European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/170

22.1.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/170

tal-21 ta’ Jannar 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 fir-rigward tal-informazzjoni li tikkonċerna d-derogi minn ċerti standards tal-KAAT u l-informazzjoni rrapportata għall-finijiet tal-proċedura tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 134(14) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/130 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115 dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni.

(2)

It-taqsima 1.4 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 tistabbilixxi regoli għar-rapportar tal-valutazzjonijiet tal-effetti tal-applikazzjoni tad-deroga minn kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin (standards tal-KAAT) fuq is-sigurtà globali tal-ikel, fuq il-preservazzjoni tal-ambjent u fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, f’konformità mal-Artikolu 2(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1317 (3). Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1317 kien japplika għas-sena tat-talba 2023 biss u li l-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni diġà ġiet sottomessa mill-Istati Membri bħala parti mir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni għas-sena finanzjarja 2023, jenħtieġ li titħassar it-taqsima 1.4 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2025/2649 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emenda r-Regolament (UE) 2021/2115 u r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fir-rigward tal-kontenut tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni u l-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni. Il-proċedura tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni stabbilita fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2021/2116 twaqqfet fir-rigward tas-sena finanzjarja 2025 u tas-snin finanzjarji sussegwenti kollha.

(4)

It-taqsima 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 jenħtieġ li tiġi emendata biex titħassar l-informazzjoni meħtieġa biss għall-finijiet tal-proċedura tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni.

(5)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw ir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni għas-sena finanzjarja 2025 sal-15 ta’ Frar 2026, inklużi l-elementi ta’ dawk ir-rapporti emendati b’dan ir-Regolament, u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta dawn ir-rapporti b’mod effettiv fil-limiti ta’ żmien il-ġodda stabbiliti fl-Artikolu 134(13) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li r-regoli li jinsabu f’dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

L-Artikolu 4, it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2025/2649 jipprevedi li l-emendi tal-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u l-emendi tar-Regolament (UE) 2021/2116 li jikkonċernaw il-proċedura tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni japplikaw fir-rigward tas-sena finanzjarja 2025 u s-snin finanzjarji sussegwenti kollha. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli previsti f’dan ir-Regolament japplikaw mis-sena finanzjarja 2025 biex jiġu żgurati t-tħejjija u l-preżentazzjoni bla xkiel u f’waqthom tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni għas-sena finanzjarja 2025. Madankollu, jenħtieġ li dawn ir-regoli ma jkollhom l-ebda impatt fuq is-snin finanzjarji ta’ qabel is-sena finanzjarja 2025.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Politika Agrikola Komuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika fir-rigward tas-sena finanzjarja 2025 u s-snin finanzjarji sussegwenti kollha.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/130 tat-18 ta’ Jannar 2023 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni (ĠU L 17, 19.1.2023, p. 77, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/130/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1317 tas-27 ta’ Lulju 2022 li jipprevedi derogi mir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istandards għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art (standards tal-KAAT) 7 u 8 għas-sena tat-talba 2023 (ĠU L 199, 28.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1317/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2025/2649 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tas-sistema tal-kundizzjonalità, it-tipi ta’ intervent fil-forma ta’ pagament dirett, it-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi u l-iżvilupp rurali u r-rapporti annwali tal-prestazzjoni u r-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tas-sospensjonijiet tal-pagamenti b’rabta mal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni u l-kontrolli u l-penali (ĠU L, 2025/2649, 31.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2649/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-taqsima 1, jitħassar il-punt 1.4;

(2)

it-taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   INFORMAZZJONI KWANTITATTIVA U INFORMAZZJONI KWALITATTIVA DWAR ID-DEVJAZZJONI TAL-VALURI TAL-INDIKATURI TAR-RIŻULTATI MILL-ISTADJI IMPORTANTI

Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu 134(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Din għandha tinkludi wkoll informazzjoni kwalitattiva fir-rigward ta’ devjazzjonijiet mill-istadji importanti msemmija fl-Artikolu 134(7), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

Għandha tinkludi il-ġustifikazzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 135(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament. Ir-riżultati miksuba u l-outputs realizzati għandhom jiġu rrappurtati f’konformità mal-metodi għall-kalkolu stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 (*1).

2.1.   Valuri miksuba tal-indikaturi tar-riżultati

Din is-subtaqsima għandha tinkludi l-valur miksub fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull wieħed mill-indikaturi tar-riżultati stabbiliti fil-Pjan Strateġiku tal-PAK u d-distanza mill-istadju importanti annwali korrispondenti stabbilit fil-Pjan Strateġiku tal-PAK. Barra minn hekk, jenħtieġ li tagħti raġunijiet, fejn xieraq, għal devjazzjonijiet mill-istadji importanti u, fejn rilevanti, tiddeskrivi l-miżuri meħuda, f’konformità mal-Artikolu 134(7), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni mistenni fil-15 ta’ Frar 2026, din is-subtaqsima għandha tinkludi wkoll il-ġustifikazzjoni obbligatorja għal kwalunkwe nuqqas b’aktar minn 35 % fl-ilħuq tal-istadji importanti rilevanti għas-sena finanzjarja 2025, kif imsemmi fl-Artikolu 135(3) ta’ dak ir-Regolament.

Fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni mistenni fil-15 ta’ Frar 2027, din is-subtaqsima għandha tinkludi wkoll il-ġustifikazzjoni obbligatorja għal kwalunkwe nuqqas b’aktar minn 25 % fl-ilħuq tal-istadji importanti rilevanti għas-sena finanzjarja 2026, kif imsemmi fl-Artikolu 135(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.2.   Outputs realizzati - ammonti unitarji – finanzjament nazzjonali addizzjonali

Għal kull ammont unitarju kif stabbilit fil-Pjan Strateġiku tal-PAK, din is-subtaqsima għandha tinkludi l-outputs realizzati, in-nefqa grossa u l-ammonti unitarji miksuba f’konformità mal-Artikolu 134(5) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

2.2.1.   Ammonti unitarji miksuba għal interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti

L-informazzjoni pprovduta taħt din is-subtaqsima għandha tinkludi:

(a)

l-outputs realizzati skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2115;

(b)

in-nefqa grossa fi tmiem is-sena finanzjarja stabbilita skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115 rilevanti għall-outputs realizzati;

(c)

l-ammonti unitarji miksuba li jirriżultaw.

2.2.2.   Ammonti unitarji miksuba għal interventi f’ċerti setturi

L-informazzjoni pprovduta taħt din is-subtaqsima għandha tinkludi:

(a)

l-outputs realizzati skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2115;

(b)

in-nefqa grossa fi tmiem is-sena finanzjarja stabbilita skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115 rilevanti għall-outputs realizzati;

(c)

l-ammonti unitarji miksuba li jirriżultaw.

2.2.3.   Ammonti unitarji miksuba għal interventi għall-iżvilupp rurali

L-informazzjoni pprovduta taħt din is-subtaqsima għandha tinkludi:

(a)

l-outputs realizzati skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2115, esklużi l-outputs iġġenerati esklużivament minn finanzjament nazzjonali addizzjonali;

(b)

in-nefqa grossa fi tmiem is-sena finanzjarja stabbilita skont l-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115 rilevanti għall-outputs realizzati;

(c)

l-ammonti unitarji miksuba li jirriżultaw.

2.2.4.   Finanzjament nazzjonali addizzjonali

L-outputs realizzati ġġenerati esklużivament minn finanzjament nazzjonali addizzjonali għandhom jiġu rrappurtati skont l-intervent.

L-assistenza finanzjarja nazzjonali u l-finanzjament nazzjonali addizzjonali msemmija fl-Artikolu 134(11) u fl-Artikolu 115(5)(a) u (d) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jiġu rrappurtati skont l-intervent.

2.3.   Outputs realizzati – valuri aggregati

Din is-subtaqsima għandha tinkludi valuri aggregati tal-indikaturi tal-output irrapportati f’konformità mal-metodi għall-kalkolu stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290.

2.3.1.   Il-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output skont l-interventi u l-unitajiet ta’ kejl

2.3.2.   Il-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output skont it-tipi ta’ intervent u l-unitajiet ta’ kejl

2.3.3.   Valuri aggregati oħrajn tal-indikaturi tal-output

2.5.   L-użu ta’ strumenti finanzjarji f’interventi ta’ żvilupp rurali

Din is-subtaqsima għandu jkun fiha informazzjoni addizzjonali dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji fis-sena finanzjarja preċedenti f’konformità mal-Artikolu 134(10) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Din l-informazzjoni addizzjonali għandha tiġi rrappurtata skont it-tip ta’ intervent.

2.6.   Informazzjoni dwar iż-żrieragħ żejtnin, il-qoton u l-għajnuna nazzjonali tranżizzjonali

Din is-subtaqsima għandha tinkludi l-informazzjoni dwar iż-żrieragħ żejtnin li għandha tiġi rrappurtata f’konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Din is-subtaqsima għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni dwar il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton li għandha tiġi rrappurtata f’konformità mal-Artikolu 137 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Din is-subtaqsima għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni dwar l-għajnuna nazzjonali tranżizzjonali li għandha tiġi rrappurtata f’konformità mal-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) 2021/2115, li għandha tiġi rrappurtata skont l-intervent.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 486, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2290/oj).”."


(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 486, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2290/oj).”.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/170/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)