European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/255

9.4.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/255

tat-30 ta’ Jannar 2026

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-dettalji meħtieġa għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ pjattaformi ta’ informazzjoni privileġġata u mekkaniżmi tar-rapportar irreġistrati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4a(8), il-punti minn (a) sa (g), u l-Artikolu 9a(6), il-punti minn (a) sa (f) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 jipprevedi li l-parteċipanti fis-suq għandhom jiddivulgaw informazzjoni u jissottomettu rapporti ta’ informazzjoni privileġġata permezz ta’ pjattaformi tal-informazzjoni privileġġata (“IIPs”) u jirrapportaw id-data permezz ta’ mekkaniżmi tar-rapportar reġistrati (“RRMs”). Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli li se jissostitwixxu l-proċedura ta’ reġistrazzjoni kurrenti għall-IIPs u l-RRMs stabbilita mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”).

(2)

Billi ħafna obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 huma komuni kemm għall-IIPs kif ukoll għall-RRMs, huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati li jissupplimentaw dak ir-Regolament f’att wieħed. Dan se jiżgura l-konsistenza u ċ-ċertezza legali, filwaqt li tiġi evitata r-repetizzjoni.

(3)

Sabiex jiġu speċifikati l-mezzi li bihom l-IIPs għandhom jissodisfaw l-obbligu li jippubblikaw l-informazzjoni privileġġata u jissottomettu rapporti ta’ informazzjoni privileġġata lill-Aġenzija, u l-RRMs għandhom jirrapportaw ir-rekords tad-data lill-Aġenzija, li skont l-Artikolu 4a(1) u l-Artikolu 9a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 jirrikjedi li jkunu awtorizzati mill-Aġenzija, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-proċess ta’ awtorizzazzjoni li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Aġenzija bħala parti minn applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala IIPs jew RRMs.

(4)

Jenħtieġ li japplikaw definizzjonijiet ċari u komprensivi kemm għall-IIPs kif ukoll għall-RRMs. Madankollu, minħabba d-differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar għall-IIPs u l-RRMs, huwa meħtieġ li jiġu applikati definizzjonijiet differenti tat-terminu “klijent” għal kull tip ta’ entità relatriċi. Dan se jippermetti lill-IIPs u lill-RRMs jifhmu u jikkonformaw mal-obbligi rispettivi tagħhom vis-à-vis il-klijenti rispettivi tagħhom b’mod mhux ambigwu.

(5)

Sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tivvaluta jekk l-applikanti għal awtorizzazzjoni bħala IIPs jew RRMs jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni, jenħtieġ li huma jissottomettu lill-Aġenzija l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikawhom u, fost l-oħrajn, jagħtu prova tal-istabbiliment tagħhom fl-Unjoni. Jenħtieġ li huma jissottomettu wkoll dokumenti li jagħtu prova li għandhom ir-rekwiżiti organizzazzjonali meħtieġa fis-seħħ biex jipprovdu servizzi tal-IIP jew tal-RRM. Sabiex tintwera l-konformità mal-Artikolu 4a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, li jipprevedi li l-IIPs għandu jkollhom politiki u arranġamenti adegwati fis-seħħ biex jiddivulgaw l-informazzjoni privileġġata kemm jista’ jkun teknikament qrib il-ħin reali, jenħtieġ li l-IIPs jipprovdu lill-Aġenzija informazzjoni dwar iż-żmien meħtieġ mill-IIP biex tiddivulga fuq il-pjattaforma tagħhom l-informazzjoni li tirċievi mingħand il-klijenti tal-IIP tagħhom u li ġiet ivvalidata b’suċċess mis-sistema ta’ validazzjoni tad-data tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija tirċievi rekords tad-data akkurati, kompluti u f’waqthom u rapporti ta’ informazzjoni privileġġata li jissodisfaw l-istandards regolatorji, bħala parti mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni, jenħtieġ li l-applikanti jgħaddu minn fażi ta’ ttestjar biex juru l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u spjegati aktar f’dan ir-Regolament.

(6)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-IIPs u l-RRMs li diġà kienu rreġistrati mill-Aġenzija, jenħtieġ li dawk l-IIPs u l-RRMs ma jkunux meħtieġa jerġgħu jissottomettu dokumenti li diġà huma disponibbli għall-Aġenzija. Għalhekk, jenħtieġ li l-proċess ta’ awtorizzazzjoni jkun fih dispożizzjonijiet speċifiċi għalihom. Jenħtieġ li dawk l-IIPs u l-RRMs ikunu eliġibbli għal proċess ta’ awtorizzazzjoni simplifikat, sa fejn l-Aġenzija tikkonferma lill-IIPs u lill-RRMs rilevanti li diġà tkun irċeviet, matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-awtorizzazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-Aġenzija żżomm id-dritt li titlob is-sottomissjoni mill-ġdid tad-dokumentazzjoni diġà pprovduta matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni, jekk ikun meħtieġ li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-sistemi tal-IT tagħha, b’mod partikolari f’każijiet fejn ikunu meħtieġa aġġornamenti tekniċi.

(7)

Sabiex jiġi żgurat proċess ta’ awtorizzazzjoni f’waqtu u effiċjenti, jenħtieġ li l-Aġenzija tadotta deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni bħala IIP jew RRM fi żmien 3 xhur minn meta tirċievi applikazzjoni kompluta. Qabel il-bidu tal-perjodu ta’ valutazzjoni ta’ 3 xhur, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun wettqet valutazzjoni inizjali rigward il-kompletezza tal-applikazzjoni. Jekk l-Aġenzija tqis li teħtieġ aktar żmien biex tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, jenħtieġ li l-Aġenzija, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ 3 xhur, tinforma lill-applikant dwar iż-żmien addizzjonali li teħtieġ biex tadotta d-deċiżjoni. Għaċ-ċertezza legali, jekk ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni fil-perjodu ta’ żmien addizzjonali, jenħtieġ li l-Aġenzija titqies li adottat deċiżjoni pożittiva.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-applikanti li jissottomettu applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jkollhom intenzjonijiet ġenwini li jwettqu servizzi tal-IIP u tal-RRM, kif ukoll li jevitaw dewmien u piż amministrattiv bla bżonn fuq l-Aġenzija, l-applikanti li jibqgħu inattivi għal aktar minn 3 xhur jenħtieġ li jitqiesu li jkunu rtiraw l-applikazzjoni tagħhom, sakemm ma jinformawx lill-Aġenzija li xorta jixtiequ li jkunu awtorizzati.

(9)

Sabiex l-applikanti u l-IIPs u l-RRMs awtorizzati jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom marbuta mad-deċiżjonijiet adottati mill-Aġenzija skont dan ir-Regolament, kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet tal-Aġenzija msemmija f’dan ir-Regolament, inklużi deċiżjonijiet li jċaħħdu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jenħtieġ li tkun soġġetta għar-rimedji legali disponibbli skont l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(10)

Sabiex jiġu żgurati l-akkuratezza u l-kompletezza tal-informazzjoni divulgata u tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata sottomessi mill-IIPs lill-Aġenzija, kif ukoll tar-rekords tad-data rrapportati mill-RRMs lill-Aġenzija, jenħtieġ li l-Aġenzija tipprovdi gwida, fost l-oħrajn, dwar il-prinċipji u l-proċessi ta’ validazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament billi tipprovdi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-verifika tad-data. Jenħtieġ li dik il-gwida jkollha l-għan li tiżgura li l-Aġenzija tirċievi data ta’ kwalità għolja, u b’hekk tippermetti monitoraġġ effettiv tas-suq. Il-konformità mal-prinċipji u l-proċessi ta’ validazzjoni tad-data hija rekwiżit ewlieni biex jiġi żgurat li d-data rrapportata lill-Aġenzija tkun sinifikanti, koerenti u lesta biex tiġi pproċessata, biex b’hekk l-Aġenzija tkun tista’ twettaq ir-rwol ta’ monitoraġġ tagħha b’mod effiċjenti.

(11)

Jenħtieġ li l-IIPs u l-RRMs ikollhom fis-seħħ sistemi sodi ta’ sigurtà tal-informazzjoni li jiżguraw il-forniment sigur ta’ servizzi ta’ divulgazzjoni u rapportar, jipprevjenu l-ksur tad-data u l-inċidenti tas-sigurtà, u jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizzi permezz ta’ faċilitajiet ta’ riżerva. Sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u r-reżiljenza tan-networks u tas-sistemi ta’ informazzjoni, jenħtieġ li l-IIPs u l-RRMs jimplimentaw miżuri tekniċi, operazzjonali u organizzazzjonali xierqa u proporzjonati biex jimmaniġġjaw ir-riskji u jipprevjenu jew jimminimizzaw l-impatt tal-inċidenti fuq ir-riċevituri tas-servizzi tagħhom. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u, fejn applikabbli, jikkonformaw mal-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti.

(12)

Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jiġu implimentati u osservati b’mod effettiv matul il-perjodu kollu li matulu l-IIPs u l-RRMs jipprovdu s-servizzi tagħhom, jenħtieġ li l-IIPs u l-RRMs ikunu soġġetti għal superviżjoni regolari mill-Aġenzija. Għal dak l-iskop, jenħtieġ li l-Aġenzija jkollha d-dritt li titlob kjarifiki u informazzjoni mingħand entitajiet awtorizzati f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità potenzjali.

(13)

L-RRMs għandhom jissottomettu rapport annwali lill-Aġenzija, f’konformità mal-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011. Sabiex jiġi żgurat l-inqas piż amministrattiv u ta’ rapportar possibbli fuq l-RRMs, jenħtieġ li l-kontenut ta’ dak ir-rapport ikun limitat għall-minimu meħtieġ, filwaqt li jiġi żgurat li jkun fih informazzjoni utli għall-Aġenzija fit-twettiq tas-setgħat superviżorji tagħha.

(14)

Jenħtieġ li l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet tal-IIPs u tal-RRMs ikun possibbli fuq l-inizjattiva tal-Aġenzija, abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011, jew fuq talba tal-IIP jew tal-RRM infushom. Jekk l-IIP jew l-RRM jitolbu li l-awtorizzazzjonijiet tagħhom jiġu rtirati, jenħtieġ li tapplika proċedura mħaffa. Sabiex jiġi żgurat li awtorizzazzjoni tiġi rtirata b’mod rapidu u effiċjenti, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun tista’ tapplika wkoll il-proċedura mħaffa f’każijiet fejn, wara l-bidu tal-proċedura ta’ rtirar mill-Aġenzija, l-IIP jew l-RRM ikkonċernati jesprimu r-rieda tagħhom li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiġi rtirata.

(15)

Sabiex jiġi żgurat proċess ġust u imparzjali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, jenħtieġ li d-deċiżjoni tal-Aġenzija dwar l-għoti jew l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni tkun ibbażata fuq eżami bir-reqqa tal-fatti rilevanti u jenħtieġ li tkun motivata sewwa. Id-deċiżjoni tal-Aġenzija li tirtira awtorizzazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata biss fuq sejbiet li fuqhom l-IIP jew l-RRM kellhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

(16)

Sabiex l-IIPs u l-RRMs ikunu jistgħu jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti introdotti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jagħtu dettalji dwar il-proċess tal-awtorizzazzjonijiet, ir-rekwiżiti organizzazzjonali, is-superviżjoni u r-rapportar u l-proċessi tal-irtirar u tas-sostituzzjoni tiġi differita.

(17)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(18)

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-IIPs u l-RRMs skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Aġenzija skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725. Wara l-irtirar ta’ IIP jew RRM, id-data personali miġbura qabel jenħtieġ li tinżamm mill-Aġenzija għal 10 snin, kif indikat fil-politika ta’ żamma tal-Aġenzija u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Aġenzija għall-kisba tal-awtorizzazzjoni biex jiġu pprovduti servizzi tal-IIP jew tal-RRM u r-rekwiżiti organizzazzjonali għall-awtorizzazzjonijiet tal-IIP u tal-RRM. Huwa jistabbilixxi wkoll il-proċeduri għas-superviżjoni tal-IIPs u tal-RRMs, għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom u għas-sostituzzjoni ordnata tagħhom f’każ ta’ tali rtirar.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“applikazzjoni” tfisser applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni mill-Aġenzija għall-provvista ta’ servizzi tal-IIP jew tal-RRM skont l-Artikoli 4a(1) u 9a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

2.

“applikant” tfisser persuna ġuridika li tissottometti applikazzjoni;

3.

“klijent tal-IIP” tfisser parteċipanti fis-suq u awtoritajiet kompetenti għall-ippjanar ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 3(4), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, li f’isimhom IIP tippubblika informazzjoni u tissottometti rapporti ta’ informazzjoni privileġġata lill-Aġenzija;

4.

“klijent tal-RRM” tfisser entità soġġetta għall-obbligi ta’ rapportar skont l-Artikoli 7c u 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, li f’isimha l-RRM jissottometti rekords tad-data lill-Aġenzija, jew entità li, għall-finijiet tar-rapportar tal-ktieb tal-ordnijiet skont l-Artikolu 8(1a) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, hija elenkata fl-Artikolu 8(4), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

5.

“rekord tad-data” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni, inklużi l-ordnijiet għall-kummerċ, u data fundamentali li għandha tiġi rrapportata lill-Aġenzija skont l-Artikoli 7c u 8 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/256 (5);

6.

“rapport ta’ informazzjoni privileġġata” tfisser ir-rapport li jinkludi l-informazzjoni divulgata u rrapportata lill-Aġenzija f’konformità mal-Artikoli 4 u 4a tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/256;

7.

“jum tax-xogħol” tfisser kwalunkwe jum ieħor għajr is-Sibt, il-Ħadd, jew btala pubblika skont it-tifsira tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (6).

KAPITOLU II

PROĊESS TA’ AWTORIZZAZZJONI GĦALL-IIPs U l-RRMs

TAQSIMA I

Kontenut tal-applikazzjoni

Artikolu 3

Identifikazzjoni u status legali tal-applikant u aċċess għas-sistemi ta’ skambju tad-data tal-Aġenzija

1.   L-applikazzjoni għandha tidentifika l-applikant u l-attivitajiet li jkollu l-ħsieb li jwettaq u li jirrikjedu li jkunu awtorizzati bħala IIP jew RRM.

2.   L-applikazzjoni għandu jkun fiha d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni li ġejjin:

(a)

l-isem ġuridiku u l-indirizz tal-applikant;

(b)

prova tal-istabbiliment tal-applikant fl-Unjoni;

(c)

formola ta’ entità ġuridika mimlija kif stabbilit fl-Anness I, inkluża silta mir-reġistru kummerċjali jew tal-qorti rilevanti fl-Unjoni, jew forom oħrajn ta’ evidenza ċċertifikata tal-post tal-inkorporazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività kummerċjali u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-applikant fl-Unjoni, validu fid-data tal-applikazzjoni;

(d)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tan-negozju tal-persuni responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, u kwalunkwe persunal ieħor involut fil-valutazzjoni tal-konformità tal-applikant mar-rekwiżiti msemmijin hawn fuq;

(e)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tan-negozju tal-persuni responsabbli għall-komunikazzjoni mal-Aġenzija u mal-klijenti tal-IIP u tal-RRM, inkluż bħala riżultat tal-komunikazzjoni ta’ segwitu mill-Aġenzija lill-IIP jew lill-RRM.

3.   Minbarra d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-applikanti tal-IIP għandhom jindikaw fl-applikazzjoni tagħhom id-data tal-bidu ppjanata għat-tħaddim tal-pjattaforma tagħhom.

4.   Minbarra d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-applikanti tal-RRM għandhom jindikaw fl-applikazzjoni tagħhom id-data tal-bidu ppjanata għar-rapportar tar-rekords tad-data.

5.   L-applikazzjoni għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentant legali tal-applikant debitament mogħti s-setgħa. Evidenza li turi tali għoti ta’ setgħa, bħal prokura, għandha tiġi sottomessa lill-Aġenzija, inklużi l-isem u l-kunjom u d-dettalji ta’ kuntatt tan-negozju tar-rappreżentant legali debitament mogħti s-setgħa, kif ġej:

(a)

l-isem,

(b)

il-kunjom,

(c)

in-numru tat-telefon tan-negozju,

(d)

l-indirizz tal-posta elettronika tan-negozju,

(e)

in-natura tar-relazzjoni legali mal-IIP jew mal-RRM.

6.   L-applikanti għandhom jikkonkludu ftehim ta’ nondivulgazzjoni mal-Aġenzija sabiex jaċċessaw is-sistemi ta’ skambju tad-data tal-Aġenzija.

Artikolu 4

Dokumenti ta’ sostenn

1.   L-applikazzjoni għandha tinkludi dokumenti ta’ sostenn li jiddeskrivu l-konformità mar-rekwiżiti organizzazzjonali ġenerali għall-IIPs u l-RRMs stabbiliti fl-Artikoli minn 11 sa 18 u l-politiki u l-proċeduri li l-applikant għandu fis-seħħ biex jiżgura sostituzzjoni ordnata skont l-Artikolu 38.

Minbarra d-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-applikanti tal-IIP għandhom jinkludu dokumenti ta’ sostenn li jiddeskrivu l-konformità mar-rekwiżiti tal-IIP stabbiliti fl-Artikoli minn 19 sa 25 u l-applikanti tal-RRM għandhom jinkludu dokumenti ta’ sostenn li jiddeskrivu l-konformità mar-rekwiżiti tal-RRM stabbiliti fl-Artikoli minn 26 sa 29.

2.   L-applikazzjoni għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

informazzjoni dwar il-politiki, il-pjanijiet ta’ kontinġenza u l-arranġamenti tal-IIP jew tal-RRM biex tiġi żgurata l-konformità mat-twaqqit tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni u s-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata u r-rapportar tar-rekords tad-data lill-Aġenzija, f’konformità mal-Artikolu 11, inklużi d-dokumenti ta’ sostenn relatati;

(b)

informazzjoni dwar is-sistema ta’ validazzjoni tad-data tal-IIP jew tal-RRM biex jiġu vverifikati l-akkuratezza u l-kompletezza tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata jew tar-rekords tad-data, inkluża l-konformità mal-prinċipji u l-proċessi ta’ validazzjoni tad-data, f’konformità mal-Artikolu 12, inklużi d-dokumenti ta’ sostenn relatati;

(c)

informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-IIP jew tal-RRM maħsuba biex jiggarantixxu l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà f’konformità mal-Artikolu 13, inklużi d-dokumenti ta’ sostenn relatati;

(d)

l-organigramma tal-IIP jew tal-RRM, relatata mal-funzjonijiet u l-istrutturi rilevanti għall-attivitajiet imwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

(e)

il-programm ta’ operazzjonijiet tal-IIP jew tal-RRM, relatat mal-attivitajiet imwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

(f)

informazzjoni dwar l-arranġamenti amministrattivi tal-IIP jew tal-RRM biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u d-diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 16, inklużi d-dokumenti ta’ sostenn relatati;

(g)

informazzjoni dwar ir-riżorsi tal-IIP jew tal-RRM u l-faċilitajiet ta’ riżerva implimentati biex jinżammu s-servizzi rispettivi tagħhom f’konformità mal-Artikolu 17, inklużi d-dokumenti ta’ sostenn relatati;

(h)

informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ standards tekniċi, inkluż kwalunkwe aġġornament tagħhom, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sigur u effiċjenti tal-proċess tal-ġbir tad-data u r-rapportar sussegwenti lill-Aġenzija, inklużi d-dokumenti ta’ sostenn relatati.

3.   L-organigramma tal-IIP jew tal-RRM imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (d), għandha:

(a)

turi l-istruttura tal-grupp u r-rabtiet ta’ sjieda bejn l-impriża omm u s-sussidjarji tagħha jew kwalunkwe entità jew fergħa assoċjata oħra, u tindika l-attivitajiet rispettivi tagħhom;

(b)

tindika l-isem ġuridiku u l-indirizz tal-impriżi murija fl-organigramma;

(c)

tidentifika l-persuni responsabbli għar-rapportar tar-rekords tad-data jew għat-tħaddim tal-pjattaforma għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni u s-sottomissjoni tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata lill-Aġenzija u tipprovdi deskrizzjonijiet tal-kompiti u d-dettalji ta’ kuntatt tan-negozju tagħhom.

4.   Il-programm ta’ operazzjonijiet imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (e), għandu jiddeskrivi fid-dettall il-qafas operazzjonali u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

Id-deskrizzjoni tal-qafas operazzjonali għandha turi l-mudell tan-negozju tal-applikant, inklużi s-servizzi u l-prodotti offruti relatati ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, u tindika kwalunkwe arranġament ta’ esternalizzazzjoni rilevanti, f’liema każ għandha tispeċifika kif tali arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

Id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern għandha turi l-mekkaniżmi biex jiġu żgurati governanza effettiva u ġestjoni tar-riskji, proċeduri u sistemi għall-monitoraġġ u l-ġestjoni tar-riskji relatati ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, inkluża l-identifikazzjoni ta’ riskji potenzjali u strateġiji ta’ mitigazzjoni korrispondenti.

5.   L-applikanti jistgħu juru konformità ma’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 permezz tas-sottomissjoni lill-Aġenzija ta’ ċertifikat validu tas-serje standard ISO/IEC 27000 dwar is-sistemi ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni jew ċertifikazzjonijiet ekwivalenti. L-Aġenzija tista’ titlob lill-applikanti għal aktar kjarifiki rigward iċ-ċertifikazzjoni pprovduta, kwalunkwe informazzjoni nieqsa biex turi l-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 u għal aġġornament ta’ tali ċertifikazzjoni wara d-data ta’ skadenza tagħha.

6.   L-applikanti tal-IIP għandhom jipprovdu lill-Aġenzija informazzjoni dwar iż-żmien meħtieġ mill-IIPs biex jiddivulgaw fuq il-pjattaforma tagħhom l-informazzjoni li rċevew mingħand il-klijenti tal-IIP tagħhom u li ġiet ivvalidata b’suċċess mis-sistemi ta’ validazzjoni tad-data tagħhom. L-applikanti tal-IIP għandhom jipprovdu lill-Aġenzija informazzjoni dwar il-mod li bih jistabbilixxu t-tariffi li għandhom iħallsu l-klijenti tal-IIP tagħhom f’konformità mal-Artikolu 25.

7.   L-applikanti tal-RRM għandhom jipprovdu dokumenti ta’ sostenn rigward is-sistemi ta’ informazzjoni li jkollhom fis-seħħ biex jiżguraw it-trasferimenti tad-data minn sistemi jew pjattaformi oħrajn f’konformità mal-Artikolu 15. L-applikanti tal-RRM għandhom jindikaw l-isem ta’ tali sistemi jew pjattaforma, u ta’ kwalunkwe faċilità tal-utenti li tiġġenera data rapportabbli għas-soluzzjoni teknika implimentata mill-applikant, flimkien ma’ informazzjoni dwar kwalunkwe trasformazzjoni tad-data li tkun seħħet f’dak il-proċess.

Artikolu 5

Fażi tal-ittestjar

1.   L-applikanti għandhom juru l-kapaċità tagħhom li jissottomettu rapporti ta’ informazzjoni privileġġata u jirrapportaw ir-rekords tad-data lill-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tivvaluta l-kapaċità ta’ rapportar tagħhom permezz ta’ fażi ta’ ttestjar li għandha ssir matul il-proċedura tal-applikazzjoni.

2.   Għall-fini tal-ittestjar, l-applikanti għandhom jipprovdu dawn li ġejjin lill-Aġenzija:

(a)

għall-applikanti tal-IIP, id-dettalji rigward it-tipi ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata li għandhom jiġu ppubblikati fuq il-pjattaforma u sottomessi lill-Aġenzija, u għall-applikanti tal-RRM, id-dettalji rigward it-tipi ta’ rekords tad-data li għandhom jiġu rrapportati lill-Aġenzija;

(b)

kampjuni tad-data fil-fażi tal-ittestjar f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/256 u bl-użu tal-formati elettroniċi standard f’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u bl-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-manwali relatati adottati mill-Aġenzija.

Artikolu 6

Bidliet materjali matul il-proċess tal-applikazzjoni

1.   Meta l-applikanti jew il-klijenti tal-IIP jew il-klijenti tal-RRM tagħhom jibdew kwalunkwe bidla materjali matul il-proċess tal-applikazzjoni, l-applikanti għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija b’tali bidliet mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol wara li tkun seħħet il-bidla materjali. In-notifika għandha tiddeskrivi l-bidla fid-dettall u tkun akkumpanjata mid-dokumenti ta’ sostenn rilevanti skont l-Artikolu 4, sa fejn dawk id-dokumenti jkunu ġew emendati.

2.   Jekk in-notifika skont il-paragrafu 1 issir wara li l-Aġenzija tkun ħarġet in-notifika msemmija fl-Artikolu 10(2), l-Aġenzija tista’ terġa’ tivvaluta l-kompletezza tal-applikazzjoni.

3.   Bidla għandha titqies materjali jekk tikkonċerna kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-mod kif jitwettqu s-sottomissjoni tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata u r-rapportar tar-rekords tad-data;

(b)

l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu pprovduti skont l-Artikolu 4;

(c)

it-tipi ta’ data divulgata fuq il-pjattaformi tal-IIP jew irrapportata lill-Aġenzija mill-IIPs u mill-RRMs;

(d)

il-formati elettroniċi standard rilevanti li fihom tiġi rrapportata d-data msemmija fil-punt (c).

Artikolu 7

Talba għal informazzjoni addizzjonali matul il-proċess ta’ awtorizzazzjoni

Fuq talba mill-Aġenzija, l-applikanti għandhom jipprovdu informazzjoni addizzjonali matul l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, fejn tali informazzjoni tkun meħtieġa biex l-Aġenzija tivvaluta l-kompletezza tal-applikazzjoni tagħhom u l-konformità tal-applikanti mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

Artikolu 8

Proċess tal-applikazzjoni għall-IIPs u l-RRMs diġà rreġistrati

1.   L-IIPs u l-RRMs li jkunu diġà ġew irreġistrati mill-Aġenzija għandhom japplikaw għal awtorizzazzjoni mill-Aġenzija skont l-Artikolu 10 qabel 29 April 2028, f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 7.

2.   L-IIPs u l-RRMs imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom, fl-applikazzjoni tagħhom, jipprovdu lill-Aġenzija l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 7, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà ġiet ipprovduta fil-qafas tal-proċess tar-reġistrazzjoni.

3.   L-Aġenzija għandha tinforma lill-IIPs u lill-RRMs imsemmija fil-paragrafu 1 jekk tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex jiġu vvalutati l-kompletezza tal-applikazzjoni u l-konformità tal-applikanti mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

Artikolu 9

Gwida mill-Aġenzija

Sa mhux aktar tard minn 29 Novembru 2026, u wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-Aġenzija għandha tipprovdi gwida dwar dawn li ġejjin:

(a)

il-proċess tekniku għall-fażi tal-ittestjar kif imsemmi fl-Artikolu 5(1);

(b)

il-proċess tal-applikazzjoni għall-IIPs u l-RRMs diġà rreġistrati kif imsemmi fl-Artikolu 8(1);

(c)

il-prinċipji u l-proċessi ta’ validazzjoni tad-data kif imsemmija fl-Artikolu 12(1) u (2) billi jiġu pprovduti speċifikazzjonijiet tekniċi għall-verifika tad-data;

(d)

il-miżuri ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (d);

(e)

il-format tar-rapport dwar il-perjodu ta’ qtugħ jew l-interruzzjoni mhux ippjanati kif imsemmi fl-Artikolu 18(3);

(f)

il-proċess ta’ mmarkar stabbilit fl-Artikolu 24(4), jekk applikabbli;

(g)

il-mekkaniżmi biex jiġu identifikati l-kompletezza, l-ommissjonijiet u l-iżbalji ovvji fir-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata u fir-rekords tad-data msemmija fl-Artikolu 23(1) għall-IIPs u l-Artikolu 27(1) għall-RRMs;

(h)

il-format tar-rapport annwali kif imsemmi fl-Artikolu 33(1).

TAQSIMA II

Għoti ta’ awtorizzazzjoni

Artikolu 10

Deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni u s-salvagwardji relatati

1.   L-applikazzjoni għandha titqies kompluta meta l-Aġenzija tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa, kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 7.

2.   Meta l-Aġenzija tqis li l-applikazzjoni hija kompluta, hija għandha tinnotifika lill-applikant mingħajr dewmien żejjed.

3.   Meta l-applikazzjoni tkun tqieset kompluta, l-Aġenzija għandha tivvaluta jekk l-applikant jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli minn 11 sa 29 ta’ dan ir-Regolament, fl-Artikolu 4a(3) sa (5), u fl-Artikolu 9a(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011. Jekk l-applikant jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata, inkella l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda. Id-deċiżjoni li tingħata jew tiġi miċħuda l-applikazzjoni għandha tiġi adottata fi żmien 3 xhur mid-data tal-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Jekk l-Aġenzija tqis li teħtieġ aktar żmien biex tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, l-Aġenzija għandha, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ 3 xhur imsemmi fil-paragrafu 3, tinforma lill-applikant dwar iż-żmien addizzjonali li teħtieġ biex tadotta d-deċiżjoni. Tali żmien addizzjonali ma għandux jaqbeż xahrejn mill-iskadenza tal-perjodu ta’ 3 xhur. Jekk l-Aġenzija ma tadottax deċiżjoni f’dak il-perjodu ta’ żmien addizzjonali, hija għandha titqies li tkun tat l-awtorizzazzjoni.

5.   L-Aġenzija għandha, fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ ċaħda, tinnotifika dik id-deċiżjoni lill-partijiet li ġejjin:

(a)

l-IIP jew l-RRM applikanti;

(b)

l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti l-IIP jew l-RRM.

6.   Meta applikant jonqos milli jikkomunika jew jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għal aktar minn 3 xhur wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni jew, fejn applikabbli, wara talba għal kjarifika mill-Aġenzija, l-Aġenzija tista’ tikkunsidra l-applikazzjoni rtirata. Mill-inqas ġimagħtejn qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ 3 xhur, l-Aġenzija għandha tinnotifika lill-applikant dwar l-istatus inattiv tiegħu u tfakkru fil-konsegwenzi li jirriżultaw minnu.

7.   Kwalunkwe deċiżjoni mill-Aġenzija fil-kuntest ta’ proċess ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun soġġetta għal salvagwardji proċedurali, inklużi r-rimedji legali disponibbli skont l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942.

KAPITOLU III

REKWIŻITI ORGANIZZAZZJONALI

TAQSIMA I

Rekwiżiti organizzazzjonali ġenerali

Artikolu 11

Konformità f’waqtha mal-obbligi ta’ rapportar

L-IIPs u l-RRMs għandhom jimplimentaw politiki, pjanijiet ta’ kontinġenza u arranġamenti biex jiżguraw il-konformità f’waqtha mar-rekwiżiti dwar is-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata stabbiliti fl-Artikolu 4a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u r-rekwiżiti dwar ir-rapportar tar-rekords tad-data stabbiliti fl-Artikoli 7, 10, 13 u 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/256.

Artikolu 12

Sistemi ta’ validazzjoni tad-data

1.   L-IIPs għandu jkollhom sistemi ta’ validazzjoni tad-data fis-seħħ biex jikkonformaw mal-prinċipji u jsegwu l-proċessi stabbiliti fl-Artikoli 22, 23 u 24.

2.   L-RRMs għandu jkollhom sistemi ta’ validazzjoni tad-data fis-seħħ biex jikkonformaw mal-prinċipji u jsegwu l-proċessi stabbiliti fl-Artikoli 26, 27 u 29.

3.   L-IIPs u l-RRMs għandhom jissottomettu lill-Aġenzija r-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata u r-rekords tad-data li jkunu ġew ivvalutati b’suċċess mis-sistemi ta’ validazzjoni tad-data tagħhom f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 biss.

Artikolu 13

Rekwiżiti ta’ sigurtà

1.   L-IIPs u l-RRMs għandhom jistabbilixxu u jżommu politiki, proċeduri u arranġamenti għas-sigurtà fiżika u elettronika li huma bbażati fuq l-aħjar prattiki, u li huma konsistenti ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment. Dawk il-politiki, il-proċeduri u l-arranġamenti għandhom jitfasslu biex:

(a)

jipproteġu s-sistemi tal-IT tal-IIPs u tal-RRMs minn użu ħażin jew aċċess mhux awtorizzat;

(b)

jimminimizzaw ir-riskji ta’ inċidenti kontra s-sistemi ta’ informazzjoni, kif definiti fl-Artikolu 6(6) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(c)

jipprevjenu d-divulgazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tiċċirkola mill-klijenti tal-IIP u mill-klijenti tal-RRM lill-IIP jew l-RRM u mill-IIP jew l-RRM lill-Aġenzija;

(d)

jiżguraw il-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà, l-awtentiċità, ir-responsabbiltà u l-affidabbiltà tal-informazzjoni pproċessata fi ħdan is-sistemi tal-IIP u tal-RRM u, għall-IIPs, jipprevjenu l-ħruġ tal-informazzjoni pproċessata qabel il-pubblikazzjoni tagħha;

(e)

jiżguraw in-nonripudju permezz ta’ firem jew ċertifikati elettroniċi, jew permezz ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ieħor li jipprovdi livell ekwivalenti ta’ nonripudju.

2.   L-IIPs u l-RRMs għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-permessi tal-aċċess għad-data, kif ukoll l-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-aċċess għad-data, u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu tad-data. Huma għandhom jistabbilixxu u jżommu mekkaniżmi ta’ sigurtà biex jidentifikaw u jimmaniġġjaw fil-pront ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

ambjent sigur għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data mill-klijenti tal-IIP u l-klijenti tal-RRM u għas-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata u r-rapportar tar-rekords tad-data lill-Aġenzija;

(b)

interfaċċji tal-applikazzjoni kif speċifikati mill-Aġenzija;

(c)

konnessjoni tan-network protetta u segregata mal-Aġenzija kif speċifikat mill-Aġenzija.

3.   L-applikanti jistgħu juru konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà fiżika u elettronika msemmija fil-paragrafu 1 permezz tas-sottomissjoni lill-Aġenzija ta’ ċertifikat validu tas-serje standard ISO/IEC 27000 dwar is-sistemi ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni jew ċertifikazzjonijiet ekwivalenti. L-Aġenzija tista’ titlob lill-applikanti għal aktar kjarifiki rigward iċ-ċertifikazzjoni pprovduta u għal aġġornament ta’ tali ċertifikazzjoni wara d-data ta’ skadenza tagħha.

Artikolu 14

Inċidenti ta’ sigurtà

1.   L-IIPs u l-RRMs għandhom jieħdu l-azzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 f’każ ta’ okkorrenza ta’ kwalunkwe wieħed mill-inċidenti li ġejjin:

(a)

użu ħażin jew aċċess mhux awtorizzat tas-sistemi tal-IT tal-IIP jew tal-RRM;

(b)

inċidenti kontra s-sistemi ta’ informazzjoni, kif definiti fl-Artikolu 6(6) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(c)

divulgazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tiċċirkola mill-klijenti tal-IIP u l-klijenti tal-RRM lill-IIP jew lill-RRM u mill-IIP jew l-RRM lill-Aġenzija;

(d)

ksur tal-kunfidenzjalità, tal-integrità, tad-disponibbiltà, tal-awtentiċità, tar-responsabbiltà u tal-affidabbiltà tal-informazzjoni pproċessata fi ħdan is-sistemi tal-IIPs u tal-RRMs u, għall-IIPs, ħruġ tal-informazzjoni pproċessata qabel il-pubblikazzjoni tagħha;

(e)

kwalunkwe avveniment li jimpedixxi jew jaffettwa n-nonripudju tad-data.

2.   L-IIPs u l-RRMs għandhom:

(a)

jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar l-inċident fi żmien 24 siegħa minn meta jsiru jafu bih;

(b)

jinnotifikaw lil kwalunkwe klijent tal-IIP u klijent tal-RRM, jekk applikabbli, li ġew jew setgħu ġew affettwati mill-inċident fi żmien 48 siegħa minn meta jsiru jafu bih;

(c)

jipprovdu lill-Aġenzija valutazzjoni inizjali tal-inċident fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bih;

(d)

jipprovdu lill-Aġenzija rapport dettaljat tal-inċident fi żmien xahar minn meta jsiru jafu bih, li jiddeskrivi n-natura tal-inċident, il-miżuri meħuda biex dan jiġi indirizzat, u l-inizjattivi implimentati biex jiġu evitati okkorrenzi simili fil-futur.

Artikolu 15

Trasferimenti tad-data

L-IIPs u l-RRMs għandu jkollhom fis-seħħ sistemi ta’ informazzjoni għal trasferimenti effettivi tad-data minn sistemi jew pjattaformi oħrajn li jiżguraw proċess effiċjenti ta’ ġbir tad-data u rapportar sussegwenti lill-Aġenzija.

Artikolu 16

Kunflitti ta’ interess

1.   L-IIPs u l-RRMs għandhom iżommu arranġamenti amministrattivi effettivi, imfassla biex jipprevjenu kunflitti ta’ interess mal-klijenti tal-IIP u l-klijenti tal-RRM tagħhom. Tali arranġamenti għandhom jinkludu politiki u proċeduri għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni u d-divulgazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess eżistenti u potenzjali u għandhom:

(a)

jiżguraw li l-klijenti rilevanti tal-IIP u tal-RRM ikunu konxji ta’ dawk il-politiki u l-proċeduri;

(b)

jiżguraw is-separazzjoni tad-dmirijiet u tal-funzjonijiet tan-negozju fi ħdan l-IIP jew l-RRM, inkluż permezz ta’:

(i)

miżuri biex jipprevjenu jew jikkontrollaw l-iskambju ta’ informazzjoni fejn jista’ jinħoloq riskju ta’ kunflitti ta’ interess;

(ii)

is-superviżjoni separata tal-persuni rilevanti li l-funzjonijiet ewlenin tagħhom jinvolvu interessi li huma potenzjalment f’kunflitt ma’ dawk tal-klijenti tal-IIP jew tal-klijenti tal-RRM;

(iii)

miżuri biex jirrimedjaw kunflitti ta’ interess potenzjali jew eżistenti;

(c)

jimmappjaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess eżistenti u potenzjali u jelenkawhom f’inventarju, li għandu jkun fih id-deskrizzjoni, l-identifikazzjoni, il-miżuri ta’ ġestjoni u ta’ prevenzjoni u d-divulgazzjoni tagħhom.

2.   L-IIPs u l-RRMs għandu jkollhom politiki fis-seħħ biex jiżguraw l-immaniġġjar tad-data rrapportata b’mod mhux diskriminatorju.

Artikolu 17

Kontinwità tal-operat u faċilitajiet ta’ riżerva

1.   L-IIPs u l-RRMs għandhom jiżguraw li jkollhom biżżejjed persunal, infrastruttura, kapital u riżorsi finanzjarji biex jiggarantixxu l-kontinwità u r-regolarità fit-twettiq tas-servizzi rispettivi tagħhom, kif ukoll il-protezzjoni adegwata tal-IIP jew tal-RRM kontra riskji operazzjonali, legali u kummerċjali.

2.   Mar-reġistrazzjoni ta’ klijenti ġodda tal-IIP, l-IIPs għandhom jipprovdu lill-klijenti struzzjonijiet dwar l-użu ta’ faċilitajiet ta’ riżerva u sussegwentement għandhom joħorġu tfakkiriet perjodiċi lilhom matul id-durata tas-servizzi tal-IIP ipprovduti.

3.   L-IIPs u l-RRMs għandu jkollhom fis-seħħ kontrolli u proċeduri robusti tar-riskju operazzjonali biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ riżorsi adegwati u faċilitajiet ta’ riżerva. Tali kontrolli u proċeduri għandhom jiġu ddokumentati fi ħdan politika tar-riskju operazzjonali jew qafas tar-riskju operazzjonali li jiżgura li l-interruzzjonijiet fis-servizzi pprovduti jiġu mminimizzati. Tali politika jew qafas għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

sistema ta’ kontroll tal-verżjonijiet biex tittraċċa u tarkivja kwalunkwe bidla li ssir fis-software tal-IIPs u tal-RRMs;

(b)

politika ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li tiżgura li l-bidliet kollha fl-arkitettura tal-hardware u tas-software tal-IIPs u tal-RRMs jiġu traċċati;

(c)

sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ twissija biex jitraċċaw id-disponibbiltà tas-servizzi u l-komponenti kollha tas-sistema, li jipprovdu notifiki immedjati lill-klijenti tal-IIP u lill-klijenti tal-RRM dwar kwalunkwe interruzzjoni fis-servizz;

(d)

ir-ridondanza tal-komponenti tal-hardware u tal-infrastruttura tan-network, li tippermetti l-kommutazzjoni awtomatika għas-sistemi ta’ riżerva, inklużi:

(i)

għall-IIPs, il-proċeduri biex jiġi żgurat li kwalunkwe manutenzjoni ppjanata tas-servizzi tal-IIP titwettaq b’interruzzjonijiet minimi jew mingħajr interruzzjoni tas-servizz, bl-użu tad-duplikazzjoni u tar-ridondanza tal-komponenti tal-hardware u tas-software;

(ii)

għall-RRMs, il-proċeduri għal interruzzjoni minima matul il-manutenzjoni ppjanata, bi perjodi ta’ manutenzjoni skedati matul perjodi ta’ attività baxxa;

(e)

it-twettiq ta’ rieżamijiet perjodiċi, mill-inqas kull sena, li jevalwaw l-infrastrutturi tekniċi tal-IIPs u tal-RRMs u l-politiki u l-proċeduri assoċjati, inklużi l-arranġamenti tal-kontinwità tal-operat u, għall-IIPs, l-arranġamenti ta’ sigurtà tal-informazzjoni;

(f)

miżuri komprensivi ta’ riżerva tad-data li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda telf ta’ data, inkluża ż-żamma tad-data rrapportata lill-Aġenzija fl-aħħar 5 snin wara t-terminazzjoni tal-avveniment korrispondenti għall-IIPs u 5 snin għall-RRMs;

(g)

arranġamenti effettivi għall-kontinwità tal-operat li jindirizzaw avvenimenti mhux ippjanati, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

arranġamenti għall-kontinwità tal-proċessi li huma kritiċi biex tiġi żgurata l-effettività tas-servizzi tar-rapportar tad-data, inklużi proċeduri ta’ eskalazzjoni, attivitajiet esternalizzati rilevanti jew dipendenzi fuq fornituri esterni, li fir-rigward tal-infrastruttura ta’ riżerva tal-IIPs, jistgħu jinkludu arranġament kuntrattwali ma’ IIP oħra awtorizzata mill-Aġenzija, fejn il-klijenti tal-IIP se jiġu ridiretti għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni tagħhom f’każ ta’ inċident, mingħajr ebda kost addizzjonali għall-klijent tal-IIP;

(ii)

arranġamenti speċifiċi ta’ kontinwità, li jkopru firxa adegwata ta’ xenarji possibbli, fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju, inklużi fallimenti tas-sistema, diżastri naturali, interruzzjonijiet fil-komunikazzjoni, telf ta’ persunal ewlieni u inabbiltà li jintuża l-bini użat regolarment;

(iii)

l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ kommutazzjoni awtomatika u ta’ riżerva li jispeċifikaw ir-ridirezzjoni tal-klijenti tal-IIP għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni tagħhom lejn il-faċilitajiet ta’ riżerva tal-IIP;

(iv)

l-istabbiliment ta’ ħin massimu ta’ rkupru fil-mira għal funzjonijiet kritiċi;

(v)

il-forniment ta’ taħriġ obbligatorju għall-persunal dwar it-tħaddim tal-kontinwità tal-operat;

(vi)

l-identifikazzjoni ta’ persunal ewlieni responsabbli għall-kontinwità tal-operat, inkluża l-identifikazzjoni ta’ persunal responsabbli għal reazzjoni immedjata għal interruzzjoni tas-servizzi.

4.   L-applikanti jistgħu juru konformità ma’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 permezz tas-sottomissjoni lill-Aġenzija ta’ ċertifikat validu tas-serje standard ISO/IEC 27000 dwar sistemi ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni jew ċertifikazzjonijiet ekwivalenti. L-Aġenzija tista’ titlob lill-applikanti għal aktar kjarifiki rigward iċ-ċertifikazzjoni pprovduta, għal kwalunkwe informazzjoni nieqsa biex turi l-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 u għal aġġornament ta’ tali ċertifikazzjoni wara d-data ta’ skadenza tagħha.

5.   L-IIPs u l-RRMs għandhom jiżguraw li kwalunkwe nuqqas identifikat matul ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 3, il-punt (e), jiġi rrimedjat.

6.   L-IIPs għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni kollha relatata mal-mezzi alternattivi ta’ divulgazzjoni li l-klijenti tal-IIP tagħhom jistgħu jużaw f’każ ta’ perjodu ta’ qtugħ tal-pjattaforma. Meta l-manutenzjoni ppjanata tista’ tirriżulta f’interruzzjonijiet, din għandha tiġi ppjanata għal perjodi ta’ żmien fejn tkun prevista attività minima.

7.   Is-servizzi tal-IIP relatati mad-divulgazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni u s-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata għandhom ikunu disponibbli mill-inqas 99,5 % tal-ħin. L-istess japplika meta s-servizzi tal-IIP jew partijiet minnhom jiġu esternalizzati lil fornituri esterni.

8.   Fiċ-ċirkostanza fejn il-klijenti tal-IIP ikunu ġew innotifikati mill-IIP dwar il-manutenzjoni ppjanata jew il-perjodu ta’ qtugħ mhux ippjanat jew interruzzjoni oħra f’konformità mal-Artikolu 18, jew il-klijenti tal-IIP infushom jinnotaw li, b’mod eċċezzjonali, la l-IIP u lanqas il-faċilitajiet ta’ riżerva tagħha ma jkunu qed joperaw, il-klijenti tal-IIP jistgħu jiddeċiedu jekk għandhomx jiddivulgaw fuq is-sit web tagħhom l-informazzjoni li kienu jiddivulgaw fuq l-IIP, jew jekk jiddependux fuq IIP oħra għal divulgazzjoni fil-pront, sakemm jiġu rrestawrati l-IIP jew il-faċilitajiet ta’ riżerva tagħha.

9.   L-IIPs għandhom jippubblikaw fuq il-pjattaforma tagħhom l-informazzjoni divulgata mill-klijenti tal-IIP tagħhom f’konformità mal-paragrafu 8 hekk kif ikun teknikament possibbli wara r-restawr tas-servizzi.

Artikolu 18

Manutenzjoni ppjanata jew perjodu ta’ qtugħ mhux ippjanat jew interruzzjoni oħra

1.   L-IIPs għandhom jistabbilixxu proċessi biex jinnotifikaw, fuq is-sit web tagħhom, lill-klijenti tal-IIP tagħhom dwar kwalunkwe attività ta’ manutenzjoni ppjanata li taffettwa d-disponibbiltà tas-servizzi tal-IIP relatati mad-divulgazzjoni tal-informazzjoni u s-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata. In-notifika għandha ssir mill-inqas 5 ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-perjodu ta’ manutenzjoni. Hija għandha tindika l-perjodu skedat ta’ interruzzjoni tas-servizz u għandha tinkludi struzzjonijiet dwar kif jintużaw il-mezzi alternattivi għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata jew għas-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata.

L-IIPs għandhom jistabbilixxu wkoll proċessi biex jinnotifikaw, fuq is-sit web tagħhom, lill-klijenti tal-IIP tagħhom dwar kwalunkwe perjodu ta’ qtugħ mhux ippjanat jew interruzzjoni oħra li taffettwa d-disponibbiltà tas-servizzi tal-IIP relatati mad-divulgazzjoni tal-informazzjoni u s-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata. Kull klijent tal-IIP għandu jiġi nnotifikat individwalment, kemm jista’ jkun malajr wara li sseħħ l-interruzzjoni, u għandu jingħata struzzjonijiet dwar kif jintużaw il-mezzi alternattivi għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni.

2.   L-RRMs għandhom jistabbilixxu proċessi biex jinnotifikaw lill-klijenti tal-RRM tagħhom dwar kwalunkwe attività ta’ manutenzjoni ppjanata fuq l-interfaċċja jew is-sistema ta’ rapportar tal-RRM. In-notifika għandha ssir mill-inqas 5 ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-perjodu ta’ manutenzjoni. Hija għandha tindika l-perjodu skedat ta’ interruzzjoni tas-servizz.

L-RRMs għandhom jistabbilixxu wkoll proċessi biex jinnotifikaw lill-klijenti tal-RRM tagħhom dwar kwalunkwe perjodu ta’ qtugħ mhux ippjanat jew interruzzjoni oħra. In-notifika għandha ssir kemm jista’ jkun malajr wara l-interruzzjoni permezz tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 17, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ notifika fuq is-sit web tagħhom li tipprovdi żmien stmat biex jerġa’ jibda s-servizz regolari.

Meta RRM u l-klijenti tiegħu jkunu jappartjenu għall-istess entità ġuridika, l-RRM ma għandux ikun meħtieġ jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu.

3.   L-IIPs u l-RRMs għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar kwalunkwe perjodu ta’ qtugħ mhux ippjanat jew interruzzjoni oħra li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli minn 11 sa 29 fi żmien 24 siegħa minn meta jsiru jafu bl-interruzzjoni. Mhux aktar tard minn xahar wara li jsiru jafu bl-interruzzjoni, l-IIPs u l-RRMs għandhom jissottomettu rapport lill-Aġenzija li jagħti dettalji dwar il-kawżi tal-interruzzjoni u l-azzjonijiet meħuda biex tiġi evitata kwalunkwe riokkorrenza.

4.   L-Aġenzija tista’ titlob għal informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali b’rabta mal-konformità tal-IIPs u tal-RRMs mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

TAQSIMA II

Rekwiżiti għall-IIPs

Artikolu 19

Tħaddim tal-pjattaforma

1.   L-IIPs għandu jkollhom arranġamenti fis-seħħ biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-pjattaforma u d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun teknikament qrib il-ħin reali.

2.   L-IIPs ma għandhomx jippubblikaw l-istess informazzjoni darbtejn.

3.   L-informazzjoni fuq il-pjattaforma tal-IIP għandha tkun disponibbli mill-inqas bil-lingwa Ingliża.

4.   Il-pjattaforma tal-IIP għandha tippermetti:

(a)

il-filtrazzjoni ta’ informazzjoni divulgata, inkluża informazzjoni storika, skont il-kategoriji tad-data rilevanti;

(b)

it-tniżżil ta’ informazzjoni ffiltrata f’format li jikkonforma ma’ struttura standard u konvenzjoni tal-ismijiet, f’konformità mal-Anness II;

(c)

it-tniżżil ta’ informazzjoni ffiltrata u kwalunkwe użu ulterjuri tal-informazzjoni mniżżla għal skopijiet leġittimi mingħajr ħlas.

5.   Jekk il-pjattaforma tipprovdi diversi mezzi ta’ aċċess għall-informazzjoni divulgata, inkluża interfaċċja għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API, application programming interface), il-kontenut tal-informazzjoni magħmula disponibbli permezz ta’ kull mezz bħal dan għandu jkun identiku.

6.   L-IIPs għandhom iżommu l-informazzjoni divulgata kollha ta’ natura storika, inkluża kwalunkwe informazzjoni emendata jew aġġornata u għandhom jagħmluha disponibbli għall-pubbliku għal perjodu minimu ta’ 5 snin wara l-konklużjoni tal-avvenimenti divulgati rilevanti li magħhom hija relatata l-informazzjoni.

7.   L-IIPs għandhom iżommu rekord aċċessibbli ta’ divulgazzjonijiet preċedenti relatati mal-istess avveniment u jipprovdu funzjonalità ta’ konnessjoni ċara u faċli għall-utent mad-divulgazzjonijiet preċedenti.

Artikolu 20

Sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata

L-IIPs għandu jkollhom fis-seħħ proċedura u l-mezzi tekniċi biex jirrapportaw lill-Aġenzija, f’format elettroniku standard stabbilit mill-Aġenzija f’konformità mal-Anness II, l-informazzjoni kollha divulgata fuq il-pjattaforma tagħhom li tkun ġiet ivvalidata b’suċċess permezz tas-sistemi ta’ validazzjoni tad-data tagħhom, inkluża kwalunkwe modifika sussegwenti, mhux aktar tard minn jum wara d-divulgazzjoni jew il-modifika.

Artikolu 21

Trattament ugwali fil-forniment ta’ servizzi

L-IIPs għandu jkollhom fis-seħħ proċedura u l-mezzi tekniċi biex jipprovdu aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi tagħhom lill-parteċipanti fis-suq u lill-awtoritajiet kompetenti għall-ippjanar ta’ emerġenza li għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3(4), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

Artikolu 22

Valutazzjoni tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata qabel is-sottomissjoni lill-Aġenzija

Is-sistema ta’ validazzjoni tad-data tal-IIP imsemmija fl-Artikolu 12 għandha:

(a)

tindividwa jekk l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata kinitx diġà ġiet ippubblikata mill-istess IIP;

(b)

tindividwa jekk ir-rapport ta’ informazzjoni privileġġata fihx l-informazzjoni kollha meħtieġa kif speċifikat fl-Anness II, u fil-manwali relatati adottati mill-Aġenzija;

(c)

tindividwa kwalunkwe korruzzjoni fid-data li l-IIP setgħet ikkawżat waqt l-ipproċessar tar-rapport ta’ informazzjoni privileġġata;

(d)

tippermetti l-awtentikazzjoni tas-sors tal-informazzjoni u jivverifikaw dawn li ġejjin:

(i)

l-identità tal-klijent tal-IIP;

(ii)

l-identità ta’ kwalunkwe persuna oħra li tissottometti informazzjoni f’isem il-klijent tal-IIP.

Artikolu 23

Detezzjoni u korrezzjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata invalidi qabel is-sottomissjoni lill-Aġenzija

1.   Meta s-sistemi ta’ validazzjoni tad-data jindividwaw jew jidentifikaw xi inkonsistenzi fid-data jew data nieqsa (“data invalida”), qabel id-divulgazzjoni tal-informazzjoni fuq il-pjattaforma tal-IIP jew is-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ informazzjoni privileġġata lill-Aġenzija, l-IIPs għandhom jipprovdu lill-klijenti tal-IIP tagħhom informazzjoni dettaljata rigward ir-riżultati tal-validazzjoni u għandhom jitolbu lill-klijenti jissottomettu mill-ġdid l-informazzjoni lill-IIP bil-korrezzjonijiet meħtieġa jew bid-data li kienet nieqsa. Meta tirċievi dik l-informazzjoni mingħand il-klijenti, l-IIP għandha tissottometti dawk ir-rapporti lill-Aġenzija malli jkun teknikament possibbli.

2.   L-IIPs għandhom iżommu reġistru ta’ data invalida sottomessa mill-klijenti tal-IIP tagħhom u mhux sussegwentement ikkoreġuta. Id-data invalida għandha tinżamm għal 18-il xahar mid-data tas-sottomissjoni. L-Aġenzija tista’ taċċessa r-reġistru u tista’ tinnotifika lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti b’każijiet li fihom il-klijenti tal-IIP issottomettew data invalida, kif ukoll l-identità ta’ tali klijenti.

Artikolu 24

Riċevuta tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata sottomessi mill-IIPs

1.   Meta tirċievi r-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata, l-Aġenzija għandha toħroġ riċevuti lill-IIPs. Dawk ir-riċevuti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tar-rapport ta’ informazzjoni privileġġata sottomess;

(b)

indikazzjoni ta’ jekk ir-rapport ta’ informazzjoni privileġġata nġabarx b’suċċess mill-Aġenzija.

F’każ li l-informazzjoni ma tkunx inġabret b’suċċess mill-Aġenzija minħabba żball, ir-riċevuta għandha tindika wkoll l-informazzjoni affettwata mill-iżball u, jekk ikun possibbli, il-kawża tal-iżball.

2.   F’każ li l-iżball imsemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, ikun attribwibbli għall-IIP, l-IIP għandha terġa’ tissottometti r-rapport ta’ informazzjoni privileġġata kkoreġut fi żmien 5 ijiem tax-xogħol. Dik l-iskeda ta’ żmien tista’ tiġi estiża mill-Aġenzija fuq talba mill-IIP, f’każijiet debitament ġustifikati.

3.   Jekk l-iżball ikun attribwibbli għall-klijenti tal-IIP, l-IIP għandha tipprovdi lil dawk il-klijenti gwida dwar kif jikkoreġu r-rapport ta’ informazzjoni privileġġata u għandha sussegwentement tissottometti r-rapport ta’ informazzjoni privileġġata kkoreġut lill-Aġenzija fi żmien 10 ijiem tax-xogħol. Dik l-iskeda ta’ żmien tista’ tiġi estiża mill-Aġenzija fuq talba mill-IIP, f’każijiet debitament ġustifikati. L-IIPs għandhom jimplimentaw sistemi ta’ twissija awtomatizzati li jkunu kapaċi jwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jinnotifikaw lill-klijenti tal-IIP dwar ir-riċevuta tal-Aġenzija;

(b)

jagħmlu disponibbli għall-klijent tal-IIP kopja tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata tal-klijent tal-IIP kif sottomessi lill-Aġenzija.

4.   B’deroga mill-Artikolu 12(3), għall-finijiet li tiġi żgurata divulgazzjoni f’waqtha u effiċjenti tal-informazzjoni, l-IIP tista’ tippubblika u tissottometti rapporti ta’ informazzjoni privileġġata lill-Aġenzija li jistgħu jeħtieġu aktar kjarifiki mill-klijent tal-IIP, sakemm il-kontenut fir-rapporti jkun rilevanti għall-għażliet ta’ kummerċ tal-parteċipanti fis-suq skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011. F’każijiet bħal dawn, l-informazzjoni fir-rapport għandha tiġi mmarkata mill-IIP mal-pubblikazzjoni u s-sottomissjoni tar-rapport lill-Aġenzija. F’każ li l-informazzjoni tkun teħtieġ li tiġi kkoreġuta skont l-indikazzjoni tal-Aġenzija, l-IIPs għandhom jikkollaboraw mal-klijenti tal-IIP tagħhom biex jikkoreġuha. Ladarba l-informazzjoni tiġi kkoreġuta, l-IIPs għandhom jippubblikawha mill-ġdid u jerġgħu jissottomettuha lill-Aġenzija malli jkun teknikament possibbli.

Artikolu 25

Obbligu li jiġu pprovduti servizzi tal-IIP fuq bażi kummerċjali raġonevoli

L-IIPs jistgħu jistabbilixxu u jitolbu tariffi għall-forniment tas-servizzi tagħhom f’livell raġonevoli u kummerċjalment ġustifikat. Tali tariffi għandhom jiġu ddeterminati b’mod li jirrifletti l-kostijiet attwali mġarrba mill-IIPs fil-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni privileġġata, inklużi l-kostijiet biex tiġi żgurata d-divulgazzjoni f’waqtha tal-informazzjoni u l-għoti ta’ soluzzjonijiet ta’ riżerva biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz.

TAQSIMA III

Rekwiżiti għall-RRMs

Artikolu 26

Valutazzjoni tar-rekords tad-data qabel is-sottomissjoni lill-Aġenzija

Is-sistema ta’ validazzjoni tad-data tal-RRM imsemmija fl-Artikolu 12 għandha:

(a)

tindividwa jekk ir-rekord tad-data fihx l-informazzjoni kollha meħtieġa kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/256 u fil-manwali relatati adottati mill-Aġenzija;

(b)

tindividwa kwalunkwe korruzzjoni fid-data li l-RRM seta’ kkawża waqt l-ipproċessar tar-rekord tad-data;

(c)

tippermetti l-awtentikazzjoni tas-sors tal-informazzjoni u jivverifikaw dawn li ġejjin:

(i)

l-identità tal-klijent tal-RRM;

(ii)

l-identità ta’ kwalunkwe persuna oħra li tissottometti informazzjoni f’isem il-klijent tal-RRM.

Meta RRM u l-klijenti tiegħu jkunu jappartjenu għall-istess entità ġuridika, l-RRM ma għandux bżonn jikkonforma mal-obbligu stabbilit fil-punt (c).

Artikolu 27

Detezzjoni u korrezzjoni ta’ rekords tad-data invalidi qabel is-sottomissjoni lill-Aġenzija

1.   Meta s-sistemi ta’ validazzjoni tad-data jindividwaw jew jidentifikaw xi inkonsistenza fid-data jew data nieqsa (“data invalida”) qabel ir-rapportar tar-rekords tad-data lill-Aġenzija, l-RRM għandu jipprovdi lill-klijenti tal-RRM tagħhom informazzjoni dettaljata rigward ir-riżultati tal-validazzjoni u għandu jitlob lill-klijenti tal-RRM tagħhom jissottomettu mill-ġdid ir-rekords tad-data lill-RRM bil-korrezzjonijiet meħtieġa jew bid-data li kienet nieqsa. Meta jirċievi dik l-informazzjoni mingħand il-klijenti, l-RRM għandu jissottometti dawk ir-rekords lill-Aġenzija malli jkun teknikament possibbli.

Meta l-RRM u l-klijenti tiegħu jkunu jappartjenu għall-istess entità ġuridika, l-RRM għandu jissottometti r-rekords tad-data lill-Aġenzija bil-korrezzjonijiet meħtieġa jew bid-data li kienet nieqsa malli jkun teknikament possibbli f’każijiet fejn is-sistema tiegħu ta’ validazzjoni tad-data tindividwa jew tidentifika kwalunkwe data invalida qabel ir-rapportar tar-rekords tad-data lill-Aġenzija.

2.   L-RRMs għandhom iżommu reġistru tad-data invalida sottomessa mill-klijenti tal-RRM tagħhom u mhux sussegwentement ikkoreġuta. Id-data invalida għandha tinżamm għal 18-il xahar mid-data tas-sottomissjoni. L-Aġenzija tista’ taċċessa r-reġistru u tista’ tinnotifika lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti dwar każijiet li fihom il-klijenti tal-RRM issottomettew data invalida, kif ukoll l-identità ta’ tali klijenti.

Meta RRM u l-klijenti tiegħu jkunu jappartjenu għall-istess entità ġuridika, l-RRM għandu jżomm reġistru tad-data invalida sottomessa mill-klijenti tal-RRM tagħhom u mhux sussegwentement ikkoreġuta. Id-data invalida għandha tinżamm għal 18-il xahar mid-data tas-sottomissjoni. L-Aġenzija tista’ taċċessa r-reġistru u tista’ tinnotifika lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti dwar każijiet li fihom il-klijenti tal-RRM issottomettew data invalida, kif ukoll l-identità ta’ tali klijenti.

Artikolu 28

Rikonċiljazzjoni tad-data

1.   L-RRMs għandhom jirrikonċiljaw ir-rekords tad-data li rċevew mingħand il-klijenti tal-RRM tagħhom li huma relatati ma’ tranżazzjonijiet għajr ordnijiet għall-kummerċ fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa u li jiġu konklużi jew eżegwiti f’suq organizzat. Ir-rikonċiljazzjoni għandha titwettaq billi jiġi vverifikat jekk ikunux irċevew rekord tad-data korrispondenti relatat mal-parti l-oħra għat-tranżazzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

it-tranżazzjoni tkun ġiet konkluża f’suq organizzat li f’ismu l-RRM qed jirrapporta d-data skont l-Artikolu 8(1a) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

(b)

it-tranżazzjoni ma tkunx ġietx konkluża bħala riżultat ta’ akkoppjament wieħed tal-istess ġurnata, irkant, jew allokazzjoni ta’ kapaċità primarja;

(c)

ir-rekord tad-data ma jkunx ġiex ikkategorizzat bħala żbaljat mill-klijent tal-RRM.

2.   Qabel ma jissottomettu r-rekord tad-data lill-Aġenzija, l-RRMs għandhom, għal dawk it-tranżazzjonijiet li għalihom ir-rikonċiljazzjoni skont il-paragrafu 1 ma kinitx ta’ suċċess, jikkomunikaw lis-suq organizzat il-valuri li ġejjin f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/256:

(a)

“Identifikatur Uniku tat-Tranżazzjoni”;

(b)

“ID tal-parteċipant fis-suq jew tal-kontroparti”;

(c)

“Kronogramma tat-tranżazzjoni”.

3.   Qabel ma jissottomettu r-rekord tad-data lill-Aġenzija, l-RRMs għandhom jitolbu li s-suq organizzat jipprovdi r-rekords tad-data korrispondenti neqsin mill-parti l-oħra għat-tranżazzjoni.

Artikolu 29

Riċevuta tar-rekords tad-data sottomessi mill-RRMs

1.   L-Aġenzija għandha toħroġ riċevuti tar-rekords tad-data rrapportati lill-RRMs. Dawk ir-riċevuti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tar-rekord tad-data rrapportat;

(b)

indikazzjoni ta’ jekk ir-rekord tad-data nġabarx b’suċċess mill-Aġenzija.

F’każ li r-rekord tad-data ma jkunx inġabar b’suċċess mill-Aġenzija minħabba żball, ir-riċevuta għandha tindika wkoll id-data affettwata mill-iżball u, jekk ikun possibbli, il-kawża tal-iżball.

2.   F’każ li l-iżball imsemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, ikun attribwibbli għall-RRM, l-RRM għandu jissottometti mill-ġdid ir-rekord tad-data kkoreġut lill-Aġenzija fi żmien 5 ijiem tax-xogħol. Dik l-iskeda ta’ żmien tista’ tiġi estiża mill-Aġenzija fuq talba mill-RRM, f’każijiet debitament ġustifikati.

3.   Jekk l-iżball ikun attribwibbli għall-klijenti tal-RRM, l-RRMs għandhom jipprovdulhom gwida dwar kif għandhom jikkoreġu r-rekord tad-data u sussegwentement jissottomettu r-rekord tad-data kkoreġut lill-Aġenzija fi żmien 10 ijiem tax-xogħol. Dik l-iskeda ta’ żmien tista’ tiġi estiża mill-Aġenzija fuq talba mill-RRM, f’każijiet debitament ġustifikati. L-RRMs għandhom jimplimentaw sistemi ta’ twissija awtomatizzati li jkunu kapaċi jwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jinnotifikaw lill-klijenti tal-RRM dwar ir-riċevuta tal-Aġenzija;

(b)

jagħmlu disponibbli għall-klijent tal-RRM kopja tar-rekords tad-data tal-klijent tal-RRM kif irrapportati lill-Aġenzija.

4.   Il-kopja tar-rekord tad-data tal-klijent tal-RRM u r-riċevuti tal-Aġenzija relatati mad-data tas-suq tal-LNG għandhom ikunu disponibbli għall-klijent tal-RRM mill-aktar fis possibbli wara li tirċevihom l-Aġenzija.

5.   L-RRMs għandhom jaġixxu bħala punti ta’ kuntatt uniċi bejn l-Aġenzija u l-klijenti tal-RRM tagħhom billi jistabbilixxu mezzi ta’ komunikazzjoni mal-klijenti tal-RRM tagħhom u għandhom jiżguraw li l-klijenti tal-RRM ikunu informati dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità jew data nieqsa.

6.   B’deroga mill-paragrafu 5, l-Aġenzija tista’ tikkuntattja direttament lill-klijenti tal-RRM f’każ li jkunu meħtieġa kjarifiki u korrezzjonijiet fir-rigward tad-data tas-suq tal-LNG irrapportata.

7.   L-RRMs li ma jkollhomx klijenti u li jirrapportaw rekords tad-data lill-Aġenzija biss f’isimhom stess ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkonformaw mal-paragrafi 3, 4 u 5.

KAPITOLU IV

SUPERVIŻJONI

Artikolu 30

Monitoraġġ u valutazzjoni tal-konformità

Fuq talba mill-Aġenzija, l-IIPs u l-RRMs għandhom jipprovdu, fil-perjodu ta’ żmien indikat mill-Aġenzija, l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità kontinwa tagħhom ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011. Il-perjodu ta’ żmien għas-sottomissjoni tal-informazzjoni għandu jkun raġonevoli u proporzjonat għat-talba. L-Aġenzija tista’ titlob ukoll informazzjoni rigward il-klijent tal-IIP jew il-klijent tal-RRM li f’ismu jkunu qed jirrapportaw l-IIP jew l-RRM. F’każ bħal dan, l-IIP jew l-RRM għandhom jikkollaboraw mal-klijent tal-IIP jew mal-klijent tal-RRM rilevanti sa fejn ikun meħtieġ biex jiksbu l-informazzjoni mitluba.

Artikolu 31

Bidliet materjali wara l-awtorizzazzjoni

1.   Meta l-IIPs jew l-RRMs jew il-klijenti tal-IIP jew il-klijenti tal-RRM tagħhom jibdew bidliet materjali kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), l-IIPs jew l-RRMs għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar tali bidliet mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol wara li tkun seħħet il-bidla. In-notifika għandha tiddeskrivi l-bidla fid-dettall u tkun akkumpanjata mid-dokumenti ta’ sostenn rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 4, sa fejn dawk id-dokumenti jkunu ġew emendati.

2.   L-RRMs għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Aġenzija dwar kwalunkwe bidla fil-volumi rrapportati, qabel l-implimentazzjoni tagħhom.

3.   L-Aġenzija għandha twieġeb lill-IIP jew lill-RRM fi żmien 15-il jum tax-xogħol, fejn tinformahom jekk il-bidla hijiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011, jew jekk hijiex meħtieġa xi informazzjoni jew azzjoni addizzjonali. Meta l-IIP jew l-RRM ma jibqgħux konformi ma’ xi wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 bħala riżultat ta’ bidla materjali, l-Aġenzija tista’ tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 34.

Artikolu 32

Detezzjoni u konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformità

1.   Jekk l-Aġenzija, filwaqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess jew wara s-sottomissjoni ta’ informazzjoni minn parti terza, tqis li IIP jew RRM ma jkunu segwew l-ebda wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jew fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011, hija tista’ tikkuntattja lill-IIPs jew l-RRMs ikkonċernati u titlobhom jieħdu l-azzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 mill-aktar fis possibbli, itaffu l-effetti ta’ tali mġiba, u jimplimentaw miżuri biex jipprevjenu okkorrenzi simili fil-futur;

(b)

jipprovdu lill-Aġenzija spjegazzjonijiet dwar l-imġiba tagħhom u, sa fejn ikun rilevanti, jinformaw lill-Aġenzija dwar il-miżuri meħuda biex itaffu l-effetti ta’ tali mġiba, kif ukoll il-miżuri implimentati biex jipprevjenu okkorrenzi simili fil-futur;

(c)

jinformaw lill-klijenti tal-IIP u lill-klijenti tal-RRM u kwalunkwe persuni li kienu jew setgħu kienu affettwati mill-imġiba tal-IIP jew tal-RRM, filwaqt li jagħtu dettalji dwar in-natura ta’ tali mġiba, u, sa fejn ikun rilevanti, jinformaw lill-klijent tal-IIP u lill-klijent tal-RRM dwar il-miżuri meħuda biex itaffu l-effetti ta’ tali mġiba, kif ukoll il-miżuri implimentati biex jipprevjenu okkorrenzi simili fil-futur.

2.   F’każijiet fejn l-imġiba tal-IIP jew tal-RRM toħloq riskju għall-iskambju u l-immaniġġjar siguri tal-informazzjoni jew għad-disponibbiltà operazzjonali tas-sistema ta’ informazzjoni tal-Aġenzija, l-Aġenzija tista’ tissospendi l-ġbir tad-data mingħand l-IIPs u l-RRMs fuq bażi temporanja. F’każ bħal dan, l-Aġenzija għandha tinnotifika lill-IIPs u lill-RRMs bil-miktub, filwaqt li tispjega r-raġunijiet għas-sospensjoni u d-durata indikattiva tagħha. Is-sospensjoni tista’ ddum sakemm ir-riskju jittaffa b’mod effettiv.

Artikolu 33

Rapportar annwali mill-RRMs

1.   Ir-rapport annwali li għandu jiġi sottomess lill-Aġenzija skont l-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 għandu jkopri l-attivitajiet kollha mwettqa matul sena kalendarja sħiħa (“is-sena ta’ referenza”) u għandu jiġi sottomess lill-Aġenzija f’format elettroniku. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun is-sena kalendarja sħiħa wara l-awtorizzazzjoni. Ir-rapporti annwali għandhom jiġu sottomessi mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena ta’ referenza.

2.   Ir-rapport annwali għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja għas-sena ta’ referenza:

(a)

l-għadd ta’ rekords tad-data invalidi li ma jkunux ġew sottomessi lill-Aġenzija, inkluża l-identità tal-parteċipanti rilevanti fis-suq;

(b)

l-għadd ta’ każijiet ta’ rekords tad-data invalidi li għalihom l-RRM segwa mal-klijenti tal-RRM rispettivi tiegħu sabiex jikkoreġi r-rekord tad-data f’konformità mal-Artikolu 27;

(c)

fil-każ ta’ kummerċ bilaterali, il-lista ta’ parteċipanti fis-suq li mhumiex klijenti tal-RRM, iżda li huma l-kontropartijiet tal-klijenti tal-RRM fin-negozji bilaterali rispettivi.

3.   Ir-rapport annwali għandu jiġi ffirmat minn rappreżentant legali tal-RRM.

4.   L-Aġenzija tista’ titlob lill-RRMs biex jemendaw ir-rapport annwali tagħhom, f’każ li ma jkunx jinkludi l-elementi kollha stabbiliti f’dan l-Artikolu. Tali talba għandha tispeċifika l-informazzjoni nieqsa jew il-kjarifiki li l-Aġenzija teħtieġ abbażi tal-informazzjoni sottomessa. L-RRM għandu jemenda r-rapport annwali kif xieraq u jerġa’ jissottomettih fi żmien 30 jum tax-xogħol minn meta jirċievi t-talba.

KAPITOLU V

IRTIRAR TA’ AWTORIZZAZZJONI U SOSTITUZZJONI ORDNATA

TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet komuni dwar l-irtirar

Artikolu 34

Deċiżjoni ta’ rtirar

1.   L-Aġenzija tista’ tadotta deċiżjoni li tirtira awtorizzazzjoni tal-IIP u tneħħiha mir-reġistru pubbliku meta l-IIP:

(a)

ma tagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni;

(b)

tirrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma tkun ipprovdiet l-ebda servizz fis-6 xhur mid-data li fiha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni;

(c)

tkun kisbet l-awtorizzazzjoni billi għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mezz irregolari ieħor;

(d)

ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u f’dan ir-Regolament;

(e)

tkun kisret serjament u sistematikament ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 mingħajr ma temmet il-ksur.

2.   L-Aġenzija tista’ tadotta deċiżjoni li tirtira awtorizzazzjoni ta’ RRM u tneħħiha mir-reġistru pubbliku meta l-RRM:

(a)

ma jagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 18-il xahar mid-data li fiha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni;

(b)

jirrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz fit-18-il xahar mid-data li fiha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni;

(c)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mezz irregolari ieħor;

(d)

ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9a tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 u f’dan ir-Regolament;

(e)

ikun kiser serjament u sistematikament ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

3.   Fid-deċiżjoni skont il-paragrafi 1 jew 2, l-Aġenzija għandha tindika l-perjodu għas-sostituzzjoni ordnata skont Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, tiddikjara r-raġunijiet għall-irtirar u tiddeskrivi r-rimedji legali tal-IIP jew tal-RRM f’konformità mal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2019/942.

Artikolu 35

Proċedura għall-irtirar fuq l-inizjattiva tal-Aġenzija

1.   Qabel il-ħruġ ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ rtirar u l-valutazzjoni preliminari relatata, l-Aġenzija tista’ titlob lill-IIPs u lill-RRMs jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-Aġenzija tivvaluta jekk dik l-IIP jew dak l-RRM ikunux issodisfaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(1) jew (2), rispettivament. L-Aġenzija għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija mitluba u tindika l-limitu ta’ żmien li fih l-IIP jew l-RRM għandhom jissottomettu l-informazzjoni mitluba.

2.   Qabel ma jwieġbu għall-valutazzjoni preliminari skont il-paragrafu 1, l-IIP jew l-RRM għandu jkollhom id-dritt, fuq talba, li jaċċessaw id-dokumenti li fuqhom l-Aġenzija tkun ibbażat il-valutazzjoni preliminari tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali, informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Aġenzija.

3.   L-Aġenzija għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar l-irtirar fuq valutazzjoni preliminari dwar jekk l-IIP jew l-RRM ikkonċernati jissodisfawx kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(1) jew (2), rispettivament, kif indikat fil-paragrafu 1. L-Aġenzija għandha tagħti lill-IIP jew lill-RRM ikkonċernati l-opportunità li jikkummentaw bil-miktub dwar il-valutazzjoni preliminari f’ċertu limitu ta’ żmien. Meta tiġi biex tiddetermina tali limitu ta’ żmien, l-Aġenzija għandha tqis kif xieraq l-urġenza, il-kumplessità u l-konsegwenzi potenzjali tal-materja inkwistjoni, u għandha tiżgura li l-limitu ta’ żmien ikun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi tal-każ.

4.   Wara t-tweġiba tal-IIP jew tal-RRM għall-valutazzjoni preliminari skont il-paragrafu 3 u qabel ma l-Aġenzija tadotta deċiżjoni, l-Aġenzija għandha torganizza seduta orali fuq talba bil-miktub tal-IIP jew tal-RRM ikkonċernati. Tali talba għal seduta għandha tiġi sottomessa mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara l-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti kif stabbilit fil-paragrafu 2, jew, f’każ li l-IIP jew l-RRM ma jkunux eżerċitaw id-dritt tagħhom skont il-paragrafu 2, xahar min-notifika tal-valutazzjoni preliminari tal-Aġenzija lill-IIP jew l-RRM ikkonċernati. F’każ li ma ssir l-ebda talba bil-miktub għal seduta orali, l-Aġenzija tista’ torganizza waħda fuq inizjattiva tagħha stess.

5.   L-Aġenzija għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq sejbiet li fuqhom l-IIP jew l-RRM kellhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, permezz ta’ tweġibiet bil-miktub jew, sa fejn ikun applikabbli, permezz ta’ kjarifiki addizzjonali bil-miktub jew matul is-seduta orali.

6.   Fil-każ li, matul il-proċedura skont dan l-Artikolu, l-IIP jew l-RRM ikkonċernati jinnotifikaw lill-Aġenzija bl-intenzjoni tagħhom li jirrinunzjaw espressament l-awtorizzazzjoni tagħhom, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li twaqqaf dik il-proċedura u minflok tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 36.

Artikolu 36

Proċedura għall-irtirar fuq talba tal-IIPs u tal-RRMs

1.   L-IIPs u l-RRMs li jkollhom l-intenzjoni li jirrinunzjaw għall-awtorizzazzjoni tagħhom għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar dik l-intenzjoni, filwaqt li jindikaw dawn li ġejjin:

(a)

il-perjodu ta’ żmien propost għat-trasferiment u s-sostituzzjoni ordnati tal-funzjonijiet tagħhom, li għandu jkun ta’ mill-inqas 6 xhur;

(b)

ir-raġunijiet għar-rinunzja tal-awtorizzazzjoni;

(c)

il-passi konkreti li jippjanaw li jieħdu biex jimplimentaw is-sostituzzjoni ordnata.

2.   Malli tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija tista’ titlob informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali relatati man-notifika. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih l-IIP jew l-RRM għandhom iwieġbu bil-miktub. Meta tiġi biex tiddetermina tali limitu ta’ żmien, l-Aġenzija għandha tqis kif xieraq l-urġenza, il-kumplessità u l-konsegwenzi potenzjali tal-materja inkwistjoni, u għandha tiżgura li l-limitu ta’ żmien ikun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi tal-każ.

3.   Id-deċiżjoni tal-Aġenzija dwar l-irtirar, li tindika t-twaqqit xieraq għall-irtirar mitlub mill-IIP jew mill-RRM, għandha tkun ibbażata biss fuq sejbiet li fuqhom l-IIP jew l-RRM kellhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, jew fin-notifika inizjali tagħhom jew, sa fejn ikun applikabbli, fit-tweġibiet bil-miktub tagħhom għat-talbiet tal-Aġenzija għal informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali.

Artikolu 37

Notifiki mill-Aġenzija wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-irtirar

1.   L-Aġenzija għandha tinforma lill-IIP jew lill-RRM ikkonċernati dwar l-eżitu tal-proċedura ta’ rtirar imsemmija fl-Artikoli 34, 35 u 36. Tali eżitu għandu jieħu l-forma ta’ deċiżjoni f’każ tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Deċiżjoni dwar l-irtirar għandha tiġi nnotifikata lill-IIP jew l-RRM ikkonċernati fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mill-adozzjoni tagħha.

2.   F’każ ta’ deċiżjoni dwar l-irtirar, l-Aġenzija għandha tneħħi l-IIP jew l-RRM ikkonċernati mir-reġistru pubbliku fil-jum tax-xogħol wara n-notifika tad-deċiżjoni u għandha tħabbar tali tneħħija fuq is-sit web tal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tinnotifika lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha dwar tali tħabbira. L-Aġenzija għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar l-irtirar.

TAQSIMA II

Dispożizzjonijiet komuni dwar is-sostituzzjoni ordnata f’każ ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni

Artikolu 38

Proċedura għas-sostituzzjoni ordnata

1.   Mhux aktar tard minn jumejn tax-xogħol wara n-notifika ta’ deċiżjoni dwar l-irtirar, l-IIP jew l-RRM li l-awtorizzazzjoni tagħhom tkun ġiet irtirata (“l-IIP jew l-RRM li jirtiraw”) għandhom jinformaw lill-klijenti tal-IIP jew lill-klijenti tal-RRM tagħhom, bil-miktub, dwar l-arranġamenti u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għat-trasferiment tad-data rilevanti u r-ridirezzjoni tal-flussi tar-rapportar lejn IIP jew RRM alternattivi magħżula mill-klijent tal-IIP jew mill-klijent tal-RRM. Fl-istess komunikazzjoni, l-IIP jew l-RRM li jirtiraw għandhom jitolbu lill-klijenti tal-IIP jew lill-klijenti RRM rilevanti jekk, għall-iskop li tiġi żgurata s-sostituzzjoni ordnata, ikollhomx l-intenzjoni li jorganizzaw ir-ridirezzjoni tal-fluss tad-data lejn IIP jew RRM oħrajn (“l-IIP jew l-RRM magħżula”) huma stess jew jekk iħallux dan l-arranġament għall-IIP jew l-RRM li jirtiraw.

2.   Fit-talba msemmija fil-paragrafu 1, l-IIP jew l-RRM li jirtiraw għandhom jitolbu d-dettalji li ġejjin:

(a)

l-isem ġuridiku tal-entità tal-IIP jew tal-RRM magħżula;

(b)

l-indirizz legali rreġistrat tal-IIP jew tal-RRM magħżula;

(c)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-IIP jew tal-RRM magħżula.

3.   L-IIP jew l-RRM magħżula għandhom jibdew is-servizzi rilevanti għall-klijent tal-IIP jew għall-klijent tal-RRM rilevanti mhux aktar tard mill-jum tax-xogħol wara t-terminazzjoni tal-perjodu għas-sostituzzjoni ordnata, kif stabbilit mid-deċiżjoni tal-Aġenzija, diment li l-klijent tal-IIP jew il-klijent tal-RRM ikun iffirma l-ftehim ta’ servizz għas-servizzi tal-IIP jew tal-RRM rilevanti.

4.   L-IIP jew l-RRM li jirtiraw għandhom jiksbu mingħand il-klijent tal-IIP jew il-klijent tal-RRM rilevanti l-informazzjoni tal-IIP jew tal-RRM magħżula f’forma bil-miktub fi żmien xahrejn min-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-klijent tal-IIP jew il-klijent tal-RRM rilevanti jonqos milli jagħmel dan, l-Aġenzija għandha tinnotifika lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun irreġistrat il-klijent tal-IIP jew il-klijent tal-RRM. L-awtorità regolatorja nazzjonali nnotifikata għandha tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni ta’ infurzar possibbli.

5.   Wara li l-perjodu għas-sostituzzjoni ordnata stabbilit mill-Aġenzija jkun skada, l-IIP jew l-RRM li jirtiraw għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija, mingħajr dewmien żejjed, dwar l-għażla magħmula minn kull wieħed mill-klijenti tal-IIP jew tal-RRM tagħhom. Dik in-notifika għandha tindika wkoll id-data eżatta li fiha l-IIP jew l-RRM li jirtiraw ikunu nnotifikaw lill-klijent tal-IIP jew lill-klijent tal-RRM rilevanti f’konformità mal-paragrafu 1, kif ukoll id-data li fiha l-informazzjoni tal-IIP jew tal-RRM magħżula tkun ġiet riċevuta mill-IIP jew mill-RRM li jirtiraw.

6.   Matul il-perjodu għas-sostituzzjoni ordnata stabbilit mill-Aġenzija, l-IIP jew l-RRM magħżula għandhom jirċievu dawn li ġejjin:

(a)

id-dettalji tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata jew tar-rekords tad-data, kif applikabbli, li jkunu ġew irrapportati jew sottomessi lill-Aġenzija wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-irtirar;

(b)

id-dettalji tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata jew tar-rekords tad-data, kif applikabbli, sottomessi lill-Aġenzija sena qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-irtirar u kwalunkwe kuntratt relatat mas-sottomissjoni tar-rapporti ta’ informazzjoni privileġġata jew tar-rekords tad-data, kif applikabbli, li jkun għaddej fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-irtirar mill-Aġenzija;

(c)

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għat-trasferiment tas-servizzi tal-IIP jew tal-RRM li jirtiraw lill-IIP jew l-RRM magħżula.

Id-dettalji u l-informazzjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ttrasferiti lill-IIP jew l-RRM magħżula mill-IIP jew l-RRM li jirtiraw, sakemm il-klijenti tal-IIP jew tal-RRM tagħhom ma jkunux indikaw l-intenzjoni tagħhom li jorganizzaw ir-ridirezzjoni tal-fluss tad-data lejn l-IIP jew l-RRM magħżula huma stess. F’każ bħal dan, id-dettalji u l-informazzjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ttrasferiti mill-klijent tal-IIP jew tal-RRM.

7.   L-IIP jew l-RRM li jirtiraw għandhom jipprovdu lill-klijenti tal-IIP jew lill-klijenti tal-RRM tagħhom, fuq talba tagħhom, kwalunkwe informazzjoni jew kjarifika addizzjonali fir-rigward tat-trasferimenti msemmija fil-paragrafu 1.

8.   RRM li jirtira li jkun qed jirrapporta rekords tad-data f’ismu stess għandu jinforma lill-Aġenzija, bil-miktub u fi żmien xahrejn minn meta jirċievi d-deċiżjoni tal-irtirar, dwar l-RRM magħżul tiegħu bil-għan li jiżgura s-sostituzzjoni ordnata. In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Il-paragrafi 3, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 39

Żmien għas-sostituzzjoni ordnata

1.   Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-irtirar, l-Aġenzija għandha tiġġustifika kif xieraq kwalunkwe devjazzjoni mill-perjodu ta’ 6 xhur imsemmi fl-Artikoli 4a u 9a tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

2.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-IIP jew l-RRM jistgħu jissottomettu talba bil-miktub lill-Aġenzija għal estensjoni tal-perjodu għas-sostituzzjoni ordnata stabbilit fid-deċiżjoni dwar l-irtirar. Tali talba għandha tkun ġustifikata kif xieraq u għandha tinkludi d-dettalji taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jipprevjenu lill-IIP jew lill-RRM milli jwettqu s-sostituzzjoni ordnata f’konformità mal-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Aġenzija, kif ukoll evidenza ta’ sostenn għal tali ċirkostanzi. It-talba għandha tiġi sottomessa lill-Aġenzija mhux aktar tard minn xahar qabel it-tmiem tal-perjodu għas-sostituzzjoni ordnata kif stabbilit fid-deċiżjoni dwar l-irtirar u għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Aġenzija.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli minn 3 sa 8 u minn 10 sa 39, inklużi l-Annessi I u II, għandhom japplikaw minn 29 Ottubru 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1227/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/942/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/256 tat-30 ta’ Jannar 2026 dwar ir-rapportar tad-data li jimplimenta l-Artikolu 7c(2), l-Artikolu 8(1a), l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 (ĠU L, 2026/256, 9.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/256/oj).

(6)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1971/1182/oj).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).


ANNESS I

FORMOLA TAL-ENTITÀ LEGALI

FORMOLA TA’ IDENTIFIKAZZJONI

KORP TAD-DRITT PRIVAT

STQARRIJA TA’ PRIVATEZZA (https://commission.europa.eu/document/download/2230f5f6-9b83-45f3-b591-3b9258559a34_en?filename=lef_baf_prviacy_notice-en.pdf)

Meta tissottometti din il-formola, inti tkun qed tirrikonoxxi li ġejt infurmat(a) dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek mill-Kummissjoni Ewropea għal finijiet ta’ kontabbiltà u għal finijiet kuntrattwali.

Jekk jogħġbok uża ITTRI KAPITALI u KARATTRI LATINI meta timla l-formola.


DETTALJI TAL-ORGANIZZAZZJONI

Id-denominazzjoni nazzjonali u t-traduzzjoni tagħha bl-EN jew bil-FR jekk teżisti.


Isem Uffiċjali

___________________________________________________________________________

Isem in-Negozju/Kummerċjali

___________________________________________________________________________

Taqsira

___________________________________________________________________________

Indirizz tal-Uffiċċju Prinċipali

___________________________________________________________________________

Indirizz

___________________________________________________________________________

Kodiċi Postali

______________

Belt

_______________________________________________

KAXXA POSTALI

_____________

Pajjiż

_______________________________________________

Posta Elettronika

___________________________________________________________________________


IDENTIFIKATUR TAL-ORGANIZZAZZJONI

 


Forma Ġuridika

_________________________________________________________________________________

Tip ta’ organizzazzjoni

Bi Skop ta’ Qligħ ☐

 

 

 

Bla Skop ta’ Qligħ ☐

Organizzazzjoni Nongovernattiva (NGO, Non-Governmental Organisation) ☐ Iva

☐ Le

 

 

NGO = Organizzazzjoni Nongovernattiva, għandha timtela jekk ikun hemm indikat Assoċjazzjoni bla skop ta’ qligħ (NFPO, Not For Profit Organisation).

Numru tar-reġistrazzjoni prinċipali

_________________________________________________________________________________

 

Numru tar-reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-kumpaniji. Ara t-tabella bid-denominazzjonijiet korrispondenti skont il-pajjiż.

Numru tar-reġistrazzjoni sekondarju

(jekk applikabbli)

______________________________________________________________________

Post tar-Reġistrazzjoni prinċipali

_____________________

Pajjiż emittenti

_______________________________

Data tar-Reġistrazzjoni prinċipali

______________________________________________________________________

Numru tal-VAT

______________________________________________________________________________


DETTALJI BANKARJI

Daħħal id-data tal-bank finali u mhux id-data tal-bank intermedjarju


Isem tal-Kont

_________________________________________________________________________________

 

Dan ma jirreferix għat-tip ta’ kont. L-isem tal-kont normalment ikun dak tad-detentur tal-kont. Madankollu, id-detentur tal-kont jista’ jkun għażel li jagħti isem differenti lill-kont bankarju tiegħu.

IBAN/Numru tal-kont bankarju

_________________________________________________________________________________

 

Imla l-Kodiċi tal-IBAN (Numru Internazzjonali tal-Kont Bankarju) jekk jeżisti fil-pajjiż fejn huwa stabbilit il-bank tiegħek

Isem tal-Bank

_________________________________________________________________________________

Kodiċi BIC/SWIFT

__________________________

Kodiċi tal-fergħa

_______________________________________

 

Applikabbli biss għall-Istati Uniti (kodiċi ABA), għall-kodiċi AU/NZ/BSB) u għas-CA (Kodiċi ta’ tranżitu). Ma japplikax għal pajjiżi oħra.

Rimarka – Referenza tal-pagament

Indirizz tal-fergħa bankarja

Indirizz

___________________________________________________________________________________

Kodiċi postali

_______________________

Belt

_____________________________________________

KAXXA POSTALI

_______________________

Pajjiż

_____________________________________________

Data tad-detentur tal-kont

____________________________________________________________________________

Isem tad-detentur tal-kont

____________________________________________________________________________

 

Sid legali tal-kont bankarju

 

Imla biss jekk l-indirizz iddikjarat lill-bank ikun differenti mill-indirizz tal-uffiċċju prinċipali

Indirizz

____________________________________________________________________________________

Kodiċi postali

_______________________

Belt

______________________________________________

KAXXA POSTALI

_______________________

Pajjiż

______________________________________________


FIRMA U TIMBRU TAR-RAPPREŻENTANT AWTORIZZAT

FIRMA TAR-RAPPREŻENTANT TAL-BANK U TIMBRU TAL-BANK

Data:

 

Jekk jogħġbok imla u ffirma din il-formola u ehmeż kopji tad-dokumenti ta’ sostenn uffiċjali (Riżoluzzjoni, liġi, reġistru/i tal-kumpaniji, gazzetta uffiċjali, reġistrazzjoni tal-VAT, eċċ.)

Huwa preferibbli li tiġi mehmuża kopja tar-rendikont tal-bank REĊENTI. Bir-rendikont tal-bank, it-timbru tal-bank u l-firma tar-rappreżentant tal-bank mhumiex meħtieġa. Jekk jogħġbok innota li r-rendikont tal-bank irid jikkonferma l-informazzjoni kollha elenkata hawn fuq, taħt “ISEM TAL-KONT”, “IBAN/NUMRU TAL-KONT BANKARJU” u “ISEM TAL-BANK”.


KODIĊI

ISO

NUMRU TAR-REĠISTRAZZJONI PRINĊIPALI

KODIĊI

ISO

NUMRU TAR-REĠISTRAZZJONI PRINĊIPALI

AT

Firmenbuchnummer (FN)

ZentraleVereinregister (ZVR-Zahl)

Ordnungsnummer

HR

Matični broj subjekta (MBS)

Registarski broj

Matični broj obrta (MBO)

Registarski broj zakladnog uloška

HU

Cégjegyzékszám

BE

Numéro d’entreprise - Ondernemingsnummer - Unternehmensnummer

IE

Company number

Grouping registration number in Ireland

BG

Булстат (Bulstat Code)

Единен идентфикационен код (ЕИК/ПИК) (Unified Identification Code (UIC))

IT

Repertorio Economico Amministrativo (REA)

LT

Kodas

CY

Αριθμός εγγραφής

Αριθμός μητρώου

LU

Registre de commerce et des sociétés RCS

Numéro d’immatriculation Handelsregisternummer

CZ

Identifikační číslo (IČO)

DE

Handelsregister

Genossenschaftsregister (Nummer der Firma) Vereinsregister (Nummer des Vereins)

Nummer der Partnerschaft (Partnerschaftsregister)

LV

Vienotais reģistrācijas numurs

DK

Det centrale virksomhedsregister (CVR-nummer)

MT

Registration number

Register of Voluntary Organisation (Identification number)

EE

Registrikood

NL

Kamer van Koophandel (KvK-nummer) Dossiernummer

ES

HOJA number

PL

REGON

FI

Yritys- ja yhteisötunnus (Y-tunnus)

Företags- och organisationsnummer (FO-nummer)

Business Identity code (Business ID)

PT

Numero de identificaçao de pessoa colectiva (NIPC)

RO

Numar de ordine in registrul comertulu Numarul inscrierii in registrul special

FR

Immatriculation au registre du commerce et des sociétés (RCS)

Système informatique pour le répertoire des entreprises et des établissements (SIRENE)

SE

Organisationsnummer

GB

Company number

SI

Matična številka

GR

Αριθμός Γ.Ε.ΜΗ (Γενικού Εμπορικού Μητρώου) Δικηγορικός Σύλλογος Αθηνών (Δ.Σ.Α)

SK

Identifikačné číslo organizácie (IČO)


ANNESS II

DETTALJI TAL-INFORMAZZJONI PRIVILEĠĠATA LI JRIDU JIĠU RAPPORTATI

Nru tal-Kamp

Identifikatur tal-Kamp

Deskrizzjoni

1

ID tal-messaġġ

Il-kamp jindika l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tar-rapport ta’ informazzjoni privileġġata.

2

Status tal-avveniment

Il-kamp jindika l-pożizzjoni tar-rapport ta’ informazzjoni privileġġata u r-rilevanza tiegħu għad-deċiżjonijiet kummerċjali.

3

Tip ta’ informazzjoni

Il-kamp jindika t-tip ta’ informazzjoni privileġġata li qed tiġi ddivulgata.

4

Tip ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà

Il-kamp jindika jekk l-avveniment ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà kienx wieħed ippjanat jew mhux ippjanat.

5

Tip ta’ avveniment

Il-kamp jindika t-tip ta’ suġġett jew ta’ assi/unitajiet affettwati min-nuqqas ta’ disponibbiltà.

6

Id-data u l-ħin tal-pubblikazzjoni

Il-kamp jindika d-data u l-ħin meta r-rapport ta’ informazzjoni privileġġata sar disponibbli għall-pubbliku.

7

Id-data u l-ħin tal-bidu tal-avveniment

Il-kamp jindika d-data u l-ħin stmati/reali tal-bidu tal-avveniment rilevanti.

8

Id-data u l-ħin tat-tmiem tal-avveniment

Il-kamp jindika d-data u l-ħin stmati/reali tat-tmiem tal-avveniment rilevanti.

9

Unità ta’ kejl

Il-kamp jindika l-unità ta’ kejl li fiha tiġi espressa l-kapaċità.

10

Kapaċità mhux disponibbli

Il-kamp jindika l-kapaċità mhux disponibbli tal-assi jew tal-unità affettwata minħabba l-avveniment irrapportat.

11

Kapaċità disponibbli

Il-kamp jindika l-kapaċità disponibbli li jifdal tal-assi jew tal-unità affettwata.

12

Kapaċità installata (applikabbli għan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-elettriku)

Il-kamp jindika l-kapaċità nominali tal-ġenerazzjoni, tat-trażmissjoni jew tal-konsum tal-assi jew tal-unità affettwata.

13

Kapaċità teknika (applikabbli għan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-gass)

Il-kamp jindika l-kapaċità massima netta sostnuta (tal-fluss) li l-assi jew l-unità affettwata jistgħu jipproduċu, jittrażmettu, jaħżnu, jew jikkunsmaw kontinwament matul perjodu twil ta’ operazzjoni f’kundizzjonijiet normali, skont l-istandards tas-sigurtà rilevanti.

14

Raġuni għan-nuqqas ta’ disponibbiltà

Il-kamp jindika l-ispjegazzjoni tar-raġuni(jiet) għall-avveniment ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà.

15

Rimarki

Il-kamp jindika kwalunkwe informazzjoni oħra li tiffaċilita l-fehim sħiħ tal-impatt potenzjali tal-avveniment fuq il-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa.

16

Tip ta’ fjuwil

Il-kamp jindika l-klassifikazzjoni tat-tipi ta’ produzzjoni tal-elettriku (applikabbli għal avvenimenti ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tal-elettriku).

17

Żona tal-offerti jew ta’ bbilanċjar

Il-kamp jidentifika ż-żona/i tal-offerti jew ta’ bbilanċjar fejn jinsabu jew fejn jikkontribwixxu l-assi jew l-unità affettwati.

18

Assi jew unità affettwata

Il-kamp jidentifika l-isem uffiċjali tal-unità tal-ġenerazzjoni jew tal-produzzjoni, tal-unità tal-konsum, tat-trażmissjoni, jew ta’ assi ieħor – tal-gass jew tal-elettriku.

19

Kodiċi ta’ Identifikazzjoni tal-Enerġija (EIC, Energy Identification Code) tal-assi jew tal-unità affettwata

Il-kamp jindika l-identifikatur uniku applikabbli (il-kodiċi EIC) tal-assi jew tal-unità affettwata.

20

Parteċipant fis-suq

Il-kamp jindika l-isem uffiċjali tal-parteċipant(i) fis-suq jew tal-awtorità b’obbligi rigward l-avveniment speċifiku skont l-Artikolu 4 jew 3(4) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011, rispettivament.

21

ID tal-parteċipant fis-suq

Il-kamp jidentifika l-parteċipant(i) fis-suq jew l-awtorità indikata fil-kamp 20 bl-użu ta’ kodiċi uniku.

22

ID tal-Pjattaforma ta’ Informazzjoni Privileġġata

Il-kamp jidentifika l-pjattaforma ta’ informazzjoni privileġġata bl-użu ta’ kodiċi uniku.

23

Direzzjoni

Il-kamp jindika jekk l-indisponibilità hijiex fid-direzzjoni tad-dħul jew tal-ħruġ fir-rigward ta’ żona ta’ bbilanċjar speċifikata, jew minn liema miż-żoni tal-offerti indikati jgħaddi l-elettriku.

24

Bidu tal-intervall

Il-kamp jindika d-data u l-ħin stmati/reali tal-bidu tas-subintervall tal-avveniment rilevanti.

25

Waqfa tal-intervall

Il-kamp jindika d-data u l-ħin stmati/reali tat-tmiem tas-subintervall tal-avveniment rilevanti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/255/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)