|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/369 |
19.2.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/369
tal-11 ta’ Frar 2026
dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assistenza finanzjarja lill-Portugall skont ir-Regolament (UE) 2025/1106
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni nediet sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-assistenza finanzjarja skont l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tal-Istrument għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (l-“istrument SAFE”), filwaqt li talbet lill-Istati Membri jipprevedu ammont ta’ self massimu u minimu indikattiv. Sad-29 ta’ Awwissu 2025, 19-il Stat Membru kienu esprimew interess li jiksbu assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2025/1106. |
|
(2) |
Fid-9 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Istati Membri rikjedenti dwar l-allokazzjoni tentattiva tal-ammonti ta’ self għal kull Stat Membru. |
|
(3) |
Fid-29 ta’ Novembru 2025, il-Portugall ippreżenta talba f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2025/1106 għal assistenza finanzjarja (it-“talba”) akkumpanjata minn pjan ta’ investiment għall-industrija tad-difiża Ewropea (il-“pjan”). |
|
(4) |
Il-Kummissjoni vvalutat it-talba skont il-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2025/1106. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2025/1106, il-pjan kien motivat u sostanzjat kif xieraq u kien jinkludi deskrizzjoni tal-prodotti tad-difiża u ta’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża, u fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-involviment previst tal-Ukrajna fl-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri ppjanati, jew tal-azzjonijiet previsti għall-benefiċċju tal-Ukrajna. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni sabet li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2025/1106 għall-użu tal-istrument SAFE. B’mod partikolari, tiżgura li l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri relatati mal-prodotti tad-difiża jew ma’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża jitwettqu permezz ta’ akkwisti komuni jew akkwisti uniċi. Tali attivitajiet, nefqiet u miżuri għandhom ikollhom ukoll wieħed, jew aktar, mill-objettivi li ġejjin: li jħaffu l-aġġustament tal-industrija tad-difiża għal bidliet strutturali, itejbu d-disponibbiltà f’waqtha tal-prodotti tad-difiża jew jiżguraw l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà madwar l-Unjoni. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-talba fiha deskrizzjoni tal-miżuri ppjanati maħsuba biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2025/1106 u mar-regoli tal-akkwist stabbiliti f’dak ir-Regolament, inkluż deskrizzjoni ta’ kif għandha tiġi żgurata dik il-konformità. |
|
(8) |
B’riżultat ta’ dan, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2025/1106, il-Kummissjoni sabet li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 16. |
|
(9) |
F’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2025/1106, il-Kummissjoni qieset il-ħtiġijiet ta’ finanzjament eżistenti u mistennija tal-Portugall kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont dak ir-Regolament diġà ippreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li tapplika l-prinċipju tat-trattament ugwali, tas-solidarjetà, tal-proporzjonalità u tat-trasparenza. |
|
(10) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (3). |
|
(11) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli rilevanti adottati skont l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE, Euratom) 2024/2509 (4) u (UE, Euratom) 2020/2092 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2025/1106, jenħtieġ li l-ftehim ta’ self li għandu jiġi konkluż mal-Portugall jistabbilixxi l-miżuri xierqa kollha meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Huwa b’dan ikkonfermat li l-Kummissjoni vvalutat it-talba għal assistenza finanzjarja taħt l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tal-Istrument għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża ppreżentat mill-Portugall fid-29 ta’ Novembru 2025 u sabet li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2025/1106, b’mod partikolari dawk fl-Artikolu 4, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 16. L-assistenza finanzjarja għandha tkun disponibbli għal Portugall skont dan.
Artikolu 2
1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall self li jammonta għal massimu ta’ EUR 5 841 179 332.
2. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed is-self ta’ appoġġ għad-dispożizzjoni tal-Portugall. Ammont ta’ EUR 876 176 899,80 għandu jkun disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Frar 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(4) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(5) Ir-Regolamenti (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjon (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2092/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/369/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)