|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/486 |
5.3.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/486
tal-4 ta’ Marzu 2026
li jemenda l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 rigward l-entrata għall-Malażja fil-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 232(3) tiegħu.
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li biex il-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali jidħlu fl-Unjoni, iridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew minn territorju, jew minn żona jew minn kompartiment tiegħu, elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jridu jkunu konformi magħhom il-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew minn territorji, jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, biex jidħlu fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, jew territorji, jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u tal-kategoriji partikolari tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali kkonċernati. Dawk il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw dawk il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(4) |
L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini. Il-Malażja hija elenkata f’dak l-Anness u assenjata lill-Grupp Sanitarju E. Id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ żwiemel irreġistrati minn dak il-pajjiż terz, madankollu, ilu sospiż mis-7 ta’ Settembru 2020 wara tifqigħa tal-marda Afrikana taż-żwiemel (AHS, African horse sickness) f’dak il-pajjiż terz. |
|
(5) |
Minn Ġunju 2021, ma kien hemm l-ebda tifqigħa rrapportata tal-AHS fil-Malażja u, fl-2023, l-istatus ta’ pajjiż ħieles mill-AHS ta’ dak il-pajjiż terz reġa’ ingħata mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH). Sadanittant, il-Malażja pprovdiet lill-Kummissjoni b’biżżejjed informazzjoni teknika li tissostanzja t-talba tagħha biex tiġi awtorizzata mill-ġdid għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ żwiemel irreġistrati. Il-Kummisjoni vvalutat din l-informazzjoni li wriet li l-Malażja eradikat b’suċċess l-AHS wara t-tifqigħa fl-2020, u tista’ tagħmel kontrolli u attivitajiet adegwati tas-saħħa tal-annimali mmirati biex jinżamm l-istatus ta’ ħelsien mill-AHS tal-pajjiż. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jiġi emendat skont dan. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).
ANNESS
Fl-Anness IV, il-Parti 1, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, l-entrata għall-Malażja hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“MY Il-Malażja |
MY-1 |
E |
Żwiemel reġistrati |
EQUI-X, EQUI-RE-ENTRY-30, EQUI-RE-ENTRY-90-COMP |
|
|
7.9.2020 |
25.3.2026” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/486/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)