|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/379 |
23.2.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/379
tal-20 ta’ Frar 2026
li tħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1487 u (UE) 2025/434 li tipposponi d-dati tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18, rispettivament, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
L-etofenprox ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġie għalhekk meqjus bħala approvat skont dak ir-Regolament soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE. |
|
(2) |
L-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 8 kienet se tiskadi fil-31 ta’ Jannar 2020. Fis-27 ta’ Lulju 2018, ġiet ippreżentata applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid ta’ dik l-approvazzjoni. |
|
(3) |
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/994 (3) l-Kummissjoni pposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 sal-31 ta’ Ottubru 2022, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ dik l-approvazzjoni. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1487 (4), il-Kummissjoni pposponiet ulterjorment id-data tal-iskadenza ta’ dik l-approvazzjoni sal-31 ta’ Ottubru 2026, minħabba dewmien marbut mal-istudji meħtieġa biex jivvalutaw il-kriterji għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tal-etofenprox. |
|
(4) |
L-etofenprox ġie wkoll approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1036/2013 (5), soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(5) |
L-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 18 kienet se tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2025. Fil-25 ta’ Ottubru 2023, ġiet ippreżentata applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid ta’ dik l-approvazzjoni. |
|
(6) |
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/434 (6), il-Kummissjoni pposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 sal-31 ta’ Diċembru 2027, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18. |
|
(7) |
Madankollu, fit-12 ta’ Ġunju 2025, l-applikant li ppreżenta l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 informa lill-Kummissjoni li rtira ż-żewġ applikazzjonijiet tiegħu. |
|
(8) |
Konsegwentement, peress li ma ġiex stabbilit li l-etofenprox għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/378 (7) ma ġedditx l-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18. Għalhekk, huwa xieraq li jitħassru d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1487 u (UE) 2025/434 li jipposponu d-dati tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18, rispettivament, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1487 u (UE) 2025/434 huma revokati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/994 tas-17 ta’ Ġunju 2019 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (ĠU L 160, 18.6.2019, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/994/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1487 tas-7 ta’ Settembru 2022 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 233, 8.9.2022, p. 85; ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1487/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1036/2013 tal-24 ta’ Ottubru 2013 li japprova l-etofenproks bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18 (ĠU L 283, 25.10.2013, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1036/oj).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/434 tal-5 ta’ Marzu 2025 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/434, 6.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/434/oj).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/378 tal-20 ta’ Frar 2026 li ma ġġeddidx l-approvazzjoni tal-etofenprox għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi ta’ prodott 8 u 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2026/378, 23.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/378/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/379/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)