|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/335 |
10.2.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/335
tad-9 ta’ Frar 2026
li jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-awtorizzazzjoni minn qabel għall-importazzjonijiet tal-gass fl-Unjoni skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2026/261 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2026/261 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Jannar 2026 dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu u t-tħejjija tal-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu, it-titjib fil-monitoraġġ tad-dipendenzi potenzjali tal-enerġija, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1938 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2026/261 introduċa projbizzjoni legali fuq l-importazzjonijiet ta’ gass naturali li joriġina jew li jiġi esportat direttament jew indirettament mill-Federazzjoni Russa. |
|
(2) |
L-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament introduċa proċess ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li huwa maħsub biex jippermetti proċess ta’ verifika bla xkiel tal-pajjiż tal-produzzjoni qabel ma jidħol il-gass fit-territorju doganali tal-Unjoni. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2026/261, l-importazzjonijiet ta’ gass naturali minn pajjiż terz, għajr il-Federazzjoni Russa, jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel taħt kundizzjonijiet definiti b’mod ċar. Il-kundizzjonijiet iridu jitqiesu ssodisfati meta pajjiż terz jipproduċi gass naturali, ikun esporta aktar minn 5 bcm ta’ gass naturali lejn l-Unjoni fl-2024 u jkun ipprojbixxa l-importazzjoni tal-gass Russu jew ikun qed japplika miżuri restrittivi oħra li jikkonċernaw il-gass Russu, jew meta pajjiż terz ma jkollu l-ebda infrastruttura tal-gass stabbilita li tippermetti l-importazzjoni tal-gass naturali likwifikat jew tal-gass mill-pipelines. |
|
(4) |
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2026/261 fil-mument tal-adozzjoni tagħha. |
|
(5) |
Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2026/261 u li jitressqu minnufih l-elementi meħtieġa għall-funzjonament bla xkiel tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, billi tingħata ċarezza dwar liema importazzjonijiet ta’ gass naturali huma eżentati minn awtorizzazzjoni minn qabel, huwa meħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ minnufih wara l-adozzjoni tagħha biex tiġi evitata l-inċertezza għall-awtoritajiet ikkonċernati u għall-parteċipanti fis-suq. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
F’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2026/261, il-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eżentati mill-awtorizzazzjoni minn qabel:
|
(a) |
l-Alġerija; |
|
(b) |
in-Niġerja; |
|
(c) |
in-Norveġja; |
|
(d) |
il-Qatar; |
|
(e) |
ir-Renju Unit; |
|
(f) |
l-Istati Uniti. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2026/261, 2.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/261/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/335/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)