European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/350

13.2.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/350

tal-11 ta’ Frar 2026

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni tal-ħnieżer Afrikan fil-Polonja

(notifikata bid-dokument C(2026) 922)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni tal-ħnieżer Afrikan huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, li jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. Fil-każ ta’ tifqigħat tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi, ikun hemm riskju serju li dik il-marda tinfirex f’annimali porċini selvaġġi oħra u f’azjendi oħra tal-annimali porċini miżmuma.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari l-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu ċerti miżuri għall-kontroll tal-mard li jridu jittieħdu fil-każ ta’ konferma uffiċjali tat-tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A fl-annimali selvaġġi, inkluż id-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi. B’mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona infettata u l-projbizzjonijiet fuq il-movimenti tal-annimali selvaġġi tal-ispeċijiet elenkati u tal-prodotti li joriġinaw minnhom.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 (4) jistabbilixxi l-miżuri ta’ kontroll speċjali tal-mard rigward id-deni tal-ħnieżer Afrikan. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(b) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona infettata fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi, f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li wara tifqigħa tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini selvaġġi fi Stat Membru jew f’żona li qabel kienet ħielsa mill-mard, dik iż-żona trid tiġi elenkata bħala żona infettata fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, u li ż-żona infettata stabbilita f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 trid tiġi aġġustata mingħajr dewmien biex tinkludi mill-inqas iż-żona infettata elenkata fil-Parti A tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(4)

Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-Istati Membri kkonċernati għandhom japplikaw il-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard stabbiliti f’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni applikabbli għaż-żoni ristretti II fiż-żoni elenkati bħala żoni infettati fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, flimkien mal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jipprojbixxu l-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma u tal-prodotti tagħhom lejn Stati Membri oħrajn u lejn pajjiżi terzi miż-żona infettata tal-Istat Membru kkonċernat elenkata fil-Parti A tal-Anness II.

(5)

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tista’ tiddeċiedi li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma tapplikax għall-movimenti tal-kunsinni tal-prodotti tal-laħam, inkluż il-budellati, miksuba mill-annimali porċini miżmuma fiż-żona infettata elenkata fil-Parti A tal-Anness II tiegħu, li jkun sarilhom it-trattament rilevanti għall-mitigazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(6)

Fil-5 ta’ Frar 2026, il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fir-rigward tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fit-territorju tagħha, wara n-notifika ta’ tifqigħa kkonfermata tad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’annimal porċin selvaġġ fir-reġjun ta’ Zachodniopomorskie; li qabel kien meqjus bħala ħieles mid-deni tal-ħnieżer Afrikan. L-awtorità kompetenti tal-Polonja konsegwentement stabbiliet żona infettata f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, biex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(7)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġi evitat li pajjiżi terzi jimponu elementi li jimblokkaw il-kummerċ mingħajr ġustifikazzjoni, hemm bżonn li, fil-livell tal-Unjoni, tiġi stabbilita f’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru ż-żona infettata għad-deni tal-ħnieżer Afrikan fil-Polonja.

(8)

Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat aktar tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, sakemm iż-żona tal-Polonja affettwata mit-tifqigħa riċenti tad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’annimal porċin selvaġġ tiġi elenkata bħala żona infettata fil-Parti A tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, jenħtieġ li din iż-żona tal-Polonja tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard, bħall-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard applikabbli għaż-żoni ristretti II previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 għaż-żona li ġiet elenkata bħala żona infettata fil-Parti A tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(9)

Minħabba n-natura persistenti u serja ta’ din is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġdida tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Unjoni, u filwaqt li jitqies ir-riskju immedjat akbar ta’ aktar tixrid tal-marda, jenħtieġ li l-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard, bħall-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan previsti fl-Artikoli 8(3) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594 japplikaw ukoll għall-movimenti tal-kunsinni tal-annimali porċini miżmuma u tal-prodotti tagħhom miż-żona elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi, minbarra l-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(10)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, huwa importanti li l-miżuri ta’ kontroll ta’ emerġenza tal-mard stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(11)

Għaldaqstant, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, jenħtieġ li ż-żona infettata fil-Polonja tiġi stabbilita minnufih u elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll li tiġi stabbilita d-durata ta’ dak iż-żonar, u jenħtieġ jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ kontroll ta’ emerġenza interim tal-mard.

(12)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTA/ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Polonja għandha tistabbilixxi żona infettata għad-deni tal-ħnieżer Afrikan f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mal-Artikolu 3, il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594. Dik iż-żona għandha tinkludi ż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, u għandha tinżamm matul iż-żmien stipulat fl-Anness.

Artikolu 2

Fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, il-Polonja għandha tapplika sad-dati speċifikati fl-Anness:

(a)

il-miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard applikabbli għaż-żoni ristretti II stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594,

(b)

il-miżuri previsti fl-Artikolu 8(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u

(c)

il-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-4 ta’ Mejju 2026.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Frar 2026.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 tas-16 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/594/oj).


ANNESS

Żoni stabbiliti bħala żona infettata fil-Polonja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

W powiecie koszalińskim:

a)

powiat miejski Koszalin,

b)

w gminie Będzino miejscowości: Dobiesławiec, Mścice,

c)

w gminie Biesiekierz miejscowości: Gniazdowo, Laski Koszalińskie, Nowe Bielice, Stare Bielice, Tatów,

d)

w gminie Manowo miejscowości: Bonin, Cewlino, Dęborogi, Manowo, Rosnowo, Wiewiórowo, Wyszebórz, Wyszewo,

e)

w gminie Sianów miejscowości: Gorzebądź, Kędzierzyn, Kleszcze, Kłos, Maszkowo, Mokre, Sianów, Sieciemin, Skibno, Skwierzynka, Sucha Koszalińska, Szczeglino, Szczeglino Nowe, Węgorzewo, część miejscowości Karnieszewice położona na południowy-zachód od linii wyznaczonej przez drogę łączącą miejscowości Kołzin–Karnieszewice-Siecieminek,

f)

w gminie Świeszyno miejscowości: Dunowo, Giezkowo, Konikowo, Mierzym, Niedalino, Niekłonice, Strzekęcino, Świeszyno.

4.5.2026


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/350/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)