European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/211

23.1.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/211 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Jannar 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1755 fir-rigward tal-ammonti allokati lill-Istati Membri skont ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), seħħew avvenimenti ġeopolitiċi bla preċedent, ikkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija li rriżultat u ż-żieda qawwija relatata fl-inflazzjoni u fir-rati tal-imgħax. Dawk l-iżviluppi ġeopolitiċi u ekonomiċi ġabu emerġenzi ġodda li jenħtieġ li jiġu indirizzati sabiex jitwettqu l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet kondiviżi tal-Unjoni. B’kont meħud tal-kważi eżawriment tal-flessibbiltajiet baġitarji limitati u l-limiti milħuqa mill-possibbiltajiet ta’ riallokazzjoni, il-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (4) kellu jissaħħaħ għas-snin mill-2024 sal-2027 sabiex jipprevedi l-finanzjament l-aktar essenzjalment meħtieġ biex iwieġeb għal sfidi urġenti u komuni.

(2)

F’dak l-isfond, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE, Euratom) 2024/765 (5), li emenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 billi naqqas l-ammont massimu stabbilit f’dak ir-Regolament għar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ir-“Riżerva”), li jagħmilha possibbli li r-riżorsi jiġu riallokati għal finijiet oħra.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li jitnaqqsu r-riżorsi massimi tar-Riżerva kif previst fir-Regolament (UE) 2021/1755. Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tar-riżorsi li diġà tħallsu lill-Istati Membri mir-Riżerva u biex jiġi evitat li tiġi pperikolata l-implimentazzjoni fl-Istati Membri tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jenħtieġ li t-tnaqqis tar-riżorsi massimi tar-Riżerva ma jaffettwax ir-riżorsi li diġà tħallsu lill-Istati Membri bħala prefinanzjament jew ir-riżorsi li l-Istati Membri talbu li jiġu ttrasferiti lil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(4)

Għalhekk, l-ammont ta’ EUR 584 264 090 li kellu jitħallas f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1755 fl-2025 jenħtieġ li ma jitħallasx u jenħtieġ li jitnaqqas mill-pakkett kumplessiv tar-Riżerva.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1755 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2021/1755 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(3) huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

kwalunkwe ammont allokat proviżorjament li jifdal għandu jsir disponibbli fl-2025 skont l-Artikolu 12.”

;

(b)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ammonti mhux trasferiti għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita permezz tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) f’konformità mal-Artikolu 4a li jkunu dovuti li jitħallsu mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 12(3) ma għandhomx jitħallsu u għandhom jitnaqqsu mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 4a(1), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Sal-1 ta’ Marzu 2023, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw talba motivata lill-Kummissjoni biex jittrasferixxu lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza l-ammonti kollha jew parti minnhom tal-allokazzjoni proviżorja tagħhom stabbilita fl-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 4(5).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Jannar 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)  L-opinjoni tat-23 ta’ Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2026.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1755/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/211/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)