European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/419

20.2.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/419

tal-10 ta’ Frar 2026

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva tal-UE biex jitħarsu l-klieb u qtates li jgħixu fit-triq u l-annimali fis-santwarji fil-pajjiżi tal-UE/mhux tal-UE”

(notifikata bid-dokument C(2026) 958)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Jannar 2026, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva tal-UE biex jitħarsu l-klieb u qtates li jgħixu fit-triq u l-annimali fis-santwarji fil-pajjiżi tal-UE/mhux tal-UE”.

(2)

Dik it-talba ssegwi t-talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva tal-UE biex jitħarsu l-klieb u qtates li jgħixu fit-triq u l-annimali fis-santwarji fil-pajjiżi tal-UE/mhux tal-UE” li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Novembru 2025.

(3)

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2026 (C(2026) 10 final), skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi li fir-rigward tat-talba għar-reġistrazzjoni mressqa fit-28 ta’ Novembru 2025, ġew issodisfati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (d) u (e), ta’ dak ir-Regolament u li l-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiegħu ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-inizjattiva ma ssodisfatx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788. B’mod partikolari, l-Unjoni ma għandha l-ebda setgħa li tifformula u timplimenta politiki biex jitħarsu l-annimali li jgħixu fit-triq għal raġunijiet ta’ benessri tal-annimali.

(4)

Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-organizzaturi skont l-Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788 li jistgħu jew jemendaw l-inizjattiva biex iqisu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jew iżommu, jew jirtiraw, l-inizjattiva inizjali f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788.

(5)

Fit-13 ta’ Jannar 2026, il-grupp ta’ organizzaturi ressaq inizjattiva emendata.

(6)

L-għan tal-inizjattiva emendata kif espress mill-organizzaturi huwa li tistieden lill-Kummissjoni, “fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, tressaq proposti għal atti legali tal-Unjoni biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-klieb u l-qtates li jgħixu fit-triq u l-annimali fis-santwarji fl-UE u biex jiġi żgurat li l-azzjoni tal-UE fil-pajjiżi terzi ma tikkontribwix għat-tbatija tal-annimali”. B’mod partikolari, l-inizjattiva “għandha l-għan li tkompli tirrestrinġi l-użu tal-klieb u l-qtates għal skopijiet xjentifiċi, inklużi emendi possibbli għad-Direttiva 2010/63/UE” u titlob li “l-istrumenti kummerċjali, ta’ assoċjazzjoni u ta’ finanzjament tal-UE”“jitfasslu b’tali mod li l-fondi, il-benefiċċji kummerċjali jew il-kooperazzjoni tal-UE jingħataw biss jekk jiġu rispettati l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-klieb u l-qtates”. L-organizzaturi tal-inizjattiva jqisu wkoll li jenħtieġ li jiġu promossi “miżuri sostenibbli u umani bħall-ġestjoni tal-popolazzjoni, il-programmi ta’ kastrazzjoni u tilqim, il-kura veterinarja, ir-reġistrazzjoni u l-edukazzjoni dwar il-benessri tal-annimali”. L-inizjattiva emendata tinkludi anness li jipprovdi aktar dettalji dwar l-isfond tagħha, is-suġġett tagħha u l-objettivi tagħha.

(7)

Il-Kummissjoni tinnota li, fir-rigward tal-qtates u tal-klieb li jgħixu fit-triq, is-setgħa tal-Unjoni li ttejjeb il-benessri tal-annimali permezz tat-tfassil u l-infurzar tal-liġijiet hija limitata għall-oqsma ta’ politika elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri, il-politiki dwar l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispazju. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati dwar il-protezzjoni tal-qtates u tal-klieb li jgħixu fit-triq għal raġunijiet ta’ benessri tal-annimali. Dawn l-oqsma ta’ politika jibqgħu r-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri.

(8)

Fir-rigward tas-santwarji tal-annimali li jospitaw il-qtates u l-klieb, il-Kummissjoni tqis li tista’ tippreżenta proposta għal att legali abbażi tal-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 114 TFUE, sa fejn fis-suq tal-Unjoni għall-qtates u l-klieb, is-santwarji jwettqu attività ekonomika minħabba li jfornu għadd sinifikanti ta’ qtates u klieb u jikkompetu man-nissiela. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar l-introduzzjoni fis-suq tal-qtates u l-klieb ikunu jistgħu jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-benessri tal-annimali, huwa meħtieġ li jiġu applikati rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għall-qtates u għall-klieb kollha jew għall-biċċa l-kbira tagħhom introdotti fis-suq tal-Unjoni, u għalhekk jiġu inklużi l-qtates u l-klieb tas-santwarji.

(9)

Fir-rigward tal-ittestjar fuq l-annimali, il-Kummissjoni tista’ tipproponi att legali dwar l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi, inkluż annimali li jgħixu fit-triq u fis-santwarji, abbażi tal-Artikolu 114 TFUE.

(10)

Fir-rigward tal-kummerċ u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposti għal atti legali bbażati, kif xieraq, fuq l-Artikoli 207, 209, 212 u 217 TFUE, li jagħmlu l-benefiċċji ta’ tali arranġamenti kundizzjonali fuq il-konformità mal-istandards minimi għall-protezzjoni tal-qtates u tal-klieb li jgħixu fit-triq, fejn tali kundizzjonalità tkun marbuta mal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni fl-oqsma ta’ politika msemmija fl-Artikolu 13 TFUE u tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ta’ dawk il-politiki.

(11)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-finanzjament tal-Unjoni lill-Istati Membri jew lil pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposti għal atti legali abbażi tal-Artikolu 177(1) TFUE u l-Artikoli 209, 212 u 217 TFUE rispettivament, li jagħmlu l-benefiċċju tal-fondi tal-UE kundizzjonali fuq il-konformità mal-istandards minimi għall-protezzjoni tal-qtates u tal-klieb li jgħixu fit-triq, fejn tali kundizzjonalità tkun marbuta mal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni fl-oqsma ta’ politika msemmija fl-Artikolu 13 TFUE u tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ta’ dawk il-politiki, u jkun hemm rabta mill-qrib biżżejjed bejn l-iskop tal-fondi tal-UE u dik il-protezzjoni.

(12)

B’kuntrast ma’ dan, il-Kummissjoni ma setgħetx tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati dwar il-protezzjoni tal-qtates u tal-klieb li jgħixu fit-triq għal raġunijiet ta’ benessri tal-annimali. Għalhekk, fir-rigward ta’ dik il-parti tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tikkonkludi li din ma tissodisfax ir-rekwiżit legali fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2019/788.

(13)

Għal dawk ir-raġunijiet, f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/788, jenħtieġ li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta tiġi rreġistrata parzjalment, fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tal-inizjattiva li ma jkunux manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(14)

Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(15)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

(16)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(17)

Għalhekk, l-inizjattiva intitolata “Inizjattiva tal-UE biex jitħarsu l-klieb u qtates li jgħixu fit-triq u l-annimali fis-santwarji fil-pajjiżi tal-UE/mhux tal-UE” jenħtieġ li tiġi rreġistrata parzjalment abbażi tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (7) sa (12).

(18)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni parzjali skont l-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva kif irreġistrata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva kif irreġistrata jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva tal-UE biex jitħarsu l-klieb u qtates li jgħixu fit-triq u l-annimali fis-santwarji fil-pajjiżi tal-UE/mhux tal-UE” għandha tiġi rreġistrata parzjalment.

2.   Jistgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal dik l-inizjattiva dment li din timmira l-proposti tal-Kummissjoni għal atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati:

(a)

għal dak kollu li jikkonċerna s-santwarji tal-annimali li jospitaw il-qtates jew il-klieb, sa fejn is-santwarji jipparteċipaw fis-suq tal-Unjoni għall-qtates u l-klieb;

(b)

għal dak kollu li jikkonċerna l-użu ta’ annimali għal skopijiet xjentifiċi, inklużi annimali li jgħixu fit-triq u f’santwarji tal-annimali;

(c)

iż-żieda tal-klawżoli mal-ftehimiet kummerċjali jew ta’ assoċjazzjoni internazzjonali li skonthom il-benefiċċji ta’ tali ftehimiet isiru kundizzjonali fuq il-konformità mal-istandards minimi għall-protezzjoni tal-qtates u tal-klieb li jgħixu fit-triq;

(d)

il-benefiċċju tal-fondi tal-UE jsir kundizzjonali fuq il-konformità mal-istandards minimi għall-protezzjoni tal-qtates u tal-klieb li jgħixu fit-triq.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Inizjattiva tal-UE biex jitħarsu l-klieb u qtates li jgħixu fit-triq u l-annimali fis-santwarji fil-pajjiżi tal-UE/mhux tal-UE”, irrappreżentata minn Gisela URBAN u Hans-Erich Rainer GAERTNER li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Frar 2026.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/419/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)