European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/444

3.3.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/444

tal-11 ta’ Frar 2026

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali Kanadiżi u prodotti li joriġinaw mill-Kanada fl-akkwist skont l-Istrument SAFE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Ġunju 2025, l-Unjoni kkonkludiet Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża mal-Kanada. Il-Kanada talbet formalment lill-Unjoni biex tidħol f’negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali, skont fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 (1), li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża.

(2)

Fit-18 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mal-Kanada għall-konklużjoni ta’ żewġ ftehimiet distinti li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali stabbiliti f’dawk il-pajjiżi u prodotti li joriġinaw mit-territorji tagħhom fl-akkwist skont l-Istrument SAFE stabbilit bir-Regolament (UE) 2025/1106 (l-“Istrument SAFE”).

(3)

In-negozjati bejn l-Unjoni u l-Kanada ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim. Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali Kanadiżi u prodotti li joriġinaw mill-Kanada fl-akkwist skont l-Istrument SAFE.

(4)

Il-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim tippermetti kooperazzjoni industrijali akbar fil-qasam tad-difiża u tirrifletti x-xewqa kondiviża li tiġi approfondita r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża u li titrawwem sħubija aktar mill-qrib, ibbilanċjata u ta’ benefiċċju reċiproku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada biex tiġi appoġġata l-kooperazzjoni prattika fil-qasam tad-difiża.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jidħol fis-seħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali Kanadiżi u prodotti li joriġinaw mill-Kanada fl-akkwist skont l-Istrument SAFE (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim (2).

Artikolu 2

1.   Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 15 tal-Ftehim, u soġġett għan-notifiki previsti fih mill-aħħar waħda mid-dati li fihom kull Parti tkun innotifikat lill-oħra bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħha meħtieġa għal dak l-għan.

2.   Id-data li minnha l-Ftehim għandu japplika fuq bażi proviżjonali għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Frar 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).

(2)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2026/445, 3.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/445/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/444/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)