European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/429

6.5.2026

DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/429

tal-25 ta’ Frar 2026

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2025/40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jeżenta lil ċerti operaturi ekonomiċi li jużaw it-tgeżwir tal-palits u ċ-ċineg mir-rekwiżiti tal-użu mill-ġdid ta’ 100 % ta’ dawn il-formati tal-imballaġġ

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2025/40 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2019/904, u li jħassar id-Direttiva 94/62/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(18) il-punt (a) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tgeżwir tal-palits u ċ-ċineg huma formati tal-imballaġġ għat-trasport koperti mill-miri tal-użu mill-ġdid stabbiliti fl-Artikolu 29(1), (2) u (3), tar-Regolament (UE) 2025/40. L-Artikolu 29(1) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi mira ġenerali ta’ 40 % għall-użu mill-ġdid għall-operaturi ekonomiċi li jużaw ċerti formati tal-imballaġġ għat-trasport f’sena kalendarja, li jfisser li l-operaturi jistgħu jikkumpensaw format użat b’rata baxxa ta’ użu mill-ġdid b’wieħed li għandu rata għolja ta’ użu mill-ġdid.

(2)

L-Artikolu 29(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2025/40 jimponi fuq l-operaturi ekonomiċi li jużaw dawk il-formati tal-imballaġġ għat-trasport mira ta’ użu mill-ġdid ta’ 100 % għat-trasport fl-istess kumpanija jew kumpaniji konnessi jew sħab fl-Unjoni, u għat-trasport bejn l-istess Stat Membru.

(3)

Għalkemm it-tgeżwir tal-palits u ċ-ċineg li jistgħu jerġgħu jintużaw bħalissa huma disponibbli kummerċjalment u jintużaw għat-trasport ta’ ċerti oġġetti, hemm evidenza qawwija li l-użu esklużiv tat-tgeżwir tal-palits u taċ-ċineg li jistgħu jerġgħu jintużaw għall-istabbilizzazzjoni u għall-protezzjoni tal-prodotti mqiegħda fuq il-palits matul it-trasport, fil-każijiet kollha koperti mill-Artikolu 29(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2025/40, jista’ jwassal għal kostijiet ta’ adattament sproporzjonati għall-operaturi kkonċernati.

(4)

L-evidenza turi li t-tranżizzjoni għal 100 % ta’ tgeżwir u ċineg tal-palits li jistgħu jerġgħu jintużaw tinvolvi investimenti inizjali għoljin għad-disinn mill-ġdid tal-linji tal-imballaġġ. Il-bidla lejn it-tgeżwir tal-palits u ċ-ċineg li jistgħu jerġgħu jintużaw tkun teħtieġ investimenti f’soluzzjonijiet awtomatizzati għall-imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża li għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed. Għalhekk, bidla bħal din tista’ tfixkel il-ktajjen tal-provvista u twassal għal kostijiet għall-operaturi ekonomiċi, primarjament għal dawk li jużaw l-imballaġġ għat-trasport.

(5)

Għalhekk, jeħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li jużaw it-tgeżwir tal-palits u ċ-ċineg għall-istabbilizzazzjoni u l-protezzjoni tal-prodotti mqiegħda fuq il-palits matul it-trasport jiġu eżentati mill-miri tal-użu mill-ġdid stabbiliti fl-Artikolu 29(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2025/40,

ADOTTA/ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Eżenzjoni li tikkonċerna t-tgeżwir tal-palits u ċ-ċineg

L-operaturi ekonomiċi li jużaw it-tgeżwir tal-palits jew iċ-ċineg għall-istabbilizzazzjoni u l-protezzjoni tal-prodotti mqiegħda fuq il-palits matul it-trasport huma eżentati mir-rekwiżiti tal-użu mill-ġdid ta’ 100 % ta’ dawn il-formati tal-imballaġġ stabbiliti fl-Artikolu 29(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2025/40.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2025/40, 22.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/40/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2026/429/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)