European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/467

26.2.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/467 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Frar 2026

li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għall-2026 u l-2027

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/258 tad-29 ta’ Jannar 2026 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment ta’ Self għall-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar “operazzjoni militari speċjali” fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna. Dik il-gwerra ta’ aggressjoni illegali hija ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll ksur tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza minquxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija regola preskrittiva tad-dritt internazzjonali, u tal-prinċipji l-oħra tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)

Sa mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej immobilizzaw appoġġ mingħajr preċedent għar-reżiljenza ekonomika, soċjali, finanzjarja u tad-difiża tal-Ukrajna. Dak l-appoġġ jikkombina l-appoġġ mill-baġit tal-Unjoni, inklużi l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali u l-appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, kompletament jew parzjalment garantiti mill-baġit tal-Unjoni, kif ukoll appoġġ finanzjarju ulterjuri mill-Istati Membri.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/313 (3), id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 (4), id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 (5) u r-Regolament (UE) 2022/2463 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kollettivament għamlu disponibbli EUR 25 200 000 000 f’assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna matul l-2022 u l-2023. Dak l-appoġġ kien jikkostitwixxi fattur ewlieni ta’ kontribuzzjoni għar-reżiljenza makroekonomika u finanzjarja tal-Ukrajna fi żmien kritiku.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ħoloq il-Faċilità għall-Ukrajna bħala strument eċċezzjonali għat-terminu medju li jgħaqqad flimkien l-appoġġ bilaterali pprovdut mill-Unjoni lill-Ukrajna, filwaqt li jiżgura l-koordinazzjoni u l-effiċjenza (il-“Faċilità għall-Ukrajna”). Matul il-perjodu mill-2024 sal-2027, il-Faċilità għall-Ukrajna tgħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna u tikkontribwixxi għall-ħtiġijiet tagħha ta’ rkupru, ta’ rikostruzzjoni u ta’ modernizzazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa l-isforz ta’ riforma tal-Ukrajna bħala parti mill-perkors tagħha lejn l-adeżjoni mal-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) stabbilixxa l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u ta assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna. Dik l-assistenza kienet il-kontribuzzjoni tal-Unjoni bħala parti mill-inizjattiva tal-G7 “Self għall-Aċċellerazzjoni ta’ Dħul Straordinarju Favur l-Ukrajna” (“self ERA”), li kollettivament għenet fl-indirizzar tad-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna għall-2025.

(6)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat dannu tremend fl-Ukrajna, u fil-31 ta’ Diċembru 2024 il-kostijiet għall-irkupru u għar-rikostruzzjoni ġew stmati li jlaħħqu mal-EUR 506 000 000 000. Barra minn hekk, l-Ukrajna tilfet aċċess għas-swieq finanzjarji internazzjonali u esperjenzat tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, filwaqt li n-nefqa pubblika żdiedet sostanzjalment. Fuq dak l-isfond, jista’ jiġi previst li l-Ukrajna ser ikollha ħtiġijiet sostantivi ta’ finanzjament fis-snin li ġejjin.

(7)

Fid-9 ta’ Settembru 2025, l-Ukrajna ppreżentat talba uffiċjali lill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għal programm ġdid sabiex ikopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament addizzjonali mill-2026 sal-2029. Dak il-programm jiġi wara l-implimentazzjoni b’suċċess tal-programm eżistenti tal-FMI, li f’konformità miegħu, l-Ukrajna lestiet tmien rieżamijiet, iżda jqis li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kompliet. Il-kapaċità tal-FMI li jipproċedi bil-programm il-ġdid hija kontinġenti fuq ir-riċevuta ta’ aċċertamenti ta’ finanzjament suffiċjenti minn sħab oħrajn, inkluż l-Unjoni.

(8)

Minkejja l-isforzi internazzjonali kontinwi sabiex tiġi nnegozjata riżoluzzjoni paċifika għall-kunflitt, l-estensjoni tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna rriżultat fi ħsara sinifikanti għall-infrastruttura tad-difiża, ċivili u tal-enerġija kritika tal-Ukrajna, li teħtieġ il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali sostanzjali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament immedjati tal-Ukrajna.

(9)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tirrappreżenta theddida ġeopolitika strateġika għall-Unjoni kollha kemm hi u tirrikjedi li l-Istati Membri jibqgħu b’saħħithom u magħqudin. Għalhekk, huwa essenzjali li l-appoġġ tal-Unjoni jiġi varat malajr u li jkun jista’ jadatta b’mod flessibbli għal għajnuna immedjata u għal riabilitazzjoni fuq terminu qasir fil-perkors lejn ir-rikostruzzjoni tal-ġejjieni.

(10)

F’konformità mal-Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonalment Illeċiti, adottati fl-2001 mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-tlieta u ħamsin sessjoni tagħha, u li ttieħdet nota tagħhom mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 56/83, u d-dritt internazzjonali konswetudinarju, ir-Russja – bħala l-istat responsabbli – għandha l-obbligu tagħmel reparazzjoni sħiħa għad-dannu kkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/335 (9) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/334 (10) jipprojbixxu tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni ta’ riżervi kif ukoll ta’ assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, inkluż tranżazzjonijiet ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew fuq ordni tiegħu. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, tas-17 ta’ Ottubru 2024 u tad-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li, soġġett għad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-assi tar-Russja jibqgħu immobilizzati sa ma r-Russja twaqqaf il-gwerra tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u tikkumpensaha għad-dannu kkawżat minn dik il-gwerra.

(12)

Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/2600 (11) jipprojbixxi t-trasferiment ta’ assi jew riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja fuq bażi temporanja sakemm ir-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, ir-Russja tipprovdi riparazzjonijiet lill-Ukrajna sa fejn ikun meħtieġ biex tippermetti r-rikostruzzjoni mingħajr konsegwenzi ekonomiċi jew finanzjarji negattivi għall-Unjoni u l-azzjonijiet tar-Russja marbuta mal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna jkunu oġġettivament waqfu milli joħolqu riskju serju ta’ diffikultajiet severi għall-ekonomija tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

(13)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2025, il-Kunsill Ewropew qabel li jislef EUR 90 000 000 000 lill-Ukrajna għas-snin 2026 u 2027 abbażi tas-self tal-Unjoni fis-swieq kapitali appoġġat mill-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-Unjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jistipulaw ukoll li permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU), kwalunkwe mobilizzazzjoni ta’ riżorsi tal-baġit tal-Unjoni bħala garanzija għal dak is-self mhux ser ikollha impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u s-Slovakkja. Fl-istess data, 25 Stat Membru qablu li s-self jenħtieġ li jitħallas lura mill-Ukrajna biss ladarba jiġu riċevuti riparazzjonijiet. Sa dak iż-żmien, l-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jenħtieġ li jibqgħu immobilizzati u l-Unjoni jenħtieġ li tirriżerva d-dritt tagħha li tagħmel użu minnhom biex tħallas lura s-self, f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali. Dawk l-Istati Membri enfasizzaw l-importanza tal-elementi li ġejjin fir-rigward tas-self: it-tisħiħ tal-industriji tad-difiża Ewropej u Ukreni; l-Ukrajna tkompli tiddefendi l-istat tad-dritt, inkluż il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; u l-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri u l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Istati Membri kollha.

(14)

Fid-29 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2026/258 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa bejn il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja dwar il-ħolqien ta’ Self għall-Ukrajna.

(15)

Minħabba l-pożizzjoni ta’ finanzjament tal-Ukrajna, il-ħtieġa kritika li l-Ukrajna jkollha r-riżorsi sabiex tiġġieled l-aggressjoni tar-Russja u, fejn possibbli, tibni mill-ġdid, huwa xieraq li l-Unjoni tipprovdi appoġġ addizzjonali sabiex tindirizza r-rekwiżiti ta’ finanzjament urġenti tal-Ukrajna u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programm tal-FMI. Għal dak l-għan, huwa xieraq li jiġi stabbilit strument għall-għoti ta’ appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna fl-2026 u fl-2027 fil-forma ta’ self li għandu jitħallas lura permezz tar-riparazzjonijiet dovuti mir-Russja (is-“Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna”).

(16)

Jenħtieġ li s-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jagħti assistenza finanzjarja lill-Ukrajna b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat, flessibbli u tempestiv bl-għan li jappoġġa lill-Ukrajna fil-kopertura tal-ħtiġijiet tagħha ta’ finanzjament u ta’ difiża, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. B’mod speċifiku, jenħtieġ li s-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jappoġġa l-istabbiltà makrofinanzjarja fl-Ukrajna u jiffaċilita l-finanzjament estern tagħha u jappoġġa l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna permezz ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika, u b’hekk jikkontribwixxi sabiex l-Ukrajna tingħata vantaġġ militari kwalitattiv.

(17)

Jenħtieġ li, soġġett għal kundizzjonijiet, is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jipprovdi appoġġ lill-Ukrajna fil-forma ta’ self sa EUR 90 000 000 000. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li s-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jitqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni għall-Ukrajna f’pagamenti parzjali, li jistgħu jiġu żborżati f’segment wieħed jew f’aktar.

(18)

Jenħtieġ li l-appoġġ lill-Ukrajna skont is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna isir disponibbli bil-prekundizzjoni li l-Ukrajna tkompli tħaddan u tirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari multipartitika u l-istat tad-dritt, u li tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk ta’ persuni f’minoranzi. Iż-żamma mal-istat tad-dritt u r-rispett lejh jenħtieġ li jinkludu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

(19)

L-assistenza finanzjarja u ekonomika disponibbli taħt is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jenħtieġ li ssir aċċessibbli għall-Ukrajna f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Ukrajna tippreżenta Strateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna dwar il-ħtiġijiet u s-sorsi ta’ finanzjament tagħha. Jenħtieġ li dik l-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna tinkludi l-informazzjoni ewlenija dwar is-sitwazzjoni baġitarja, finanzjarja u ekonomika tal-Ukrajna, kif ukoll l-appoġġ li l-Ukrajna qed tirċievi mingħand il-komunità internazzjonali.

(20)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna mingħajr dewmien żejjed u jenħtieġ li taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Ukrajna. Minħabba l-iskala sinifikanti tal-ħtiġijiet tal-Ukrajna kemm għall-assistenza baġitarja kif ukoll għall-assistenza għall-kapaċitajiet industrijali tad-difiża, kif ukoll minħabba r-restrizzjonijiet li xi sħab esterni għandhom fuq il-forniment tal-appoġġ tagħhom, huwa xieraq li tiġi stabbilita distribuzzjoni indikattiva tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna bejn dawk iż-żewġ ħtiġijiet ta’ finanzjament. Filwaqt li tiżgura li l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna kif ġew ikkalkulati mill-FMI għall-2026 jiġu indirizzati bis-sħiħ, jenħtieġ li dik id-distribuzzjoni tkun indikattiva sabiex tirrifletti ċirkostanzi li qed jinbidlu li jista’ jkollhom impatt fuq il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna u sabiex tiżgura li dawk il-ħtiġijiet ikomplu jiġu indirizzati b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat, flessibbli u tempestiv. Fil-valutazzjoni tagħha tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra l-konsistenza tad-diskrepanza mistennija fil-finanzjament estern ma’ dik id-distribuzzjoni indikattiva.

(21)

Fid-dawl tal-importanza tal-effetti finanzjarji tal-miżuri imposti, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni, u jenħtieġ li huwa jaġixxi fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kunsill japprova l-valutazzjoni tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li jenħtieġ li huwa jagħmel ħiltu li jadotta mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tiddetermina l-ammont ta’ assistenza li għandha ssir aċċessibbli għall-Ukrajna sabiex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna, inklużi l-ammont għall-assistenza baġitarja u l-ammont għall-appoġġ tal-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna.

(22)

Jenħtieġ li assistenza finanzjarja u ekonomika fil-forma ta’ assistenza baġitarja titqiegħed għad-dispożizzjoni bil-ħsieb li tappoġġa lill-Ukrajna sabiex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha. Jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja u ekonomika skont dan ir-Regolament tagħti kontribut importanti għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir fit-tul u l-prosperità tal-Ukrajna ta’ wara l-gwerra, li kollha kemm huma ser ikollhom rwol importanti fi ftehim ta’ paċi futur. Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà fl-indirizzar ta’ dawk il-ħtiġijiet, huwa xieraq li jintużaw diversi mezzi ta’ konsenja, fejn jenħtieġ li l-appoġġ ikun jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ assistenza makrofinanzjarja u permezz ta’ self li għandu jiġi implimentat skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792.

(23)

Il-Faċilità għall-Ukrajna hija strument ta’ terminu medju li għandu l-objettiv li jappoġġa l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, l-integrazzjoni gradwali fis-suq intern, kif ukoll, fost l-oħrajn, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi meħtieġa għall-allinjament mal-valuri tal-Unjoni u għall-allinjament progressiv mar-regoli, mal-istandards, mal-politiki u mal-prattiki (“l-acquis”) tal-Unjoni, fid-dawl ta’ sħubija mal-Unjoni fil-ġejjieni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-istabbiltà, għas-sigurtà, għall-paċi, għall-prosperità u għas-sostenibbiltà reċiproċi. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu previsti ammonti li jirriżultaw mis-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna li għandu jintuża permezz tal-Faċilità għall-Ukrajna. Il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792 jipprevedi finanzjament lill-Ukrajna malli jintlaħqu b’mod sodisfaċenti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pjan għall-Ukrajna, li jistabbilixxi l-aġenda ta’ riforma u ta’ investiment tal-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna jiġi aġġornat sabiex jirrifletti dik l-assistenza baġitarja addizzjonali, inklużi miżuri sabiex jissaħħu l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

(24)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tkun marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ politika li għandhom jiġu stipulati f’memorandum ta’ qbil (MtQ). Jenħtieġ li l-MtQ jinkludi impenji ta’ riforma robusti u ambizzjużi mill-Ukrajna, inkluż dawk biex tissaħħaħ il-mobilizzazzjoni tad-dħul biex jiġu appoġġati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna u jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-korruzzjoni fil-finanzi pubbliċi, inkluż permezz tat-titjib tas-sostenibbiltà u l-kwalità tan-nefqa pubblika u t-tisħiħ tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali assistenza makrofinanzjarja tintuża mill-Ukrajna sabiex tgħin fil-finanzjament ta’ kumpens, bħala forma ta’ riparazzjoni, lil dawk l-individwi li ġarrbu dannu mill-azzjonijiet illegali tar-Russja, inkluż permezz tal-Kummissjoni għat-Talbiet għall-Ukrajna stabbilita taħt l-awspiċji tal-Kunsill tal-Ewropa. Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-valutazzjoni tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna jenħtieġ li tistabbilixxi l-għadd massimu u l-valur indikattiv tal-pagamenti parzjali għall-assistenza makrofinanzjarja. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-likwidità tal-awtoritajiet Ukreni u tiġi żgurata l-prevedibbiltà, fil-prinċipju jenħtieġ li jkun hemm massimu ta’ erba’ pagamenti parzjali ta’ dik l-assistenza makrofinanzjarja.

(25)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja l-kundizzjonijiet għall-assistenza makrofinanzjarja mal-awtoritajiet Ukreni taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri Parteċipanti (il-“kumitat”) f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Meta jitqies l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-assistenza, huwa xieraq li tintuża l-proċedura ta’ eżami kif speċifikata fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta jitqies l-ammont tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tapplika għall-adozzjoni tal-MtQ, u għal kwalunkwe tnaqqis jew kanċellazzjoni tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.

(26)

Is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jenħtieġ li jipprovdi assistenza finanzjarja u ekonomika lill-Ukrajna bħala pajjiż li għaddej minn gwerra, li l-istabbiltà finanzjarja tiegħu hija intrinsikament marbuta mal-abilità tiegħu li jiddefendi lilu nnifsu kontra l-aggressjoni tar-Russja, u tiddependi fuq it-tali abbiltà. Dak il-fatt jiġġustifika li ammont speċifiku tal-assistenza finanzjarja u ekonomika lill-Ukrajna jintuża sabiex tiżdied il-kapaċità tal-Ukrajna li tlaħħaq mal-ħtiġijiet baġitarji fir-rigward tal-kapaċità tal-Ukrajna li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ difiża u militari tagħha, u b’hekk jikkontribwixxi sabiex jipprovdi vantaġġ militari kwalitattiv lill-Ukrajna. Jenħtieġ li dik l-assistenza finanzjarja u ekonomika jkollha l-għan li tippermetti lill-Ukrajna twettaq investimenti pubbliċi urġenti u kbar b’appoġġ għall-industrija tad-difiża tal-Ukrajna u tiffaċilita l-integrazzjoni tagħha fl-industrija tad-difiża Ewropea bħala rispons għas-sitwazzjoni ta’ kriżi kurrenti u fil-fażi ta’ wara din. Jenħtieġ li dik l-assistenza finanzjarja u ekonomika tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għar-rikostruzzjoni, għall-irkupru u għall-modernizzazzjoni tal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ukrena, bil-ħsieb li tiżdied il-prontezza industrijali fil-qasam tad-difiża tagħha, filwaqt li titqies l-integrazzjoni gradwali futura tagħha fil-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea u permezz ta’ appoġġ għad-disponibbiltà tempestiva ta’ prodotti tad-difiża u ta’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża, permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.

(27)

Jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja u ekonomika sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għal attivitajiet, għal nefqiet u għal miżuri relatati ma’ prodotti tad-difiża jew ma’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża li jissodisfaw ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà. Sabiex il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża tal-Ukrajna tissaħħaħ b’mod urġenti, effiċjenti u awtonomu, jenħtieġ li dawk il-kriterji ta’ eliġibbiltà jiġu strutturati b’mod li jidderieġi l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri biex jappoġġaw il-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna lejn ir-rikostruzzjoni, l-irkupru u l-modernizzazzjoni tal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ukrena, filwaqt li titqies l-integrazzjoni gradwali futura tagħha fil-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea. F’dak il-kuntest, meta jiġi eżaminat jekk il-manifatturi humiex ikkontrollati minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-kontroll jinftiehem bħala l-abilità li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità legali, direttament jew indirettament, permezz ta’ entità legali intermedja waħda jew aktar.

(28)

Sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tuża l-assistenza finanzjarja u ekonomika b’mod li huwa l-aktar adattat għaċ-ċirkostanzi, huwa xieraq li titħalla tuża l-fondi biex tappoġġa l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna b’metodi ta’ implimentazzjoni differenti li jirriflettu d-diversità tal-ħtiġijiet. Il-fondi jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna stabbilit mir-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), għall-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/792 għal oġġetti b’użu doppju jew għal programmi oħrajn tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-fondi jippermettu lill-Ukrajna tinvolvi ruħha f’intervent massiv fid-domanda għal prodotti tad-difiża sabiex jinħolqu kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġu inċentivati investimenti kbar fiż-żieda tal-kapaċità tal-produzzjoni u fl-iżvilupp ta’ prodotti ġodda. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Ukrajna titħalla tuża l-fondi sabiex tniedi akkwisti kbar ta’ prodotti tad-difiża magħmula mill-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ukrena u mill-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea permezz ta’ akkwisti skont l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (l-“istrument SAFE”) stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 (14) jew, soġġetta għal validazzjonijiet, skont metodi ta’ implementazzjoni oħrajn.

(29)

Għal ċerti prodotti tad-difiża, li t-teknoloġiji sottostanti tagħhom mhumiex disponibbli b’mod wiesa’ fl-Unjoni, u li jista’ jkun diffiċli li jiġu sostitwiti fuq skala kbira, bħas-sistemi ta’ difiża mill-missili u l-faċilitaturi strateġiċi, jenħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-forzi armati tal-Ukrajna għandhom l-libertà b’rabta ma’ dawk il-prodotti mingħajr ma jiġu imposti limitazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ tali prodotti tad-difiża, il-manifatturi jenħtieġ li jkollhom l-abbiltà li jiddeċiedu, mingħajr l-impożizzjoni tal-ebda restrizzjoni minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi, fuq id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodotti tad-difiża akkwistat, inkluż l-awtorità legali li jissostitwixxu jew ineħħu dawk il-komponenti soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi.

(30)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel ta’ dan ir-Regolament flimkien mal-istrument SAFE, huwa xieraq li jiġu applikati rekwiżiti ta’ eliġibbiltà simili. L-istrument SAFE jappoġġa l-akkwist ta’ prodotti tad-difiża kif identifikati fir-Regolament (UE) 2025/1106. Il-lista ta’ prodotti li huma parti mill-Kategoriji 1 u 2 ġiet maqbula mill-Kunsill, u dik il-lista wriet li hija komprensiva biżżejjed biex tippermetti appoġġ għall-akkwist ta’ prodotti meħtieġa mill-Istati Membri, inklużi pjattaformi tal-ajru. Minħabba s-sitwazzjoni li qed tevolvi b’mod kostanti fil-kamp tal-battalja, huwa essenzjali li jiġi evitat li l-eżistenza ta’ lista ta’ prodotti li jistgħu jiġu appoġġati tillimita lill-Ukrajna milli tikseb l-assistenza li teħtieġ. Filwaqt li jitqies il-fatt li l-Ukrajna hija pajjiż li għaddej minn gwerra li l-kapaċità tiegħu li jiddefendi t-territorju tiegħu tista’ tiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ prodott partikolari f’temp ta’ żmien qasir ħafna, jenħtieġ li l-Ukrajna titħalla takkwista prodotti li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà meta jew ma jkun disponibbli l-ebda prodott ekwivalenti permezz tal-akkwist inkella meta jkun hemm ħtieġa urġenti għall-konsenja ta’ prodott. Dak jista’ jinkludi iżda mhuwiex limitat għal sistemi ta’ difiża tal-ajru u mill-missili, inkluż interċettaturi, u munizzjon u spare parts tal-inġenji tal-ajru tal-ġlied u kapaċitajiet ta’ attakk fil-profond. Għal kwalunkwe deroga, iż-żmien għat-twassil tal-prodott jenħtieġ li jkun proporzjonat mal-urġenza tas-sitwazzjoni u mal-ħtiġijiet operazzjonali immedjati tal-Ukrajna. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Ukrajna tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni raġonevolment disponibbli għaliha biex turi li hija meħtieġa deroga, minħabba li sakemm il-gwerra tkun għadha għaddejja, u l-ħtiġijiet tal-Ukrajna jkunu tant urġenti, jenħtieġ li l-Ukrajna ma tkunx mitluba twettaq riċerka estensiva tas-suq. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li teżamina tali talbiet għal derogi taħt is-superviżjoni tal-kumitat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta jitqies l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-assistenza, huwa xieraq li tintuża l-proċedura ta’ eżami kif speċifikata fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-ħtieġa għad-disponibbiltà f’waqtha tal-prodotti tad-difiża, huwa xieraq li jiġi invokat il-każ ġustifikat kif xieraq imsemmi fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 biex il-kumitat ikun jista’ jagħti opinjoni f’limitu ta’ żmien li l-president tal-kumitat jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-kwistjoni. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li tintuża l-proċedura bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 3(5) ta’ dak ir-Regolament.

(31)

Sabiex il-pajjiżi terzi jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-assistenza lill-Ukrajna filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardaw l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri u filwaqt li jitqiesu l-ftehimiet eżistenti skont l-istrument SAFE, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li l-kriterji tal-eliġibbiltà jiġu estiżi għal pajjiżi terzi li mhumiex il-Ukrajna u l-Istati taż-ŻEE-EFTA li ma jmorrux kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, dment li dawk il-pajjiżi terzi jkunu kkonkludew ftehim mal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2025/1106 jew, meta ma jkunux ikkonkludew tali ftehim, dment li tali pajjiżi jkunu daħlu fi Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża mal-Unjoni, ikunu qed jipprovdu appoġġ finanzjarju u militari sinifikanti lill-Ukrajna, u jkunu qed jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u proporzjonata, b’rispett għall-prinċipju li kwalunkwe ftehim ma’ pajjiż terz irid ikun ibbażat fuq bilanċ ta’ drittijiet u obbligi u jenħtieġ li pajjiż terz ma jkollux l-istess drittijiet u lanqas ma jgawdi l-istess benefiċċji bħal Stat Membru parteċipanti. Tali possibbiltà, għalhekk, jenħtieġ li tkun limitata għal prodotti tad-difiża speċifiċi filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet operazzjonali immedjati tal-Ukrajna, b’enfasi, b’mod partikolari, fuq sistemi ta’ difiża tal-ajru u tal-missili, munizzjon u missili, droni u sistemi relatati kontra d-droni, sistemi tal-artillerija, inkluż mezzi ta’ attakki fil-profond bi preċiżjoni, faċilitaturi strateġiċi bħal, iżda mhux limitati għal, trasport bl-ajru strateġiku, riforniment ta’ fjuwil fl-ajru, sistemi C4ISTAR kif ukoll assi u servizzi spazjali.

(32)

Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi li kkonkludew ftehim mal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2025/1106, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex tissupplimenta dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (15). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(33)

Fid-dawl tal-importanza tal-effetti finanzjarji tal-miżuri imposti u biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni li jenħtieġ li jaġixxi abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni rigward il-possibbiltà li r-regoli ta’ eliġibbiltà jiġu estiżi għal pajjiżi terzi li ma jkunux ikkonkludew tali ftehim mal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2025/1106. Jenħtieġ li l-Kunsill jaġixxi permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li jenħtieġ li huwa jagħmel ħiltu li jadotta mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tiddetermina, fir-rigward ta’ kull pajjiż terz, liema prodotti tad-difiża għandhom isiru aċċessibbli għall-Ukrajna, filwaqt li tqis l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja li tkun saret mill-pajjiz terz inkwistjoni u l-grad ta’ appoġġ finanzjarju u militari lill-Ukrajna.

(34)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt internazzjonali applikabbli li jipprojbixxi l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti u teknoloġiji tad-difiża.

(35)

L-implimentazzjoni tal-assistenza sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna jenħtieġ li titwettaq f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 223(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Ir-rekwiżiti dettaljati f’dan ir-rigward jistgħu jiddaħħlu f’arranġament li għandu jiġi ffirmat bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna. Barra minn hekk, għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja u ekonomika riċevuta sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, jenħtieġ li l-Ukrajna tiftaħ kont uniku li permezz tiegħu tiġi ġestita dik l-assistenza, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja dak il-kont.

(36)

Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-assistenza bl-għan li jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti dwar il-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna. Jenħtieġ li dak il-Grupp ta’ Esperti jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-assistenza sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna.

(37)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-assistenza sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, inkluż b’mod partikolari t-twassil tal-prodotti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti diversi arranġamenti ta’ monitoraġġ sabiex jirriflettu l-metodi differenti ta’ implimentazzjoni.

(38)

Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tikkonċerna, fost affarijiet oħra, l-istabbiliment ta’ qafas leġiżlattiv xieraq dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist għall-aġġudikazzjoni ta’ kuntratti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-Istati Membri u l-obbligi li jirriżultaw mit-TFUE. Sabiex jintlaħaq dak l-għan, id-Direttiva 2009/81/KE tipprevedi, b’mod partikolari, l-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi, b’mod partikolari billi tipprovdi dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli f’każijiet ta’ urġenza li jirriżultaw minn kriżi, bħat-tqassir tal-perjodi għar-riċevuta ta’ offerti u l-possibbiltà li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt. Madankollu, f’ċerti każijiet ta’ urġenza, dawk ir-regoli jistgħu ma jkunux biżżejjed, speċjalment meta l-urġenza li tirriżulta mill-kriżi tkun tista’ tiġi indirizzata biss billi l-Ukrajna u tal-anqas Stat Membru Parteċipanti wieħed jwettqu akkwist komuni. F’dawk il-każijiet, spiss l-unika soluzzjoni li tiżgura l-interessi ta’ sigurtà ta’ dawk il-pajjiżi tkun li jiftħu ftehim jew kuntratt qafas eżistenti ta’ Stat Membru Parteċipanti għall-awtoritajiet kontraenti tal-Ukrajna, anke meta l-Ukrajna oriġinarjament ma kinitx parti għalih u anki jekk dik il-possibbiltà ma kinitx prevista fil-ftehim jew fil-kuntratt qafas oriġinali. Peress li dawk il-possibbiltajiet ma humiex previsti fid-Direttiva 2009/81/KE fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà ta’ komplementar ta’ jew deroga minn dik id-Direttiva fis-sitwazzjoni ta’ kriżi kurrenti li tirriżulta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, dment li jinkiseb il-qbil tal-impriża li tkun ikkonkludiet il-ftehim qafas jew kuntratt. Fir-rigward ta’ kwantitajiet addizzjonali għall-Ukrajna, jenħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti Ukreni jgawdu l-istess kundizzjonijiet bħall-awtorità kontraenti oriġinali li tkun ikkonkludiet il-ftehim qafas jew kuntratt oriġinali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ trasparenza xierqa sabiex jiġi żgurat li jiġu informati l-partijiet potenzjalment interessati kollha.

(39)

L-istrument SAFE jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri, filwaqt li jippermettilhom iwettqu investimenti pubbliċi urġenti u kbar b’appoġġ għall-industrija Ewropea tad-difiża b’rispons għas-sitwazzjoni ta’ kriżi li tirriżulta mid-deterjorament serju fil-kuntest tas-sigurtà tal-Unjoni. B’dak l-istrument, l-Unjoni bdiet tappoġġa lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jagħmlu ordnijiet malajr, u b’hekk is-settur industrijali tad-difiża jiġi inċentivat sabiex jinvesti, fuq terminu qasir ħafna, fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni sabiex ikun jista’ jaqdi l-ħtiġijiet tal-Istati Membri sal-2030. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jappoġġa t-tqegħid ta’ ordnijiet Ukreni mal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea sabiex jappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea u l-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ukrena. Tali domanda eċċezzjonalment għolja għal firxa wiesgħa ta’ prodotti tad-difiża ġġib magħha riskju imminenti ta’ impatt negattiv serju fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Sabiex jiġi indirizzat dak ir-riskju u fid-dawl tal-objettiv ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-Ukrajna, il-miżuri ta’ prijoritizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni li għandhom l-għan li jiżguraw id-disponibbiltà tal-prodotti tad-difiża kkonċernati jistgħu jirriżultaw indispensabbli sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża u tal-ktajjen tal-provvista tiegħu. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tuża, fuq talba ta’ Stat Membru Parteċipanti, talbiet klassifikati bħala prijorità għall-iffaċilitar tal-provvista ta’ prodotti tad-difiża sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ dan ir-Regolament.

(40)

Jenħtieġ li t-talbiet klassifikati bħala prijorità jikkonsistu f’talbiet mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva ta’ Stat Membru Parteċipanti, lill-operaturi ekonomiċi rilevanti stabbiliti fl-Unjoni sabiex jaċċettaw jew jipprijoritizzaw ordnijiet ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet. Sabiex jintużaw biss meta jkunu neċessarji u proporzjonati għall-fini li jiġi żgurat li l-ktajjen tal-provvista tad-difiża jkunu jistgħu joperaw b’mod normali, jenħtieġ li dawk it-talbiet klassifikati bħala prijorità jkollhom l-għan li jappoġġaw lill-Ukrajna li tiffaċċa diffikultajiet serji jew fit-tqegħid ta’ ordni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ prodotti tad-difiża. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li jkunu soġġetti għal talba klassifikata bħala prijorità. Jenħtieġ li talba klassifikata bħala prijorità tittieħed fuq il-bażi ta’ data oġġettiva, fattwali, li tista’ titkejjel u sostanzjata. Jenħtieġ li tqis l-interessi leġittimi tal-impriżi u l-kost u l-isforz meħtieġa għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni. Meta jiġi aċċettat, jenħtieġ li l-obbligu li titwettaq it-talba klassifikata bħala prijorità jieħu preċedenza fuq l-obbligi ta’ prestazzjoni skont id-dritt privat jew pubbliku. Fid-dawl tal-importanza li tiġi żgurata l-provvista ta’ prodotti tad-difiża, li huma indispensabbli għall-funzjonament korrett tas-suq intern u tal-ktajjen tal-provvista tiegħu, jenħtieġ li l-konformità mal-obbligu li tiġi eżegwita talba klassifikata bħala prijorità ma tinvolvix obbligazzjoni għal partijiet terzi għad-danni li jistgħu jirriżultaw minn kwalunkwe ksur tal-obbligi kuntrattwali rregolati bid-dritt ta’ Stat Membru, sa fejn il-ksur tal-obbligi kuntrattwali kien neċessarju għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni mandata. Meta l-operatur ekonomiku jkun aċċetta b’mod espliċitu talba klassifikata bħala prijorità u l-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni wara tali aċċettazzjoni, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li n-nuqqas ta’ konformità mill-operatur ekonomiku mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni jirriżulta f’telf tal-benefiċċju ta’ rinunzja tar-responsabbiltà kuntrattwali. Meta n-nuqqas ta’ konformità jkun intenzjonat jew attribwibbli għal negliġenza gravi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ timponi multa fuq l-operatur ekonomiku kkonċernat, soġġetta għall-prinċipju tal-proporzjonalità.

(41)

Minħabba li jenħtieġ li ammonti speċifiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-assistenza baġitarja u għall-assistenza sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, jenħtieġ li fl-implimentazzjoni rispettiva tagħhom jiġu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà.

(42)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri.

(43)

Dan ir-Regolament ma japplikax għal Stati Membri li ma jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jitfakkar li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ ċerti Stati Membri fil-kooperazzjoni msaħħa ma jeżentahomx mill-obbligu li jiżguraw l-infurzar sħiħ tal-Artikolu 325 TFUE u l-acquis tal-Unjoni bl-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (18), ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u, fejn applikabbli, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (21). Għaldaqstant, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri u l-entitajiet ekonomiċi taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom jikkollaboraw bis-sħiħ mal-Qorti tal-Awdituri, mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), mal-Kummissjoni u, fejn applikabbli mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom.

(44)

Jenħtieġ li l-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ukreni jkun fih dispożizzjonijiet allinjati mad-drittijiet, mar-responsabbiltajiet u mal-obbligi previsti fil-Ftehim Qafas taħt il-Faċilità għall-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/792 iffirmat bejn l-Unjoni u l-Ukrajna li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Ġunju 2024. Dawk id-dispożizzjonijiet ser jiżguraw li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbutin mas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jkunu protetti b’mod effiċjenti, billi jipprovdi l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kwalunkwe irregolarità oħra marbuta mal-assistenza, u l-miżuri xierqa relatati mal-ġlieda kontra dawn. Il-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ser jagħti wkoll, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, id-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fejn applikabbli, lill-UPPE, inkluż minn partijiet terzi involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni matul u wara l-perjodu ta’ disponibbiltà tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Ukrajna tirrapporta wkoll irregolaritajiet fir-rigward tal-użu tal-fondi lill-Kummissjoni, f’konformità mal-proċeduri previsti fil-Ftehim Qafas taħt il-Faċilità għall-Ukrajna.

(45)

Minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tal-Ukrajna kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontriha u sabiex tappoġġa lill-Ukrajna fil-perkors ta’ stabbiltà fit-tul tagħha, huwa xieraq li l-Unjoni tipprovdi s-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna bħala self b’rikors limitat li għandu jsir dovut u pagabbli meta l-Ukrajna tirċievi flus jew assi nonmonetarji għar-riparazzjonijiet tal-gwerra, indennizzi jew kwalunkwe saldu finanzjarju, għajr territorju, mingħand ir-Russja.

(46)

Jenħtieġ li r-rilaxx ta’ fondi skont is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jkun kontinġenti fuq il-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni ta’ talba għal fondi sottomessa mill-Ukrajna. Għall-assistenza makrofinanzjarja, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tkun mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet skont programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni. Għall-assistenza sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, jenħtieġ li r-rilaxx ta’ fondi jkun marbut ma’ kuntratti jew ma’ ftehimiet għal attivitajiet, għal nefqiet u għal miżuri li jappoġġaw il-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna relatati ma’ prodotti tad-difiża jew ma’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża.

(47)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet xierqa għall-finanzjament tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.

(48)

Fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna, ikun xieraq li l-assistenza finanzjarja tiġi organizzata skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata prevista fl-Artikolu 224 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

(49)

F’konformità mal-appoġġ sod ta’ 25 Kap ta’ Stat u ta’ Gvern matul il-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2025, jenħtieġ li s-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jitħallas lura mill-Ukrajna ladarba jaslu riparazzjonijiet mir-Russja, u l-Unjoni tirriżerva d-dritt tagħha li tuża l-assi Russi immobilizzati fl-Unjoni biex tħallas lura s-self, f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni u ma’ dak internazzjonali.

(50)

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), jenħtieġ li l-obbligazzjoni finanzjarja mis-self skont dan ir-Regolament ma tiġix appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, stabbilita minn dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-appoġġ fil-forma ta’ self skont dan ir-Regolament jikkostitwixxi assistenza finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 223(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Meta jitqiesu r-riskji finanzjarji u l-preżenza ta’ garanziji, jenħtieġ li ma jiġi kkostitwit l-ebda proviżjonament għall-appoġġ fil-forma ta’ self skont dan ir-Regolament, li għandu jiġi ggarantit lil hinn mil-limiti massimi, u, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 214(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, jenħtieġ li ma tiġi stabbilita l-ebda rata ta’ proviżjonament.

(51)

Minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, ikkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u biex tiġi appoġġata fil-perkors ta’ stabbiltà fit-tul tagħha, huwa xieraq li ssir deroga mill-Artikolu 223(4), il-punt (e), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 sabiex l-Unjoni tingħata l-possibbiltà li tipprovdi sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self biex tkopri l-kostijiet li altrimenti jiġġarrbu mill-Ukrajna. Dawk il-kostijiet jinkludu l-kostijiet tas-servizzjar tad-dejn (il-kost tal-finanzjament u l-kost tal-ġestjoni tal-likwidità) u l-kostijiet amministrattivi relatati. Is-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self li jingħata jitqies xieraq biex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ taħt il-Faċilità dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 223(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, b’mod partikolari biex tiġi evitata pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ukrajna.

(52)

F’konformità mal-Artikolu 332 TFUE, in-nefqa għajr il-kostijiet amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet li jirriżultaw mill-kooperazzjoni msaħħa jenħtieġ li tiġġarrab mill-Istati Membri Parteċipanti. Għal dak l-għan, l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni msaħħa jenħtieġ li jkunu intitolati għal aġġustament f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (23) fir-rigward ta’ kwalunkwe nefqa operazzjonali mġarrba mill-baġit tal-Unjoni, li tinkludi b’mod partikolari l-kostijiet tas-servizzjar tad-dejn, kif ukoll talbiet għall-garanzija. Il-kostijiet amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa jenħtieġ li jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni mingħajr ebda aġġustament għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni msaħħa.

(53)

Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna skont dan ir-Regolament jiġi ġestit mill-Kummissjoni.

(54)

Jenħtieġ li l-assistenza lill-Ukrajna taħt is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna tkun addizzjonali u komplementari għall-appoġġ tal-Unjoni pprovdut skont il-Faċilità għall-Ukrajna. Jenħtieġ li, kull fejn ikun possibbli, il-Kummissjoni tipprova li timminimizza l-piż amministrattiv u ta’ rapportar fuq l-Ukrajna.

(55)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis kif xieraq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (24) u r-rwol tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, fejn xieraq.

(56)

Jenħtieġ li l-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew ikun jista’ jistieden lill-Kummissjoni tiddiskuti fid-djalogu dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna kwistjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-elementi li jirriżultaw mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, inkluż r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew jekk jiġu pprovduti.

(57)

Sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinformahom b’mod regolari dwar l-iżviluppi relatati mal-assistenza tal-Unjoni lill-Ukrajna skont dan ir-Regolament u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(58)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività kontinwa tal-arranġamenti stabbiliti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina b’mod regolari l-adegwatezza tagħhom u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwarha, u b’hekk tiggarantixxi t-trasparenza u r-responsabbiltà.

(59)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(60)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tingħata assistenza finanzjarja u ekonomika lill-Ukrajna għall-2026 u għall-2027 b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat u tempestiv bl-għan li l-Ukrajna tiġi appoġġata sabiex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(61)

Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(62)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-ħolqien ta’ strument għall-għoti ta’ assistenza tal-Unjoni lill-Ukrajna fl-2026 u fl-2027 fil-forma ta’ self li għandu jitħallas lura permezz tar-reparazzjonijiet dovuti mir-Russja (is-“Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna”).

2.   Jistabbilixxi l-objettiv tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, il-finanzjament tiegħu, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u r-regoli għall-għoti ta’ dan il-finanzjament.

Artikolu 2

Objettiv tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna

1.   L-objettiv ġenerali tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jkun li tiġi pprovduta assistenza finanzjarja u ekonomika lill-Ukrajna b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat, flessibbli u tempestiv bil-ħsieb li l-Ukrajna tiġi appoġġata biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha li jirriżultaw b’mod partikolari mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u min-nuqqas ta’ ħlas tar-reparazzjonijiet dovuti mir-Russja.

2.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv ġenerali msemmi fil-paragrafu 1, l-objettivi speċifiċi tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandhom ikunu:

(a)

li jappoġġa l-istabbiltà makrofinanzjarja billi jiġu ffaċilitati r-restrizzjonijiet ta’ finanzjament estern u intern tal-Ukrajna; kif ukoll

(b)

li jappoġġa l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna permezz ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“prodott tad-difiża” tfisser merkanzija, servizzi u xogħlijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, kif stipulat fl-Artikolu 2 tagħha;

(2)

“Stat taż-ŻEE-EFTA” tfisser Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea;

(3)

“Self ERA” tfisser self bilaterali eliġibbli u s-self ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/2773;

(4)

“Stat Membru mhux parteċipanti” tfisser Stat Membru li ma jipparteċipax fil-kooperazzjoni msaħħa stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2026/258;

(5)

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2026/258;

(6)

“prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża” tfisser kwalunkwe oġġett, servizz u xogħol għajr dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, kif stipulat fl-Artikolu 2 tagħha, li huma neċessarji jew immirati għal finijiet tad-difiża.

Artikolu 4

Assistenza disponibbli skont is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna

1.   Is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jkun għal ammont massimu ta’ EUR 90 000 000 000. Dak l-ammont għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna, kif previst fl-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna approvata f’konformità mal-Artikolu 8.

2.   Is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jkun disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2027. Dan għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni f’pagamenti parzjali, li jistgħu jiġu żborżati lill-Ukrajna f’segment wieħed jew aktar. L-iżborż ta’ dawn is-segmenti kollha għandu jsir sal-31 ta’ Diċembru 2028.

3.   Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu ta’ disponibbiltà tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, inkluż fil-każ ta’ saldu mir-Russja tal-ħsara tal-gwerra, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(3), tista’ tnaqqas l-ammont mhux skontat tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jew tikkanċellah.

4.   F’konformità mal-Artikolu 332 TFUE, l-Istati Membri Mhux Parteċipanti għandhom ikunu intitolati għal aġġustament f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-baġit ivvutat li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa minbarra l-ispejjeż amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet, imġarrba mill-baġit tal-Unjoni. Tali aġġustament għandu jinkludi b’mod partikolari kwalunkwe kostijiet tas-servizzjar tad-dejn kif ukoll talbiet għall-garanzija.

Artikolu 5

Prekundizzjonijiet għall-assistenza disponibbli taħt is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza taħt is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandha tkun li l-Ukrajna tkompli ssostni u tirrispetta mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari multipartitika u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi. Iż-żamma u r-rispett tal-istat tad-dritt għandhom jinkludu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

2.   Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom jimmonitorjaw l-issodisfar tal-prekundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 8 u r-rilaxx ta’ fondi msemmi fl-Artikolu 23. Barra minn hekk, dak il-monitoraġġ għandu jqis ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-korpi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-monitoraġġ tagħha.

KAPITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI TAS-SELF TA’ APPOĠĠ GĦALL-UKRAJNA

Artikolu 6

Strateġija għall-Finanzjament Ukrena

1.   Sabiex tirċievi assistenza finanzjarja u ekonomika taħt is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, l-Ukrajna għandha tippreżenta lill-Kummissjoni, fil-prinċipju kull sena, l-Istrateġija għall-Finanzjament Ukrena. L-Istrateġija għall-Finanzjament Ukrena għandha tipprovdi dettalji dwar il-ħtiġijiet ta’ finanzjament u s-sorsi ta’ finanzjament tal-Ukrajna, fil-prinċipju għat-12-il xahar li ġejjin.

2.   L-Istrateġija għall-Finanzjament Ukrena għandu jkun fiha:

(a)

is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin li fuqhom hija bbażata l-Istrateġija għall-Finanzjament Ukrena

(b)

informazzjoni dwar il-baġit tal-Ukrajna, għal kull trimestru u għal kull sena, inkluż:

(i)

il-bilanċ baġitarju mmirat għall-gvern estiż diżaggregat skont is-sottosettur tal-gvern estiż;

(ii)

il-projezzjonijiet għan-nefqa u għad-dħul tal-gvern estiż u għas-subsetturi ewlenin tiegħu, u l-komponenti ewlenin tagħhom skont il-klassifikazzjoni ekonomika tagħhom;

(iii)

informazzjoni rilevanti dwar in-nefqa tal-gvern estiż skont il-funzjoni, b’mod partikolari dwar id-difiża;

(iv)

deskrizzjoni u kwantifikazzjoni tal-miżuri tan-nefqa u tad-dħul li għandhom jiġu inklużi fil-baġit;

(v)

anness li fih il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet, u kwalunkwe parametru rilevanti ieħor, li jsostnu t-tbassir baġitarju.

(c)

informazzjoni dwar l-iżviluppi finanzjarji tal-passat u dawk ipprojettati tal-Ukrajna fil-gvern estiż, għal kull trimestru u għal kull sena, inkluż:

(i)

informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-likwidità (bilanċ tal-flus) għall-gvern estiż u għas-subsetturi ewlenin tiegħu;

(ii)

l-amortizzamenti tad-dejn;

(iii)

strateġija għall-ħruġ ta’ dejn;

(iv)

flussi oħra li joħolqu u jnaqqsu d-dejn;

(v)

l-istokk tal-arretrati tal-pagamenti u l-iżviluppi mbassra tiegħu.

(d)

informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza mogħtija qabel taħt is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna inkluż kwalunkwe rkupru finanzjarju tagħha;

(e)

informazzjoni dwar ħtiġijiet ta’ assistenza militari in natura pproġettata;

(f)

fuq il-bażi tal-baġit tal-Ukrajna u tal-ħtiġijiet ta’ assistenza militari in natura mbassra, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern mistennija għall-perjodu kopert minn dik l-Istrateġija għall-Finanzjament Ukrena, inkluża diżaggregazzjoni tal-ammonti f’dak il-baġit neċessarji għall-objettivi stipulati fl-Artikolu 2(2). Dik id-diżaggregazzjoni għandu jkun fiha l-valur tal-prodotti tad-difiża li jkunu ser jinxtraw barra mill-Unjoni u mill-Ukrajna;

(g)

il-finanzjament estern impenjat u mistenni u l-assistenza militari in natura fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna għall-perjodu kopert minn dik l-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna, inkluża diżaggregazzjoni tal-ammonti ta’ dak il-finanzjament estern li għandhom jintużaw f’konformità mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 2(2);

(h)

fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-punti (f) u (g) ta’ dan il-paragrafu, id-diskrepanza mistennija fil-finanzjament estern li għaliha l-Ukrajna tfittex l-assistenza permezz tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna skont dik l-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna, inkluża diżaggregazzjoni tal-ammonti ta’ dik id-diskrepanza mistennija fil-finanzjament estern għall-objettivi stipulati fl-Artikolu 2(2); u

(i)

sabiex tiġi appoġġata n-nefqa pluriennali skont il-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament, informazzjoni dwar il-ħtiġijiet pluriennali potenzjali u baġit korrispondenti.

3.   L-Ukrajna tista’ tissottometti Strateġiji tal-Ukrajna aġġornati għall-Finanzjament sa meta l-ammont massimu tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna msemmi fl-Artikoli 4(1) ikun sar aċċessibbli taħt is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 7

Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 6 mingħajr dewmien żejjed.

2.   Meta twettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Ukrajna. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijiet jew tfittex informazzjoni addizzjonali, inkluża l-verifika tal-informazzjoni mal-Istati Membri, ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Ukrajna għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba u tista’ tirrevedi l-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna jekk meħtieġ, inkluż wara s-sottomissjoni tagħha.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna u għandha, b’mod partikolari, tivvaluta:

(a)

il-kompletezza, il-fattibbiltà u l-koerenza tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna mis-suppożizzjonijiet sottostanti;

(b)

il-konsistenza tal-informazzjoni fl-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna ma’ sorsi esterni, inklużi kwalunkwe rieżami reċenti tal-FMI u informazzjoni mill-Pjattaforma tad-Donaturi għall-Ukrajna u mill-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna;

(c)

il-konsistenza tad-diskrepanza fil-finanzjament estern mistennija mad-distribuzzjoni indikattiva li ġejja tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna:

(i)

EUR 30 000 000 000 għall-assistenza makrofinanzjarja f’konformità mal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament jew għall-assistenza baġitarja fil-forma ta’ self li għandu jiġi implimentat skont il-Faċilità għall-Ukrajna skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792;

(ii)

EUR 60 000 000 000 sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna f’konformità mal-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament.

(d)

il-konformità mal-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1).

4.   Meta l-Kummissjoni tagħti valutazzjoni pożittiva tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna, hija għandha, mingħajr dewmien, tippreżenta proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 8.

5.   Meta l-Kummissjoni tagħti valutazzjoni negattiva tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna, hija għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-Ukrajna, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għall-valutazzjoni tagħha. Valutazzjoni negattiva ma għandhiex tipprevjeni lill-Ukrajna milli tissottometti Strateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna riveduta.

6.   Meta l-Kummissjoni tivvaluta aġġornament għall-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna, għandu japplika dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill

1.   Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna jew tal-aġġornament tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tagħmel l-assistenza finanzjarja u ekonomika aċċessibbli.

2.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)

tiddetermina l-ammont tal-assistenza li għandha ssir aċċessibbli għall-Ukrajna sabiex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna, inkluż l-ammont ta’ dik l-assistenza aċċessibbli:

(i)

għall-assistenza baġitarja fil-forma ta’ self li għandu jiġi implimentat skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792;

(ii)

għall-assistenza makrofinanzjarja skont il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament;

(iii)

sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna f’konformità mal-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament;

(b)

tistabbilixxi n-numru massimu u tal-valur indikattiv tal-pagamenti parzjali għall-assistenza aċċessibbli għall-assistenza makrofinanzjarja f’konformità mal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

3.   Id-determinazzjoni tal-ammonti tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna li għandhom isiru aċċessibbli għandha:

(a)

tirrispetta l-ammont massimu disponibbli għas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna previst fl-Artikolu 4(1);

(b)

tqis il-ħtieġa li tiġi żgurata kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet ma’ donaturi oħrajn biex jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna.

(c)

rigward l-assistenza baġitarja, tiddetermina sa liema punt tista’ tingħata assistenza baġitarja regolari fil-forma ta’ self li għandu jiġi implimentat skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792 jew bħala assistenza makrofinanzjarja f’konformità mal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, kif xieraq.

4.   Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 9

Komplementarjetà u koordinazzjoni

1.   Fl-implimentazzjoni tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Ukrajna, mal-Istati Membri, mal-korpi internazzjonali rilevanti u mad-donaturi għall-Ukrajna, b’mod partikolari permezz tal-Pjattaforma tad-Donaturi għall-Ukrajna u mal-Grupp ta’ Kuntatt għad-Difiża tal-Ukrajna, sabiex tiżgura approċċ koerenti u konsistenti minn dawk li jappoġġaw lill-Ukrajna sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ assistenza finanzjarja u ekonomika tal-Ukrajna. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tibbaża fuq l-għarfien espert tas-SEAE.

2.   L-Artikoli 5, 7, 13, 14 u 15 u l-Artikolu 23(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw f’konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE.

KAPITOLU III

ASSISTENZA BAĠITARJAFIL-FORMA TA’ ASSISTENZA MAKROFINANZJARJA

Artikolu 10

Skop

1.   L-assistenza makrofinanzjarja għandha tikkontribwixxi sabiex tkopri d-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna, kif identifikata fi Strateġija għall-Finanzjament tal-Ukrajna ivvalutata b’mod pożittiv.

2.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni abbażi tal-valutazzjoni tagħha tal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1) u tal-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ politika inklużi fil-memorandum ta’ qbil imsemmi fl-Artikolu 11.

Artikolu 11

Memorandum ta’ Qbil

1.   Fir-rigward tal-ammonti approvati ta’ assistenza makrofinanzjarja kif imsemmi fl-Artikolu 8(2), il-punt (a)(ii), il-Kummissjoni għandha taqbel mal-Ukrajna dwar il-kundizzjonijiet ta’ politika li magħhom għandha tkun marbuta l-assistenza makrofinanzjarja. Dawk il-kundizzjonijiet ta’ politika għandhom jiġu stipulati f’memorandum ta’ qbil (MtQ).

2.   Il-kundizzjonijiet tal-politika għandhom jinkludu impenji ta’ riforma robusti u ambizzjużi, fosthom dawk li għandhom l-għan, b’mod partikolari, li jsaħħu l-mobilizzazzjoni tad-dħul biex jiġu appoġġati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-korruzzjoni fil-finanzi pubbliċi, inkluż permezz tat-titjib tas-sostenibbiltà u l-kwalità tan-nefqa pubblika u t-tisħiħ tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Fejn rilevanti, dawk l-impenji għandhom ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe programm li l-Ukrajna għandha mal-FMI filwaqt li jmorru lil hinn, fejn xieraq. Il-progress fil-kisba tal-impenji għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tapprova l-iffirmar tal-MtQ, u tal-emendi tal-MtQ, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(3).

KAPITOLU IV

ASSISTENZA GĦALL-APPOĠĠ TAL-KAPAĊITAJIET INDUSTRIJALI TAD-DIFIŻA TAL-UKRAJNA

Artikolu 12

Skop

1.   L-assistenza għall-appoġġ tal-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna għandu jkollha l-għan li tippermetti lill-Ukrajna twettaq investimenti pubbliċi urġenti u kbar b’appoġġ għall-industrija tad-difiża tal-Ukrajna u tal-integrazzjoni tagħha fl-industrija tad-difiża Ewropea bħala rispons u b’segwitu għas-sitwazzjoni ta’ kriżi kurrenti. Dik l-assistenza għandha tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għar-rikostruzzjoni, għall-irkupru u għall-modernizzazzjoni tal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ukrena, bil-ħsieb li tiżdied il-prontezza industrijali fil-qasam tad-difiża tagħha, filwaqt li titqies l-integrazzjoni gradwali futura tagħha fil-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea u permezz ta’ appoġġ għad-disponibbiltà tempestiva ta’ prodotti tad-difiża u ta’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża, permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.

2.   L-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri li jappoġġaw il-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna għandhom ikunu relatati ma’ prodotti tad-difiża jew ma’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża u għandhom jimmiraw li:

(a)

iħaffu l-aġġustament tal-industrija tad-difiża Ukrena għall-bidliet strutturali, inkluż permezz tal-ħolqien u l-irrankar tal-kapaċitajiet tal-manifattura tagħha kif ukoll l-attivitajiet ta’ appoġġ relatati;

(b)

itejbu d-disponibbiltà tempestiva tal-prodotti tad-difiża jew ta’ prodotti oħrajn għal finijiet tad-difiża għall-Ukrajna, inkluż permezz tat-tnaqqis taż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-konsenja tagħhom, ir-riżerva ta’ slots tal-manifattura jew il-kumulazzjoni ta’ prodotti tad-difiża jew ta’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża, ta’ prodotti intermedji jew ta’ materja prima; jew

(c)

isaħħu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea u l-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ukrena, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tal-Ukrajna ta’ rinforz industrijali tad-difiża u l-akkwist tad-difiża, u jippermettu l-interkambjabbiltà ta’ prodotti tad-difiża jew ta’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża manifatturati mill-industrija tad-difiża Ukrena u mill-industrija tad-difiża Ewropea.

Artikolu 13

Eliġibbiltà

1.   L-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri li jappoġġaw il-kapaċitajiet industrijali relatati mal-prodotti tad-difiża u prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża tal-Ukrajna għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza dment li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-prodotti tad-difiża għandhom jappartjenu f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

kategorija wieħed: munizzjon u missili; sistemi tal-artillerija, inklużi kapaċitajiet ta’ attakki profondi bi preċiżjoni; kapaċitajiet ta’ kumbattiment fuq l-art u s-sistemi ta’ appoġġ tagħhom, inkluż tagħmir tas-suldati u armi tal-infanterija; droni żgħar (il-klassi 1 tan-NATO) u sistemi kontra d-droni relatati; protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi; ċiberspazju; u l-mobbiltà militari inkluż il-kontromobbiltà;

(b)

kategorija tnejn: sistemi ta’ difiża kontra attakki mill-ajru u l-missili; il-kapaċitajiet marittimi tal-wiċċ u ta’ taħt l-ilma; droni għajr id-droni żgħar (il-klassijiet 2 u 3 tan-NATO) u sistemi kontra d-droni relatati; faċilitaturi strateġiċi bħal, iżda mhux limitati għal, trasport bl-ajru strateġiku, riforniment ta’ fjuwil fl-ajru, sistemi C4ISTAR kif ukoll assi u servizzi spazjali; protezzjoni tal-assi spazjali; intelliġenza artifiċjali u gwerra elettronika.

3.   L-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri li jappoġġaw il-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna relatati ma’ prodotti tad-difiża jew prodotti oħra għal finijiet tad-difiża ma għandhomx imorru kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha kif stabbilit fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) skont it-Titolu V tat-TUE, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat, jew l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-prodotti tad-difiża għandhom jiġu prodotti f’konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-manifatturi u s-sottokuntratturi involuti fil-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża għandhom jiġu stabbiliti u jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna. Dawn ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz li ma huwiex Stat taż-ŻEE-EFTA jew l-Ukrajna jew minn entità oħra ta’ pajjiż terz li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna;

(b)

permezz ta’ deroga mill-punt (a), sabiex titqies il-kooperazzjoni industrijali ma’ sħab mhux tal-UE, prodotti tad-difiża li jinvolvu sottokuntrattur involut fil-produzzjoni li jiġi allokat bejn 15 % u 35 % tal-valur tal-kuntratt, u li ma jkunx stabbilit jew ma jkollux l-istrutturi ta’ ġestjoni eżekuttivi tiegħu fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna, għandhom ikunu eliġibbli dment li tiġi ssodisfatta tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

tkun ġiet stabbilita relazzjoni kuntrattwali diretta relatata mal-prodott tad-difiża bejn il-manifattur u dak is-sottokuntrattur qabel it-28 ta’ Mejju 2025; jew

(ii)

il-manifattur jimpenja ruħu li jistudja, fi żmien sentejn, il-fattibbiltà tas-sostituzzjoni tal-input ipprovdut minn dak is-sottokuntrattur b’input alternattiv, mingħajr restrizzjoni li joriġina mill-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna, u li jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi u ta’ żmien;

(c)

permezz ta’ deroga mill-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, prodotti tad-difiża li jinvolvu manifatturi jew sottokuntratturi stabbiliti fl-Unjoni u kkontrollati minn pajjiż terz ieħor li ma jkunx Stat taż-ŻEE-EFTA jew l-Ukrajna jew minn entità oħra ta’ pajjiż terz li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna għandhom ikunu eliġibbli jekk dak il-manifattur jew is-sottokuntrattur ikun ġie soġġett għal skrinjar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u, fejn neċessarju, għal miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, jew jekk dak il-manifattur jew is-subkuntrattur jipprovdi garanziji f’konformità mal-punt (d) ta’ dan il-paragrafu, ivverifikati mill-Istat Membru li fih ikun stabbilit;

(d)

il-garanziji msemmija fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu għandhom jipprovdu aċċertamenti li l-involviment tal-manifattur jew tas-sottokuntrattur fil-produzzjoni tal-prodott tad-difiża ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha kif stabbilit fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE. Dawk il-garanziji għandhom b’mod partikolari jissonstanzjaw li, għall-finijiet tal-attivitajiet, tan-nefqiet u tal-miżuri, ikun hemm miżuri fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li:

(i)

il-kontroll fuq il-manifattur jew fuq is-sottokuntrattur ma jiġix eżerċitat b’mod li jrażżan jew jirrestrinġi l-kapaċità tiegħu li jwettaq l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri appoġġati; kif ukoll

(ii)

ma jingħatax l-aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjata għal informazzjoni klassifikata jew sensittiva relatata mal-prodott tad-difiża manifatturat u l-impjegati jew persuni oħrajn involuti fil-produzzjoni tal-prodott tad-difiża jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru, fejn xieraq, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;

(e)

l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tal-manifatturi u tas-sottokuntratturi involuti fil-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża għandhom ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA jew tal-Ukrajna. Meta l-manifatturi jew is-sottokuntratturi involuti fil-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża ma jkollhom l-ebda alternattiva jew infrastruttura, faċilità, assi u riżorsi faċilment disponibbli fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA jew tal-Ukrajna, huma jistgħu jużaw l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jkunu miżmumin barra minn dawk it-territorji, dment li tali użu ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

(f)

il-manifatturi u s-sottokuntratturi involuti fil-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża jistgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà msemmijin f’dan il-paragrafu meta jkunu ssodisfaw kundizzjonijiet ekwivalenti skont ir-Regolamenti (UE) 2018/1092 (26), (UE) 2021/697 (27), (UE) 2023/1525 (28), jew (UE) 2023/2418 (29) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew skont ir-Regolament (UE) 2025/1106 u dment li l-ebda bidla sussegwenti ma tqajjem dubji dwar l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet;

(g)

il-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni, mill-Istati taż-ŻEE-EFTA u mill-Ukrajna ma għandux ikun ogħla minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott tad-difiża. L-ebda komponent ma għandu jinkiseb minn pajjiż terz li jikser l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

(h)

fir-rigward tal-prodotti tad-difiża relatati mat-tieni kategorija kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b) ta’ dan l-Artikolu, il-manifatturi għandu jkollhom l-abbiltà li jiddeċiedu, mingħajr restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi, fuq id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodott tad-difiża akkwistat, inkluż is-setgħa legali li jissostitwixxu jew ineħħu l-komponenti soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi.

għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, “sottokuntratturi involuti fil-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża” tfisser kwalunkwe entità legali li tipprovdi inputs kritiċi li għandhom attributi uniċi essenzjali għall-funzjonament tal-prodott tad-difiża, li tiġi allokata tal-anqas 15 % tal-valur tal-kuntratt, u li teħtieġ aċċess għal informazzjoni klassifikata għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

5.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 4 u b’rispett sħiħ għall-paragrafu 3, meta jkun hemm ħtieġa urġenti għall-forniment ta’ prodott tad-difiża partikolari li tirriżulta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-akkwist ta’ prodott tad-difiża li ma jikkonformax ma’ waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 4 għandu jkun eliġibbli għall-assistenza finanzjarja skont dan il-Kapitolu dment li:

(a)

ma jkun hemm l-ebda prodott ekwivalenti li jwieġeb għal dik il-ħtieġa urġenti li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 4 jew ma jkunx disponibbli fl-iskala meħtieġa u ż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-konsenja mhuwiex proporzjonat mal-urġenza tas-sitwazzjoni u mal-ħtiġijiet operazzjonali immedjati tal-Ukrajna; jew

(b)

iż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-konsenja għal prodott tad-difiża bħal dan ikun ferm iqsar minn dak għal prodott tad-difiża li jkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu, anke jekk dak il-prodott tad-difiża kien soġġett għal talba klassifikata bħala prijorità kif imsemmi fl-Artikolu 19.

F’tali każ, l-Ukrajna għandha tipprovdi l-informazzjoni raġonevolment disponibbli għaliha li turi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga huma sodisfatti. Dik l-informazzjoni għandha tiġi vverifikata mill-Kummissjoni wara l-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti msemmija fl-Artikolu 15 mingħajr dewmien żejjed.

L-akkwist ta’ prodotti tad-difiża minn manifatturi stabbiliti f’pajjiżi terzi għajr l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna għandu jsir biss meta ma jkun hemm l-ebda alternattiva oħra disponibbli fl-Unjoni, fl-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b). Fil-kuntest tal-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), dik l-informazzjoni għandha tinkludi impenn legali dwar il-konformità maż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-konsenja.

Il-Kummissjoni għandha tapprova d-derogi msemmija f’dan il-paragrafu permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(3).

6.   Meta applikabbli, l-Istati Membri Parteċipanti għandhom jiżguraw li l-proċeduri tal-akkwist u l-kuntratti għal prodotti oħra għal finijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-akkwisti li jirċievu appoġġ skont is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jkollhom kundizzjonijiet xierqa ta’ eliġibbiltà biex jipproteġu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

7.   B’deroga mill-paragrafu 4, il-kontribuzzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 8, il-punt (e), għandhom jintużaw f’konformità mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà tal-programm tal-Unjoni kkonċernat.

8.   L-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri relatati ma’ prodotti tad-difiża jew ma’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża għandhom jiġu implimentati f’konformità ma’ wieħed mill-metodi ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

(a)

akkwisti mill-Ukrajna, soġġetti għall-validazzjoni tal-akkwist u tal-konsenja mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri Parteċipanti. L-Ukrajna għandha tkun responsabbli għal tali akkwisti skont id-dritt tal-Ukrajna, fejn il-validazzjonijiet mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri Parteċipanti għandhom jinkludu, fuq bażi ta’ kampjuni, kontrolli tad-dokumentazzjoni kuntrattwali, tal-fatturi u taċ-ċertifikati ta’ konsenja, spezzjonijiet fiżiċi għand il-fornituri u verifika fiżika tal-konsenji;

(b)

akkwisti mill-Ukrajna li jkunu akkwist komuni f’konformità mar-Regolament (UE) 2025/1106;

(c)

ftehimiet bejn l-Ukrajna u l-Istati Membri jew l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA);

(d)

ftehimiet ta’ akkwist bejn l-Ukrajna u organizzazzjonijiet internazzjonali jew intergovernattivi; jew

(e)

kontribuzzjonijiet mill-Ukrajna għall-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna stabbilit mir-Regolament (UE) 2025/2643, il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/792 għal oġġetti b’użu doppju jew programmi oħrajn tal-Unjoni.

L-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri relatati ma’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża jistgħu jiġu implimentati wkoll minn akkwisti mill-Ukrajna għal akkwisti taħt is-EUR 7 000 000, dment li jiġu żgurati ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni.

9.   Il-kuntratti konklużi mill-Ukrajna relatati ma’ akkwisti, ma’ ftehimiet jew ma’ kontribuzzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 8 għandhom ikunu eliġibbli jekk jiġu ffirmati wara l-14 ta’ Jannar 2026 dment li jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu.

10.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 26 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi testendi l-eliġibbiltà lil pajjiżi terzi għajr l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna li ma jmorrux kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, dment li dawk il-pajjiżi terzi jkunu kkonkludew ftehim mal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2025/1106. Kull att delegat għandu jispeċifika, għal kull pajjiż terz ikkonċernat, għal liema mill-prodotti tad-difiża għandha tapplika din id-dispożizzjoni. Mad-dħul fis-seħħ ta’ att delegat, il-pajjiż terz għandu jitqies li huwa inkluż fost l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna għall-fini tal-Artikolu 13(4), fir-rigward ta’ dawk il-prodotti tad-difiża.

11.   Minkejja l-paragrafu 10, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta att ta’ implimentazzjoni biex jiddetermina li pajjiż terz li mhuwiex Stat taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna li ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u li ma jkunx ikkonkluda ftehim mal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2025/1106, jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-pajjiż terz ikun impenja ruħu li jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u proporzjonata għall-kostijiet li jirriżultaw mis-self, proporzjonata mal-valur tal-kuntratti mogħtija lill-entitajiet stabbiliti f’dak il-pajjiż terz. Tali kontribuzzjoni għandha tieħu l-forma ta’ flus għas-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self abbażi ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni bejn il-pajjiż terz u l-Unjoni. Għandha tikkostitwixxi dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (e), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509;

(b)

il-pajjiż terz ikun daħal fi Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża mal-Unjoni; kif ukoll

(c)

il-pajjiż terz ikun qed jipprovdi appoġġ finanzjarju u militari lill-Ukrajna b’mod sinifikanti.

L-att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill għandu jispeċifika, għal kull wieħed mill-pajjiżi terzi kkonċernati, għal liema mill-prodotti tad-difiża għandha tapplika din id-dispożizzjoni, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu.

Mad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill, il-pajjiż terz għandu jitqies li huwa inkluż fost l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna għall-finijiet tal-Artikolu 13(4) fir-rigward ta’ dawk il-prodotti ta’ difiża.

Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta t-test emendat permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 14

Skedi għal prodotti

1.   Fir-rigward tal-ammonti approvati ta’ assistenza sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna kif imsemmi fl-Artikolu 8(2), il-punt (a)(iii), l-Ukrajna għandha tfassal skeda għal kull attività, nefqa jew miżura relatata ma’ prodott tad-difiża jew ma’ prodott ieħor għall-finijiet tad-difiża li għalihom ikollha l-ħsieb li titlob l-assistenza. Dik l-iskeda għandha tistabbilixxi:

(a)

deskrizzjoni tal-prodott tad-difiża jew ta’ prodott ieħor għall-finijiet tad-difiża; kif ukoll

(b)

informazzjoni dwar il-konformità mal-Artikolu 13.

2.   L-Ukrajna għandha tikkonsulta l-iskeda mal-Kummissjoni bil-ħsieb li jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 13. Jekk l-Ukrajna ma tidentifikax metodu ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(8) jew jekk il-Kummissjoni tqis li metodu alternattiv ta’ implimentazzjoni jkun aktar ekonomiku, effiċjenti jew effettiv, il-Kummissjoni tista’ tipproponi metodu ta’ implimentazzjoni lill-Ukrajna. Meta tipproponi lill-Ukrajna l-aktar metodu xieraq ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis it-tempestività tal-konsenja tal-prodott tad-difiża rilevanti jew prodott ieħor għal finijiet tad-difiża, tal-attività, tan-nefqa jew tal-miżura rilevanti, il-prezzijiet disponibbli, l-esperjenza tal-passat b’dak il-metodu ta’ implimentazzjoni u, fejn ġustifikata, l-esperjenza tal-passat mal-manifatturi skont dak il-metodu ta’ implimentazzjoni. Fid-determinazzjoni ta’ jekk metodu alternattiv ta’ implimentazzjoni huwiex aktar ekonomiku jew meta tqis il-prezzijiet disponibbli, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe kofinanzjament li għandu jiġi pprovdut mill-Istati Membri.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Ukrajna ma għandhiex tkun meħtieġa tfassal skeda għall-implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e).

Artikolu 15

Grupp ta’ Esperti tal-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna

1.   Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-assistenza bl-għan li tappoġġa l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti dwar il-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna.

2.   Minbarra r-rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-EDA, il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna għandu jinkludi rappreżentanti tal-Istati Membri Parteċipanti u tal-Istati taż-ŻEE-EFTA. Il-pajjiżi terzi msemmijin fl-Artikolu 13(10) għandhom jitħallew jinnominaw rappreżentanti. L-Ukrajna għandha tiġi mistiedna għal-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna kif xieraq.

3.   Il-Grupp ta’ Esperti tal-Kapaċitajiet Industrijali tad-Difiża tal-Ukrajna għandu jipprovdi pariri, għarfien espert u appoġġ dwar il-prodotti tad-difiża u prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża, dwar il-metodu ta’ implimentazzjoni, dwar id-derogi taħt l-Artikolu 13(5) u dwar l-iskedi tal-prodott.

Artikolu 16

Amministrazzjoni tal-assistenza biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna

L-Ukrajna għandha tiftaħ kont speċjali għall-iskop uniku tal-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja u ekonomika riċevuta biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna. Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta’ dak il-kont:

(a)

il-pagamenti kollha tal-kuntratti jew tal-ftehimiet li jintalbu għal assistenza sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna għandhom jitħallsu minn dak il-kont;

(b)

il-Kummissjoni għandha tingħata drittijiet ta’ monitoraġġ fuq dak il-kont;

(c)

l-Ukrajna għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport ta’ kull xahar, li għandu jiġi ppreżentat fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-aħħar ta’ kull xahar, li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(i)

id-data u l-ammont ta’ kull pagament li jsir mill-kont matul ix-xahar preċedenti;

(ii)

l-isem tar-riċevitur ta’ kull pagament;

(iii)

deskrizzjoni tal-iskop ta’ kull pagament u kif dan ikun relatat mal-kuntratti jew mal-ftehimiet sottomessi fit-talbiet għal fondi;

(iv)

kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tintalab b’mod raġonevoli mill-Kummissjoni.

Artikolu 17

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-assistenza biex tappoġġa l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, inkluż, b’mod partikolari, il-konsenja tal-prodotti, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.   Għall-akkwisti mill-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), li huma validati mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tuża l-proċess ta’ validazzjoni stabbilit fih.

3.   Għall-akkwisti mill-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), li jiġu validati mill-Istati Membri Parteċipanti, l-Istat Membru Parteċipanti għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-akkwist u l-konsenja f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni u jirrapporta lill-Kummissjoni.

4.   Għall-akkwisti mill-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-Istati Membri Parteċipanti li jkunu parti minn tali akkwist komuni għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-akkwist u l-konsenja u jirrapportaw lill-Kummissjoni. Meta fil-kuntest ta’ akkwist komuni skont ir-Regolament (UE) 2025/1106 Stat Membru Mhux Parteċipanti jaqbel li jkun marbut bir-regoli tal-eliġibbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament u li japplikahom, jiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jkun l-awtorità kontraenti li taġixxi f’isem il-pajjiżi l-oħra, l-Ukrajna għandha tirrikjedi, bħala kundizzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat Membru Mhux Parteċipanti li huwa jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-akkwist u l-konsenja u jirrapporta lill-Kummissjoni.

5.   Għal ftehimiet bejn l-Ukrajna u l-Istati Membri Parteċipanti f’konformità mal-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-Istat Membru Parteċipanti għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-konsenja u jirrapporta lill-Kummissjoni. Għal ftehimiet bejn l-Ukrajna u l-Istati Membri Mhux Parteċipanti f’konformità mal-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-Ukrajna għandha tinkludi f’tali ftehimiet obbligi fuq l-Istat Membru Mhux Parteċipanti rispettiv li jkun marbut bir-regoli ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament u li japplikahom, li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-konsenja u jirrapporta lill-Kummissjoni.

6.   Għal ftehimiet bejn l-Ukrajna u l-EDA f’konformità mal-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-EDA għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-konsenja u tirrapporta lill-Kummissjoni.

7.   Għal ftehimiet ta’ akkwist bejn l-Ukrajna u organizzazzjonijiet internazzjonali jew intergovernattivi f’konformità mal-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), l-Ukrajna għandha tinkludi f’tali ftehimiet ta’ akkwist obbligi fuq l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew intergovernattivi rispettivi biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-akkwist u l-konsenja u jirrapportaw lill-Kummissjoni.

8.   Il-paragrafi 1 sa 7 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-akkwisti mill-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 13(8) rigward l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri relatati ma’ prodotti oħra għal finijiet tad-difiża ta’ inqas minn EUR 7 000 000. Madankollu, l-Ukrajna għandha tirrapporta b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar kif timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dawn l-akkwisti u l-konsenja. Il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli bbażati fuq ir-riskju.

9.   Jekk il-Kummissjoni tiġi nnotifikata mill-Ukrajna dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ kuntratt jew ftehim f’konformità mal-Artikolu 20(2), il-punt (g), jew issir konxja min-nuqqas ta’ konsenja ta’ prodotti skont dan l-Artikolu jew in-nuqqas ta’ użu ta’ fondi fil-kont imsemmi fl-Artikolu 16, il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha mal-Ukrajna biex tadatta dawk il-fondi għal skop differenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Modifika tal-ftehimiet qafas jew tal-kuntratti

1.   Meta l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri relatati mal-prodotti tad-difiża jiġu implimentati fl-Unjoni permezz tal-metodi msemmija fl-Artikolu 13(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt(b) jew il-punt(c), ir-regoli previsti fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal ftehim jew għal kuntratt qafas eżistenti li jkollu bħala l-għan tiegħu x-xiri ta’ prodotti tad-difiża, li jintuża f’dak il-metodu ta’ implimentazzjoni, u li ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi emendat sostanzjalment. Meta tapplika l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kontraenti li kkonkludiet il-ftehim qafas jew il-kuntratt għandha tikseb il-qbil bil-quddiem tal-impriża li magħha tkun ikkonkludiet dak il-ftehim qafas jew il-kuntratt.

2.   Awtorità kontraenti ta’ Stat Membru tista’ timmodifika ftehim jew kuntratt qafas eżistenti għall-prodotti tad-difiża, meta dak il-ftehim jew il-kuntratt qafas ikun ġie konkluż ma’ impriża li tikkonforma ma’ kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 13(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament, sabiex iżżid lill-Ukrajna bħala parti minn dak il-ftehim jew il-kuntratt qafas.

3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 29(2), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2009/81/KE, awtorità kontraenti ta’ Stat Membru tista’ tagħmel emendi sostanzjali għall-kwantitajiet stabbiliti fi ftehim jew f’kuntratt qafas, b’valur stmat ogħla mil-limiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/81/KE, fejn dak il-ftehim jew il-kuntratt qafas ikun ġie konkluż ma’ impriża li tikkonforma ma’ dawk il-kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 13(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament, u sa fejn il-modifika tkun strettament neċessarja għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Għall-fini tal-kalkolu tal-valur imsemmi fil-paragrafu 3, il-valur aġġornat għandu jkun il-punt ta’ referenza meta l-kuntratt ikun jinkludi klawżola ta’ indiċjar.

5.   Awtorità kontraenti li tkun modifikat ftehim qafas jew kuntratt fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tippubblika avviż għal dak l-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/81/KE.

6.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, għandu japplika l-prinċipju ta’ drittijiet u obbligi ugwali bejn l-awtoritajiet kontraenti li huma parti għall-ftehim qafas jew il-kuntratt, b’mod partikolari rigward il-kost tal-kwantitajiet addizzjonali akkwistati.

Artikolu 19

Prijoritizzazzjoni volontarja tal-prodotti tad-difiża

1.   Għall-fini uniku ta’ dan ir-Regolament u meta l-Ukrajna tkun qed taffaċċja diffikultajiet serji fit-tqegħid jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ prodotti tad-difiża li jkunu meħtieġa b’urġenza u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 13(4) jew (5), operatur ekonomiku flimkien mal-Istat Membru Parteċipanti li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit tal-produzzjoni tiegħu jistgħu jissottomettu b’mod konġunt talba lill-Kummissjoni biex toħroġ miżura ta’ prijoritizzazzjoni sabiex tingħata prijorità lil ċerta ordni ta’ tali prodotti manifatturati minn dak l-operatur ekonomiku.

2.   It-talba konġunta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

it-talba inizjali mill-Ukrajna;

(b)

il-lista ta’ prodotti li għandhom ikunu soġġetti għall-miżura ta’ prijoritizzazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom u l-kwantitajiet li fihom għandhom jiġu forniti;

(c)

it-termini sa meta għandha titlesta l-konsenja tal-prodotti tad-difiża;

(d)

evidenza li l-operatur ekonomiku ma jistax jissodisfa t-talba mill-Ukrajna msemmija fil-punt (a) mingħajr miżura ta’ prijoritizzazzjoni; u

(e)

indikazzjoni ta’ prezz ġust u raġonevoli li bih tista’ titqiegħed il-miżura ta’ prijoritizzazzjoni kif ukoll elementi li jissostanzjaw dak il-prezz.

3.   Mal-wasla ta’ talba kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tivvaluta dik it-talba mingħajr dewmien żejjed.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 fuq data oġġettiva, fattwali, li tista’ titkejjel u sostanzjata, bl-għan li tiddetermina jekk tali prijoritizzazzjoni tkunx indispensabbli sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet severi msemmijin fil-paragrafu 1.

5.   Meta l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tikkonkludi li l-prijoritizzazzjoni tkun indispensabbli, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tadotta miżura ta’ prijoritizzazzjoni li tistabbilixxi:

(a)

il-bażi legali tat-talba klassifikata bħala prijorità li għandha tiġi rispettata mill-operatur ekonomiku;

(b)

il-lista ta’ prodotti soġġetti għat-talba klassifikata bħala prijorità, l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom u l-kwantitajiet li fihom għandhom jiġu forniti;

(c)

it-termini sa meta għandha titlesta t-talba klassifikata bħala prijorità;

(d)

il-benefiċjarji tat-talba klassifikata bħala prijorità;

(e)

l-ambitu tal-obbligi kuntrattwali li fuqhom it-talba klassifikata bħala prijorità għandu jkollha preċedenza;

(f)

ir-rinunzja tar-responsabbiltà kuntrattwali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 7; kif ukoll

(g)

il-penali previsti fil-paragrafi 12 sa 18 għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn dak l-att ta’ implimentazzjoni.

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(3)

6.   Il-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 5 għandhom:

(a)

tittieħed bi prezz ġust u raġonevoli, filwaqt li jitqiesu b’mod adegwat il-kostijiet tal-għażla tal-operatur ekonomiku meta jissodisfa l-miżura ta’ prijoritizzazzjoni meta mqabbla mal-obbligi kuntrattwali eżistenti; kif ukoll

(b)

tieħu preċedenza fuq kwalunkwe obbligu kuntrattwali skont id-dritt privat jew pubbliku relatat mal-prodotti tad-difiża soġġetti għall-miżura ta’ prijoritizzazzjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5.

7.   L-operatur ekonomiku soġġett għal miżura ta’ prijoritizzazzjoni skont il-paragrafu 5 ma għandu jkun responsabbli għall-ebda ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jkun regolat bid-dritt ta’ Stat Membru Parteċipanti, dment li:

(a)

il-ksur tal-obbligu kuntrattwali jkun strettament neċessarju għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni meħtieġa;

(b)

ikun ġie osservat l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5; kif ukoll

(c)

it-talba msemmija fil-paragrafu 1 ma kellhiex l-uniku skop li tevita bla bżonn obbligu ta’ eżekuzzjoni minn qabel skont id-dritt privat jew pubbliku.

8.   L-operatur ekonomiku soġġett għal miżura ta’ prijoritizzazzjoni jista’ jitlob lill-Kummissjoni temenda l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 meta jqis li dan ikun iġġustifikat kif xieraq fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jeżegwixxi l-miżura ta’ prijoritizzazzjoni minħabba abbiltà tal-produzzjoni jew kapaċità tal-produzzjoni insuffiċjenti, anki taħt trattament preferenzjali tat-talba;

(b)

it-tlestija tal-miżura ta’ prijoritizzazzjoni tkun tpoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli fuq l-operatur ekonomiku, u tinvolvi diffikultà partikolari għalih.

9.   L-operatur ekonomiku għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti u sostanzjata kollha biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-merti tat-talba għal emenda msemmija fil-paragrafu 8.

10.   Fuq il-bażi tal-eżami tar-raġunijiet u tal-evidenza pprovduti mill-operatur ekonomiku, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni u qbil minn qabel tal-Istat Membru Parteċipanti li fit-territorju tiegħu jinsab is-sit tal-produzzjoni rilevanti tal-operatur ekonomiku kkonċernat, tista’ temenda l-att ta’ implimentazzjoni tagħha sabiex teħles, parzjalment jew kompletament, lill-operatur ekonomiku kkonċernat mill-obbligi tiegħu skont dan l-Artikolu.

11.   Meta operatur ekonomiku, wara li jkun aċċetta b’mod espliċitu li jipprijoritizza l-ordnijiet mitlubin mill-Kummissjoni, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ma jikkonformax mal-obbligu li jagħti prijorità lil dawk l-ordnijiet, dan għandu jkun soġġett għall-multi stabbiliti fil-paragrafi 12 sa 18, ħlief meta:

(a)

l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jeżegwixxi t-talba klassifikata bħala prijorità minħabba abbiltà tal-produzzjoni jew kapaċità tal-produzzjoni insuffiċjenti, jew minħabba raġunijiet tekniċi; jew

(b)

l-eżekuzzjoni jew it-tlestija tat-talba tpoġġi piż ekonomiku mhux raġonevoli fuq l-operatur ekonomiku, u tinvolvi diffikultà partikolari għalih, inklużi riskji sostanzjali relatati mal-kontinwità tal-operat.

Id-dħul mill-multi għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 għal programm ta’ assistenza esterna li għalih tkun eliġibbli l-Ukrajna.

12.   Meta tqis li jkunu neċessarji u proporzjonati, il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ timponi multi fuq l-operaturi ekonomiċi li ma jaqbżux it-EUR 300 000 meta l-operatur ekonomiku, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ma jikkonformax mal-obbligu li jeżegwixxi t-talba klassifikata bħala prijorità skont dan l-Artikolu.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(3).

13.   Qabel ma tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 12, il-Kummissjoni għandha tipprovdi opportunità biex l-operatur ekonomiku kkonċernat jinstema’ f’konformità mal-paragrafu 15. Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe ġustifikazzjoni debitament motivata ppreżentata mill-operatur ekonomiku bl-għan li tiddetermina jekk il-multi jitqisux neċessarji u proporzjonati.

14.   Meta tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur, inkluż jekk l-operatur ekonomiku jkunx ikkonforma parzjalment mal-ordni kklassifikata bħala prijorità jew mat-talba klassifikata bħala prijorità.

15.   Qabel ma tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 12, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jkunu ngħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar:

(a)

is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluża kwalunkwe kwistjoni li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tkun qajmet oġġezzjonijiet;

(b)

il-miżuri li l-Kummissjoni jista’ jkollha l-ħsieb li tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

16.   L-operaturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni sa terminu li għandu jiġi ffissat mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha, u li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum tax-xogħol.

17.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-impożizzjoni tagħha ta’ multi biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom l-operaturi ekonomiċi kkonċernati setgħu jikkummentaw.

18.   Meta l-Kummissjoni tkun informat lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati bis-sejbiet preliminari tagħha kif imsemmi fil-paragrafu 15, jekk mitluba tagħmel dan, hija għandha tagħti aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta’ divulgazzjoni negozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-operaturi ekonomiċi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom, jew sabiex jiġu ppreżervati s-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe persuna. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali u għal dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri Parteċipanti. Dan il-paragrafu ma għandux jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddivulga u tuża l-informazzjoni neċessarja sabiex tagħti prova ta’ ksur.

19.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri Parteċipanti li jipproteġu l-interessi ta’ sigurtà essenzjali tagħhom f’konformità mal-Artikolu 346(1), il-punt (b), TFUE.

KAPITOLU V

FINANZJAMENT U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 20

Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna

1.   It-termini finanzjarji dettaljati tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.

2.   Minbarra l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 223(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jirrikjedi li:

(a)

is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ikun self b’rikors limitat li jsir dovut u pagabbli mal-okkorrenza ta’ skattatur ta’ ħlas lura kif definit fis-subparagrafu (j);

(b)

l-Ukrajna tipprovdi lill-Unjoni interess ta’ garanzija fuq il-pretensjoni tagħha fuq ir-Russja għal riparazzjonijiet bħala garanzija għas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Il-valur ta’ dak l-interess ta’ garanzija għandu fi kwalunkwe ħin ikun ugwali għall-valur tal-fondi żborżati permezz tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna;

(c)

id-drittijiet, ir-responsabbiltajiet u l-obbligu previsti fil-Ftehim Qafas taħt il-Faċilità għall-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/792 japplikaw għall-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna u għall-fondi fih;

(d)

l-ammont tal-assistenza msemmi fl-Artikolu 8(2), il-punt (a)(i) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat f’konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792, bl-eċċezzjoni tar-regoli dwar id-durata u l-ħlas lura tas-self, inkluż is-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self, kif imsemmi fl-Artikolu 22, li ikunu rregolati b’dan ir-Regolament;

(e)

l-Ukrajna tuża l-istess sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kif proposti fil-Pjan għall-Ukrajna stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2024/792, inkluż lil hinn mill-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 6(2) ta’ dak ir-Regolament;

(f)

il-Kummissjoni għandha d-dritt li timmonitorja l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri skont il-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament li jitwettqu mill-awtoritajiet Ukreni, matul iċ-ċiklu kollu tal-proġett;

(g)

l-Ukrajna għandha tinnotifika minnufih lill-Kummissjoni jekk ma jiġix implimentat abbozz ta’ kuntratt jew ta’ ftehim iffinanzjat permezz tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna;

(h)

l-Ukrajna tkompli tirrispetta l-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1);

(i)

l-Ukrajna ma treġġa’ lura l-ebda miżura meħuda skont xi strument kurrenti jew preċedenti ieħor ta’ appoġġ ipprovdut mill-Unjoni jew mill-FMI rigward il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(j)

l-Ukrajna għandha tkun responsabbli għall-ħlas lura tal-kapital tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna fi żmien 30 jum, jekk tiġi sodisfatta xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin, li kull waħda minnhom tikkostitwixxi skattatur ta’ ħlas lura għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(i)

ir-riċevuta ta’ flus mill-Ukrajna għal riparazzjonijiet tal-gwerra, għal indennizzi jew għal kwalunkwe saldu finanzjarju mingħand ir-Russja, sal-ammont ta’ tali saldu;

(ii)

90 jum mir-riċevuta ta’ assi nonmonetarji mill-Ukrajna għar-reparazzjonijiet tal-gwerra, għal indennizzi jew għal kwalunkwe saldu finanzjarju mir-Russja, għajr territorju, sal-ammont ta’ tali saldu li jiġi determinat minn valwazzjoni indipendenti. Fuq talba tal-Ukrajna, il-Kummissjoni tista’ tagħti estensjoni ta’ dan il-perjodu ta’ żmien jekk ikun strettament ġustifikat;

(iii)

l-Ukrajna tikser il-punt (h); jew

(iv)

ikun ġie stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, l-Ukrajna tkun wettqet kwalunkwe att ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(k)

l-Ukrajna tkun responsabbli li tħallas lura s-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna:

(i)

meta l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (j)(i) u (ii) jiġu ssodisfatti, għal ammont tal-valur monetarju tar-reparazzjonijiet tal-gwerra, tal-indennizzi jew ta’ kwalunkwe saldu finanzjarju mingħand ir-Russja ugwali għall-proporzjon tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna pendenti kontra s-somma tal-valur tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna pendenti, kwalunkwe self marbut mar-reparazzjonijiet pendenti pprovdut mill-membri tal-G7 u kwalunkwe obbligazzjoni pendenti taħt is-self ERA;

(ii)

meta l-kundizzjoni stipulata fil-punt (j) (iii) tiġi ssodisfatta, għall-ammont pendenti totali tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna;

(iii)

meta l-kundizzjoni stipulata fil-punt (j) (iv) tiġi ssodisfatta, għall-valur tal-frodi, tal-korruzzjoni jew ta’ kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(l)

kwalunkwe ammont tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna mhux kopert mill-obbligazzjoni msemmija fil-punt (k) jeħtieġ jibqa’ fis-seħħ sakemm iseħħu eventi skattaturi futuri ta’ ħlas lura;

(m)

fil-każ ta’ pagamenti jew ta’ rkupri, l-Ukrajna għandha tindika l-pagamenti rilevanti mis-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna li qed jitħallsu lura jew jiġu rkuprati;

(n)

l-Unjoni għandha d-dritt tuża l-assi Russi immobilizzati fl-Unjoni biex tħallas lura s-self, f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali;

(o)

L-Ukrajna tiżgura li l-proċeduri tal-akkwist u l-kuntratti għal prodotti oħra għal finijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-akkwist li jirċievi appoġġ skont is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jkollhom kundizzjonijiet xierqa ta’ eliġibbiltà biex jipproteġu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

Il-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jinkludi wkoll kwalunkwe rekwiżit ieħor meħtieġ għall-implimentazzjoni tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, inklużi dawk meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament.

3.   In-nuqqas ta’ konformità mat-termini tal-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jikkostitwixxi raġuni biex il-Kummissjoni tissospendi jew tikkanċella, kompletament jew parzjalment, ir-rilaxx tal-pagament jew tas-segmenti. In-nuqqas ta’ konformità mat-termini ta’ ripagament tal-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jikkostitwixxi addizzjonalment raġuni biex isir dovut u pagabbli l-ammont totali jew parti mill-ammont pendenti tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.

4.   Jekk jintalab, il-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-istess ħin.

Artikolu 21

Talba għall-fondi

1.   Sabiex tirċievi assistenza finanzjarja u ekonomika, l-Ukrajna għandha tissottometti lill-Kummissjoni talba debitament ġustifikata għall-fondi. Tali talba għall-fondi tista’ tiġi sottomessa mill-Ukrajna lill-Kummissjoni, fil-prinċipju, sitt darbiet fis-sena.

2.   Għall-assistenza baġitarja fil-forma ta’ self li għandu jiġi implimentat skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792, it-talba għall-fondi għandha tiġi ppreżentata f’konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792.

3.   Għall-assistenza makrofinanzjarja f’konformità mal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, it-talba għall-fondi għandha tkun akkumpanjata minn rapport f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-MtQ.

4.   Għall-assistenza sabiex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna f’konformità mal-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament:

(a)

it-talba għall-fondi tista’ tkopri diversi prodotti. Għal kull prodott kopert, it-talba għall-fondi għandu jkun fiha kuntratt jew ftehim f’konformità mal-Artikolu 13 u skeda f’konformità mal-Artikolu 14. Kuntratti jew ftehimiet bħal dawn jistgħu jiġu ffirmati jew fil-forma ta’ abbozz finalizzat;

(b)

jekk it-talba għall-fondi titlob finanzjament għal ammont akbar minn 20 % tal-ammont magħmul aċċessibbli f’konformità mad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 8, l-Ukrajna għandha tipprovdi ġustifikazzjoni dettaljata, inkluż dwar l-impatt għal talbiet futuri għall-fondi skont dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 22

Sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self

1.   B’deroga mill-Artikolu 223(4), il-punt (e), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u soġġett għar-riżorsi disponibbli, l-Unjoni tista’ ġġarrab il-kostijiet li jirriżultaw mit-teħid b’self għal self lill-Ukrajna li kieku kienu jiġġarrbu mill-Ukrajna (“sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self”). Dawk il-kostijiet jinkludu kostijiet tas-servizzjar (il-kost tal-finanzjament, il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità, u l-kost tas-servizz għall-kostijiet ġenerali amministrattivi relatati mat-teħid u mal-għoti b’self).

2.   L-Ukrajna tista’ titlob is-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self kull sena. Il-Kummissjoni tista’ tagħti s-sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self għal ammont li ma jaqbiżx il-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli fil-kuntest tal-proċedura baġitarja.

Artikolu 23

Deċiżjoni dwar ir-rilaxx tal-assistenza

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-assistenza soġġett għall-valutazzjoni tagħha tar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għall-assistenza makrofinanzjarja tal-UE:

(i)

il-konformità mal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1);

(ii)

it-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ politika stabbiliti fil-MtQ; u

(iii)

il-konformità mal-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna msemmi fl-Artikolu 20;

(b)

għall-assistenza biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna:

(i)

il-konformità mal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1);

(ii)

konferma li l-kuntratti jew il-ftehimiet ikunu għal prodotti f’konformità mal-Artikolu 13 u li l-Kummissjoni ma toġġezzjonax għall-metodi ta’ implimentazzjoni;

(iii)

konferma li l-Ukrajna tirrispetta b’mod ġenerali l-passi kwalitattivi u kwantitattivi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 (30) u fi kwalunkwe emenda tiegħu;

(iv)

il-konformità mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 16 u fil-Ftehim dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna msemmi fl-Artikolu 20; kif ukoll

(v)

sa fejn tkun meħtieġa, l-adegwatezza tal-ġustifikazzjoni dettaljata tal-Ukrajna, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-finanzjament estern impenjat u mistenni disponibbli.

Għall-assistenza baġitarja fil-forma ta’ self li għandu jiġi implimentat skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792, ir-rilaxx tal-assistenza għandu jiġi implimentat f’konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2024/792.

2.   Soġġett għall-konformità mal-ammont ta’ assistenza aċċessibbli previst fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata f’konformità mal-Artikolu 8, fejn il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tat-talba għall-fondi, hija għandha tadotta, mingħajr dewmien żejjed, deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Għall-assistenza biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna, dak l-ammont li għandu jiġi żborżat għandu jkun daqs il-valur tal-kuntratti jew tal-ftehimiet inklużi fit-talba għall-fondi.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tipproċedi bid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għall-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), b’mod kollettiv jew individwali.

4.   Meta l-Kummissjoni tagħti valutazzjoni negattiva għat-talba għall-fondi, hija għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-Ukrajna, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għall-valutazzjoni tagħha. Valutazzjoni negattiva ma għandhiex tipprevjeni lill-Ukrajna milli tippreżenta talba ġdida għall-fondi.

Artikolu 24

Finanzjament tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna

1.   Sabiex tiffinanzja l-assistenza fl-ambitu tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata msemmija fl-Artikolu 224 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.

2.   L-operazzjonijiet ta’ teħid u ta’ għoti b’self għas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna għandhom isiru bl-euro.

3.   B’deroga mill-Artikolu 31(3), it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/947, l-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Ukrajna skont is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ma għandhiex tiġi appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna. L-ebda proviżjonament għas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ma għandu jkun ikkostitwit u, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 214(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, ma għandha tiġi stabbilita l-ebda rata ta’ proviżjonament.

Artikolu 25

Applikazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva

1.   L-informazzjoni klassifikata li tinħoloq, tiġi ttrattata, tinħażen, tiġi skambjata jew kondiviża skont dan ir-Regolament għandha tiġi protetta f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (31) jew fil-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, rigward il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni, kif xieraq.

2.   Il-Kummissjoni għandha tuża sistema ta’ skambju sigur sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u ta’ informazzjoni sensittiva bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna u, meta xieraq, mal-Istati Membri Parteċipanti.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni klassifikata, neċessarja għall-kompiti assenjati lilha skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari għall-fini tal-verifika tal-kundizzjonijiet għall-iżborż tal-pagamenti u tat-twettiq tal-kontrolli, tar-rieżamijiet, tal-awditi, tal-investigazzjonijiet, tar-rapporti kif ukoll tal-kontrolli u tal-awditi, kif imsemmi fl-Artikolu 20.

4.   L-informazzjoni riċevuta bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskop li għalih tkun intalbet.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri Parteċipanti għandhom jiżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti tal-mestier u kummerċjali u ta’ informazzjoni sensittiva oħra miksuba u ġġenerata fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt nazzjonali rispettiv.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(10) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mis-6 ta’ Marzu 2026.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 13(10) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13(10) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri Parteċipanti. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   L-EDA għandha tiġi mistiedna tagħti l-fehmiet u l-għarfien espert tagħha lill-kumitat bħala osservatur. Anki s-SEAE għandu jiġi mistieden jassisti fil-ħidma tal-kumitat.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28

Djalogu dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna

1.   Sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġu żgurati trasparenza u obbligu ta’ rendikont akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni tiddiskuti l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Parlament Ewropew jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu f’riżoluzzjonijiet fir-rigward tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe element li jirriżulta mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna, inkluż riżoluzzjonijiet mill-Parlament Ewropew jekk jiġu pprovduti.

Artikolu 29

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

1.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi rigward l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-Artikolu 4(4), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(5), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 20(3) u l-Artikolu 23(2), u għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill id-dokumenti rilevanti mingħajr dewmien żejjed. L-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Kunsill fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament jew tal-implimentazzjoni tiegħu għandha ssir disponibbli fl-istess ħin għall-Parlament Ewropew, soġġetta għal arranġamenti ta’ kunfidenzjalità jekk ikunu neċessarji.

2.   Sat-30 ta’ Ġunju 2027 u t-30 ta’ Ġunju 2028, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ din l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna;

(b)

jipprovdi informazzjoni dwar il-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 17; kif ukoll

(c)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ukrajna, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ politika msemmijin fl-Artikolu 11(1).

3.   Sat-30 ta’ Ġunju 2029, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tas-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna pprovdut skont dan ir-Regolament u sa liema punt ikun ikkontribwixxa għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 331(1) TFUE, it-tieni jew it-tielet subparagrafu, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

C. KOMBOS


(1)   ĠU L, 2026/258, 2.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/258/oj.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2026 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2026.

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/313 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna (ĠU L 55, 28.2.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/313/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L 186, 13.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1201/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, li ssaħħaħ il-fond ta’ proviżjonament komuni permezz ta’ garanziji mill-Istati Membri u permezz ta’ proviżjonament speċifiku għal xi obbligazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Ukrajna ggarantiti skont id-Deċiżjoni 466/2014/UE, u li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1201 (ĠU L 245, 22.9.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1628/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2463/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna u li jipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L, 2024/2773, 28.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2773/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/335 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 57, 28.2.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/335/oj).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/334 tat-28 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 57, 28.2.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/334/oj).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/2600 tat-12 ta’ Diċembru 2025 dwar miżuri ta’ emerġenza li jindirizzaw id-diffikultajiet ekonomiċi serji kkawżati mill-azzjonijiet tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna (ĠU L, 2025/2600, 13.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2600/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2025/2643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2025 li jistabbilixxi l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża (“ir-Regolament EDIP”) (ĠU L, 2025/2643, 29.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2643/oj).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).

(15)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(17)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2988/oj).

(19)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).

(20)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1371/oj).

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/947/oj).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/609/oj).

(24)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/427/oj).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/452/oj).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1092/oj).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj).

(28)  Ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1525/oj).

(29)  Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj).

(30)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/1447, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj).

(31)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/467/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)