|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/330 |
10.2.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/330
tad-9 ta’ Frar 2026
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2754 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament Bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 13, 15 u 19 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“Il-Kummissjoni”) imponiet dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-miżuri oriġinali”) bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2754 (2). Minn hawn ’il quddiem, l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”. |
|
(2) |
Il-premessa (1422) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2754 iddikjarat li tista’ tiġi identifikata u implimentata soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku, fost l-oħrajn ma’ produtturi esportaturi individwali, anke wara l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rċeviet offerta ta’ impenn minn produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat, Volkswagen (Anhui) Automotive Co., Ltd. (“VW (Anhui)”). |
1.2. Bidu ta’ rieżami interim
|
(3) |
Wara li ddeċidiet, wara li informat lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li kien hemm biżżejjed evidenza rigward il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 13 u 19 tar-Regolament Bażiku, fl-4 ta’ Diċembru 2025 il-Kummissjoni bdiet, fuq inizjattiva tagħha stess, rieżami interim parzjali fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) (“in-Notifika tal-Bidu”). |
|
(4) |
L-ambitu tar-rieżami interim parzjali huwa limitat għal eżami tal-forma tal-miżura u, speċifikament, għall-eżami tal-aċċettabbiltà u l-prattiċità ta’ impenn li kien ġie offrut minn VW (Anhui), produttur esportatur fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
1.3. Partijiet interessati
|
(5) |
Fin-Notifika tal-Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami interim, l-impenn li ngħata mill-produttur esportatur u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. |
1.4. Proċedura sussegwenti
|
(6) |
Waslu kummenti dwar il-bidu mingħand il-Gvern taċ-Ċina (GTĊ), il-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, “CCCME”) u Volkswagen (Anhui) flimkien mal-importatur relatat tagħha fl-UE, SEAT S.A.. Il-kummenti ġew indirizzati kif stabbilit fil-premessi li ġejjin. L-ebda waħda mill-partijiet interessati ma talbet seduta ta’ smigħ dwar il-bidu tal-investigazzjoni. |
|
(7) |
Il-GTĊ u s-CCCME asserew li s-CCCME, f’isem il-grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi, kienet diġà preċedentement ipproponiet soluzzjoni komprensiva li tirrappreżenta l-pożizzjoni kollettiva tal-industrija. Huma kkritikaw lill-Kummissjoni talli daħlet f’diskussjonijiet bilaterali ma’ intrapriżi individwali. Il-GTĊ enfasizza li l-Kummissjoni jenħtiġilha tirrispetta strettament il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tkompli d-djalogu tagħha mal-awtoritajiet Ċiniżi. Fl-aħħar nett, iż-żewġ partijiet talbu lill-Kummissjoni biex tiddivulga aktar dettalji dwar it-termini tal-impenn ta VW (Anhui). |
|
(8) |
Il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament bażiku jsemmi li kwalunkwe esportatur jista’ jimpenja ruħu “li jirrevedi l-prezzijiet tiegħu [...] sakemm tali esportazzjonijiet ikunu jgawdu minn sussidji kumpensabbli, biex il-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-effett ta’ dannu tas-sussidji jkun b’hekk ġie eliminat”. Dan huwa rikonoxxut ukoll fil-premessa (1422) tar-Regolament definittiv, fejn il-produtturi esportaturi individwali jissemmew ukoll b’mod espliċitu. |
|
(9) |
F’dan il-każ speċifiku, il-Kummissjoni rċeviet offerta ta’ impenn mingħand kumpanija individwali li kien fiha biżżejjed elementi biex titqies prattikabbli u konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, li kien il-bażi tal-bidu tar-rieżami attwali. Din kienet l-unika offerta ta’ impenn sottomessa formalment lill-Kummissjoni minn mindu ġew imposti l-miżuri kumpensatorji definittivi. Għalhekk, l-approċċ tal-Kummissjoni ma jistax jitqies bħala diskriminatorju, peress li ma kien hemm l-ebda sitwazzjoni simili oħra li kien jenħtiġilha tiġi ttrattata bl-istess mod. Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni. |
|
(10) |
Fir-rigward tat-talba ta’ dawn il-partijiet biex jiddivulgaw aktar dettalji tal-offerta ta’ impenn, il-Kummissjoni fakkret li l-partijiet interessati kollha kienu ngħataw verżjoni miftuħa dettaljata tal-offerta ta’ impenn u ppermettiet lill-partijiet interessati jifhmu b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni li ngħatat b’mod kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikoli 13(4) u 29(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li f’konformità mal-Artikolu 29(5) tar-Regolament bażiku, hija ma għandha tiżvela l-ebda informazzjoni li tkun irċeviet skont ir-Regolament bażiku u li jkun intalab trattament kunfidenzjali għaliha. Għalhekk, it-talba biex tingħata aktar informazzjoni dwar l-elementi tal-offerta ta’ impenn ġiet miċħuda. |
|
(11) |
Fil-kummenti tagħha VW (Anhui) tenniet il-karatteristiċi ewlenin tal-impenn offrut u kkonkludiet li, fil-fehma tagħha, l-offerta ta’ impenn tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. |
|
(12) |
Fit-12 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha taċċetta l-impenn ta’ VW (Anhui) u b’hekk temenda r-regolament li jimponi miżuri definittivi. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni. |
|
(13) |
Wara d-divulgazzjoni, il-GTĊ u VW (Anhui), flimkien ma’ SEAT S.A., taw il-kummenti tagħhom. Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u ġew meqjusa, fejn xieraq. |
|
(14) |
Fis-sottomissjoni tiegħu, il-GTĊ tenna l-kummenti li kien diġà għamel fil-bidu tal-investigazzjoni, l-enfasi li l-Kummissjoni jenħtieġ li taderixxi mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u mar-regoli tad-WTO, u evalwazzjoni oġġettiv u imparzjali ta’ kull applikazzjoni ta’ impenn fuq il-prezz ta’ intrapriżi Ċiniżi. Il-GTĊ talab ukoll li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiddivulga aktar dettalji dwar il-klawżoli tal-impenn fuq il-prezz tal-kumpaniji rilevanti. |
|
(15) |
Peress li l-GTĊ ma ta l-ebda argumentazzjoni ġdida rigward il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (8) sa (10). Kif diġà ġie stabbilit fil-premessa(10), f’konformità mal-Artikolu 29(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ma għandha tiżvela l-ebda informazzjoni li tkun irċeviet skont ir-Regolament bażiku u li jkun intalab trattament kunfidenzjali għaliha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonfermat li t-talba biex tagħti aktar informazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(16) |
Fis-sottomissjoni konġunta tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, VW (Anhui) u SEAT S.A. enfasizzaw li huma avvanzaw it-tħejjijiet għall-applikazzjoni tal-impenn propost. Il-kumpaniji affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkonformaw mat-termini kollha tal-offerta ta’ impenn. |
|
(17) |
L-ebda parti ma talbet seduta ta’ smigħ. |
|
(18) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li taċċetta l-offerta ta’ impenn bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/328 (5). |
|
(19) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2754
1. Fl-Artikolu 1(2):
|
“Kumpaniji oħrajn li kkooperaw (Anness) |
20,7 %” |
hija sostitwita bi:
|
“Kumpaniji oħrajn li kkooperaw (Anness I) |
20,7 %” |
2. Jiżdiedu l-Artikoli 2a u 2b ġodda:
“Artikolu 2a
1. Importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera għandhom ikunu eżentati mid-dazju kumpensatorju impost mill-Artikolu 1, ġaladarba jkunu manifatturati, mibgħuta u fatturati minn kumpanija li l-impenn mingħandha huma aċċettati mill-Kummissjoni u li l-isem tagħhom huwa elenkat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/328, u jkunu ġew importati skont id-dispożizzjonijiet tal-istess Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.
2.2. L-importazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu eżenti mit-taxxa kumpensatorja bil-kondizzjoni li:
|
(a) |
għal importazzjonijiet bħal dawn, tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ impenn lid-dwana, li jkun fiha mill-inqas l-elementi stipulati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament; u |
|
(b) |
l-oġġetti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrispondu preċiżament mad-deskrizzjoni kemm fuq id-dikjarazzjoni ta’ impenn kif ukoll fuq il-fattura kummerċjali relatata mal-kunsinna ta’ importazzjoni ddikjarata għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera. |
Dejn mad-dwana għandu jiġġarrab fil-mument ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera:
|
(a) |
kull meta jiġi stabbilit, fir-rigward tal-importazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, li ma ġewx issodisfati waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet elenkati f'dak il-paragrafu u l-paragrafu 2; jew |
|
(b) |
meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn skont l-Artikolu 13(9) tar-Regolament (UE) 2016/1037 f’Regolament jew Deċiżjoni li tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara bħala invalidi l-fatturi rilevanti tal-impenn. |
Artikolu 2b
Il-kumpanija li l-Kummissjoni taċċetta impenji mingħandha u li isimha jkun elenkat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/328 u li tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet speċifikati hemmhekk, toħroġ ukoll fattura għal tranżazzjonijiet li ma humiex eżentati mid-dazju kumpensatorju. Din il-fattura tkun fattura kummerċjali li jkun fiha tal-inqas l-elementi stipulati fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.”
3. L-Anness jingħata t-titolu l-ġdid ta’ “Anness I”. L-Anness II u l-Anness III il-ġodda jiżdiedu f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1037/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2754 tad-29 ta’ Ottubru 2024 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/2754, 29.10.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2754/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj).
(4) Notifika tal-bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi bil-batterija ġodda ddisinjati għat-trasport tal-persuni, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2025/6545, 4.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6545/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/328 tad-9 ta’ Frar 2026 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-miżuri antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU L, 2026/328, 10.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/328/oj).
ANNESS
Jiżdiedu l-Annessi II u III ġodda mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2754 kif ġej:
“ANNESS II
L-elementi li ġejjin għandhom ikunu indikati fid-Dikjarazzjoni ta’ Impenn li tkopri l-bejgħ tal-Kumpanija lill-Unjoni Ewropea ta’ oġġetti, li huma soġġetti għall-Impenn:
|
(1) |
L-intestatura “DIKJARAZZJONI TA’ IMPENN LI TKOPRI L-OĠĠETTI SOĠĠETTI GĦAL IMPENN”; |
|
(2) |
L-isem tal-Kumpanija li toħroġ id-Dikjarazzjoni ta’ Impenn; |
|
(3) |
In-numru tal-Fattura Kummerċjali li miegħu hija relatata d-Dikjarazzjoni ta’ Impenn; |
|
(4) |
Id-data tal-ħruġ tal-Fattura Kummerċjali li magħha hija relatata d-Dikjarazzjoni ta’ Impenn; |
|
(5) |
Il-kodiċi addizzjonali TARIC li taħtu l-prodotti koperti mid-Dikjarazzjoni tal-Impenn għandhom jiġu rilaxxati mid-dwana fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea (kif speċifikat fir-Regolament li jimponi d-dazju kumpensatorju definittiv); |
|
(6) |
Id-deskrizzjoni preċiża f’lingwaġġ sempliċi tal-oġġetti u:
|
|
(7) |
Isem il-kumpanija li taġixxi ta’ importatur li lilha tinħareġ direttament il-fattura mill-Kumpanija; |
|
(8) |
Isem l-uffiċjal tal-Kumpanija li jkun ħareġ il-fattura d-Dikjarazzjoni ta’ Impenn u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat/a, niċċertifika li l-bejgħ għal esportazzjoni diretta lejn l-Unjoni Ewropea tal-oġġetti koperti b’din id-Dikjarazzjoni ta’ Impenn qiegħed isir fl-ambitu u taħt il-kundizzjonijiet tal-Impenn offrut minn [Kumpanija], u aċċettat mill-Kummissjoni Ewropea permezz [tar-Regolament] [tad-Deċiżjoni]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din id-Dikjarazzjoni ta’ Impenn hija sħiħa u korretta.” |
Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni ta’ Impenn għandha tkun akkumpanjata mid-dettalji rilevanti tat-talba għat-traċċar tal-kunsinna kif maħruġa taħt il-pjattaforma TRON mid-DĠ KUMMERĊ U SIGURTÀ EKONOMIKA tal-Kummissjoni Ewropea.
ANNESS III
|
L-elementi li ġejjin għandhom jiġu indikati fil-Fattura Kummerċjali li takkumpanja l-bejgħ tal-Kumpanija fl-Unjoni Ewropea ta’ oġġetti, li huma soġġetti għal dazji kumpensatorji: |
|
(1) |
L-intestatura “FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA OĠĠETTI SOĠĠETTI GĦAL DAZJI KUMPENSATORJI”; |
|
(2) |
Isem il-Kumpanija li toħroġ il-Fattura Kummerċjali u l-isem tal-Kumpanija li timmanifattura l-merkanzija; |
|
(3) |
In-Numru tal-Fattura Kummerċjali; |
|
(4) |
Id-data tal-ħruġ tal-Fattura Kummerċjali; |
|
(5) |
Il-kodiċi addizzjonali TARIC li skontu l-oġġetti fil-fattura għandhom jiġu approvati mid-dwana fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea; |
|
(6) |
Id-deskrizzjoni preċiża f’lingwaġġ sempliċi tal-oġġetti u:
|
|
(7) |
Id-deskrizzjoni tat-termini tal-bejgħ, fosthom:
|
|
(8) |
Isem u l-firma tal-uffiċjal tal-Kumpanija li ħareġ il-Fattura Kummerċjali. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/330/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)