|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/174 |
26.3.2026 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/174
tal-21 ta’ Jannar 2026
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċeduri, tal-limiti ta’ żmien għat-tressiq mill-Istati Membri tat-talbiet għall-emendi strateġiċi u għan-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 122 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jistabbilixxi r-regoli dwar it-tressiq u l-approvazzjoni tal-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/370 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward ta’ proċeduri, limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni mill-Istati Membri ta’ talbiet għal emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, u każijiet oħra li l-għadd massimu ta’ emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ma japplikax għalihom. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2025/2649 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jemenda l-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tal-proċeduri għall-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. Huma biss l-emendi strateġiċi definiti fl-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jeħtieġu l-approvazzjoni mill-Kummissjoni. F’konformità mal-Artikolu 119(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif emendat bir-Regolament (UE) 2025/2649 emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni sa meta l-Istati Membri jibdew japplikawhom. Il-Kummissjoni għandha toġġezzjona l-emendi notifikati fi żmien 30 jum xogħol min-notifika tagħhom jekk issib li l-emendi mhumiex kompatibbli mar-Regolament (UE) 2021/2115 u mar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dawk ir-Regolamenti. |
|
(4) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jressqu t-talbiet għall-emendi strateġiċi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-limiti ta’ żmien għat-tressiq tat-talbiet għall-emendi strateġiċi. |
|
(5) |
Sabiex il-Kummissjoni tivvaluta b’mod korrett it-talba għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, minbarra l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 u għal kull emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, jenħtieġ li t-talba jkun fiha ir-raġunijiet għall-emenda, il-kontenut tal-emenda, u l-effetti mistennija tal-emenda. |
|
(6) |
Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni bir-reqqa tal-emendi strateġiċi tal-Pjan strateġiku tal-PAK imressqa għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari tal-pjan finanzjarju emendat, u biex jiġi evitat ir-riskju ta’ żbalji minħabba d-diversi verżjonijiet tal-Pjan Strateġiku tal-PAK li jkunu għaddejjin minn valutazzjoni parallela, jenħtieġ li l-Istat Membru kull darba jressaq talba waħda biss għal emenda strateġika permezz tas-sistema ta’ skambju elettroniku tad-data “SFC2021”. Jenħtieġ li l-Istat Membru jressaq biss talba ġdida għal emenda strateġika jew ladarba jkun irtira t-talba ta’ qabel jew meta l-Kummissjoni tkun innotifikat lill-Istat Membru bid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal emenda strateġika mressqa qabel. Dan huwa meħtieġ b’mod partikolari biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-benefiċjarji fir-rigward tal-verżjoni applikabbli tal-Pjan Strateġiku tal-PAK u għar-rabta korretta tal-pagamenti mal-pjan finanzjarju emendat applikabbli l-ġdid. |
|
(7) |
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati dwar in-notifiki lill-Kummissjoni tal-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115, li jissupplimentaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 119(9) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(8) |
Sabiex jiġi żgurat trattament bla xkiel tat-talbiet għall-emendi strateġiċi u tan-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar it-trattament tat-talbiet imressqa fl-istess ħin għal emenda strateġika u tan-notifiki ta’ emendi oħra. Sabiex jitħaffef u jiġi aċċellerat it-trattament ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jenħtieġ li l-Istat Membru jkollu l-possibbiltà li jinkludi l-emendi l-oħra nnotifikati li l-Kummissjoni oġġezzjonat għalihom f’konformità mal-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115 f’talba li tkun għaddejja għal emenda strateġika. Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha biżżejjed żmien biex twettaq valutazzjoni bir-reqqa tat-talba għal emenda strateġika li magħha jiżdiedu dawn l-emendi notifikati l-oħra li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għalihom, jenħtieġ li l-Istat Membru jkun meħtieġ jgħarraf lill-Kummissjoni fi żmien jumejn xogħol minn meta jirċievi l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni dwar deċiżjoni biex jiżdiedu dawn l-emendi notifikati l-oħra ma’ talba għal emenda strateġika li tkun tressqet fl-istess ħin jew wara n-notifika ta’ dawk l-emendi l-oħra lill-Kummissjoni. Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni f’każ li emendi oħra li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għalihom qabel kellhom jiżdiedu ma’ talba li tkun għaddejja għal emenda strateġika. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-kalkolu tal-limiti ta’ żmien għall-azzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tat-talbiet għal emenda strateġika li magħhom jiżdiedu emendi oħra li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għalihom. |
|
(9) |
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, biex jitħarsu d-drittijiet tal-bdiewa u ta’ benefiċjarji oħra u jiġi ggarantit funzjonament bla xkiel u effiċjenti tal-interventi kollha, jenħtieġ li l-Istati Membri jressqu it-talbiet tagħhom għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK u tan-notifiki tagħhom ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-valutazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni filwaqt li jiġi żgurat li jidħlu fis-seħħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-bdiewa u benefiċjarji oħra, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 119(8) tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
|
(10) |
Sabiex jiġu żgurati l-ipproċessar u d-dħul fis-seħħ f’waqthom tal-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK qabel tmiem il-perjodu għall-eliġibbiltà tan-nefqa, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti ta’ żmien għat-tressiq tat-talbiet għall-emendi strateġiċi u n-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK relatati mat-tipi ta’ interventi msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u relatati mat-tipi ta’ interventi msemmija fil-Kapitolu IV ta’ dak ir-Regolament. |
|
(11) |
Jeħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għat-tressiq tat-talbiet għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK relatata mat-trasferiment tal-allokazzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 17(5), l-Artikolu 88(7) u l-Artikolu 103(1) u (6) tar-Regolament (UE) 2021/2115, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ dawk it-trasferimenti tal-allokazzjonijiet finanzjarji kif ukoll l-implimentazzjoni tal-interventi ffinanzjati minn dawk l-allokazzjonijiet finanzjarji. |
|
(12) |
Sabiex jiġi żgurat skambju sigur u effiċjenti tad-dokumenti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni rigward it-talbiet għall-emendi strateġiċi u n-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jenħtieġ li s-sistema ta’ skambju elettroniku tad-data “SFC2021” imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 (5) tintuża għal dawk l-iskambji mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. |
|
(13) |
Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà għall-Istati Membri meta l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jeħtieġu jiġu emendati minħabba l-miżuri ta’ emerġenza li jindirizzaw diżastri naturali, avvenimenti katastrofiċi jew avvenimenti klimatiċi avversi rikonoxxuti formalment bħala tali mill-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti, il-bidliet minħabba bidla sinifikanti u f’daqqa tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-Istat Membru jew tar-reġjun, jew il-bidliet minħabba l-miżuri eċċezzjonali kontra d-disturbi fis-suq, il-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti u biex dawk it-talbiet għall-emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK jiġu pproċessati b’mod effettiv u f’waqtu, huwa meħtieġ li jiġu definiti l-każijiet li għalihom ma japplikax l-għadd massimu ta’ talbiet għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK stabbilit fl-Artikolu 119(7) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Jenħtieġ li dawn il-każijiet jinkludu l-bidliet mhux previsti tal-qafas legali tal-Unjoni, u, fejn meħtieġ, id-diżimpenji awtomatiċi, kif ukoll il-modifiki tal-istrumenti finanzjarji li joperaw f’ambjent tas-suq dinamiku fejn jistgħu jkunu meħtieġa bidliet regolari tal-implimentazzjoni xierqa ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-talbiet għall-emendi strateġiċi li jkun fihom biss emendi oħra nnotifikati li l-Kummissjoni oġġezzjonat għalihom f’konformità mal-Artikolu 119(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115 ma jgħoddux għall-għadd massimu tat-talbiet għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK stabbilit fl-Artikolu 119(7) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(14) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2023/370 jitħassar. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2025/2649, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar it-talbiet għall-emenda tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK imressqa skont l-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2025/2649, jenħtieġ li dak ir-Regolament Delegat jissokta japplika għat-talbiet għall-emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK imressqa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2026. |
|
(15) |
Jenħtieġ li tiġi stabbilita dispożizzjoni tranżizzjonali biex jiġi żgurat li t-talbiet għall-emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK ikunu jistgħu jitressqu biss ladarba tiġi rtirata talba għal emenda mressqa qabel l-1 ta’ Jannar 2026 jew wara li l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bid-deċiżjoni tagħha dwar dik it-talba għall-emenda. |
|
(16) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jressqu t-talbiet għall-emendi strateġiċi u n-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK li jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2025/2649 u biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta u tipproċessa dawn it-talbiet għall-emendi strateġiċi u n-notifiki ta’ emendi oħra b’mod effettiv fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li r-regoli dwar it-tressiq tan-notifiki u t-talbiet għall-emendi strateġiċi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, il-limiti ta’ żmien għat-tressiq tat-talbiet għall-emendi strateġiċi u n-notifika ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK kif ukoll ir-regoli dwar każijiet ulterjuri ta’ talbiet għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK li ma jgħoddux għall-għadd massimu tat-talbiet għall-emendi strateġiċi li jinsabu f’dan ir-Regolament, jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(17) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jibdew jemendaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom fi qbil mal-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115, kif emendat bl-Artikolu 1, il-punt (28) tar-Regolament (UE) 2025/2649, is-sistema ta’ skambju elettroniku tad-data “SFC2021” imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 għandha titfassal mill-ġdid. Sabiex jiġi żgurat skambju sigur u effiċjenti tad-dokumenti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni rigward it-talbiet għall-emendi strateġiċi u n-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibdew jużaw il-verżjoni l-ġdida tas-sistema tal-iskambju elettroniku tad-data “SFC2021” mill-1 ta’ Jannar 2026, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2025/2649. Meta jitqies li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-proċedura u dwar il-limiti ta’ żmien għat-talbiet għal emenda strateġika tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u n-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, li għalihom għandha tintuża s-sistema l-ġdida ta’ skambju elettroniku tad-data “SFC2021”, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data bħad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2025/2649, b’mod partikolari l-1 ta’ Jannar 2026, biex jiġu żgurati tħejjija u tressiq bla xkiel u f’waqthom tal-emendi strateġiċi u n-notifika ta’ emendi oħra permezz tal-“SFC 2021” u biex tiġi żgurata t-trasparenza lejn il-bdiewa, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ambitu
Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 rigward:
|
(a) |
il-proċeduri għat-tressiq tat-talbiet għall-emendi strateġiċi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u l-proċeduri tan-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK; |
|
(b) |
il-limiti taż-żmien għat-tressiq tat-talbiet għall-emendi strateġiċi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u għall-proċeduri tan-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK; |
|
(c) |
każijiet oħra li għalihom ma japplikax l-għadd massimu ta’ talbiet għall-emendi strateġiċi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 119(7) tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
Artikolu 2
Regoli dwar il-proċedura għat-tressiq tat-talbiet għall-emendi strateġiċi
1. It-talba għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK għandha tindika liema emenda strateġika mil-lista tal-emendi strateġiċi msemmija fl-Artikolu 119(2), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (d), tar-Regolament (UE) 2021/2115 qed tintalab. It-talba għandha tindika wkoll jekk fihiex emendi nnotifikati qabel li l-Kummissjoni oġġezzjonat għalihom f’konformità mal-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.
2. Għal kull emenda strateġika proposta tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, it-talba għal emenda strateġika għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-indikazzjoni tal-parti tal-Pjan Strateġiku tal-PAK li hija emendata; |
|
(b) |
ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-emenda strateġika; |
|
(c) |
l-impatt tal-emenda strateġika fuq il-kisba tal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(d) |
l-impatt tal-emenda strateġika fuq l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi; |
|
(e) |
l-impatt tal-emenda strateġika fuq il-pjan ta’ finanzjament; |
|
(f) |
meta applikabbli, il-ġustifikazzjoni ta’ kif emenda notifikata minn qabel li l-Kummissjoni oġġezzjonat għaliha f’konformità mal-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, ġiet aġġustata biex tindirizza dawk l-oġġezzjonijiet; |
|
(g) |
l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ dwar proposta mill-awtorità ta’ ġestjoni għal emenda strateġika ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK u, fir-rigward ta’ proposta għal emenda strateġika ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK relatata mal-FAEG, fid-data tad-dħul tal-effettività tal-emenda strateġika proposta mill-awtorità ta’ ġestjoni, f’konformità mal-Artikolu 124(4), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
3. Il-Pjan Strateġiku tal-PAK emendat li jakkumpanja t-talba għal emenda strateġika għandu jkun fih l-emendi nnotifikati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 119(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115 qabel it-tressiq ta’ dik it-talba għal emenda strateġika, li l-Kummissjoni ma tkunx oġġezzjonat għaliha fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.
4. It-talba għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK jista’ jkun fiha proposti għal bidla waħda jew aktar tal-Pjan Strateġiku tal-PAK.
5. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandha tiġi kkodifikata mill-Istat Membru fit-taqsima rispettiva “Pjan Strateġiku tal-PAK” tas-sistema tal-iskambju elettroniku tad-data “SFC2021” għal kull element propost tal-emenda separatament, f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.
6. L-Istati Membri jistgħu jressqu talba waħda biss għal emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK kull darba. L-Istati Membri jistgħu jressqu talba ġdida għal emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK biss wara li t-talba ta’ qabel tkun ġiet irtirata mill-Istat Membru jew wara li l-Kummissjoni tkun innotifikat lill-Istat Membru bid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba ta’ qabel għal emenda strateġika msemmija fl-Artikolu 119(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
7. Meta Stat Membru jirtira talba għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, talba ġdida għal emenda tista’ titressaq biss ladarba l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet l-irtirar tat-talba ta’ qabel.
Artikolu 3
Regoli dwar il-proċedura għat-tressiq tan-notifiki ta’ emendi oħra skont l-Artikolu 119(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115
1. In-notifika ta’ emendi oħra tal-Pjan Strateġiku tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 119(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
id-deskrizzjoni ta’ kull emenda oħra proposta, flimkien ma’ indikazzjoni f’liema parti tal-Pjan Strateġiku tal-PAK issir kull emenda oħra proposta; |
|
(b) |
ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-emendi l-oħra proposti u l-effetti mistennija tagħhom; |
|
(c) |
il-ġustifikazzjoni għaliex il-modifika proposta hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(d) |
għall-emendi fir-rigward tal-Istandards għall-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba (“KAAT”) 1 u 4, il-ġustifikazzjoni speċifika msemmija fl-Artikolu 119(9), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(e) |
id-data jew id-dati tal-applikazzjoni tal-emendi l-oħra proposti fl-Istat Membru; |
|
(f) |
l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ dwar proposta mill-awtorità ta’ ġestjoni għal emenda oħra ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 124(4), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
2. L-Istati Membri jistgħu jirtiraw notifika ta’ emendi oħra tal-Pjan Strateġiku tal-PAK biss qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum xogħol imsemmi fl-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115.
3. L-Istati Membri għandhom jinkludu l-emendi l-oħra tal-Pjan Strateġiku tal-PAK innotifikati lill-Kummissjoni fil-Pjan Strateġiku tal-PAK emendat li jakkumpanjaw it-talba li jmiss għal emenda strateġika mressqa lill-Kummissjoni wara li jkun skada l-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum xogħol imsemmi fl-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, dment li l-Kummissjoni ma tkunx oġġezzjonat għal dawk l-emendi l-oħra.
4. L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jżid l-emendi l-oħra notifikati li l-Kummissjoni oġġezzjonat għalihom ma’ talba mressqa qabel għal emenda strateġika f’konformità mal-Artikolu 4(1).
Artikolu 4
Regoli dwar it-tressiq simultanju tat-talbiet għall-emendi strateġiċi skont l-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 u notifiki ta’ emendi oħra skont l-Artikolu 119(9) ta’ dak ir-Regolament
1. Meta fl-istess jum l-Istat Membru jressaq talba għal emenda strateġika skont l-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 u notifika ta’ emendi oħra skont l-Artikolu 119(9) ta’ dak ir-Regolament jew meta l-Istat Membru jressaq talba għal emenda strateġika wara li dak l-Istat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni b’emendi oħra iżda qabel ma jkun skada l-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum xogħol imsemmi fl-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:
|
(a) |
l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li jżid l-emendi notifikati li l-Kummissjoni oġġezzjonat għalihom mat-talba mressqa minn qabel għal emenda strateġika fi żmien jumejn xogħol minn meta jirċievi l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(b) |
jekk l-Istat Membru ma jgħarrafx lill-Kummissjoni,fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, bid-deċiżjoni tiegħu dwar l-emendi l-oħra nnotifikati tal-Pjan Strateġiku tal-PAK li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għalihom, dawk l-emendi jistgħu jiżdiedu biss mat-talba li jmiss għal emenda strateġika skont l-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(c) |
jekk l-Istat Membru jgħarraf lill-Kummissjoni, fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, bid-deċiżjoni tiegħu li jżid l-emendi l-oħra notifikati, li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għalihom, ma’ talba mressqa minn qabel għal emenda strateġika:
|
2. Meta l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni b’emendi oħra tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 119(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115 wara li dak l-Istat Membru jkun ressaq talba għal emenda strateġika f’konformità mal-Artikolu 119(2) ta’ dak ir-Regolament, l-Istat Membru jista’ jressaq l-emendi l-oħra li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għalihom f’konformità mal-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament biss fit-talba li jmiss imressqa skont l-Artikolu 119(2) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 5
Limiti taż-żmien għat-tressiq tat-talbiet għal emenda strateġika u għan-notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
1. Il-perjodu ta’ 3 xhur imsemmi fl-Artikolu 119(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jiġi sospiż mid-data li fiha l-Kummissjoni ressqet l-osservazzjonijiet tagħha għat-talba għal emenda strateġika lill-Istat Membru sad-data li fiha l-Istat Membru jkun ressaq verżjoni ġdida tal-Pjan Strateġiku tal-PAK permezz tas-sistema ta’ skambju elettroniku tad-data “SFC2021” li fiha l-osservazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni jkunu ġew indirizzati bis-sħiħ mill-Istat Membru. Jekk fil-verżjoni l-ġdida tal-Pjan Strateġiku tal-PAK, l-Istat Membru jkun indirizza biss parzjalment l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-perjodu ta’ 3 xhur jibqa’ sospiż fir-rigward ta’ dik it-talba għal emenda strateġika.
2. L-Istati Membri għandhom iressqu t-talbiet għal emenda strateġika u n-notifiki ta’ emendi oħra relatati mat-tipi ta’ interventi msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/2115 lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2028.
3. L-Istati Membri għandhom iressqu t-talbiet għal emenda strateġika u n-notifiki ta’ emendi oħra relatati mat-tipi ta’ interventi msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2021/2115 lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2029.
4. L-Istati Membri għandhom iressqu t-talba għal emenda strateġika relatata mat-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 103(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115 lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2026.
Artikolu 6
Każijiet ulterjuri ta’ talbiet għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK
1. It-talbiet għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK ma għandhomx jingħaddu fl-għadd massimu ta’ talbiet imsemmi fl-Artikolu 119(7) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jekk ikunu relatati mal-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-bidliet minħabba l-miżuri ta’ emerġenza meħtieġa biex jiġu indirizzati d-diżastri naturali, l-avvenimenti katastrofiċi jew l-avvenimenti klimatiċi avversi formalment rikonoxxuti bħala tali mill-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti, jew il-modifiki minħabba bidla sinifikanti u f’daqqa tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-Istat Membru; |
|
(b) |
il-bidliet minħabba modifiki fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew il-bidliet minħabba d-deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Unjoni Ewropea; |
|
(c) |
il-bidliet minħabba miżuri eċċezzjonali adottati skont l-Artikoli 219, 220 jew 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); |
|
(d) |
il-bidliet minħabba l-introduzzjoni jew il-modifika tal-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7); |
|
(e) |
il-bidliet minħabba diżimpenn awtomatiku għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/2116; |
|
(f) |
l-emendi nnotifikati li l-Kummissjoni oġġezzjonat għalihom f’konformità mal-Artikolu 119(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
2. It-talba għal emenda strateġika tal-Pjan Strateġiku tal-PAK fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (e), għandha titressaq sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena kalendarja.
3. Talba għal emenda strateġika li tikkombina l-bidliet fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma’ bidliet oħra tal-Pjan Strateġiku tal-PAK għandha tgħodd fl-għadd massimu ta’ talbiet għal emenda strateġika stabbilit fl-Artikolu 119(7), l-ewwel paragrafu tar-Regolament (UE) 2021/2115.
Artikolu 7
Komunikazzjoni formali permezz ta’ “SFC2021”
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jużaw is-sistema tal-iskambju elettroniku tad-data “SFC2021” imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 għall-iskambji tad-dokumenti formali kollha rigward:
|
(a) |
it-talbiet għal emenda strateġika kif imsemmi fl-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(b) |
in-notifiki ta’ emendi oħra kif imsemmi fl-Artikolu 119(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115; |
|
(c) |
il-korrezzjonijiet ta’ żbalji klerikali jew żbalji ovvji jew korrezzjonijiet ta’ natura purament editorjali msemmija fl-Artikolu 119(12) tar-Regolament (UE) 2021/2115. |
Artikolu 8
Dispożizzjoni tranżizzjonali
Meta talba għal emenda ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK tkun tressqet lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2026, skont l-Artikolu 119(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif applikabbli fiż-żmien tat-tressiq ta’ dik it-talba, talba għal emenda strateġika tista’ titressaq biss jekk dik it-talba għal emenda tkun ġiet irtirata mill-Istat Membru jew jekk il-Kummissjoni tkun innotifikat lil dak l-Istat Membru bid-deċiżjoni tagħha dwar dik it-talba għal emenda.
Artikolu 9
Tħassir
Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/370 jitħassar.
Madankollu, għandu jkompli japplika għat-talbiet għall-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK imressqa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2026.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/370 tat-13 ta’ Diċembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ proċeduri, limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni mill-Istati Membri ta’ talbiet għal emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, u każijiet oħra li għalihom ma japplikax l-għadd massimu ta’ emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (ĠU L 51, 20.2.2023, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/370/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2025/2649 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2025 i jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tas-sistema tal-kundizzjonalità, it-tipi ta’ intervent fil-forma ta’ pagament dirett, it-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi u l-iżvilupp rurali u r-rapporti annwali tal-prestazzjoni u r-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tas-sospensjonijiet tal-pagamenti b’rabta mal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni u l-kontrolli u l-penali (ĠU L, 2025/2649, 31.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2649/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021 i jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 463, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2289/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/174/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)