European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/380

23.2.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/380

tal-20 ta’ Frar 2026

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propan-2-ol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 1, 2 u 4 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Il-propan-2-ol ġie approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 1, 2, u 4 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/407 (2), soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-approvazzjoni tal-propan-2-ol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 1, 2, u 4 (“l-approvazzjoni”) għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2026. Fid-19 ta’ Diċembru 2024, tressqu applikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-propan-2-ol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 1, 2 u 4 (“l-applikazzjonijiet”).

(3)

Fil-11 ta’ Frar 2025, l-awtorità kompetenti li tevalwa tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjonijiet. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa għandha twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont kif ikun xieraq, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż 180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) għandha tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu twil biżżejjed biex l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu eżaminati. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, u għat-tħejjija u għas-sottomissjoni mill-Aġenzija tal-opinjonijiet tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-propan-2-ol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 1, 2 u 4, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2028.

(7)

Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-propan-2-ol jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 1 2 u 4, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/407,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propan-2-ol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodotti 1, 2 u 4, stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/407, hija posposta għall-31 ta’ Diċembru 2028.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/407 tal-11 ta’ Marzu 2015 li japprova l-propan-2-ol bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għat-tipi ta’ prodott 1, 2 u 4 (ĠU L 67, 12.3.2015, p. 15; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/407/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/380/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)