European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/262

29.1.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/262

tad-29 ta’ Jannar 2026

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/1529 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/1529.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kieku l-Iran kellu jittrasferixxi missili ballistiċi u teknoloġija relatata lir-Russja biex jintużaw kontra l-Ukrajna wara li pprovda lir-reġim Russu vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), li jintużaw f’attakki bla waqfien kontra l-popolazzjoni ċivili fl-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea tkun lesta tirrispondi malajr u f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, inkluż b’miżuri restrittivi ġodda u sinifikanti kontra l-Iran. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-aċċess tar-Russja għal oġġetti u teknoloġiji sensittivi b’rilevanza għall-kampijiet tal-battalja jrid jiġi ristrett kemm jista’ jkun, inkluż billi jiddaħħlu fil-mira entitajiet f’pajjiżi terzi li jippermettu din iċ-ċirkomvenzjoni. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) u lill-Kummissjoni biex iħejju aktar sanzjonijiet kontra l-Belarussja, il-Korea ta’ Fuq u l-Iran.

(3)

Fit-13 ta’ Settembru 2024, f’dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni, l-Unjoni kkundannat bil-qawwa t-trasferiment ta’ missili ballistiċi magħmula fl-Iran lejn ir-Russja, meqjusa bħala theddida diretta għas-sigurtà Ewropea u bħala eskalazzjoni materjali sostantiva mill-forniment ta’ UAVs u munizzjon Iranjani, li r-Russja kienet użat fil-gwerra ta’ aggressjoni illegali tagħha kontra l-Ukrajna. L-Unjoni lesta tirrispondi malajr u f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, inkluż b’miżuri restrittivi ġodda u sinifikanti kontra l-Iran, fosthom id-deżinjazzjoni ta’ individwi u entitajiet involuti fil-programmi ta’ missili ballistiċi u droni tal-Iran, u f’dak ir-rigward kienet qed tikkunsidra wkoll miżuri restrittivi fis-settur tal-avjazzjoni tal-Iran.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li t-trasferimenti tal-armi u l-approfondiment tal-kooperazzjoni militari bejn ir-Russja u r-RDPK u l-Iran, kif ukoll l-iskjerament tal-forzi militari tar-RDPK lejn ir-Russja u l-użu tagħhom fil-kamp tal-battalja kontra l-Ukrajna jirrappreżentaw eskalazzjoni internazzjonali tal-gwerra, b’konsegwenzi serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

(5)

Ir-Russja qed tuża UAVs u komponenti ta’ UAVs prodotti fl-Iran b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikser is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, inkluż kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili. Il-Programm Iranjan sponsorjat mill-Istat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs għalhekk jikkontribwixxi għall-ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali.

(6)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li erba’ persuni u sitt entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1529 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 186, 25.7.2023, pp. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1529/oj.


ANNESS

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni tal-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“21.

Amir RADFAR

امیر رادفر

(ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Direttur ta’ Shahid Bagheri Industrial Group (SBIG)

Data tat-twelid: 22.12.1971

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Amir Radfar huwa d-direttur ta’ Shahid Bagheri Industrial Group (SBIG). SBIG timmanifattura missili ballistiċi bi fjuwil solidu u hija sussidjarja tal-Aerospace Industries Organization (AIO), elenkata mill-UE, li tissorvelja l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-missili ballistiċi tal-Iran. Għaldaqstant, Amir Radfar huwa involut fil-programm tal-missili tal-Iran.

29.1.2026

22.

Hossein HEMSI

 

Pożizzjoni(jiet): Uffiċjal Kap Eżekuttiv u azzjonist ta’ Fanavaran Sanat Ertebatat Company

Data tat-twelid: 27.10.1982

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-identità nazzjonali: 0532987276

Hossein Hemsi huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u azzjonist ta’ Fanavaran Sanat Ertebatat Company (FSE). FSE hija kumpanija privata li tforni komponenti elettroniċi kritiċi u sistemi ta’ gwida għar-reżistenza għall-interferenza lill-Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organisation (IRGC SSJO) u b’hekk hija involuta fil-programm ta’ vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV) tal-Iran.

Għalhekk, fil-kapaċità tiegħu bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv u azzjonist ta’ FSE, Hossein Hemsi huwa involut fil-programm tal-UAVs tal-Iran.

29.1.2026

23.

Armin Ghorsi ANBARAN

عنبران آرمین قرصی

(ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Membru tal-Bord u azzjonist ta’ Fanavaran Sanat Ertebatat Company

Data tat-twelid: 21.9.1983

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-identità nazzjonali: 0065911601

Armin Ghorsi Anbaran huwa Membru tal-Bord u azzjonist ta’ Fanavaran Sanat Ertebatat Company (FSE). FSE hija kumpanija privata li tforni komponenti elettroniċi kritiċi u sistemi ta’ gwida għar-reżistenza għall-interferenza lill-Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organisation (IRGC SSJO) u b’hekk hija involuta fil-programm ta’ vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV) tal-Iran.

Għalhekk, fil-kapaċità tiegħu bħala Membru tal-Bord u azzjonist ta’ FSE, Armin Ghorsi Anbaran huwa involut fil-programm UAV tal-Iran.

29.1.2026

24.

Hossein BAKSHAYESH

حسین بخشایش

(ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Uffiċjal Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali ta’ Sahara Thunder

Data tat-twelid: 22.5.1964

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-identità nazzjonali: 1189810190

Hossein Bakshayesh huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u d-direttur maniġerjali ta’ Sahara Thunder. Sahara Thunder hija kumpanija kummerċjali Iranjana tal-importazzjoni u l-esportazzjoni li taġixxi bħala kumpanija faċċata għall-Ministeru Iranjan għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL). F’din il-kapaċità, hija tforni vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), komponenti individwali, u teknoloġija relatata lir-Russja u tirċievi pagamenti mir-Russja għall-konsenja ta’ dawk l-oġġetti u s-servizzi.

Bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv u direttur maniġerjali ta’ Sahara Thunder, Hossein Bakshayesh għalhekk iforni u huwa b’xi mod ieħor involut fit-trasferiment tal-UAVs tal-Iran lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

29.1.2026”;

(2)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni tal-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“21.

Sahara Thunder

magħrufa wkoll bħala Tondar Sahara Co.

magħrufa wkoll bħala Tondar Sahra Private Limited Company

magħrufa wkoll bħala Desert Thunder Company

شرکت تندر صحرا

(ortografija Farsi)

Indirizz: No. 2, Moghadas Alley, Ghasir St., Beheshti St. Tehran, Iran

Indirizz: Fifth Floor, No. 2, Shahid Hassan Moghadam Alley, Shahid Ahmad Ghsir Str. Argentine, Saei St. Tehran, Iran

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Numru tar-Reġistrazzjoni tan-Negozju: 94186

Numru tal-identità nazzjonali: 10101382714

Numru tal-Kamra tal-Kummerċ: 131454

Sit web: www.saharathunder.com

Sahara Thunder hija kumpanija kummerċjali Iranjana tal-importazzjoni u l-esportazzjoni li taġixxi bħala kumpanija faċċata għall-Ministeru Iranjan għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL). F’din il-kapaċità, hija tforni vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), komponenti individwali, u teknoloġija relatata lir-Russja u tirċievi pagamenti mir-Russja għall-konsenja ta’ dawk l-oġġetti u s-servizzi.

Għalhekk, Sahara Thunder tforni u hija b’xi mod ieħor involuta fit-trasferiment tal-UAVs jew ta’ missili jew teknolġiji relatati jew komponenti tagħhom tal-Iran b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

29.1.2026

22.

Fanavaran Sanat Ertebatat Company (FSE)

شرکت فن آوران صنعت ارتباطات

(ortografija Farsi)

Indirizz: Yousef Abad Neighbourhood, Kordestan Express Way, Seyyed Sohrab Akhlaqi street 37, Tehran, Iran

Tip ta’ identità: Kumpanija privata

Numru tal-identità nazzjonali: 10102884046

Numru tan-Negozju: 247799

Fanavaran Sanat Ertebatat Company (FSE) hija kumpanija privata li tforni komponenti elettroniċi kritiċi u sistemi ta’ gwida reżistenti għall-interferenza lill-Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organisation (IRGC SSJO). Hija wkoll membru tal-Iranian Aviation and Space Industries Association (IASIA), li takkwista komponenti f’isem l-IRGC għall-manifattura ta’ vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs).

Għaldaqstant, FSE hija involuta fil-programm tal-UAVs tal-Iran.

29.1.2026

23.

Pishgaman Tejarat Rafi Novin Co.

پیشگامان تجارت رفیع نوین

(ortografija Farsi)

Indirizz: Tehran Leyzan Hossein Abad Javanshir Street, Corner of Ordibehesht St., No. 10, Postal Code: 166993356, Iran

Tip ta’ entità: Kumpanija Privata Limitata

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Data tar-reġistrazzjoni: 10.12.2007

Numru tar-reġistrazzjoni: 311045

Numru tal-Identità Nazzjonali: 10103503385

Pishgaman Tejarat Rafi Novin Co. hija kumpanija privata b’rabtiet ma’ entitajiet involuti fil-programm tal-missili tal-Iran. Pishgaman Tejarat Rafi Novin Co. akkwistat ammonti sinifikanti ta’ perklorat tal-ammonju, propellant ewlieni għal missili bi fjuwil solidu, mingħand fornituri barranin għall-programm tal-missili tal-Iran. Pishgaman Tejarat Rafi Novin Co. hija għaldaqstant involuta fil-programm tal-missili tal-Iran.

29.1.2026

24.

Arsang Safe Trading Co.

شزکت ایمن تجارت ارسنگ

(ortografija Farsi)

Indirizz: 901, Negin Saii Tower, Vali-asr St., 14338 Tehran, 901, Negin Saii Tower, vali-asr st., 14338, Iran

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Data tar-reġistrazzjoni: 3.3.2014

Numru tar-reġistrazzjoni: 450913

Arsang Safe Trading Co. hija strumentali biex tgħin fl-akkwist min-naħa tar-Russja ta’ Missili Ballistiċi ta’ Medda Qasira (CRBMs) u inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs) mill-Iran permezz tal-kollaborazzjoni tagħha ma’ Sahara Thunder. It-Taqsima tal-Provvista, ir-Riċerka u l-Affarijiet tal-Industrija tal-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) tal-Iran tissorvelja dawn il-ftehimiet militari, u b’hekk taqdi rwol ewlieni fl-isforzi ta’ riċerka u żvilupp militari tal-Iran.

Sahara Thunder kellha kuntratti ta’ noleġġ bil-ħin ma’ kumpaniji bbażati fl-Indja għall-bastiment CHEM, li ilu jintuża għal konsenji multipli ta’ UAVs, mill-2022. Arsang Safe Trading Co. ipprovdiet servizzi ta’ ġestjoni ta’ bastimenti għal dawn il-konsenji, filwaqt li aċċertat it-trasferiment bla xkiel ta’ UAVs.

Bħala sussidjarja tal-MODAFL, Sahara Thunder hija kruċjali fid-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, u l-bejgħ ta’ UAVs użati mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Arsang Safe Trading Co. hija assoċjata ma’ Sahara Thunder u hija involuta fit-trasferiment tal-UAVs jew il-missili tal-Iran jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

29.1.2026

25.

Asia Marine Crown Agency

magħrufa wkoll bħala Asia Marine Crown Shipping Agency

magħrufa wkoll bħala Asia Marine Crown Shipping Agency Services Company

magħrufa wkoll bħala Taj Daryaye Asia

شرکت تاج دریای آسیا

(ortografija Farsi)

Indirizz: Unit. 7, 1st Floor, BLDG No. 21, Kar Va Tejarat Av., Vanak St., Vanak Sq, Tehran, Iran

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Data tar-reġistrazzjoni: 9.1.2019

Numru tar-reġistrazzjoni: 10977

Numru tal-Identità: 14008069775

Asia Marine Crown Agency hija kumpanija faċċata għall-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati tal-Iran (MODAFL). Din l-aġenzija serviet bħala l-aġent tal-port f’Bandar Abbas, l-Iran, billi ffaċilitat diversi konsenji ta’ partijiet ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAV) u oġġetti b’użu doppju għal proġetti ta’ Sahara Thunder li jipprovdu UAVs lir-Russja. Sahara Thunder, kumpanija faċċata oħra tal-MODAFL, tissorvelja l-attivitajiet kummerċjali tal-Iran relatati mad-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, u l-bejgħ ta’ UAVs, li ħafna minnhom jiġu ttrasferiti lir-Russja għall-użu fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

Asia Marine Crown Agency hija involuta fit-trasferiment tal-UAVs jew il-missili tal-Iran jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

29.1.2026

26.

Khojir Missile Development and Production

magħrufa wkoll bħala Khojir Missile Production Complex

 

Post: Teheran Province, Iran

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Khojir Missile Development and Production qed tmexxi l-programm tal-missili ballistiċi tal-Iran, li qed jespandi bil-kbir il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tiegħu. Khojir Missile Development and Production espandiet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin biex tibni armi għar-Russja u l-hekk imsejħa ‘Assi ta’ Reżistenza’. Din l-espansjoni ssegwi ftehim ta’ Ottubru 2022 li permezz tiegħu l-Iran qabel li jforni missili lir-Russja għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

Mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-Iran bagħat missili ballistiċi qawwija mill-wiċċ għall-wiċċ lir-Russja, inkluż Missili Ballistiċi ta’ Medda Qasira (CRBMs) Fath-360. Il-faċilità ta’ Khojir tintuża biex jiġu prodotti diversi tipi ta’ missili u hija ġestita mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) u mill-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL). Dawn il-faċilitajiet jintużaw għall-iżvilupp u l-manifattura ta’ sistemi ta’ armi avvanzati, inkluż missili ballistiċi bi propellant solidu.

Għalhekk, Khojir Missile Development and Production qed tforni l-missili tal-Iran jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom, jew hija involuta mod ieħor fit-trasferiment tagħhom, lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

29.1.2026”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/262/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)