unjoni.

(8)

Sabiex jinftiehem aħjar il-kuntest li fih issir applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru u biex jiġi appoġġat it-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza, huwa meħtieġ li titfassal statistika dwar l-għadd ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li ġew irrifjutati permess ta’ residenza jew li kellhom il-permess ta’ residenza tagħhom revokat, annullat jew irtirat qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali. Huwa wkoll meħtieġ li titfassal statistika dwar l-għadd ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li, wara li tinċaħad l-applikazzjoni tagħhom, jitolbu viża, viża għal soġġorn twil jew awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

(9)

Sabiex jiġi identifikat il-fenomenu tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sakemm jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet tagħhom u mbagħad jirritornaw sussegwentement fit-territorju tal-Unjoni, u biex jiġi appoġġat it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza fir-rigward tal-funzjonament kemm tas-sistema tal-ażil tal-Unjoni kif ukoll tas-sistemi nazzjonali tal-ażil, huwa meħtieġ li titfassal statistika dwar l-għadd ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu ġew irreġistrati li joħorġu mill-Unjoni u mbagħad jirritornaw fit-territorju tal-Unjoni.

(10)

Sabiex tiġi prodotta statistika bejn is-sistemi bl-użu ta’ data mill-Eurodac u mill-VIS, mill-ETIAS jew mill-EES, huwa meħtieġ li dawk is-sistemi jibdew joperaw. Għal dak l-għan, huwa meħtieġ ukoll li r-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità (CIR) u d-detettur ta’ identitajiet multipli (MID), stabbiliti bir-Regolament (UE) 2019/817 (6) u bir-Regolament (UE) 2019/818 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rispettivament, jibdew joperaw ukoll. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar l-istatistika bl-użu ta’ data minn sistema jibdew japplikaw fid-data minn meta dik is-sistema tibda topera, dment li s-CIR u l-MID ikunu operazzjonali.

(11)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ta opinjoni fl-1 ta’ Awwissu 2025.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 56(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358,

(13)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tar-Renju tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Renju tad-Danimarka mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, b’ittra tal-21 ta’ Ġunju 2024, ix-xewqa tagħha li taċċetta u tkun marbuta bir-Regolament (UE) 2024/1358. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2100 (9) ikkonfermat din il-parteċipazzjoni. Għalhekk, l-Irlanda qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan l-att,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-eu-LISA għandha tfassal statistika ta’ kull xahar, diżaggregata skont l-Istat Membru, l-età, is-sess u n-nazzjonalità, li tindika l-għadd ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358, li tkun ittieħdet id-data bijometrika tagħhom f’konformità mal-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-Regolament, li:

(a)

ingħataw viża, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(b)

ġew irrifjutati viża, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(c)

kellhom il-viża tagħhom revokata jew annullata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(d)

ingħataw viża għal soġġorn twil, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22c tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(e)

ġew irrifjutati viża għal soġġorn twil,kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22d tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(f)

kellhom il-viża tagħhom revokata jew annullata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22e tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(g)

ingħataw permess ta’ residenza, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22c tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(h)

ġew irrifjutati permess ta’ residenza, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22d tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(i)

kellhom il-permess ta’ residenza tagħhom revokat, annullat jew irtirat, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22e tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(j)

ġew irreġistrati meta daħlu fil-fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16 jew 17 tar-Regolament (UE) 2017/2226, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(k)

ġew irreġistrati meta ħarġu minn fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16 jew 17 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(l)

inċaħdilhom id-dħul fi fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(m)

ikunu persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16(4) jew 17(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(n)

ingħataw awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(o)

ingħataw awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 44(6) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(p)

ġew irrifjutati awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 39(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel ma applikaw għall-protezzjoni internazzjonali;

(q)

kellhom l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom revokata jew annullata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1240.

2.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (d) u (g), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru, l-awtorità u l-post li jinsabu fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-VIS.

3.   Fejn applikabbli, id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (n) u (o), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru kif tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni tal-ETIAS.

4.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b), (e), (h) u (p), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-rifjut li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

5.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (c) u (q), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-revoka jew l-annullament li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

6.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (f) u (i), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-revoka, l-annullament jew l-irtirar li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS.

7.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (j) u (k), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u l-punt ta’ qsim tal-fruntiera li jinsabu fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ tal-EES.

8.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (l) għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru, il-punt ta’ qsim tal-fruntiera u r-raġunijiet għar-rifjut li jinsabu fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ tal-EES.

Artikolu 2

1.   L-eu-LISA għandha tfassal statistika ta’ kull xahar, diżaggregata skont l-Istat Membru, l-età, is-sess u n-nazzjonalità, li tindika l-għadd ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358 u li għalihom tkun ġiet irreġistrata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(2), il-punt (j), tar-Regolament (UE) 2024/1358, li:

(a)

talbu viża, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, wara li jkunu ġew irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 17(2), il-punt (j), tar-Regolament (UE) 2024/1358;

(b)

talbu viża għal soġġorn twil, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22a(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, wara li jkunu ġew irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 17(2), il-punt (j), tar-Regolament (UE) 2024/1358;

(c)

talbu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, wara li jkunu ġew irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 17(2), il-punt (j), tar-Regolament (UE) 2024/1358.

2.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru li tinsab fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

Artikolu 3

1.   L-eu-LISA għandha tfassal statistika ta’ kull xahar, diżaggregata skont l-Istat Membru, l-età, is-sess u n-nazzjonalità, li tindika l-għadd ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358 li:

(a)

ġew irrifjutati viża, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma nqabdu b’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna;

(b)

kellhom il-viża tagħhom revokata jew annullata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(c)

ġew irrifjutati viża għal soġġorn twil, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22d tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma nqabdu b’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna;

(d)

kellhom il-viża tagħhom għal soġġorn twil revokata, annullata jew irtirata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22e tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(e)

inċaħdilhom id-dħul fi fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226, qabel ma nqabdu b’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna;

(f)

ġew irreġistrati meta ħarġu minn fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16 jew 17 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(g)

ġew irrifjutati awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 39(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel ma nqabdu b’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal- fruntiera esterna;

(h)

ingħataw awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 44(6) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel ma nqabdu b’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna;

(i)

kellhom l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom revokata jew annullata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1240.

2.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b), (e), (h) u (p), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-rifjut li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

3.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (f), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u l-punt ta’ qsim tal-fruntiera li jinsabu fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ tal-EES.

4.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru, il-punt ta’ qsim tal-fruntiera u r-raġunijiet għar-rifjut li jinsabu fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ tal-EES.

5.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (i), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-revoka jew l-annullament li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

6.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-revoka, l-annullament jew l-irtirar li jinsabu fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-VIS.

7.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (h), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni tal-ETIAS.

Artikolu 4

1.   L-eu-LISA għandha tfassal statistika ta’ kull xahar, diżaggregata skont l-Istat Membru, l-età, is-sess u n-nazzjonalità, li tindika l-għadd ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358 li:

(a)

ingħataw viża, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(b)

inċaħditilhom viża, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(c)

kellhom il-viża tagħhom revokata jew annullata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(d)

ingħataw viża għal soġġorn twil, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22c tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(e)

ġew irrifjutati viża għal soġġorn twil, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22d tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(f)

kellhom il-viża tagħhom għal soġġorn twil revokata, annullata jew irtirata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22e tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(g)

ingħataw permess ta’ residenza, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22c tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(h)

ġew rrifjutati permess ta’ residenza, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22d tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(i)

kellhom il-permess ta’ residenza tagħhom revokat, annullat jew irtirat, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22e tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(j)

ġew irreġistrati meta daħlu fi fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16 jew 17 tar-Regolament (UE) 2017/2226, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(k)

ġew irreġistrati meta ħarġu minn fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16 jew 17 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(l)

inċaħdilhom id-dħul fi fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(m)

huma persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(n)

ingħataw awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(o)

ingħataw awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 44(6) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(p)

ġew irrifjutati awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 39(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel ma nstabu jirrisjedu illegalment fi Stat Membru;

(q)

kellhom l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom revokata jew annullata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1240.

2.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (d) u (g), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru, l-awtorità u l-post li jinsabu fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-VIS.

3.   Fejn applikabbli, id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (n) u (o), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni tal-ETIAS.

4.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b), (h) u (p), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-rifjut li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

5.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (c) u (q), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-revoka jew l-annullament li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

6.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (f) u (i), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-revoka, l-annullament jew l-irtirar li jinsabu fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-VIS.

7.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (j) u (k), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u l-punt ta’ qsim tal-fruntiera li jinsabu fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ tal-EES.

8.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għall-irtirar kif tinsab fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-VIS.

9.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (l), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru, il-punt ta’ qsim tal-fruntiera u r-raġunijiet għar-rifjut li jinsabu fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ tal-EES.

Artikolu 5

1.   L-eu-LISA għandha tfassal statistika ta’ kull xahar, diżaggregata skont l-Istat Membru, l-età, is-sess u n-nazzjonalità, li tindika l-għadd ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2024/1358 li:

(a)

inċaħditilhom viża, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel l-iżbark;

(b)

kellhom il-viża tagħhom revokata jew annullata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(c)

inċaħditilhom viża għal soġġorn twil, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22d tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, qabel l-iżbark;

(d)

kellhom il-viża tagħhom għal soġġorn twil revokata, annullata jew irtirata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 22e tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(e)

inċaħdilhom id-dħul fi fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226, qabel l-iżbark;

(f)

ġew irreġistrati meta ħarġu minn fruntiera esterna li fiha titħaddem l-EES, kif indikat fir-rekord tad-dħul u tal-ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16 jew 17 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(g)

ikunu ġew irrifjutati awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 39(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel l-iżbark;

(h)

ingħataw awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar b’validità territorjali limitata, kif indikat fil-fajl tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 44(6) tar-Regolament (UE) 2018/1240, qabel l-iżbark;

(i)

l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom ġiet revokata jew annullata.

2.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b), (e), (h) u (p), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-rifjut kif tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

3.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (f), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u l-punt ta’ qsim tal-fruntiera li jinsabu fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ tal-EES.

4.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (i), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-revoka jew l-annullament li jinsabu fil-fajl tal-applikazzjoni tal-VIS jew tal-ETIAS.

5.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru u r-raġunijiet għar-revoka, l-annullament jew l-irtirar li jinsabu fil-fajl ta’ applikazzjoni tal-VIS.

6.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (h), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni tal-ETIAS.

7.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), għandha tiġi diżaggregata wkoll skont l-Istat Membru, il-punt ta’ qsim tal-fruntiera u r-raġunijiet għar-rifjut li jinsabu fir-rekord tad-dħul u l-ħruġ tal-EES.

Artikolu 6

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mit-12 ta’ Ġunju 2026.

2.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 5 relatati mal-istatistika bl-użu ta’ data mill-EES għandhom japplikaw mid-data, li tiġi l-aħħar waħda mid-dati li ġejjin:

(a)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(b)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2019/818;

(c)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 72(4) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68(4) tar-Regolament (UE) 2019/818.

3.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 5 relatati mal-istatistika bl-użu ta’ data mill-ETIAS għandhom japplikaw mid-data, li tiġi l-aħħar waħda mid-dati li ġejjin:

(a)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 88(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240;

(b)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2019/818;

(c)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 72(4) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68(4) tar-Regolament (UE) 2019/818.

4.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 5 relatati mal-istatistika bl-użu ta’ data mill-VIS għandhom japplikaw mid-data, li tiġi l-aħħar waħda mid-dati li ġejjin:

(a)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(b)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2019/818;

(c)

id-data ddeterminata skont l-Artikolu 72(4) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 68(4) tar-Regolament (UE) 2019/818.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/1358, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1358/oj.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/767/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2226/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/817/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/818/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2100 tal-31 ta’ Lulju 2024 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil ta’ data bijometrika (ĠU L, 2024/2100, 2.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2100/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1134/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/533/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)