|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/529 |
5.3.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/529
tal-5 ta’ Marzu 2026
li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/450/PESK tal-10 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/423/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK. |
|
(2) |
Fl-24 ta’ Frar 2026, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1591(2005) żied erba’ persuni mal-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni 2014/450/PESK jenħtieġ li għalhekk tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/450/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-datatal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
N. IOANNIDES
(1) ĠU L 203, 11.7.2014, p. 106, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/450/oj.
ANNESS
Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:
|
“7. |
GEDO Hamdan Ahmed Psewdonimu: Abu Nashuk Deżinjazzjoni: Kmandant għat-taqsima tat-Tramuntana tad-Darfur tal-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu. Nazzjonalità: Sudaniża. Sess: Raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: l-24 ta’ Frar 2026. Raġuni għall-elenkar: Gedo Hamdan Ahmed ġie elenkat fl-24 ta’ Frar 2026 skont il-paragrafu 3(c) tar-riżoluzzjoni 1591 (2005). Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet: Gedo Hamdan Ahmed, jew Abu Nashuk, Logutenent Ġeneral u Viċi Kmandant tal-RSF, qed jiġi deżinjat għall-involviment f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tad-Darfur, inkluż atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Abu Nashuk kien wieħed mis-sitt ġenerali tal-RSF preżenti f’El Fasher, fit-Tramuntana tad-Darfur fis-26 ta’ Ottubru 2025 u deher f’filmati flimkien ma’ Abdul Rahim Hamdan Dagalo, Viċi Kmandant tal-RSF. F’din id-data l-RSF wettqu atroċitajiet inkluż il-qtil tal-massa ta’ persuni ċivili fl-università ta’ El Fasher u l-isptar Sawdi, u l-isparar lejn il-Majjistral tad-Darfur. Il-vjolenza f’El Fasher kienet tinkludi wkoll l-eżekuzzjonijiet immirati etnikament ta’ Zaghawa u gruppi oħra mhux Għarab. Hemm rapporti ta’ vjolenza sesswali mifruxa inkluż stupru minn gruppi organizzati quddiem il-qraba, u vjolenza sesswali oħra abbażi tal-ġeneru. Huwa rrappurtat li t-truppi tal-RSF qed iżommu lil persunal mediku ostaġġ għal riskatt, u li ħatfu erba’ tobba, spiżjar u infermiera għal riskatt ta’ aktar minn $150 000. L-avvenimenti f’El Fasher allegatament spostaw 70 000 persuna mis-26 ta’ Ottubru 2025, b’persuni ċivili li baqgħu maqbuda jew nieqsa, jew miżmuma mill-RSF ġewwa l-belt. |
|
8. |
DAGALO, Abdul Rahim Hamdan Deżinjazzjoni: Viċi Mexxej tal-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF). Data tat-twelid: l-1 ta’ Jannar 1972. Post tat-twelid: Khartoum, Sudan. Nazzjonalità: Sudaniża. Sess: Raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: l-24 ta’ Frar 2026. Raġuni għall-elenkar: Abdul Rahim Hamdan Dagalo ġie elenkat fl-24 ta’ Frar 2026 skont il-paragrafu 3(c) tar-riżoluzzjoni 1591 (2005). Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet: Abdul Rahim Hamdan Dagalo, Viċi Kmandant tal-RSF u ħu l-Kmandant tal-RSF, Mohamed Hamdan ‘Hemedti’ Dagalo, qed jiġi deżinjat għall-involviment f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tad-Darfur, inkluż atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Dagalo ġie identifikat li kien preżenti fil-bażi tas-Sitt Diviżjoni tal-Infanterija tal-SAF f’El Fasher, fit-Tramuntana tad-Darfur fis-26 ta’ Ottubru 2025, u li ssorvelja l-operazzjonijiet fil-jum tat-teħid ta’ kontroll ta’ El Fasher mill-RSF. Filmat maħsub li huwa ta’ Dagalo jurih jagħti ordnijiet diretti lill-ġellieda tiegħu biex ma jieħdux priġunieri iżda biex joqtlu lil kulħadd. Dagalo qabel kien deskritt bħala li għandu rwol ewlieni f’ħafna mill-offensivi li l-militar u l-RSF wettqu fir-reġjuni tal-fruntiera tas-Sudan, u jitqies bħala l-kmandant fil-kontroll tal-RSF. Fis-26 ta’ Ottubru, l-RSF wettqu atroċitajiet inkluż il-qtil tal-massa ta’ persuni ċivili fl-università ta’ El Fasher u l-isptar Sawdi, u l-isparar lejn il-Majjistral tad-Darfur. Il-vjolenza f’El Fasher kienet tinkludi wkoll l-eżekuzzjonijiet immirati etnikament ta’ Zaghawa u gruppi oħra mhux Għarab. Hemm rapporti ta’ vjolenza sesswali mifruxa inkluż stupru minn gruppi organizzati quddiem il-qraba, u vjolenza sesswali oħra abbażi tal-ġeneru. Huwa rrappurtat li t-truppi tal-RSF qed iżommu lil persunal mediku ostaġġ għal riskatt, u li ħatfu erba’ tobba, spiżjar u infermiera għal riskatt ta’ aktar minn $150 000. L-avvenimenti f’El Fasher allegatament spostaw 70 000 persuna mis-26 ta’ Ottubru 2025, b’ċivili li baqgħu maqbuda jew nieqsa, jew miżmuma mill-RSF ġewwa l-belt. |
|
9. |
AL-FATEH, Abdullah Idris Psewdonimu: Abu Lulu Deżinjazzjoni: Brigadier Ġeneral tal-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu. Nazzjonalità: Sudaniża. Sess: Raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: l-24 ta’ Frar 2026. Raġuni għall-elenkar: Al-Fateh Abdullah Idris ġie elenkat fl-24 ta’ Frar 2026 skont il-paragrafu 3(c) tar-riżoluzzjoni 1591 (2005). Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet: Al-Fateh Abdullah Idris, magħruf bħala Abu Lulu, Brigadier Ġeneral tal-RSF, qed jiġi deżinjat għall-involviment f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tad-Darfur, inkluż atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Fis-26 ta’ Ottubru, l-RSF wettqu atroċitajiet inkluż il-qtil tal-massa ta’ persuni ċivili fl-università ta’ El Fasher u l-isptar Sawdi, u l-isparar lejn il-Majjistral tad-Darfur. Abu Lulu huwa magħruf bħala l-‘Biċċier ta’ El Fasher’, awtur ewlieni tal-vjolenza f’El Fasher fis-26 ta’ Ottubru. Huwa ta ordnijiet lill-ġellieda tiegħu biex joqtlu persuni innoċenti, u filmat jurih jesegwixxi persuni ċivili u jiftaħar bil-qtil ta’ aktar minn 2 000 persuna. Xi filmati ttieħdu u ġew ippubbliċizzati mill-RSF stess, u Abu Lulu ffilmja lilu nnifsu jitbissem u joqtol persuni waqt li kienu qed jittallbu għall-ħniena, kif ukoll filmati fejn jagħmel eżekuzzjonijiet immirati etnikament. Filmat jurih jispara fuq irġiel mhux armati u jippoża fost il-katavri biex juri n-nies li qatel. L-avvenimenti f’El Fasher allegatament spostaw 70 000 persuna mis-26 ta’ Ottubru 2025, b’ċivili li baqgħu maqbuda jew nieqsa, jew miżmuma mill-RSF ġewwa l-belt. |
|
10. |
MOHAMED, Tijani Ibrahim Moussa Psewdonimu: Al Zeir Salem Deżinjazzjoni: Kmandant ta’ operazzjonijiet militari tal-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu. Nazzjonalità: Sudaniża. Sess: Raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: l-24 ta’ Frar 2026. Raġuni għall-elenkar: Tijani Ibrahim Moussa Mohamed ġie elenkat fl-24 ta’ Frar 2026 skont il-paragrafu 3(c) tar-riżoluzzjoni 1591(2005). Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet: Tijani Ibrahim Moussa Mohamed (Al Zeir Salem), Kmandant ta’ operazzjonijiet militari tal-RSF, qed jiġi deżinjat għall-involviment f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tad-Darfur, inkluż atti ta’ vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Al Zeir Salem ġie identifikat bħala preżenti fil-bażi tas-Sitt Diviżjoni tal-Infanterija tal-SAF f'El Fasher, fit-Tramuntana tad-Darfur fis-26 ta’ Ottubru 2025, fil-jum tat-teħid ta’ kontroll mill-RSF. Huwa deher ukoll f’filmat f’din id-data li fih jista’ jidher jindirizza grupp kbir ta’ individwi detenuti f’ilbies pajżan. F’din id-data l-RSF wettqu atroċitajiet inkluż il-qtil tal-massa ta’ persuni ċivili fl-università ta’ El Fasher u l-isptar Sawdi, u l-isparar lejn il-Majjistral tad-Darfur. Il-vjolenza f’El Fasher kienet tinkludi wkoll l-eżekuzzjonijiet immirati etnikament ta’ Zaghawa u gruppi oħra mhux Għarab. Hemm rapporti ta’ vjolenza sesswali mifruxa inkluż stupru minn gruppi organizzati quddiem il-qraba, u vjolenza sesswali oħra abbażi tal-ġeneru. Huwa rrappurtat li t-truppi tal-RSF qed iżommu lil persunal mediku ostaġġ għal riskatt, u li ħatfu erba’ tobba, spiżjar u infermiera għal riskatt ta’ aktar minn $150 000. L-avvenimenti f’El Fasher allegatament spostaw 70 000 persuna mis-26 ta’ Ottubru 2025, b’persuni ċivili li baqgħu maqbuda jew nieqsa, jew miżmuma mill-RSF ġewwa l-belt”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/529/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)