|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/226 |
27.1.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/226
tal-15 ta’ Lulju 2025
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni (UE) 2022/1158 (1), il-Kunsill awtorizza l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (2) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju mid-29 ta’ Ġunju 2022, il-konklużjoni tiegħu ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 (3) u bid-Deċiżjoni Nru 2/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (4), u ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2024. |
|
(2) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1876 tal (5), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (6) (il-“Ftehim emendatorju”) ġie ffirmat fl-20 ta’ Ġunju 2024, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim emendatorju ġie applikat b’mod proviżorju mill-jum tal-iffirmar tiegħu. |
|
(3) |
Il-Ftehim wera li huwa essenzjali għall-Ukrajna, peress li jappoġġa lis-soċjetà u l-ekonomija tal-Ukrajna billi jippermetti lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u Ukreni jwettqu operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija lejn it-territorju Ukren u jgħaddu minnu lejn l-Unjoni u viċi versa, u b’hekk jappoġġa wkoll il-Korsiji ta’ Solidarjetà għall-Ukrajna. L-effetti tiegħu għadhom pożittivi wkoll għall-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari għall-esportazzjoni tal-Unjoni lejn l-Ukrajna. |
|
(4) |
Il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Ftehim għadhom prevalenti, b’mod partikolari t-tfixkil sinifikanti li qed jiffaċċa s-settur tat-trasport fl-Ukrajna minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. |
|
(5) |
Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u uniċi li jeħtieġu l-konklużjoni tal-Ftehim emendatorju u f’konformità mat-Trattati, huwa xieraq li l-Unjoni temporanjament teżerċita l-kompetenza kondiviża rilevanti mogħtija lilha mit-Trattati. Jenħtieġ li kwalunkwe effett ta’ din id-Deċiżjoni dwar il-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jkun strettament limitat fiż-żmien. Għalhekk jenħtieġ li l-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni abbażi ta’ din id-Deċiżjoni u tal-Ftehim tiġi eżerċitata biss matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. B’hekk, il-kompetenza kondiviża hekk eżerċitata ser tieqaf tiġi eżerċitata mill-Unjoni malli jieqaf japplika l-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, dik il-kompetenza, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ser terġa’ tiġi eżerċitata mill-Istati Membri wara dan. Barra minn hekk, huwa mfakkar li, kif stipulat fil-Protokoll dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, l-ambitu tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’din id-Deċiżjoni jkopri biss dawk l-elementi rregolati b’din id-Deċiżjoni u l-Ftehim, u ma jkoprix il-qasam kollu. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni b’din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri b’rabta ma’ kwalunkwe negozjati attwali jew futuri għal ftehimiet internazzjonali ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor f’dak il-qasam, jew negozjati għall-iffirmar jew il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet. |
|
(6) |
Fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt li saret fit-18 ta’ Diċembru 2023, ġie konkluż li l-Ftehim jissodisfa l-iskop intenzjonat tiegħu u li l-kundizzjonijiet sottostanti li jiġġustifikaw il-Ftehim jibqgħu validi. Madankollu, il-Partijiet ħadu wkoll nota ta’ diversi problemi li jirriżultaw mill-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim kif ukoll tal-impatt li jista’ jħalli fil-livell lokali fuq is-settur tat-trasport bit-triq fl-Unjoni. Għalhekk, huma meħtieġa bidliet limitati fil-Ftehim biex jiġi ffaċilitat l-infurzar tiegħu u tissaħħaħ l-implimentazzjoni tiegħu. |
|
(7) |
Sabiex kemm l-Unjoni kif ukoll l-Ukrajna jkomplu jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-Ftehim dwar il-faċilitazzjoni tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Ukrajna u l-Unjoni u ġo fihom, u soġġett għall-emendi meħtieġa, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2025 bil-possibbiltà li jiġġedded b’mod taċitu għal perjodu wieħed ta’ sitt xhur. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-Ftehim emendatorju jiġi approvat. |
|
(9) |
F’konformità mat-Trattati, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Ftehimemendatorju, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (il-“Ftehim emendatorju”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2
1. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, wara tmiem dak il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(2) TFUE.
2. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri rigward kwalunkwe negozjati attwali jew futuri għal ftehimiet internazzjonali relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mal-Ukrajna, jew negozjati għall-iffirmar jew il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, fir-rigward tal-perjodu wara li dan il-Ftehim ma jibqax japplika.
3. L-eżerċizzju tal-kompetenza mill-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopri biss l-elementi rregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.
4. Din id-Deċiżjoni u l-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward ta’ elementi li mhumiex irregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni għandha tipproċedi, f’isem l-Unjoni, biex tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Ftehim emendatorju, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim emendatorju,
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1158/oj).
(2) ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2435/oj).
(4) Id-Deċiżjoni Nru 2/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tas-16 ta’ Marzu 2023 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim (ĠU L 123, 8.5.2023, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/929/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1876 tal-20 ta’ Ġunju 2024 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (ĠU L, 2024/1876, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1876/oj).
(6) ĠU L, 2024/1878, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1878/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/226/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)