|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/328 |
10.2.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/328
tad-9 ta’ Frar 2026
li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-miżuri antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 13 u 15 tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2),
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Wara investigazzjoni antisussidji (“l-investigazzjoni oriġinali”), permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2754 (3), il-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji definittivi fuq vetturi elettriċi ġodda bil-batterija, iddisinjati prinċipalment għat-trasport ta’ disa’ persuni jew anqas, inkluż is-sewwieq, minbarra l-vetturi tal-kategorija L f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-muturi, bi propulsjoni (irrispettivament mill-għadd ta’ roti mdawrin) minn mutur elettriku wieħed biss jew aktar, inklużi dawk b’estensur tal-awtonomija b’kombustjoni interna (unità ta’ potenza awżiljarja), li bħalissa jaqgħu taħt il-Kodiċi NM ex 8703 80 10 (il-kodiċi TARIC 8703 80 10 10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew il-“pajjiż ikkonċernat”) (“il-prodott ikkonċernat”). Il-miżuri kellhom l-għamla ta’ dazju ad valorem li jvarja minn 7,8 % sa 35,3 %. |
|
(2) |
Il-premessa (1422) tar-Regolament (UE) 2024/2754 iddikjarat li soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku mal-Gvern taċ-Ċina (“GTĊ”) fil-forma ta’ impenn mal-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (CCCME, China Chamber of Commerce for Import & Export of Machinery & Electronic Products) u/jew ma’ produtturi esportaturi individwali tista’ tiġi identifikata u implimentata anke wara l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rċeviet offerta ta’ impenn minn produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat, Volkswagen (Anhui) Automotive Co., Ltd. (“VW Anhui”). |
|
(3) |
Fl-4 ta’ Diċembru 2025, permezz ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, (5) il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali tal-miżuri definittivi (“in-Notifika tal-Bidu”). Ir-rieżami kien limitat fl-ambitu għall-eżami tal-forma tal-miżura u, speċifikament, għall-eżami tal-aċċettabbiltà u l-prattiċità ta’ impenn li kien ġie offrut mill-produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat, Volkswagen (Anhui). |
|
(4) |
[Fit-12 ta’ Jannar 2026, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi aċċettat l-impenn offrut minn VW (Anhui) ġew żvelati lill-partijiet interessati. Dawn ingħataw l-opportunità li jipprovdu kummenti. Il-kummenti tagħhom ġew ivvalutati qabel ma ttieħdet deċiżjoni finali. |
2. IMPENN
2.1. Offerta ta’ impenn
|
(5) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, fl-10 ta’ Ottubru 2025, VW (Anhui) flimkien mal-importatur relatat tagħha fl-UE, SEAT S.A. (“SEAT”) offriet impenn li jkopri l-vetturi elettriċi ġodda bil-batterija (BEVs, battery electric vehicles) li jipproduċu u jesportaw lejn l-Unjoni. Dan kien relatat ma’ mudell wieħed tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri CUPRA Tavascan (“il-prodott kopert”). |
|
(6) |
L-offerta ta’ impenn kienet tikkonsisti f’erba’ elementi ewlenin għall-prodott kopert, jiġifieri kwota annwali, ir-rispett ta’ prezz minimu tal-importazzjoni (“PMI”) għall-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni, ir-rispett tar-rekwiżiti formali għall-esportazzjonijiet kollha, bħall-ħruġ ta’ Dikjarazzjonijiet ta’ Impenn, Fatturi Kummerċjali u Fatturi ta’ Bejgħ mill-Ġdid li fihom informazzjoni enumerata fl-anness rilevanti, l-esportazzjoni tal-prodott kopert esklużivament permezz ta’ kanali ta’ bejgħ speċifikati, b’mod partikolari l-esportazzjonijiet lejn l-UE permezz ta’ importatur relatat uniku fl-Unjoni, u r-rispett ta’ obbligu ieħor għall-esportazzjonijiet. Ir-raba’ element jinkludi s-sottomissjoni ta’ rapporti dettaljati dwar il-bejgħ, l-aċċettazzjoni ta’ żjarat ta’ verifika, ir-rekwiżit li tiġi kkonsultata l-Kummissjoni Ewropea dwar kull diffikultà jew mistoqsija, li jista’ jkun hemm matul l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni sussegwenti tal-impenn, u impenji ulterjuri. Dawn l-impenji ulterjuri huma relatati ma’ proġetti ta’ investiment relatati mal-BEV fl-UE, kemm fir-rigward tat-tlestija ta’ proġetti li għaddejjin kif ukoll fir-rigward tat-tnedija u t-tlestija ta’ proġetti ġodda. Impenji oħra jikkonċernaw il-kanali tal-bejgħ, il-politiki tal-ipprezzar u l-iffissar tal-prezzijiet netti tal-bejgħ. |
|
(7) |
L-impenn offrut minn VW (Anhui) huwa limitat għal CUPRA Tavascan. Huwa l-uniku mudell tal-BEV li l-kumpanija tipproduċi fiċ-Ċina għall-esportazzjoni lejn l-UE. Il-kumpanija impenjat ruħha li tesporta l-prodott kopert lejn l-UE biss lejn SEAT. VW Anhui timpenja ruħha wkoll li ma tbigħ l-ebda vettura oħra (bħal vetturi elettriċi rikarikabbli, vetturi elettriċi ibridi jew vetturi b’magna ta’ kombustjoni interna) lill-istess klijent. |
|
(8) |
Peress li l-prodott kopert ma ġiex prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali li beda mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2024, il-PMI għat-tipi differenti tal-prodott kopert ġew stabbiliti abbażi ta’ prezz mhux issussidjat. Dawn inbnew bl-użu ta’ data dwar il-kost tal-produzzjoni għal BEV komparabbli mmanifatturat mill-Grupp Volkswagen fl-Unjoni, u marġni ta’ profitt raġonevoli. Il-PMI ġew aġġustati għal differenzi fiżiċi fir-rigward tal-karatteristiċi tad-disinn estern u intern tagħhom u ċertu tagħmir, fejn xieraq. |
|
(9) |
VW (Anhui) impenjat ruħha wkoll li tesporta għadd massimu ta’ CUPRA Tavascans fis-sena soġġetti għall-impenn u fl-istess ħin toqgħod lura milli tesporta BEVs oħra lejn l-Unjoni. |
|
(10) |
Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-PMI u biex jiġi pprovdut approċċ standardizzat għall-kanali tal-bejgħ tagħha, SEAT impenjat ruħha li tapplika politika uniformi dwar l-approvazzjoni kemm tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid kif ukoll ta’ kwalunkwe pagament ta’ appoġġ sussegwenti lid-distributuri tagħha fl-Unjoni, flimkien ma’ traċċabbiltà ċara bbażata fuq dokumentazzjoni relatata għal kull vettura individwali. Għal dan l-għan, SEAT ħadet ukoll ċerti impenji fir-rigward tal-bejgħ tal-flotta. |
|
(11) |
Fir-rigward tal-proġetti ta’ investiment relatati mal-BEVs fl-Unjoni, il-kumpanija wettqet ukoll ċerti obbligi ta’ rapportar u konsultazzjoni perjodiċi. |
|
(12) |
Fl-aħħar nett, Volkswagen (Anhui) u SEAT impenjaw ruħhom li jirrapportaw regolarment dwar l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Huma impenjaw ruħhom ukoll li jirrapportaw regolarment il-bejgħ mill-ġdid korrispondenti fl-Unjoni tal-prodott kopert. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni wettqet verifika fuq il-post fil-bini ta’ SEAT biex tivverifika l-informazzjoni pprovduta, il-kalkolu sottostanti tal-PMI u l-aġġustamenti tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni, kif propost fl-offerta ta’ impenn. |
2.2. Il-kummenti tal-partijiet interessati dwar l-offerta ta’ impenn
|
(14) |
Wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-bidu, il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar kwalunkwe aspett rigward il-bidu tal-investigazzjoni u t-talba għal seduta ta’ smigħ. |
|
(15) |
Il-partijiet interessati ġew mistiedna wkoll jesprimu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn sal-iskadenza speċifikata fin-Notifika tal-bidu. |
|
(16) |
Waslu kummenti dwar il-bidu mill-GTĊ, mill-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (CCCME, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products) u minn Volkswagen (Anhui) u SEAT. Il-kummenti ġew indirizzati kif stabbilit fil-premessi li ġejjin. L-ebda waħda mill-partijiet interessati ma talbet seduta ta’ smigħ dwar il-bidu tal-investigazzjoni. |
|
(17) |
Il-GTĊ u s-CCCME iddikjaraw li s-CCCME, f’isem il-grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi, kienet diġà pproponiet soluzzjoni komprensiva li tirrappreżenta l-pożizzjoni kollettiva tal-industrija. Huma kkritikaw lill-Kummissjoni talli daħlet f’diskussjonijiet bilaterali ma’ intrapriżi individwali. Il-GTĊ enfasizza li l-Kummissjoni jenħtieġ li tirrispetta strettament il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tkompli d-djalogu tagħha mal-awtoritajiet Ċiniżi. Fl-aħħar nett, iż-żewġ partijiet talbu lill-Kummissjoni biex tiddivulga aktar dettalji dwar it-termini tal-impenn li ngħata minn VW (Anhui). |
|
(18) |
Il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1037 (“Ir-Regolament bażiku”) jipprevedi li kwalunkwe esportatur jista’ jimpenja ruħu “li jirrevedi l-prezzijiet tiegħu […] dment li tali esportazzjoni tibbenefika minn sussidji kumpensabbli, jekk b’hekk jiġi eliminat l-effett ta’ dannu mis-sussidji.” Dan huwa rikonoxxut ukoll fil-premessa (1422) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2754, fejn il-produtturi esportaturi individwali jissemmew ukoll b’mod espliċitu. |
|
(19) |
F’dan il-każ speċifiku, il-Kummissjoni rċeviet offerta ta’ impenn mingħand kumpanija individwali li kien fiha biżżejjed elementi biex titqies prattikabbli u konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, li kien il-bażi tal-bidu tar-rieżami attwali. Din kienet l-unika offerta ta’ impenn sottomessa formalment lill-Kummissjoni minn mindu ġew imposti l-miżuri kumpensatorji definittivi. Għalhekk, l-approċċ tal-Kummissjoni ma jistax jitqies bħala diskriminatorju, peress li ma kien hemm l-ebda sitwazzjoni simili oħra li kienet tenħtieġ li tiġi ttrattata bl-istess mod. Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni. |
|
(20) |
Fir-rigward tat-talba ta’ dawn il-partijiet biex jiddivulgaw aktar dettalji tal-offerta ta’ impenn, il-Kummissjoni fakkret li l-partijiet interessati kienu ngħataw verżjoni miftuħa dettaljata tal-offerta ta’ impenn saret disponibbli u ppermettiet lill-partijiet interessati jifhmu b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni li ngħatat b’mod kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikoli 13(4) u 29(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li f’konformità mal-Artikolu 29(5) tar-Regolament bażiku, hija ma għandha tiżvela l-ebda informazzjoni li tkun irċeviet skont ir-Regolament bażiku li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali. Għalhekk, it-talba biex tingħata aktar informazzjoni dwar l-elementi tal-offerta ta’ impenn ġiet miċħuda. |
|
(21) |
Fil-kummenti tagħha VW (Anhui) tenniet il-karatteristiċi ewlenin tal-impenn offrut, kif imsemmi fil-punt 2.1 hawn fuq u kkonkludiet li, fil-fehma tagħha, l-offerta ta’ impenn tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. |
|
(22) |
L-ebda waħda mill-partijiet interessati ma talbet li tinstema’ mill-Kummissjoni. |
2.3. Evalwazzjoni tal-Offerti ta’ Impenn
|
(23) |
Il-Kummissjoni, filwaqt li qieset il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati kollha, ivvalutat l-impenn offrut minn VW (Anhui) dwar l-aċċettabbiltà u l-prattiċità tiegħu. |
|
(24) |
Il-Kummissjoni stabbiliet li l-PMI proposti ġew stabbiliti bi prezz mhux issussidjat għal mudell komparabbli, b’aġġustamenti minħabba differenzi fiżiċi fir-rigward tal-karatteristiċi tad-disinn estern u intern tagħhom u ċertu tagħmir bejn il-mudell komparabbli u l-prodott kopert, kif ukoll l-indirizzar tat-tipi ta’ prodotti u l-konfigurazzjonijiet tad-disinn u t-tagħmir differenti tal-prodott kopert. Il-kumpanija inkludiet ukoll kwota annwali bħala parti mill-offerta ta’ impenn, u mhux se tesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni ħlief f’konformità mat-termini tal-impenn. |
|
(25) |
Il-kumpanija impenjat ruħha wkoll li kull waħda mit-tranżazzjonijiet individwali li jinvolvu l-bejgħ tal-prodott kopert tirrispetta l-PMI stabbiliti. Peress li l-kumpanija tbigħ il-prodott kopert permezz ta’ kumpaniji relatati fl-Unjoni, għall-finijiet tat-tqabbil tal-prezz tal-bejgħ individwali mal-PMI rispettiv, VW (Anhui) impenjat ruħha li taġġusta l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħha li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-prodott kopert u l-fatti relatati mal-offerta ta’ impenn. Dan kien jinkludi l-ispejjeż ta’ SG&A speċifiċi għall-bejgħ lil kull Stat Membru tal-UE, kostijiet oħra u marġni raġonevoli ta’ profitt. |
|
(26) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-offerta ta’ impenn hija xierqa biex telimina l-effett dannuż tas-sussidjar. |
|
(27) |
Skont it-termini tal-offerta ta’ impenn, VW (Anhui) hija meħtieġa tirrapporta l-esportazzjonijiet kollha tal-prodott kopert lejn l-Unjoni. Sabiex tissottometti r-rapporti, il-kumpanija trid tuża s-sistema ta’ rapportar dedikata tal-Kummissjoni li tirrikjedi r-reġistrazzjoni ta’ kull tranżazzjoni ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għal kull waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet, il-kumpanija se tingħata kodiċi alfanumeriku individwali flimkien ma’ Kodiċi ta’ Rispons Rapidu (“Kodiċi QR”) li jippermetti l-verifika tal-bejgħ mill-awtoritajiet doganali mad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Barra minn hekk, dan se jippermetti lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-importazzjonijiet tal-prodott kopert qabel l-importazzjoni tal-merkanzija fl-Unjoni. |
|
(28) |
Barra minn hekk, il-kumpanija se tipprovdi rapporti regolari dwar il-bejgħ mill-ġdid tal-prodott lill-ewwel klijenti indipendenti fl-Unjoni fuq bażi trimestrali, li jippermettu lill-Kummissjoni tivverifika l-konformità tat-twettiq ta’ impenji, b’mod partikolari mal-PMI applikabbli. |
|
(29) |
Minħabba l-impenji ta’ SEAT li jinkludu l-istandardizzazzjoni tal-kanali tal-bejgħ tagħha, il-limitazzjoni tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni għal mudell wieħed tal-prodott ikkonċernat, u l-obbligi estensivi ta’ rapportar, huwa meqjus li hemm biżżejjed miżuri ta’ mitigazzjoni biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ kumpens trasversali, skont it-termini tal-offerta ta’ impenn. |
|
(30) |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni evalwat l-offerta ta’ impenn mill-perspettiva ta’ raġunijiet oħra ta’ politika ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset l-impenn ulterjuri tal-kumpanija għal investimenti sinifikanti fl-industrija tal-BEV fl-Unjoni. Tali investimenti fl-industrija awtomobilistika tal-UE se jssaħħu t-tranżizzjoni ekoloġika u l-elettrifikazzjoni, b’impatt pożittiv fuq l-impjiegi fl-UE u żieda fl-istandards ambjentali fl-Unjoni. |
|
(31) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenn offrut minn VW (Anhui) huwa aċċettabbli u prattikabbli. |
2.4. Kummenti wara informazzjoni dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-offerta ta’ impenn
|
(32) |
F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Bażiku, il-partijiet interessati kollha, inkluża l-industrija tal-Unjoni, ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-intenzjoni tal-aċċettazzjoni tal-impenn offrut minn VW (Anhui). |
|
(33) |
Il-partijiet ingħataw l-opportunità li jinstemgħu, madankollu l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma talbet seduta ta’ smigħ. |
|
(34) |
Wara d-divulgazzjoni, il-GTĊ u l-VW (Anhui), flimkien ma’ SEAT S.A. taw il-kummenti tagħhom. Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u ġew meqjusa, fejn xieraq. |
|
(35) |
Fis-sottomissjoni tiegħu, il-GTĊ tenna l-kummenti li kien diġà għamel fil-bidu tal-investigazzjoni, l-enfasi li l-Kummissjoni jenħtieġ li taderixxi mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u mar-regoli tad-WTO, u evalwazzjoni oġġettiv u imparzjali ta’ kull applikazzjoni ta’ impenn fuq il-prezz ta’ intrapriżi Ċiniżi. Il-GTĊ talab ukoll li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiddivulga aktar dettalji dwar il-klawżoli tal-impenn fuq il-prezz tal-kumpaniji rilevanti. |
|
(36) |
Peress li l-GTĊ ma ta l-ebda argumentazzjoni ġdida rigward il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (23) sa (31). Kif diġà ġie stabbilit fil-premessa (20), f’konformità mal-Artikolu 29(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ma għandha tiżvela l-ebda informazzjoni li tkun irċeviet skont ir-Regolament bażiku u li jkun intalab trattament kunfidenzjali għaliha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonfermat li t-talba biex tagħti aktar informazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(37) |
Fis-sottomissjoni konġunta tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, VW (Anhui) u SEAT S.A. enfasizzaw li huma avvanzaw it-tħejjijiet għall-applikazzjoni tal-impenn propost. Il-kumpaniji affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkonformaw mat-termini kollha tal-offerta ta’ impenn. |
|
(38) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha li l-offerta ta’ impenn sottomessa minn VW (Anhui) jenħtieġ li tiġi aċċettata. |
3. IMPLIMENTAZZJONI U IRTIRAR
|
(39) |
Kull meta, skont l-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha ta’ impenn wara ksur, billi tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara li l-fatturi tal-impenn rilevanti mhumiex validi, jidħol fis-seħħ dejn doganali hekk kif tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni biex it-tranżazzjonijiet joħorġu fiċ-ċirkolazzjoni libera. |
|
(40) |
L-importaturi jenħtieġ li jkunu konxji li d-dejn doganali jista’ jiġi impost, bħala riskju normali ta’ kummerċ, fil-ħin li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera anke jekk l-impenn mill-manifattur li qed jixtru mingħandu, direttament jew indirettament, jiġi aċċettat mill-Kummissjoni. |
|
(41) |
Skont l-Artikolu 24(7) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta’ ksur tal-impenn. |
|
(42) |
Fil-każ ta’ ksur jew irtirar tal-impenn jew fil-każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, id-dazju kumpensatorju definittiv impost f’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku għandu japplika awtomatikament permezz tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-impenn offrut mill-kumpanija elenkata hawn taħt flimkien mal-importatur relatat tagħha SEAT S.A. b’rabta mal-proċedimenti antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa b’dan aċċettat.
|
Pajjiż |
Kumpanija |
kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
Prodott u mibjugħ minn Volkswagen (Anhui) Automotive Co., Ltd lil SEAT S.A., li taġixxi bħala importatur fl-Unjoni Ewropea. |
89FZ |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1037/oj.
(2) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2754 tad-29 ta’ Ottubru 2024 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija ddisinjati għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/2754, 29.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2754/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/168/oj).
(5) ĠU C, C/2025/6545, 4.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6545/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/328/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)