European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/512

23.4.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/512

tat-23 ta’ April 2026

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk kien ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Frar 2024, il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa l-appoġġ kontinwu pprovdut mir-reġim Belarussu għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u appella lill-Belarussja biex toqgħod lura minn tali azzjoni u tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha.

(4)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b’rispons għall-involviment kontinwu tal-Belarussja fl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jixraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi addizzjonali.

(5)

B’mod partikolari, jixraq li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha billi telenka oġġetti li ntużaw mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u oġġetti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp jew il-produzzjoni tas-sistemi militari tal-Belarussja, inkluż oġġetti tal-ħġieġ tal-laboratorju, u ċerti lubrifikanti ta’ prestazzjoni għolja u l-addittivi tagħhom.

(6)

Jixraq ukoll li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tal-Belarussja, bħal sustanzi kimiċi, lastiku u lastiku vulkanizzat, artikli tal-azzar, għodda għall-produzzjoni tal-metall u tratturi industrijali.

(7)

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri restrittivi, huwa xieraq li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti u teknoloġija soġġetti għall-projbizzjoni fuq it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja.

(8)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu imposti restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-forniment lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha, jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom ta’ servizzi li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-Belarussja, b’mod partikolari l-forniment ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti.

(9)

Huwa xieraq ukoll li jiġi ristrett il-forniment ta’ servizzi direttament relatati mal-attivitajiet tat-turiżmu fil-Belarussja, b’mod partikolari dawk ikklassifikati fil-klassijiet 7471 u 7472 tal-Klassifikazzjoni Ċentrali tal-Prodotti kif stabbilit fl-Uffiċċju tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dokumenti dwar l-Istatistika, Serje M, Nru 77, CPC prov., 1991. Dan isir sabiex jitnaqqas id-dħul li l-Belarussja tikseb minn tali servizzi u biex tiġi skoraġġuta l-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ vjaġġar u rikreazzjoni mhux essenzjali fil-Belarussja, speċjalment f’kuntest fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni jiffaċċjaw riskju akbar ta’ arresti u detenzjoni arbitrarji, u fejn il-protezzjoni konsulari għal persuni b’ċittadinanza doppja hija limitata.

(10)

Huwa xieraq ukoll li tiġi introdotta eżenzjoni mir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi pprovduti lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha li mhumiex diġà soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK meta tali servizzi jkunu strettament meħtieġa għall-funzjonament ta’ rappreżentanza konsulari jew diplomatika tal-Belarussja li tinsab fi Stat Membru.

(11)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti li jippermettu lill-Belarussja tiddiversifika s-sorsi ta’ dħul tagħha, u b’hekk tippermetti l-involviment tagħha fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, inkluż fuq ċerta materja prima, metalli, ċerti minerali, ruttam tal-azzar u metalli oħra, sustanzi kimiċi, oġġetti tal-lastiku vulkanizzat u ġlud tal-pelliċċerija kkunzati.

(12)

Attwalment jistgħu jitressqu pretensjonijiet kontra kumpaniji tal-Unjoni li jikkonformaw ma’ miżuri restrittivi minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi għajr persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi Belarussi minn persuni għajr dawk elenkati fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK, jew persuni għajr dawk li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, pereżempju meta l-operaturi tal-Unjoni jwaqqfu l-provvista tagħhom lil persuni fiżiċi u ġuridiċi f’pajjiżi terzi, għajr il-Belarussi, ta’ prodotti li l-esportazzjoni tagħhom lejn il-Belarussja hija pprojbita., Għalhekk, huwa xieraq li jissaħħaħ il-qafas tal-Unjoni tal-miżuri restrittivi billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni dwar is-sodisfazzjon ta’ tali pretensjonijiet b’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni li t-twettiq tagħhom ġie affettwat, direttament jew indirettament, kollu kemm hu jew parzjalment, mill-miżuri restrittivi tal-Unjoni. .. Għalhekk, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar is-sodisfazzjon ta’ tali pretensjonijiet jiġi estiż ukoll biex ikopri pretensjonijiet imressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti f’pajjiżi terzi għajr il-Belarussja u pajjiżi sħab elenkati fl-anness rilevanti għal dik id-Deċiżjoni , fejn dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi qed jbigħu, ifornu, jittrasferixxu jew jesportaw oġġetti, teknoloġija jew servizzi li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont id-Deċiżjoni 2012/642/PESK, kemm jekk l-oġġetti, it-teknoloġija jew is-servizzi joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le.

(13)

Il-Bank Nazzjonali Belarussu wasal biex iniedi r-rublu diġitali Belarussu, li mistenni jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2026 u jintuża progressivament minn entitajiet kummerċjali, entitajiet statali u individwi, kif ukoll bejnhom u operaturi ta’ pajjiżi terzi. Filwaqt li l-proġett għadu fl-istadju preparatorju, ir-rublu diġitali huwa maħsub, inter alia, biex jipprovdi sistema ta’ pagamenti li tipproteġi lill-persuni Belarussi mill-effett tal-miżuri restrittivi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi imposta projbizzjoni fuq l-involviment, dirett jew indirett, fi kwalunkwe tranżazzjoni li tinvolvi munita diġitali tal-Bank Ċentrali tal-Belarussja jew fuq il-forniment ta’ kwalunkwe appoġġ għall-iżvilupp ta’ tali proġett. Huwa pprovdut ukoll perjodu limitat biex jippermetti t-terminazzjoni ordnata ta’ kuntratti eżistenti.

(14)

Miżuri reċenti meħuda mir-reġim Belarussu jinvolvu l-projbizzjoni ta’ operazzjonijiet għal ċerti fornituri barranin ta’ servizzi tal-kriptoassi, li jindikaw l-intenzjonijiet ta’ dak ir-reġim li jikkontrolla mill-qrib l-operat tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li joperaw f’ dak il-pajjiż. B’mod parallel, il-Belarussja qed tiżviluppa reġim regolatorju li jinvolvi sorveljanza mill-qrib mill-istat tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, b’riskji assoċjati li l-kriptoassi jintużaw mir-reġim biex jiġu evitati l-miżuri restrittivi tal-Unjoni. F’dawk iċ-ċirkostanzi, l-identifikazzjoni ta’ fornituri speċifiċi ta’ servizzi tal-kriptoassi bħala li jippermettu ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi ma tnaqqasx biżżejjed ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni, peress li r-reġim Belarussu jista’ juża lil fornituri oħra ta’ servizzi tal-kriptoassi taħt il-kontroll tiegħu għall-istess skopijiet illeċiti. Sabiex jiġi żgurat li l-kriptoassi ma jipprovdux kanal għaċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, huwa għalhekk xieraq li jiġu pprojbiti tranżazzjonijiet ma’ kwalunkwe fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi stabbilit fil-Belarussja jew ma’ kwalunkwe pjattaforma deċentralizzata stabbilita fil-Belarussja li tippermetti l-iskambju jew it-trasferiment ta’ kriptoassi.

(15)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1b huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 3a, 3b u 3c jitħassru;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3e.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2931, 2932, 4001, 4015, 4016, 6805, 7318, 7325, 8209, 8311, kif elenkat fl-Anness XVIII tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, li jkunu meħtieġa għall-eżekuzzjoni sal-25 ta’ Lulju 2026 ta’ kuntratti konklużi qabel l-24 ta’ April 2026, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“14b.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3403 19 80 kif elenkati fl-Anness XIX tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, esportati mill-Ungarija wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija huma destinati għall-Ażerbajġan.”

;

(d)

il-paragrafu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“15.   Meta jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet għall-finijiet inklużi fil-paragrafi 8, 10, 12, 13, 14 u 14a, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhom jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lil ebda persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari.”

;

(e)

il-paragrafu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“16.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 8, 10, 12, 13, 14, 14a jew 14b fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

;

(2)

fl-Artikolu 2c(4), il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja li huma proprjetà ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, jew ikkontrollati kompletament jew b’mod konġunt minnhom;”

;

(3)

fl-Artikolu 2d(4), il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja li huma proprjetà ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, jew ikkontrollati kompletament jew b’mod konġunt minnhom;”

;

(4)

l-Artikolu 2hc huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4b.   Għandu jkun ipprojbit, mill-25 ta’ Mejju 2026, li jiġu forniti, direttament jew indirettament, servizzi tas-sigurtà ġestiti lil:

(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha; jew

(b)

lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni tar-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha.

4c.   Għandu jkun ipprojbit li jiġu pprovduti servizzi direttament relatati ma’ attivitajiet turistiċi fil-Belarussja.”

;

(b)

fil-paragrafu 5, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

l-għoti dirett jew indirett ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mas-servizzi u s-software imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4b, lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp;

(b)

l-għoti dirett jew indirett ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mas-servizzi u mas-software msemmija fil-paragrafi 1 sa 4b, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati, lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp; jew”

;

(c)

il-paragrafu 5a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5a.   Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-forniment, dirett jew indirett, ta’ kwalunkwe servizz mhux kopert mill-paragrafi 1, 2, 3, 4a, 4b jew 4c, lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji pubbliċi tagħha. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, abbażi ta’ valutazzjoni speċifika u każ b’każ, il-forniment ta’ tali servizzi, b’tali kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa konsistenti mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni.”

;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5b.   Il-paragrafu 5a ma għandux japplika għall-forniment, direttament jew indirettament, ta’ servizzi mhux koperti mill-paragrafi 1, 2, 3, 4a, 4b jew 4c lil rappreżentanza konsulari jew diplomatika tal-Belarussja li tinsab fi Stat Membru, fejn dawk is-servizzi huma strettament meħtieġa għall-funzjonament ta’ dik ir-rappreżentanza.”

;

(e)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“10c.   Il-paragrafu 4c ma għandux japplika għall-eżekuzzjoni sal-25 ta’ Ġunju 2026 ta’ kuntratti konklużi qabel l-24 ta’ April 2026, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.”

;

(5)

fl-Artikolu 2n(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

persuna fiżika ta’ pajjiż terz li mhijiex nazzjonal Belarussu u kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti f’pajjiż terz għajr il-Belarussja, bl-eċċezzjoni ta’ pajjiżi sħab elenkati fl-Anness IVa ta’ din id-Deċiżjoni, li jbigħu, ifornu, jittrasferixxu jew jesportaw oġġetti, teknoloġija u servizzi, li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din id-Deċiżjoni, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a), (b), (c) jew (d) ta’ dan il-paragrafu jew għall-użu fil-Belarussja.”

;

(6)

fl-Artikolu 2ra, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“9e.   Fir-rigward tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2501, 2517, 2522, 2530, 2620, 2815, 2833, 2916, 2926, 4016, 7403, 7404, 7406 u 7610, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sal-25 ta’ Lulju 2026 ta’ kuntratti konklużi qabel l-24 ta’ April 2026, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.”

;

(7)

fl-Artikolu 2y(1a), jiżdiedu il-punti li ġejjin:

“(f)

meħtieġa biex jaslu l-pagamenti dovuti mill-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fl-Anness V skont kuntratti u l-obbligi mwettqa qabel l-24 ta’ April 2026.”;

(g)

strettament meħtieġa għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba assoċjati mal-forniment ta’ servizzi legali;

(h)

li huma meħtieġa għall-ħtiġijiet ta’ organizzazzjonijiet intermedji ffinanzjati mill-istat għall-politika kulturali barranija tal-Istati Membri fil-Belarussja.”

;

(8)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2za

1.   Għandu jkun ipprojbit l-involviment, direttament jew indirettament, fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jfittxu, jew jikkooperaw, fl-infurzar barra mill-Unjoni ta’ sentenzi li jissodisfaw il-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8h(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, jew ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma s-sidien ta’ dawk il-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi jew li jikkontrollawhom, bl-eċċezzjoni ta’ avukati u membri tal-ġudikatura, kif elenkati fl-Anness VII.

2.   Sakemm ma jkunux ipprojbiti mod ieħor, il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal tranżazzjonijiet li huma:

(a)

meħtieġa għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta’ prodotti farmaċewtiċi, mediċi jew agrikoli u tal-ikel, inkluż qamħ u fertilizzanti, li x-xiri, l-importazzjoni u t-trasport tagħhom huma permessi skont din id-Deċiżjoni;

(b)

meħtieġa strettament biex jiżguraw l-aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru, kif ukoll għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, dment li tali tranżazzjonijiet ikunu konsistenti mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

mingħajr preġudizzju għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, strettament meħtieġa biex jiġu rkuprati d-danni skont l-Artikolu 8h tar-Regolament (KE) Nru 765/2006.

Artikolu 2zb

Għandu jkun ipprojbit l-involviment, dirett jew indirett, fi kwalunkwe tranżazzjoni li tinvolvi l-kriptoassi jew il-muniti diġitali tal-bank ċentrali elenkati fl-Anness VIII, jew il-forniment ta’ kwalunkwe appoġġ għall-iżvilupp ta’ tali kriptoassi jew muniti diġitali tal-banek ċentrali.

Artikolu 2zc

1.   Għandu jkun ipprojbit l-involviment, dirett jew indirett, fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ persuna ġuridika, entità jew korp li hija entità li tipprovdi servizzi ta’ kriptoassi jew li hija pjattaforma li tippermetti l-iskambju jew it-trasferiment ta’ kriptoassi u hija stabbilita fil-Belarussja.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal tranżazzjonijiet:

(a)

li huma meħtieġa għall-funzjonament ta’ rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi sħab fil-Belarussja, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali;

(b)

magħmula minn ċittadini ta’ Stat Membru li huma residenti fil-Belarussja u li kienu hekk qabel l-24 ta’ Frar 2022.

“3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tapplika mill-25 ta’ Mejju 2026.”

(9)

l-Annessi huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/642/oj).


ANNESS

L-Annessi tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK huma emendati kif ġej:

(a)

fl-Anness IVa, l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“ANNESS IVa

Il-lista tal-pajjiżi msemmija fl-Artikoli 2n, 2u u 5d”;

(b)

jiżdiedu l-Annessi li ġejjin:

ANNESS VII

Persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 2za”

 

ANNESS VIII

Lista ta’ kriptoassi u muniti diġitali tal-bank ċentrali msemmija fl-Artikolu 2zb

Kriptoassi jew muniti diġitali tal-bank ċentrali

Dħul fis-seħħ

rublu Diġitali Belarussu

Il-25 ta’ Mejju 2026.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/512/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)