European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/232

30.1.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/232

tad-29 ta’ Jannar 2026

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

L-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubija politika u ekonomika komprensiva u l-kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Armenja, abbażi tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Sħubija Msaħħaħ”), u li tippromwovi l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib. Skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Sħubija Msaħħaħ, l-Unjoni u r-Repubblika tal-Armenja għandhom jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà, inkluż il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), u għandhom jindirizzaw b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti u l-immaniġġar tal-kriżijiet, it-tnaqqis tar-riskju, iċ-ċibersigurtà, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-istabbiltà reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjoni.

(3)

L-Unjoni tirrikonoxxi l-intenzjoni tar-Repubblika tal-Armenja li tikkontribwixxi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-Unjoni fil-futur, u tilqa’ l-eżitutan-negozjati għal ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Armenja fl-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-Unjoni.

(4)

Din id-Deċiżjoni tibni fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2010 (3) rigward l-impenn li tibqa’ żżomm l-Unjoni li tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja f’oqsma ta’ ħtiġijiet prijoritarji.

(5)

Fl-4 ta’ Diċembru 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċeviet talba mir-Repubblika tal-Armenja biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja fl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex jissaħħu l-loġistika u l-kapaċitajiet mediċi.

(6)

Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (4), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF.

(7)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   B’dan hija stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tar-Repubblika tal-Armenja (“il-benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).

2.   L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:

(a)

li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari u ta’ difiża tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja sabiex jissaħħu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza nazzjonali, u b’hekk jiġu protetti aħjar ukoll il-persuni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi;

(b)

li tappoġġa l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża bejn l-Unjoni u l-benefiċjarju, bil-ħsieb li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-benefiċjarju li jipparteċipa f’missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-Unjoni, tiġi aċċellerata l-konformità mal-istandards u l-interoperabbiltà tal-Unjoni, u jiġi promoss l-allinjament mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni.

3.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja l-loġistika u t-tagħmir mediku mhux imfassal biex iwassal forza letali biex jiżdied il-livell tal-kamp tat-tined ta’ daqs ta’ battaljun u l-faċilità tat-trattament mediku role-1 adottati skont id-Deċiżjoni (PESK) 2024/2010 għal-livell tal-brigata, billi jiżdiedu żewġ elementi addizzjonali tal-kampijiet tad-daqs tal-battaljun u servizzi ta’ kamp relatati.

Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ.

4.   Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 35 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 20 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tal-benefiċjarju mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni, bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew fornuti;

(c)

manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li ebda assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfu jew jiġu ttrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF, u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, inkluż permezz ta’ arranġamenti amministrattivi f’konformità mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi sensibilizzazzjoni tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja appoġġati skont il-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni ta’ tagħmir u provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rapportar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju tal-oġġetti deżinjati sakemm tali rapportar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali malli titlesta l-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk din tkunx ikkontribwiet biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rapportar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 tal-20 ta’ Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 23, 26.1.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/104/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2010 tat-22 ta’ Lulju 2024 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja (ĠU L, 2024/2010, 23.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2010/oj).

(4)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/232/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)