|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/499 |
5.3.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/499
tas-26 ta’ Frar 2026
li ġġedded il-perjodu tad-dritt għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda (1), u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2335 tat-28 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea min-naħa l-oħra, (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169. |
|
(2) |
Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (3) (il-“Protokoll”) anness mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (4) ,‘jistabbilixxi l-qafas li fi ħdanu l-Partijiet iridu jikkooperaw biex jiffaċilitaw l-iskambji rigward l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali, inkluż fis-settur awdjoviżiv. |
|
(3) |
Il-Protokoll b’mod eċċezzjonali jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal koproduzzjonijiet awdjoviżivi li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi li fil-prinċipju huwa riżervat għal pajjiżi li qed jiżviluppaw b’industriji awdjoviżivi li qed jiżviluppaw. |
|
(4) |
Skont dawk id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, wara l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, dak il-perjodu tad-dritt għandu jiġġedded għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma twaqqafx id-dritt b’avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ xi perjodu suċċessiv ieħor. F’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, il-perjodu tad-dritt iġġedded l-aħħar sat-30 ta’ Ġunju 2026, għax l-ebda Parti ma waqqfitu. L-effetti attwali tal-Protokoll fir-rigward ta’ ko-produzzjonijiet awdjoviżivi għandhom jiġu vvalutati fi żmien debitu mill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali u jservu bħala l-bażi għad-deċiżjoni tal-Unjoni dwar jekk id-dritt għandux jiġġedded għal perjodu ulterjuri ta’ tliet snin fl-2029. |
|
(5) |
F’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, il-Kummissjoni trid tavża lir-Repubblika tal-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma testendix il-perjodu tad-dritt tal-koproduzzjoni skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll bil-proċedura stabbilita fil-Protokoll ħlief jekk, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jaqbel erba’ xhur qabel jintemm dak il-perjodu tad-dritt li jkompli d-dritt. Jekk il-Kunsill jaqbel li jkompli d-dritt, dik il-proċedura trid terġa’ ssir applikabbli fi tmiem il-perjodu mġedded tad-dritt. |
|
(6) |
Fit-12 ta’ Diċembru 2025, il-Kumitat tal-Kooperazzjoni Kulturali vvaluta, f’konformità mal-Protokoll, ir-riżultati tal-implimentazzjoni tad-dritt f’termini ta’ tisħiħ tad-diversità kulturali u kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku fuq ix-xogħlijiet koprodotti. |
|
(7) |
Il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-Unjoni stabbilit skont il-Protokoll ġie kkonsultat dwar it-tiġdid tal-perjodu tad-dritt. |
|
(8) |
Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib, storika u unika bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Korea, u peress li l-koproduzzjonijiet awdjoviżivi bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea huma potenzjalment ta’ benefiċċju reċiproku mil-lat kemm ekonomiku kif ukoll kulturali, jenħtieġ li l-perjodu tad-dritt għall-produzzjonijiet awdjoviżivi konġunti li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni ta’ kontenut kulturali lokali/reġjonali kif previst fil-Protokoll jiġġedded. Dak id-dritt għandu wkoll il-potenzjal li ’ joħloq opportunitajiet addizzjonali għall-Istati Membri kollha, inkluż dawk li s’issa għadhom ma żviluppawx ko-produzzjonijiet b’mod bilaterali. |
|
(9) |
Din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri. B’mod partikolari, hija ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jikkonkludu ftehimiet ta’ koproduzzjonijiet, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-perjodu tad-dritt biex il-koproduzzjonijiet awdjoviżivi jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali, kif previst fl-Artikolu 5(4) sa (7) tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, għandu jiġġedded għal tliet snin, mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2029.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. DAMIANOS
(1) ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2169/oj.
(2) ĠU L 309, 30.11.2022, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2335/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/499/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)