European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/163

22.1.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/163

tal-21 ta’ Jannar 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 fir-rigward tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra/kkunsidrat/kkunsidraw (i)t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 (1) u (UE) Nru 1307/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(117) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2025/2649 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) 2021/2115, fost l-oħrajn, fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti relatati mad-definizzjonijiet, l-istandards tal-Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba (“KAAT”) u ċerti tipi ta’ intervent, u introduċa tip ġdid ta’ intervent taħt l-iżvilupp rurali. Dak ir-Regolament emenda wkoll ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti relatati mas-sistema ta’ kontroll għall-kundizzjonalità.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 (4) jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

(3)

L-Artikolu 31(5) u l-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115, kif emendat bir-Regolament (UE) 2025/2649, jippermettu lill-Istati Membri jipprovdu pagamenti għal impenji li jikkonformaw mal-istandards 2 u 9 tal-KAAT peress li ma għadhomx jirrikjedu li dawk l-impenji jmorru lil hinn minn dawk l-istandards. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ kompletezza u komparabbiltà, huwa xieraq li l-Istati Membri, meta jiddeċiedu li jipprovdu pagamenti għal impenji li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dawk l-istandards tal-KAAT, ikunu meħtieġa jispeċifikaw fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għal liema rekwiżiti jistgħu jipprovdu pagamenti. Barra minn hekk, peress li dawk l-Artikoli, kif emendati bir-Regolament (UE) 2025/2649, ma għadhomx jipprevedu li għandu jingħata appoġġ għal rekwiżiti ġodda tad-dritt nazzjonali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għal perjodu massimu ta’ 24 xahar, jenħtieġ li dawk l-elementi jitħassru wkoll mill-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289.

(4)

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115, kif emendat bir-Regolament (UE) 2025/2649, jippermetti lill-Istati Membri jestendu, bħala parti mid-definizzjoni ta’ bur permanenti, il-perjodu li matulu żona għandha tkun taħt użu kontinwu biex tkabbar il-ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor minn ħames snin sa seba’ snin. Dan jippermetti wkoll lill-Istati Membri jiddeċiedu li ż-żoni użati għat-tkabbir ta’ ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor, li kienu kklassifikati bħala raba’ li jinħadem fl-1 ta’ Jannar 2026 u li ma jkunux inħartu, ġew mgħassqa, jew inżergħu mill-ġdid b’ħaxix differenti għal perjodu ta’ ħames jew seba’ snin, ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala bur permanenti. Sabiex jiġi żgurat li l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ikun fihom id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni ta’ bwar permanenti, huwa xieraq li jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 biex l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar dawk id-deċiżjonijiet rigward id-definizzjoni ta’ bwar permanenti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2025/2649 daħħal Artikolu 78a ġdid fir-Regolament (UE) 2021/2115 li jintroduċi tip ġdid ta’ intervent għal pagamenti ta’ kriżi lill-bdiewa wara diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi jew avvenimenti katastrofiċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-punt 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 jiġi emendat biex jinkludi l-informazzjoni speċifika għal dan it-tip ta’ intervent fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2021/2115, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/2649, jeżenta lill-benefiċjarji tal-pagamenti skont l-Artikolu 28 ta’ dak ir-Regolament mis-sistema ta’ kundizzjonalità. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżit li jiġu deskritti l-kontrolli simplifikati għar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għall-bdiewa żgħar fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jitħassar mill-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw talbiet għal emendi strateġiċi u notifiki ta’ emendi oħra tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK li jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2025/2649 u biex jiġi żgurat li l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ikun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta u tipproċessa tali talbiet għal emendi strateġiċi u notifiki ta’ emendi oħra b’mod effettiv fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Meta jitqies li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u ċertezza legali għall-Istati Membri, għall-bdiewa u għall-partijiet ikkonċernati.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2025/2649 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2025 i jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tas-sistema tal-kundizzjonalità, it-tipi ta’ intervent fil-forma ta’ pagament dirett, it-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi u l-iżvilupp rurali u r-rapporti annwali tal-prestazzjoni u r-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tas-sospensjonijiet tal-pagamenti b’rabta mal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni u l-kontrolli u l-penali (ĠU L 2025/2649, 31.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2649/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 463, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2289/oj).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2289 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-Taqsima 3.1, il-punt (e), it-tieni subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (ii), jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

ir-rekwiżiti ta’ dan l-istandard tal-KAAT li għalihom il-pagamenti huma pprovduti bħala parti mill-interventi skont l-Artikoli 31, 70 jew 72 tar-Regolament (UE) 2021/2115;”;

(b)

il-punt (ix) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“għall-KAAT 9:

elementi biex jiġu indikati bwar permanenti sensittivi għall-ambjent u l-għadd indikattiv korrispondenti ta’ ettari;

ir-rekwiżiti ta’ dan l-istandard tal-KAAT li għalihom il-pagamenti huma pprovduti bħala parti mill-interventi skont l-Artikoli 31 jew 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115;”;

(2)

fit-Taqsima 4.1, il-punt (b), it-tieni paragrafu, il-punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv)

għal bwar permanenti:

deskrizzjoni ta’ kull element individwali użat għad-definizzjoni tiegħu, bħall-perjodu minimu li matulu l-art użata għat-tkabbir ta’ ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor ma tkunx ġiet inkluża fin-newba tal-għelejjel tal-azjenda, fil-ħdim tar-raba’, fil-ħrit, fiż-żrigħ mill-ġdid b’tipi differenti ta’ ħaxix, jew prattiki lokali stabbiliti, jew

referenza għad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115, li tinżamm il-klassifikazzjoni tal-art bħala raba’ li jinħadem meta dik l-art tkun ġiet ikklassifikata bħala raba’ li jinħadem fl-1 ta’ Jannar 2026 ”;

(3)

it-taqsima 5, il-punt (f) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (i), ir-raba’ inċiż jinbidel b’dan li ġej:

“—

għal skemi għall-klima, l-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali, indikazzjoni tal-oqsma ta’ azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li huma koperti mill-intervent; indikazzjoni dwar jekk l-iskemi jikkontribwixxux għall-konformità mar-rekwiżiti obbligatorji nazzjonali li jmorru lil hinn mid-dritt tal-Unjoni;”;

(b)

il-punt (ii) huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

għall-interventi msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115:

deskrizzjoni tat-tip ta’ żona eliġibbli;

indikazzjoni tat-tip ta’ impenji (ibbażati fuq ir-riżultati, ibbażati fuq il-ġestjoni jew ibridi) u l-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni;

indikazzjoni tad-durata tal-kuntratti;

indikazzjoni dwar jekk l-intervent jikkontribwixxix għall-konformità mar-rekwiżiti obbligatorji nazzjonali li jmorru lil hinn mid-dritt tal-Unjoni;”;

(ii)

jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

għall-interventi msemmija fl-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) 2021/2115:

indikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu tat-telf u l-fatturi tal-iskattar għall-kumpens;

deskrizzjoni tal-kopertura tat-telf kif ukoll id-dispożizzjonijiet biex jiġi evitat il-kumpens żejjed;”;

(4)

fl-Artikolu 7.3, jitħassar il-punt (c), il-punt (v).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/163/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)