European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/131

27.3.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/131

tal-20 ta’ Jannar 2026

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 245(3), l-Artikolu 246(3), l-Artikolu 249(3), l-Artikolu 252(1) u l-Artikolu 254 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jistabbilixxi r-regoli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, tħassar bl-Artikolu 270(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 mill-21 ta’ April 2021. Madankollu, l-Artikolu 277 tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li minkejja dak it-tħassir, ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 għandu jkompli japplika sal-21 ta’ April 2026 fir-rigward tal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, minflok il-Parti VI tar-Regolament (UE) 2016/429.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-mard li huwa trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin, inklużi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju. Ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ atti delegati. Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni relatat mat-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 għandu jieqaf fil-21 ta’ April 2026, huwa għalhekk xieraq li jiġu adottati tali regoli supplimentari sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-qafas legali stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/429.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 għandu l-għan li jipprovdi qafas regolatorju aktar sempliċi u flessibbli, meta mqabbel ma’ dak applikabbli qabel l-adozzjoni tiegħu, filwaqt li fl-istess ħin jiżgura approċċ aktar ibbażat fuq ir-riskji għar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali, kif ukoll titjib fit-tħejjija, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali. Dan għandu wkoll l-għan li jiġbor ir-regoli dwar il-mard tal-annimali f’att uniku. Fl-interessi tas-simpliċità u tat-trasparenza tar-regoli tal-Unjoni, kif ukoll sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli u tiġi evitata d-duplikazzjoni, jenħtieġ li r-regoli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju jiġu stabbiliti f’att wieħed minflok f’għadd ta’ atti separati b’kontroreferenza. Barra minn hekk, peress li hemm rabta sostantiva bejn l-għoti tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 3(5) u fil-Parti VI tar-Regolament (UE) 2016/429 relatati mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, huwa xieraq li r-regoli supplimentari jiġu stabbiliti f’att uniku.

(4)

Iż-żamma tal-annimali domestiċi mill-bnedmin fl-unitajiet domestiċi tagħhom, kemm ġewwa kif ukoll barra, ġeneralment toħloq riskju aktar baxx għas-saħħa meta mqabbla ma’ modi oħra ta’ żamma jew ta’ ċaqliq tal-annimali fuq skala usa’, bħal dawk komuni fl-agrikoltura, l-akkwakultura, it-tnissil tal-annimali, is-santwarji tal-annimali u t-trasport tal-annimali b’mod aktar ġenerali. Dan jispjega għaliex huwa xieraq li jiġi stabbilit sett proporzjonat ta’ rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi li jenħtieġ li jiffoka fuq miżuri li jindirizzaw b’mod adegwat in-natura u r-riskji speċifiċi ppreżentati mill-annimali domestiċi u l-movimenti mhux kummerċjali tagħhom, peress li l-applikazzjoni tal-qafas ġenerali għal dawn l-annimali tirrappreżenta piż u spiża amministrattivi mhux ġustifikati.

(5)

Ir-regoli u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju stabbiliti f’dan ir-Regolament jissupplimentaw ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fil-Parti VI tar-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi biex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ sikurezza biex jittaffew ir-riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali involuti fil-movimenti mhux kummerċjali, u b’mod aktar partikolari r-riskju tat-tixrid tal-mard elenkat definit f’dak ir-Regolament (UE) 2016/429, u kkategorizzat f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3), u biex jitneħħa kwalunkwe ostaklu mhux ġustifikat għal tali movimenti mhux kummerċjali.

(6)

Ir-regoli eżistenti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti f’atti preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi wrew li huma sodi, proporzjonati u effettivi. Għalhekk, jenħtieġ li l-għan u d-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dawk ir-regoli eżistenti jinżammu f’dan ir-Regolament iżda jiġu aġġornati biex iqisu r-regoli dwar regolamentazzjoni aħjar, il-qafas il-ġdid dwar is-saħħa tal-annimali stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/429, u l-istandards internazzjonali u l-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ atti preċedenti tal-Unjoni f’dak il-qasam.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 diġà jistabbilixxi għadd ta’ definizzjonijiet. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis ukoll id-definizzjonijiet stabbiliti f’atti oħra tal-Unjoni fl-oqsma relatati tal-kontrolli uffiċjali, u b’mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, għall-fini li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, huwa xieraq li jiġu speċifikati l-ispeċijiet tal-annimali li għalihom japplikaw ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament u li jiġu inklużi definizzjonijiet partikolari. Dawk jenħtieġ li jinkludu definizzjonijiet għal “punti ta’ dħul tal-vjaġġaturi” speċifiċi użati għal movimenti mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi jew territorji, u l-“veterinarji awtorizzati” li lilhom jiġu ddelegati kompiti speċifiċi mill-awtorità kompetenti f’dan il-qasam fir-rigward tal-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju u l-ħruġ ta’ passaporti għall-klieb domestiċi, għall-qtates domestiċi u għall-inmsa fl-Istati Membri u fir-rigward tal-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju u l-ħruġ ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-klieb domestiċi, għall-qtates domestiċi, għall-inmsa domestiċi u għall-għasafar domestiċi f’pajjiżi terzi.

(8)

Kif huwa definit fl-Artikolu 4, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2016/429, “annimal domestiku” huwa annimal miżmum tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I tiegħu, miżmum għal skopijiet privati mhux kummerċjali, u jinkludi klieb, qtates u inmsa. Dawn l-annimali normalment jinżammu privatament għal skopijiet ta’ rikreazzjoni jew ta’ kumpanija. Madankollu, fil-każ ta’ ċerti klieb, dawn l-annimali jistgħu, filwaqt li jkunu għadhom qed jitqiesu bħala annimal domestiku, jinżammu wkoll għal skopijiet addizzjonali minn dawk purament rikreattivi jew ta’ kumpanija.

(9)

Dawk l-iskopijiet addizzjonali jinkludu l-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni, avvenimenti tal-isports, tat-taħriġ, eżebizzjonijiet jew xogħol fejn il-klieb jintużaw għal ċerti kapaċitajiet li jiksbu permezz tat-taħriġ, kif previst fl-Artikolu 246(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429. B’mod simili, skopijiet addizzjonali bħal dawn jieħdu vantaġġ ukoll minn kapaċitajiet oħra miksuba minn ċerti klieb, b’mod partikolari meta jintużaw għal attivitajiet militari, ta’ infurzar tal-liġi jew ta’ tiftix u salvataġġ.

(10)

Il-movimenti tal-klieb f’dawn iċ-ċirkostanzi kollha jitwettqu taħt is-superviżjoni tas-sid tal-annimal domestiku jew ta’ persuna responsabbli li tista’ b’mod partikolari tappartjeni għal korpi militari, tal-infurzar tal-liġi jew ta’ tiftix u salvataġġ. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi ċċarat li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw ukoll għall-movimenti ta’ dawn l-aħħar kategoriji ta’ annimali, u li tiġi prevista ċerta flessibbiltà, f’konformità mas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 249(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 li tadotta atti delegati dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ derogi mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 249(2) ta’ dawk ir-Regolamenti, meta tali annimali jidħlu fl-Unjoni jew jirritornaw lejha wara movimenti barra mill-Unjoni.

(11)

Sabiex issir distinzjoni ċara bejn ir-regoli li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, u dawk applikabbli għall-movimenti standard bejn l-Istati Membri jew minn pajjiżi terzi jew territorji, ta’ klieb, qtates, inmsa u għasafar miżmuma fil-magħluq, ir-Regolament (UE) 2016/429 jiddefinixxi “annimal domestiku” u “moviment mhux kummerċjali”. Sabiex jaqa’ taħt dawn id-definizzjonijiet, l-annimal domestiku għandu jakkumpanja lil sidu u jkun parti mill-moviment ta’ sid l-annimal domestiku jew, b’raġunijiet debitament ġustifikati, taħt ir-responsabbiltà diretta ta’ sid l-annimal domestiku jew taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna awtorizzata, f’każijiet fejn l-annimal domestiku jkun fiżikament separat minn sid l-annimal domestiku.

(12)

F’dak il-kuntest, l-Artikolu 245(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li meta l-moviment mhux kummerċjali ta’ annimal domestiku jitwettaq minn persuna awtorizzata, dan jista’ jseħħ biss fi żmien ħamest ijiem mill-moviment tas-sid tal-annimal domestiku. L-Artikolu 245(3) ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi rekwiżiti supplimentari fir-rigward tad-dokumentazzjoni tal-moviment mhux kummerċjali ta’ annimal domestiku meta jitwettaq minn persuna awtorizzata. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li meta jsir moviment mhux kummerċjali ta’ annimal domestiku minn persuna awtorizzata, jenħtieġ li tinhemeż awtorizzazzjoni bil-miktub iffirmata minn sid l-annimal domestiku mad-dokumenti ta’ identifikazzjoni li jakkumpanjaw l-annimal domestiku jew għall-moviment mhux kummerċjali lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju.

(13)

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi n-numru massimu ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri l-klieb, il-qtates u l-inmsa, li jistgħu jakkumpanjaw lil sidhom jew lil persuna awtorizzata. L-Artikolu 246(1) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li n-numru ta’ annimali domestiċi bħal dawn li jistgħu jiġu mċaqilqa matul moviment mhux kummerċjali uniku ma għandux jaqbeż il-ħamsa. Dan jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għal derogi li permezz tagħhom dak in-numru massimu jista’ jinqabeż.

(14)

F’dak il-kuntest, il-movimenti ta’ aktar minn ħames klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-deroga stabbiliti fl-Artikolu 246(2) tar-Regolament (UE) 2016/429, ma jistgħux jitqiesu bħala movimenti mhux kummerċjali skont dak ir-Regolament u jenħtieġ li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Partijiet IV jew V tiegħu.

(15)

Għall-movimenti tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/429, inklużi l-għasafar, l-Artikolu 246(3) ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta regoli supplimentari li jistabbilixxu n-numru massimu ta’ annimali domestiċi ta’ dawk l-ispeċijiet li jistgħu jiġu mċaqilqa matul moviment mhux kummerċjali uniku. Peress li l-moviment ta’ numru kbir ta’ għasafar jista’ jżid ir-riskju għall-introduzzjoni u għat-tixrid tal-virus tal-influwenza tat-tjur, huwa meħtieġ li jiġi introdott tali numru massimu għall-għasafar domestiċi meta jkunu qed jakkumpanjaw lil sidhom jew lil persuna awtorizzata fl-Unjoni minn pajjiż terz jew territorju.

(16)

Bl-istabbiliment ta’ tali numru massimu, dan għandu wkoll l-għan li jiżgura li l-Partijiet IV u V tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati b’mod korrett għall-għasafar domestiċi u li l-movimenti fl-Unjoni ta’ aktar minn dak in-numru massimu jridu jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ għasafar miżmuma fil-magħluq stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (5), u jkunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/625.

(17)

F’dak il-kuntest ukoll, ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħmel konnessjoni ċara bejn in-numru massimu ta’ annimali domestiċi li jistgħu jiġu koperti minn moviment mhux kummerċjali u l-fatt li dan il-moviment jenħtieġ li jitwettaq bħala moviment mhux kummerċjali uniku. Madankollu, ir-Regolament (UE) 2016/429 ma jiddefinix “moviment mhux kummerċjali uniku”. Dan jista’ jwassal għal interpretazzjoni differenti mill-Istati Membri u jkun sors ta’ abbuż fil-każ ta’ diversi sidien ta’ annimali domestiċi li jivvjaġġaw flimkien fl-istess mezz ta’ trasport privat. Għal raġunijiet ta’ ċertezza u biex jiġi żgurat li l-Partijiet IV u V tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati b’mod korrett għall-annimali domestiċi, huwa meħtieġ ukoll li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonijiet li jenħtieġ li japplikaw għall-kunċett ta’ “moviment mhux kummerċjali uniku”.

(18)

L-Artikolu 252(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati speċifiċi għall-ispeċijiet għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u l-applikazzjoni u l-użu ta’ tali mezzi ta’ identifikazzjoni.

(19)

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar l-identifikazzjoni tal-annimali domestiċi ġew stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 għall-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi, u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1933 (6) għall-għasafar domestiċi. Ir-regoli stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti wrew li huma effettivi biex jiżguraw l-identifikazzjoni xierqa tal-annimali domestiċi. Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sustanza prinċipali ta’ dawk ir-regoli tinżamm f’dan ir-Regolament iżda għandha tiġi aġġornata sabiex tqis l-esperjenza prattika miksuba mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom.

(20)

Il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom jitqiesu bħala identifikati b’mod xieraq meta jkollhom tatwaġġ li jista’ jinqara faċilment, jekk jiġu applikati qabel it-3 ta’ Lulju 2011, jew jiġu impjantati b’sistema ta’ identifikazzjoni elettronika (transponder). L-impjantazzjoni tat-transponders teħtieġ ċerti kompetenzi biex issir. Huwa għalhekk meħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu ċċarati l-persuni li għandhom l-għarfien speċifiku biex iwettqu dan il-kompitu.

(21)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli li jikkonċernaw il-mezzi biex jiġu identifikati l-għasafar domestiċi li għandhom jiġu mċaqilqa lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju, sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ ssir konnessjoni bejn l-għasfur domestiku u d-dokument ta’ identifikazzjoni korrispondenti.

(22)

L-Artikolu 252(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati speċifiċi għall-ispeċijiet għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju biex tiżgura li l-annimali domestiċi ma joħolqux riskju sinifikanti għat-tixrid tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament minħabba l-movimenti tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

(23)

Qabel l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju li għandhom jiġu rrispettati mill-annimali domestiċi meta jiġu mċaqilqa lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju ġew stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 għall-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi, u fir-Regolament Delegat (UE) 2021/1933 għall-għasafar domestiċi. Dawk ir-regoli wrew li huma effettivi biex jimminimizzaw ir-riskju tat-tixrid tal-mard elenkat permezz ta’ tali movimenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ dawk ir-regoli jinżammu f’dan ir-Regolament iżda jiġu aġġornati sabiex iqisu l-esperjenza prattika miksuba mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi wkoll possibbiltajiet għal derogi f’każijiet fejn jiġu implimentati miżuri alternattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskju.

(24)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2016/429, dawk li jżommu l-annimali domestiċi fl-Unjoni, inklużi s-sidien tal-annimali domestiċi, huma fl-aħjar pożizzjoni biex josservaw u jiżguraw is-saħħa tal-annimali taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għalhekk, huma għandhom ir-responsabbiltà primarja li jwettqu miżuri għall-prevenzjoni u għall-kontroll tat-tixrid tal-mard fost l-annimali taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dan ifisser ukoll li s-sidien tal-annimali domestiċi huma meħtieġa jiżguraw li l-annimali mċaqilqa taħt ir-responsabbiltà tagħhom ikunu ħielsa minn sintomi ta’ mard u f’saħħithom għal tali movimenti mhux kummerċjali.

(25)

Sabiex jittaffa kwalunkwe riskju tat-tixrid tal-mard tal-annimali minn barra l-Unjoni, huwa xieraq li f’dan ir-Regolament ikun meħtieġ li l-annimali domestiċi li joriġinaw f’pajjiż terz jew territorju u li jiġu mċaqilqa lejn l-Unjoni ma juru l-ebda sintomu ta’ mard u jkunu f’saħħithom għal tali movimenti mhux kummerċjali.

(26)

Minħabba l-effetti potenzjali tagħha fuq il-bnedmin u fuq l-annimali, l-infezzjoni bil-virus tar-rabja hija l-marda tal-akbar tħassib fl-Unjoni li taffettwa l-klieb, il-qtates u l-inmsa. L-infezzjoni bil-virus tar-rabja hija elenkata fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 bħala marda tal-kategorija B, li għaliha jridu jittieħdu miżuri ta’ kontroll tal-mard fl-Istati Membri kollha bil-għan li tinqered fl-Unjoni kollha.

(27)

Sabiex jiġi evitat it-tixrid tar-rabja fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli f’dan ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti tat-tilqim ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi soġġetti għal moviment mhux kummerċjali lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor, jew minn pajjiż terz jew territorju.

(28)

Huwa possibbli li t-tilqim kontra r-rabja mogħti lill-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi qabel l-età ta’ 12-il ġimgħa ma jwassalx għal immunità protettiva minħabba l-kompetizzjonżi mal-antikorpi materni. Konsegwentement, il-manifatturi tal-vaċċini jirrakkomandaw li ma jitlaqqmux l-annimali domestiċi ta’ età żgħira qabel dik l-età. Sabiex jiġi awtorizzat il-moviment mhux kummerċjali minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor ta’ annimali domestiċi ta’ età żgħira li ma ġewx imlaqqma, jew li ġew imlaqqma iżda li għadhom ma kisbux immunità protettiva kontra r-rabja, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti miżuri preventivi li għandhom jittieħdu, u jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jawtorizzaw tali movimenti mhux kummerċjali fit-territorju tagħhom meta l-annimali domestiċi ta' età żgħira jikkonformaw ma’ dawk il-miżuri preventivi.

(29)

Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata l-introduzzjoni tar-rabja fl-Unjoni u biex jiġi ppruvat li l-annimali tlaqqmu kif suppost kontra r-rabja, il-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi li qed jiġu mċaqilqa lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju għal skopijiet mhux kummerċjali jridu jkunu għaddew minn test validu tat-titrazzjoni ta’ antikorpi tar-rabja f’konformità mal-punt 1 tal-Anness XXI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi wkoll derogi mir-rekwiżit li jsirilhom test tat-titrazzjoni ta’ antikorpi tar-rabja għall-movimenti mhux kummerċjali fl-Unjoni ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi minn pajjiżi terzi jew territorji li jkunu wrew li japplikaw regoli, li l-kontenut u l-effett tagħhom ikunu l-istess bħal dawk applikati mill-Unjoni, jew li jkunu implimentaw sistema robusta ta’ sorveljanza, prevenzjoni u kontroll għar-rabja f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(30)

L-infestazzjoni b’Echinococcus multilocularis hija elenkata fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 bħala marda tal-kategorija C, li tirrikonoxxi li hija marda ta’ rilevanza għal xi Stati Membri u li għaliha huma meħtieġa miżuri biex jiġi evitat li tinfirex lejn partijiet tal-Unjoni li huma uffiċjalment ħielsa mill-marda jew li għandhom programmi ta’ eradikazzjoni għall-marda elenkata kkonċernata.

(31)

Klieb domestiċi maħsuba għal moviment lejn Stat Membru bi status ta’ ħelsien mill-mard minn infestazzjoni ta’ Echinococcus multilocularis jenħtieġ li jikkonformaw ma’ rekwiżiti addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ dak l-istatus f’dawk l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi applikat trattament preventiv lil klieb bħal dawn qabel ma jiġu mċaqilqa lejn kwalunkwe Stat Membru ħieles mill-marda. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi possibbiltajiet għal derogi f’każijiet fejn jiġu implimentati miżuri alternattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskju.

(32)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva tal-għasafar li jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-saħħa tal-annimali u fuq is-saħħa pubblika u impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-pollam peress li l-forma tagħha b’patoġeniċità għolja tista’ tirriżulta f’rati ta’ mortalità għoljin ħafna fl-ispeċijiet tal-pollam. Barra minn hekk, għalkemm l-influwenza tat-tjur tinstab l-aktar fl-għasafar, f’ċerti ċirkustanzi jaf ikun hemm infezzjonijiet ukoll fil-bnedmin, minkejja li r-riskju ta’ dan huwa ġeneralment baxx.

(33)

Peress li t-theddida globali tal-influwenza tat-tjur żdiedet f’dawn l-aħħar snin, jenħteġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni biex jiżgura li l-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fl-Unjoni ma joħolqux riskju għall-introduzzjoni u għat-tixrid tal-influwenza bil-virus tal-influwenza tat-tjur.

(34)

Jenħtieġ li l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fl-Unjoni jipprevedu diversi rekwiżiti alternattivi għal tali movimenti mhux kummerċjali, inkluż l-iżolament qabel tali movimenti mhux kummerċjali u l-ittestjar ta’ qabel il-moviment għas-subtipi H5 u H7 tal-virus tal-HPAI u t-tilqim kontra s-subtipi H5 u H7 tal-virus tal-HPAI.

(35)

Madankollu, jenħtieġ li l-opzjoni tal-iżolament qabel il-moviment mhux kummerċjali fl-Unjoni tkun permessa biss għall-għasafar domestiċi li joriġinaw minn territorji jew minn pajjiżi terzi li ġew ivvalutati għall-influwenza tat-tjur u għall-mard l-ieħor rilevanti għall-ispeċi tat-tjur. Għalhekk, jenħtieġ li din l-għażla tkun limitata għall-pajjiżi terzi jew żoni tagħhom elenkati fit-tabella stabbilita fil-Parti 1 tal-Annessi V, XIV XIX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (7) , li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ pollam u ta’ prodotti ġerminali tal-pollam, ta’ laħam frisk tal-pollam jew tal-għasafar tal-kaċċa, jew ta’ bajd u prodotti tal-bajd, rispettivament.

(36)

Sabiex ikomplu jittaffew ir-riskji tat-tixrid tal-virus tal-influwenza tat-tjur fl-Unjoni mill-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi minn pajjiżi terzi jew territorji, dawk l-għasafar domestiċi jenħtieġ li jinżammu f’iżolament għal perjodu ta’ żmien xieraq wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, u partikolarment matul dak il-perjodu, ma jiddaħħlux f’wirjiet, fieri, eżebizzjonijiet jew qatgħat oħra tal-għasafar.

(37)

Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi possibbiltajiet għal derogi f’każijiet fejn jiġu implimentati miżuri alternattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskji. Jenħtieġ li dan ikun permess biss għal stabbilimenti li jistgħu jiggarantixxu l-istatus tas-saħħa tal-annimali. Għalhekk, jenħtieġ li jkun meħtieġ li skont din l-opzjoni, l-għasafar domestiċi għandhom jitqiegħdu fi stabbiliment ta’ kwarantina approvat f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (8).

(38)

L-Artikolu 254, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati dwar l-entrati biex tiddaħħal l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fid-dokumenti ta’ identifikazzjoni meħtieġa biex jakkumpanjaw il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor, jew minn pajjiż terz jew territorju. Il-punt (d) ta’ dak l-Artikolu jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati dwar il-ħruġ, it-tlestija u, fejn applikabbli, l-approvazzjoni ta’ tali dokumenti ta’ identifikazzjoni.

(39)

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar id-dokumenti ta’ identifikazzjoni tal-annimali domestiċi ġew stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 għall-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi, u fir-Regolament Delegat (UE) 2021/1933 għall-għasafar domestiċi. Ir-regoli stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti wrew li huma effettivi biex jiżguraw it-traċċabbiltà tal-annimali domestiċi matul il-movimenti mhux kummerċjali ta’ tali annimali lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ dawk ir-regoli jinżammu f’dan ir-Regolament iżda jiġu aġġornati biex iqisu l-esperjenza prattika miksuba fl-applikazzjoni tagħhom.

(40)

Id-dokumenti ta’ identifikazzjoni li jakkumpanjaw lill-annimali domestiċi li huma soġġetti għall-movimenti mhux kummerċjali fl-Istati Membri huma meħtieġa biex tiġi attestata l-konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kontenut ta’ dawk id-dokumenti ta’ identifikazzjoni, u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom jew, fejn meħtieġ l-approvazzjoni tagħhom, biex tiġi żgurata l-validità tagħhom.

(41)

Bħala prinċipju ġenerali, ir-Regolament (UE) 2016/429 jirrikjedi li l-movimenti standard tal-annimali jridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jimtela u jinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tad-dispaċċ, jew fejn applikabbli minn veterinarju awtorizzat u sussegwentement approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tad-dispaċċ, biex tiġi żgurata l-validità tiegħu. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit jiġi applikat ukoll għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju.

(42)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor, ġie introdott dokument ta’ identifikazzjoni alternattiv (passaport għall-annimali domestiċi) bir-Regolament (UE) Nru 576/2013 biex jissostitwixxi ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jintuża għal movimenti oħra tal-annimali. Huwa għalhekk xieraq li jiġi żgurat li dawn l-annimali domestiċi jkomplu jkunu akkumpanjati minn passaport.

(43)

F’dan il-kuntest, dan jimplika wkoll li l-passaport għall-annimali domestiċi huwa maħsub biss biex jinħareġ lill-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi miżmuma fl-Istat Membru fejn is-sidien tagħhom jirrisjedu abitwalment u jkollhom ir-residenza ewlenija tagħhom. Tali informazzjoni għandha tingħata mis-sid tal-annimal domestiku biex il-veterinarju emittenti jkun jista’ jimla l-passaport tal-annimal domestiku kif xieraq u b’mod preċiż.

(44)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-passaporti tal-annimali domestiċi mhumiex maħsuba biex jinħarġu lill-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi li jinżammu mis-sidien tagħhom li jkollhom ir-residenza ewlenija tagħhom barra mill-Unjoni u li jirrisjedu biss temporanjament jew staġunalment fl-Unjoni. Għal sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li japplika l-prinċipju ġenerali, u d-dokument ta’ identifikazzjoni meħtieġ għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi lejn l-Unjoni minn pajjiż terz jew territorju (ċertifikat tas-saħħa tal-annimali) irid jakkumpanja l-moviment mhux kummerċjali ta’ dawn l-annimali lejn l-Unjoni. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi żgurat li dan id-dokument tal-identifikazzjoni jibqa’ validu għal perjodu ta’ żmien raġonevoli biex is-sidien tal-annimali domestiċi ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jirrisjedu temporanjament jew staġjonalment fl-Unjoni jew jagħmlu moviment ulterjuri lejn Stati Membri oħra matul dak il-perjodu.

(45)

Jenħtieġ li r-restrizzjoni fuq il-ħruġ ta’ passaporti tal-annimali domestiċi ma tipprevjenix lill-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi li jkunu ġew imċaqilqa lejn l-Unjoni minn pajjiż terz jew territorju għal finijiet mhux kummerċjali bid-dokument ta’ identifikazzjoni meħtieġ għal tali moviment, milli jinħarġilhom passaport tal-annimali domestiċi, meta s-sidien tagħhom jibqgħu fi Stat Membru wara t-tmiem tal-perjodu ta’ validità tad-dokument ta’ identifikazzjoni u jistabbilixxu r-residenza ewlenija tagħhom fl-Unjoni kif muri pereżempju minn permess ta’ residenza.

(46)

F’konformità mal-Artikolu 254, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali fit-territorju tagħhom ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi akkumpanjati minn dokument ta’ identifikazzjoni fil-format ta’ passaport meta l-passaport ikun inħareġ f’pajjiż terz jew territorju li japplika regoli, li l-kontenut u l-effett tagħhom ikunu l-istess bħal dawk applikati fl-Unjoni. Jenħtieġ li jippermetti wkoll lill-Istati Membri jawtorizzaw ir-ritorn fl-Unjoni, wara moviment mhux kummerċjali lejn pajjiż terz jew territorju ta’ dawk l-annimali domestiċi akkumpanjati minn passaport tal-annimali domestiċi maħruġ fi Stat Membru, dment li jkun jista’ jiġi stabbilit minn dak il-passaport tal-annimali domestiċi li l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-ritorn minn dawk il-pajjiżi terzi jew territorji jkunu ġew issodisfati qabel ma l-annimal domestiku telaq mill-Unjoni.

(47)

Pajjiżi terzi jew territorji elenkati fl-Artikolu 1(2), il-punt (b), tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1933 japplikaw regoli, li l-kontenut u l-effett tagħhom huma l-istess bħal dawk applikati fl-Unjoni għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi. Id-deroga prevista għal dawn il-pajjiżi terzi jew it-territorji fir-Regolament Delegat (UE) 2021/1933 jenħtieġ li tinżamm f’dan ir-Regolament.

(48)

F’konformità mal-Artikolu 252(4), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2016/429, jenħtieġ li dan ir-Regolament jagħti lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-possibbiltà li, fuq bażi eċċezzjonali, tawtorizza d-dħul direttament fit-territorju tagħhom, jew minnu, tal-annimali domestiċi li ma jikkonformawx ma’ ċerti kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u b’hekk jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ bżonn ġenwin u urġenti, dment li ssir applikazzjoni għall-permess u dan jingħata mill-Istat Membru tad-destinazzjoni, u fejn applikabbli, bil-qbil ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor involut. Jenħtieġ li dan il-permess jagħti dettalji dwar l-arranġamenti speċifiċi, inkluż perjodu ta’ iżolament limitat fiż-żmien taħt superviżjoni uffiċjali, li jkunu neċessarji biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Anki f’każijiet ta’ urġenza, jenħtieġ li l-permessi jkunu indispensabbli biex jiġi mmitigat kwalunkwe riskju għas-saħħa tal-annimali li jirriżulta mill-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ annimal domestiku li ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(49)

Filwaqt li jenħtieġ li d-deċiżjoni finali li tagħti d-deroga tibqa’ f’idejn l-awtorità kompetenti, iċ-ċirkostanzi speċifikati għall-għoti tad-derogi jenħtieġ li jinkludu, iżda ma jkunux limitati, għat-tluq urġenti ta’ sid l-annimal domestiku, fuq bażi individwali jew kollettiva, fil-każ ta’ diżastru naturali f’daqqa, ta’ instabbiltà politika jew ta’ forza maġġuri oħra li taffettwa lis-sid.

(50)

Fir-rigward tar-riskju involut għas-saħħa tal-annimali, il-movimenti mhux kummerċjali kollha fl-Unjoni ta’ annimali domestiċi minn pajjiż terz u li huma maħsuba għal destinazzjoni barra mill-Unjoni jenħtieġ li jitqiesu bħala moviment mhux kummerċjali lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju peress li jimplikaw l-istess livell ta’ riskju. Għalhekk, jenħtieġ li tali movimenti ta’ tranżitu jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti kollha għal moviment mhux kummerċjali lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju. Madankollu, jenħtieġ li l-ebda rekwiżit speċifiku ma japplika għat-tranżitu tal-annimali domestiċi meta dawn ma jidħlux fit-territorju tal-Unjoni u jibqgħu fil-perimetru taż-żona internazzjonali ta’ port jew ajruport ta’ tranżitu.

(51)

Jenħtieġ li jiġu adottati regoli skont l-Artikolu 252(4), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2016/429 biex jippermettu r-ritorn ta’ annimali domestiċi li joriġinaw mill-Unjoni meta jiġu rrifjutati d-dħul mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz jew territorju wara kontrolli mwettqa fil-fruntiera tagħhom, meta l-kundizzjonijiet tar-ritorn minn dawk il-pajjiżi terzi jew territorji jkunu ġew issodisfati qabel ma l-annimal domestiku jkun telaq mill-Unjoni.

(52)

Bil-ħsieb tal-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju, u biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun ċara u trasparenti, jenħtieġ li dan ir-Regolament iħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/772 (9) u r-Regolament Delegat (UE) 2021/1933.

(53)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali li jipprevedu tranżizzjoni bla xkiel mir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti tal-Unjoni preeżistenti.

(54)

Tali dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu disponibbli biex jiġu indirizzati l-aspettattivi leġittimi tas-sidien tal-annimali domestiċi li jżommu l-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi, il-manifatturi tat-transponders, il-veterinarji u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u jingħataw żmien xieraq biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda. Jenħtieġ li dawn jitfasslu biex jipprevjenu li l-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi identifikati kif xieraq jgħaddu minn kwalunkwe proċess ta’ identifikazzjoni ġdid u li l-passaporti maħruġa kif xieraq jiġu revokati u maħruġa mill-ġdid. Dawn ma jwaqqfux lill-manifatturi tat-transponders, il-veterinarji u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli l-ġodda qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(55)

Jenħtieġ li jiġu pprovduti miżuri tranżizzjonali addizzjonali permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni biex jiġi żgurat li l-istokkijiet tad-dokumenti tal-identifikazzjoni li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 ikunu jistgħu jintużaw għal perjodu ta’ żmien xieraq.

(56)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013, li jistabbilixxi r-regoli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, tħassar bl-Artikolu 270(2) tar-Regolament (UE) 2016/429 mill-21 ta’ April 2021. Madankollu, l-Artikolu 277 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li minkejja dak it-tħassir, ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 għandu jkompli japplika sal-21 ta’ April 2026 fir-rigward tal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, minflok il-Parti VI tar-Regolament (UE) 2016/429. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u japplika mit-22 ta’ April 2026,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

REGOLI ĠENERALI

KAPITOLU 1

Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jissupplimenta r-regoli stabbiliti fil-Parti VI tar-Regolament (UE) 2016/429, fir-rigward tal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/429 lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

fil-Parti II, ir-rekwiżiti għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali miżmuma elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/429 (“klieb domestiċi”, “qtates domestiċi” u “inmsa domestiċi”) lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju, inklużi:

(i)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi, inkluż l-applikazzjoni u l-użu ta’ dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni;

(ii)

il-miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju applikabbli għall-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi meta jiġu mċaqilqa f’movimenti mhux kummerċjali;

(iii)

id-dokumenti ta’ identifikazzjoni li għandhom jakkumpanjaw il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi matul il-movimenti mhux kummerċjali, inkluż il-kontenut u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ u għat-tlestija;

(b)

fil-Parti III, ir-rekwiżiti għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar miżmuma kif elenkati fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/429 (“għasafar domestiċi”) lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju, inklużi:

(i)

in-numru massimu ta’ għasafar domestiċi li jistgħu jiġu mċaqilqa matul moviment mhux kummerċjali uniku;

(ii)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-għasafar domestiċi, inklużi l-applikazzjoni u l-użu ta’ dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni;

(iii)

il-miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju applikabbli għall-għasafar domestiċi meta jiġu mċaqilqa f’movimenti mhux kummerċjali;

(iv)

id-dokument ta’ identifikazzjoni li għandu jakkumpanja lill-għasafar domestiċi matul movimenti mhux kummerċjali, inkluż il-kontenut u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ u għat-tlestija;

(c)

fil-Parti IV, ir-regoli speċjali għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi fi ħdan l-Istati Membri u lejhom f’ċerti ċirkostanzi speċifikati, kif imsemmi fl-Artikolu 252(4), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“veterinarju awtorizzat” tfisser:

(a)

veterinarju għajr veterinarji uffiċjali li jkun ġie awtorizzat, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz biex iwettaq ċerti kompiti speċifiċi fit-territorju tiegħu; jew

(b)

korp delegat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2017/625, fejn ikun awtorizzat minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru biex iwettaq ċerti kompiti speċifiċi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 31(1) ta’ dak ir-Regolament;

(2)

“punt tad-dħul tal-vjaġġaturi” tfisser kull żona li tinsab f’punt tad-dħul fl-Unjoni u ddeżinjata mill-Istati Membri għall-fini tat-twettiq ta’ kontrolli tad-dokumenti u tal-identità, kif definit fl-Artikolu 3, il-punti (41) u (42), tar-Regolament (UE) 2017/625, dwar movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi minn pajjiż terz jew territorju.

KAPITOLU 2

Dispożizzjonijiet ġenerali għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi fl-Unjoni u lejha

Artikolu 3

Movimenti mhux kummerċjali uniċi

Moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi għandu jkun limitat għan-numru massimu ta’ annimali stabbilit fl-Artikolu 246(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament, u jitwettaq f’mezz ta’ trasport uniku sakemm il-mezz ta’ trasport ma jkunx mezz ta’ trasport pubbliku.

Artikolu 4

Rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni ta’ persuni biex iwettqu l-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi f’isem is-sidien tal-annimali domestiċi

Meta jsir moviment mhux kummerċjali minn persuna awtorizzata, għandha tinhemeż awtorizzazzjoni bil-miktub iffirmata minn sid l-annimal domestiku mad-dokument ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikoli 11(1), 18(1) u 20(a) għal klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi, u msemmi fl-Artikolu 26(1) għall-għasafar domestiċi.

Artikolu 5

Rekwiżiti għat-tranżitu tal-annimali domestiċi mill-Unjoni

1.   L-annimali domestiċi li ma joriġinaw minn ebda Stat Membru u li huma maħsuba għal destinazzjoni barra mill-Unjoni għandhom jitħallew jagħmlu tranżitu mill-Unjoni biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti kollha għad-dħul ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet rispettivi lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju stabbilit f’dan ir-Regolament.

2.   L-ebda rekwiżit speċifiku ma għandu japplika għat-tranżitu ta’ annimali domestiċi li ma jidħlux fit-territorju ta’ Stat Membru u jibqgħu fil-perimetru taż-żona internazzjonali ta’ port jew ajruport ta’ tranżitu.

Artikolu 6

Rekwiżiti speċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali domestiċi li joriġinaw mill-Unjoni u li jirritornaw fiha wara rifjut tad-dħul minn pajjiż terz jew territorju

L-annimali domestiċi li joriġinaw mill-Unjoni u li jirritornaw lejha wara rifjut tad-dħul mill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz jew territorju tal-annimali jew tas-sid tal-annimali domestiċi jew tal-persuna awtorizzata għandhom jitħallew jidħlu mill-ġdid fl-Unjoni biss jekk ikunu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-annimali domestiċi jiġu rritornati fl-Unjoni permezz ta’ punt tad-dħul tal-vjaġġaturi;

(b)

l-annimali domestiċi jkunu akkumpanjati mid-dokumenti li ġejjin:

(i)

il-passaport imsemmi fl-Artikolu 11(1) jew kwalunkwe dokument validu ieħor, inkluż iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, li akkumpanja l-annimali domestiċi għall-moviment mhux kummerċjali lejn il-pajjiż terz jew it-territorju;

(ii)

fejn disponibbli, id-dokument uffiċjali tal-awtorità kompetenti jew awtorità pubblika oħra tal-pajjiż terz jew tat-territorju, li jindika r-raġunijiet għar-rifjut.

PARTI II

MOVIMENTI MHUX KUMMERĊJALI TA’ KLIEB DOMESTIĊI, QTATES DOMESTIĊI JEW INMSA DOMESTIĊI

KAPITOLU 1

Movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor

Artikolu 7

Rekwiżiti għall-identifikazzjoni individwali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi li jidħlu fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor

1.   Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor, il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom jiġu identifikati individwalment, kif meħtieġ mill-Artikolu 247, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429, kif ġej:

(a)

permezz ta’ transponder injettabbli impjantat f’konformità mal-Artikolu 70 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 u li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 70a ta’ dak ir-Regolament Delegat; jew

(b)

meta transponder injettabbli ma jikkonformax mar-rekwiżiti tekniċi msemmija fl-Artikolu 70a, il-punt (a), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, sid l-annimal domestiku jew il-persuna awtorizzata għandhom jipprovdu, fuq talba, l-apparat tal-qari li jippermetti l-verifika tal-identifikazzjoni individwali tal-annimal.

2.   Kelb domestiku, qattus domestiku jew nemes domestiku għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni individwali msemmija fil-paragrafu 1, meta jkun ġie identifikat individwalment bi:

(a)

transponder impjantat qabel l-1 ta’ Jannar 2028, li ma fihx il-kodiċi tal-pajjiż fejn l-annimal kien inizjalment identifikat;

(b)

tatwaġġ li jista’ jinqara b’mod ċar u li kien applikat qabel it-3 ta’ Lulju 2011.

Artikolu 8

Miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju fir-rigward ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi li jidħlu fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor

Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor, il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom jissodisfaw il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju li ġejjin, kif meħtieġ mill-Artikolu 247, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/429:

(a)

ikunu ngħataw kors primarju komplet ta’ tilqimiet kontra r-rabja mill-inqas 21 jum qabel id-data taċ-ċaqliq, jew ikunu tlaqqmu mill-ġdid kontra r-rabja f’konformità mar-rekwiżiti tal-validità stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness VII tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 (10);

(b)

fil-każ tal-klieb domestiċimċaqilqa lejn Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis, ikun sarilhom trattament kontra infestazzjoni ta’ Echinococcus multilocularis f’konformità mal-Parti 2(1) tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688 f’perjodu ta’ mhux aktar minn 120 siegħa u mhux inqas minn 24 siegħa qabel il-ħin tad-dħul f’dak l-Istat Membru jew żona.

Artikolu 9

Rekwiżiti speċjali rigward it-tilqim kontra r-rabja għal klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi ta’ età żgħira

Il-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi li għandhom inqas minn 12-il ġimgħa u li għadhom ma ngħatawx tilqima kontra r-rabja, jew li għandhom bejn 12 u 16-il ġimgħa u ngħataw tilqima kontra r-rabja, iżda ma jkunx għadda l-perjodu ta’ mill-inqas 21 jum minn meta tlestitilhom it-tilqima primarja, jistgħu jiġu mċaqilqa b’mod eċċezzjonali lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor dment li:

(a)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni jkun awtorizza tali movimenti b’mod ġenerali u jkun informa lill-pubbliku fuq sit web iddedikat li tali movimenti huma awtorizzati; u

(b)

tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

sid l-annimal domestiku jew persuna awtorizzata tipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li tiddikjara li mit-twelid sal-waqt tal-moviment mhux kummerċjali, l-annimali domestiċi ma kellhom l-ebda kuntatt ma’ annimali terrestri miżmuma taħt suspett ta’ infezzjoni bil-virus tar-rabja jew ma’ annimali selvaġġi tal-ispeċijiet elenkati suxxettibbli għall-infezzjoni bil-virus tar-rabja; jew

(ii)

l-annimali domestiċi jkunu akkumpanjati minn ommhom, li għadhom jiddependu minnha, u jista’ jiġi stabbilit mid-dokument ta’ identifikazzjoni individwali li, qabel it-twelid tagħhom, l-omm ngħatat tilqima kontra r-rabja li kienet konformi mar-rekwiżiti ta’ validità stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688.

Artikolu 10

Rekwiżiti speċjali rigward it-trattament kontra infestazzjoni ta’ Echinococcus multilocularis għal ċerti movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi

1.   Il-klieb domestiċi jistgħu jiġu mċaqilqa biss lejn it-territorju ta’ Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis mingħajr ma jiġu ttrattati kontra infestazzjoni ta’ dik il-marda, dment li jiġu mċaqilqa direttament minn Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis.

2.   Il-klieb domestiċi jistgħu jiġu mċaqilqa b’mod eċċezzjonali minn Stat Membru jew żona tiegħu mingħajr status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis lejn it-territorju ta’ Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard għal dik il-marda, dment li:

(a)

dak l-Istat Membru jkun awtorizza tali movimenti b’mod ġenerali u jkun informa lill-pubbliku fuq sit web iddedikat li tali movimenti huma awtorizzati; u

(b)

mid-dokument ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi stabbilit li tali klieb domestiċi jkun sarilhom trattament kontra infestazzjoni ta’ Echinococcus multilocularis f’konformità mal-Parti 2(1) tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688 mill-inqas darbtejn f’intervall ta’ perjodu minimu ta’ 24 siegħa u ta’ perjodu massimu ta’ 28 jum u t-trattament jiġi ripetut minn hemm ’il quddiem f’intervalli regolari li ma jaqbżux it-28 jum; it-trattament regolari jista’ jintemm fi żmien 28 jum minn trattament preċedenti meta dan tal-aħħar ikun twettaq fi Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis.

Artikolu 11

Kundizzjonijiet għad-dokument ta’ identifikazzjoni li jakkumpanja l-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi li jidħlu fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor

1.   Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor, il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom ikunu akkumpanjati, kif meħtieġ mill-Artikolu 247, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, minn dokument ta’ identifikazzjoni fil-forma tal-passaport imsemmi fl-Artikolu 71 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

Passaport bħal dan għandu jikkonforma ma’ dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

għandu jkun iffirmat mis-sid tal-annimal domestiku; u

(b)

irid ikun imtela kif xieraq u nħareġ fi Stat Membru fejn is-sid tal-annimal domestiku jirrisjedi abitwalment, f’konformità mal-Artikolu 71a tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, u b’hekk jiċċertifika l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8, il-punti (a) u (b), u fl-Artikolu 20, il-punt (b) (ii), ta’ dan ir-Regolament, fejn applikabbli.

2.   Fejn meħtieġ biex tintwera l-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), kelb domestiku, qattus domestiku jew nemes domestiku jista’ jkun akkumpanjat minn aktar minn passaport wieħed.

Artikolu 12

Rekwiżiti speċjali rigward id-dokumenti ta' identifikazzjoni għal ċerti movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi

1.   Il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi li jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju fejn is-sid tal-annimal domestiku tagħhom jirrisjedi abitwalment u li jkunu daħlu fi- Stat Membru akkumpanjati miċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ f’konformità mal-Artikolu 19, jistgħu jiġu mċaqilqa lejn Stat Membru ieħor, dment li:

(a)

id-dħul tagħhom fl-Unjoni jkun ġie ddokumentat kif xieraq f’dak iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali mill-awtorità kompetenti li twettaq il-verifiki fil-punt tad-dħul tal-vjaġġaturi fl-Unjoni; u

(b)

ikomplu jkunu akkumpanjati minn dak iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-perjodu ta’ validità previst fl-Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu.

2.   Fil-każ ta’ klieb domestiċi mċaqilqa lejn Stat Membru ieħor jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis, il-konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 8, il-punt (b), għandha tiġi ddokumentata mill-veterinarju li jamministra fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-paragrafu 1.

KAPITOLU 2

Movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

Artikolu 13

Rekwiżiti għall-identifikazzjoni individwali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi li jidħlu fi Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

1.   Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali lejn l-Unjoni, il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom jiġu identifikati individwalment, kif meħtieġ mill-Artikolu 249(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429, kif ġej:

(a)

permezz ta’ transponder injettabbli impjantat minn veterinarju kif imsemmi fl-Artikolu 70, il-punt (b)(i), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, u li jikkonforma mal-Artikolu 70, il-punt (a) u l-Artikolu 70a, il-punt (a) u l-punt (b)(i), ta’ dak ir-Regolament; jew

(b)

meta transponder injettabbli ma jikkonformax mar-rekwiżiti tekniċi msemmija fl-Artikolu 70a, il-punt (a), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, sid l-annimal domestiku jew il-persuna awtorizzata għandhom jipprovdu, fuq talba, l-apparat tal-qari li jippermetti l-verifika tal-identifikazzjoni individwali tal-annimal.

2.   Meta kelb domestiku, qattus domestiku jew nemes domestiku jkun ġie identifikat individwalment b’tatwaġġ li jista’ jinqara faċilment applikat qabel it-3 ta’ Lulju 2011, dan għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni individwali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 14

Miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju fir-rigward ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi li jidħlu fi Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali lejn l-Unjoni, il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom jissodisfaw, kif meħtieġ mill-Artikolu 249(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/429, il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju li ġejjin:

(a)

ma juru l-ebda sinjal ovvju ta’ mard u huma b’saħħithom għall-moviment mhux kummerċjali;

(b)

ikunu ngħataw kors primarju komplet ta’ tilqimiet kontra r-rabja mill-inqas 21 jum qabel id-data tal-moviment, jew ikunu tlaqqmu mill-ġdid kontra r-rabja f’konformità mar-rekwiżiti tal-validità stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688;

(c)

ikun sarilhom test validu tat-titrazzjoni ta’ antikorpi tar-rabja f’konformità mal-punt 1 tal-Anness XXI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692;

(d)

fil-każ ta’ klieb domestiċi mċaqilqa minn pajjiż terz jew territorju lejn Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis, ikun sarilhom trattament kontra infestazzjoni ta’ Echinococcus multilocularis f’konformità mal-punt 2 tal-Anness XXI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 f’perjodu ta’ mhux aktar minn 120 siegħa u mhux inqas minn 24 siegħa qabel il-ħin tad-dħul f’dak l-Istat Membru jew żona.

Artikolu 15

Dħul ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi fl-Unjoni

Il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom jiġu mċaqilqa biss lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju minn punt tad-dħul tal-vjaġġaturi ddeżinjat mill-Istat Membru, ħlief meta:

(a)

tali annimali domestiċi jiġu mċaqilqa minn pajjiżi terzi jew territorji elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/636 (11); jew

(b)

meta l-klieb domestiċi jiġu mċaqilqa minn persunal militari, persunal tal-infurzar tal-liġi, jew timijiet ta’ tiftix u salvataġġ minn kwalunkwe pajjiż terz jew territorju, dment li:

(i)

sid l-annimal domestiku, il-persuna responsabbli jew l-unità responsabbli jkunu applikaw għal permess u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-annimal jidħol fl-Unjoni tkun tat tali permess; u

(ii)

il-kelb jgħaddi minn kontrolli tad-dokumenti u tal-identità f’post iddeżinjat mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fil-permess imsemmi fil-punt (i).

Artikolu 16

Rekwiżiti speċjali rigward it-trattament kontra infestazzjoni ta’ Echinococcus multilocularis għal ċerti movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi lejn l-Unjoni

Il-klieb domestiċi jistgħu jiġu mċaqilqa lejn Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis minn pajjiż terz jew territorju elenkat fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/636 dment li:

(a)

dak l-Istat Membru jkun awtorizza tali movimenti b’mod ġenerali u jkun informa lill-pubbliku fuq sit web iddedikat li tali movimenti huma awtorizzati;

(b)

mid-dokument ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 20, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, jista’ jiġi stabbilit li tali klieb ikun sarilhom trattament kontra infestazzjoni ta’ Echinococcus multilocularis f’konformità mal-Parti 2(1) tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688 mill-inqas darbtejn f’intervall ta’ perjodu minimu ta’ 24 siegħa u ta’ perjodu massimu ta’ 28 jum u t-trattament jiġi ripetut minn hemm ’il quddiem f’intervalli regolari li ma jaqbżux it-28 jum; it-trattament regolari jista’ jintemm fi żmien 28 jum minn trattament preċedenti meta dan tal-aħħar ikun twettaq fi Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis.

Artikolu 17

Rekwiżiti speċjali rigward it-test tat-titrazzjoni ta’ antikorpi għal ċerti movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi lejn l-Unjoni

1.   Il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi jistgħu jiġu mċaqilqa lejn l-Unjoni minn pajjiż terz jew territorju mingħajr ma jkun sarilhom test tat-titrazzjoni ta’ antikorpi msemmi fl-Artikolu 14, il-punt (c), dment li l-annimali jiġu mċaqilqa minn pajjiż terz jew territorju li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) jew (b) li ġej:

(a)

il-pajjiż terz jew it-territorju jkun ġie inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/636 wara li jkun għamel applikazzjoni lill-Kummissjoni li fiha l-pajjiż terz jew it-territorju juri li japplika regoli għall-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi, li l-kontenut u l-effett tagħhom ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Parti II, il-Kapitoli 1 u 2 ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

il-pajjiż terz jew it-territorju jkun ġie inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/636 wara li jkun ippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni li fiha l-pajjiż terz jew it-territorju juri li jissodisfa mill-inqas il-kriterji li ġejjin:

(i)

in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ każijiet ta’ infezzjoni tar-rabja f’annimali miżmuma u selvaġġi hija obbligatorja fil-pajjiż jew fit-territorju rispettiv;

(ii)

tkun ġiet stabbilita sistema ta’ sorveljanza effettiva għar-rabja fl-annimali miżmuma u selvaġġi għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn qabel id-data tal-applikazzjoni, li rekwiżit minimu tagħha huwa programm kontinwu ta’ detezzjoni bikrija biex jiġu żgurati l-investigazzjoni u r-rapportar ta’ annimali suspettati li għandhom ir-rabja u segwitu xieraq ta’ kwalunkwe xejra fl-annimali infettati, li jinkludi, għall-karnivori selvaġġi, il-ġbir u l-ittestjar ta’ numru suffiċjenti ta’ annimali bħal dawn li jinstabu mejta;

(iii)

ir-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tar-rabja huma fis-seħħ u implimentati b’mod effettiv fil-każ tas-suspett jew il-konferma tal-infezzjoni tar-rabja u għall-prevenzjoni tar-riskju tat-tixrid tal-infezzjoni tar-rabja fl-annimali domestiċi jew mill-movimenti tagħhom, inklużi regoli dwar l-importazzjonijiet ta’ annimali domestiċi minn pajjiżi jew territorji oħra, u fejn xieraq, dwar il-kontroll tal-popolazzjoni tal-klieb u l-qtates li jgħixu fit-toroq, it-tilqim tal-annimali miżmuma kontra r-rabja u l-kontroll u l-eradikazzjoni tar-rabja fl-organiżmi selvaġġi;

(iv)

l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li lilhom ingħatat ir-responsabbiltà li jorganizzaw jew iwettqu attivitajiet ta’ kontroll uffiċjali, is-setgħat ta’ tali awtoritajiet kompetenti, is-superviżjoni li għaliha huma soġġetti u l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi l-persunal u l-kapaċità tal-laboratorju, huma biżżejjed biex japplikaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi b’mod effettiv;

(v)

ikunu ġew stabbiliti proċeduri u arranġamenti effettivi mill-awtoritajiet kompetenti biex jiggarantixxu l-validità u l-affidabbiltà tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni użati għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, inklużi miżuri għall-prevenzjoni tal-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni foloz jew qarrieqa jew l-abbuż ta’ tali dokumenti;

(vi)

hemm fis-seħħ regoli dwar l-għoti tal-liċenzji u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ vaċċini kontra r-rabja.

2.   Il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa tal-annimali domestiċi għandhom jiġu mċaqilqa fl-Unjoni mingħajr ma jkun sarilhom test tat-titrazzjoni tal-antikorpi minn pajjiż terz imsemmi fil-paragrafu (1), il-punt (a) jew (b) biss meta jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c) li ġejjin:

(a)

l-annimali jiġu mċaqilqa direttament minn pajjiż terz jew territorju li jidher fil-lista msemmija fil-punt (1)(a) jew (b), fejn is-sid tal-annimal domestiku tagħhom jirrisjedi abitwalment; jew

(b)

wara soġġorn esklussiv f’wieħed jew aktar mill-pajjiżi terzi jew territorji li jidhru fil-lista msemmija fil-punt (1)(a) jew (b); jew

(c)

wara li jgħaddu minn pajjiż jew territorju terz għajr dawk li jidhru fil-lista msemmija fil-punt (1)(a) jew (b), dment li s-sid tal-annimal domestiku jew il-persuna awtorizzata jipprovdu dikjarazzjoni ffirmata li matul tali moviment l-annimali domestiċi ma kellhom l-ebda kuntatt ma’ annimali tal-ispeċijiet elenkati suxxettibbli għal infezzjoni bil-virus tar-rabja u baqgħu maqfula f’mezz tat-trasport jew fi ħdan il-perimetru taż-żona internazzjonali ta’ port jew ajruport.

Artikolu 18

Kundizzjonijiet dwar id-dokument ta’ identifikazzjoni għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

1.   Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali fl-Unjoni, il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom ikunu akkumpanjati, kif meħtieġ mill-Artikolu 249(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, minn dokument ta’ identifikazzjoni fil-forma taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/705 (12).

Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jkun validu għal perjodu totali ta’ sitt xhur mid-data tal-kontrolli tad-dokumenti u tal-identità mwettqa fil-punt tad-dħul tal-vjaġġaturi fl-Unjoni jew sad-data tal-iskadenza tal-validità tat-tilqima kontra r-rabja, skont liema data tiġi l-ewwel.

2.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih entrati biex tiddaħħal l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-post tat-transponder jew tat-tatwaġġ u jew id-data ta’ identifikazzjoni jew id-data tal-qari tat-transponder jew tat-tatwaġġ, kif ukoll il-kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni individwali muri mit-transponder jew mit-tatwaġġ;

(b)

id-data tat-twelid kif iddikjarata mis-sid tal-annimal domestiku, l-ispeċi, ir-razza, is-sess u l-kulur tal-annimal domestiku;

(c)

in-numru ta’ referenza uniku taċ-ċertifikat;

(d)

l-isem u l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ sid l-annimal domestiku;

(e)

l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt u l-firma tal-veterinarju uffiċjali jew awtorizzat tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ li joħroġ iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u d-data tal-ħruġ;

(f)

id-dettalji tat-tilqima kontra r-rabja;

(g)

id-data tat-teħid tad-demm għat-test tat-titrazzjoni ta’ antikorpi tar-rabja;

(h)

id-dettalji tat-trattament kontra infestazzjoni ta’ Echinococcus multilocularis;

(i)

id-dettalji tal-konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi oħra tas-saħħa tal-annimali għal mard jew infezzjonijiet ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi;

(j)

l-isem u l-firma tal-veterinarju uffiċjali tal-awtorità kompetenti li tapprova ċ-ċertifikat tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ u d-data tal-approvazzjoni;

(k)

informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq il-verifiki tad-dokumenti u tal-identità fil-punt tad-dħul tal-vjaġġaturi u d-data ta’ dawn il-verifiki.

3.   Maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-paragrafu 1 għandha tinhemeż dikjarazzjoni bil-miktub, iffirmata minn sid l-annimal domestiku jew mill-persuna awtorizzata, li tikkonferma li l-moviment tal-annimal domestiku lejn l-Unjoni huwa moviment mhux kummerċjali.

Artikolu 19

Ħruġ u tlestija tad-dokument ta’ identifikazzjoni

Il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) u meta jkun jista’ jiġi stabbilit minn dak iċ-ċertifikat li:

(a)

ikun inħareġ jew minn veterinarju uffiċjali tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ abbażi ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, jew minn veterinarju awtorizzat u sussegwentement approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ, wara li l-veterinarju li joħorġu:

(i)

ikun ivverifika li l-annimal domestiku huwa identifikat individwalment kif imsemmi fl-Artikolu 13;

(ii)

ikun mela debitament l-entrati rilevanti taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali bl-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 18(2), il-punti (a) sa (j), u b’hekk jiċċertifika l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 u fl-Artikolu 14, fejn applikabbli;

(iii)

ikun ivverifika li kopji ċċertifikati tad-dettalji tat-tilqim u r-rapport uffiċjali mil-laboratorju, jew kopja ċċertifikata ta’ dak ir-rapport, dwar ir-riżultati tat-test tat-titrazzjoni ta’ antikorpi tar-rabja huma mehmuża maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali; u

(iv)

ikun ivverifika li d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(3) li tikkonferma li l-moviment tal-annimal domestiku lejn l-Unjoni huwa moviment mhux kummerċjali hija mehmuża maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali; u

(b)

ikun inħareġ jew ġie approvat f’konformità mal-punt (a) mhux aktar minn 10 ijiem qabel id-data tad-dħul fl-Unjoni. Fil-każ tat-trasportazzjoni bil-baħar, dak il-perjodu ta’ 10 ijiem għandu jittawwal b’perjodu addizzjonali li jikkorrispondi mat-tul tal-vjaġġ bil-baħar.

Artikolu 20

Rekwiżiti speċjali rigward id-dokument ta’ identifikazzjoni għal ċerti movimenti mhux kummerċjali ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi minn pajjiż terz jew territorju lejn Stat Membru

Il-klieb domestiċi, il-qtates domestiċi jew l-inmsa domestiċi jistgħu jiġu mċaqilqa biss lejn l-Unjoni mingħajr ma jkunu akkumpanjati miċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fl-Artikolu 18(1), dment li l-annimali domestiċi:

(a)

ikunu akkumpanjati minn passaport kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/705 li:

(i)

ikun ġie ffirmat mis-sid tal-annimal domestiku;

(ii)

ikun inħareġ f’wieħed mill-pajjiżi terzi jew mit-territorji elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/636 minn veterinarju uffiċjali jew veterinarju awtorizzat, kif deċiż mill-awtorità kompetenti; u

(iii)

jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71a tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, u b’hekk jiċċertifika l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8, il-punti (a) u (b), ta’ dan ir-Regolament, fejn applikabbli; jew

(b)

jidħlu fi Stat Membru, wara moviment lejn jew tranżitu minn pajjiż terz jew territorju minn Stat Membru , u jista’ jiġi stabbilit mill-passaport imsemmi fl-Artikolu 11(1) li, qabel ma ħarġu mill-Unjoni, l-annimali domestiċi:

(i)

kienu tlaqqmu debitament kontra r-rabja kif previst fl-Artikolu 8, il-punt (a), u dan it-tilqim għadu validu fil-waqt tar-ritorn lejn l-Unjoni; u

(ii)

sarilhom, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-Regolament, it-test tat-titrazzjoni tal-antikorpi tar-rabja previst fl-Artikolu 14, il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament b’riżultat favorevoli. Il-perjodu ta’ 90 jum meħtieġ għall-validità tat-test tat-titrazzjoni kif previst fil-punt 1 tal-Anness XXI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 ma għandux japplika f’dan il-każ.

Fil-każ ta’ klieb domestiċi mċaqilqa lejn Stat Membru jew żona tiegħu bi status ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward ta’ Echinococcus multilocularis, il-konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 8, il-punt (b) ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi ddokumentata mill-veterinarju li jamministra fil-passaport msemmi fl-ewwel subparagrafu.

PARTI III

MOVIMENTI MHUX KUMMERĊJALI TA’ GĦASAFAR DOMESTIĊI

Artikolu 21

Għadd massimu ta’ għasafar domestiċi matul moviment mhux kummerċjali uniku lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

L-għadd ta’ għasafar domestiċi li jistgħu jiġu mċaqilqa matul moviment mhux kummerċjali uniku lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju, ma għandux jaqbeż il-ħamsa.

Artikolu 22

Rekwiżiti għall-identifikazzjoni ta’ għasafar domestiċi għall-movimenti mhux kummerċjali lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

1.   Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali fl-Unjoni, l-għasafar domestiċi għandhom jiġu identifikati, kif meħtieġ mill-Artikolu 250(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429, b’mezz ta’ identifikazzjoni individwali, permanenti, li ma jistax jitneħħa u li jista’ jinqara, li juri kodiċi alfanumeriku uniku.

2.   L-identifikazzjoni individwali tal-għasafar domestiċi mċaqilqa lejn l-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun ġiet applikata għall-annimali qabel id-dħul tagħhom jew, fejn applikabbli, qabel l-iżolament, l-ittestjar jew it-tilqim tagħhom kontra l-influwenza tat-tjur tas-subtipi H5 u H7 kif previst fl-Artikolu 23.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-għasafar domestiċi jistgħu jiġu mċaqilqa lejn l-Unjoni b’deskrizzjoni bil-miktub ta’ għasfur domestiku individwali jew ta’ grupp ta’ għasafar domestiċi pprovduta minn sid l-annimal domestiku, fejn:

(a)

l-għasafar domestiċi jiġu mċaqilqa f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25; u

(b)

l-għasafar domestiċi tqiegħdu f’kontenitur li jippermetti l-ispezzjoni viżwali tal-ispazju fejn jinżammu l-annimali u li jiġi ssiġillat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ qabel il-moviment mhux kummerċjali minn dak il-pajjiż terz jew territorju.

Artikolu 23

Miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju fir-rigward ta’għasafar domestiċi li jiġu mċaqilqa lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

1.   Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali fl-Unjoni, l-għasafar domestiċi għandhom jikkonformaw, kif meħtieġ mill-Artikolu 250(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/429, mal-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju li ġejjin:

(a)

ikunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju li huwa membru tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH, World Organisation for Animal Health); u

(b)

jista’ jiġi stabbilit miċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fl-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament li dawn jissodisfaw wieħed mis-settijiet ta’ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

joriġinaw minn pajjiż terz jew territorju elenkat fl-ewwel kolonna tat-tabella stabbilita fil-Parti 1 tal-Annessi V, XIV jew XIX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, u għaddew minn iżolament taħt superviżjoni uffiċjali għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-moviment mhux kummerċjali mill-pajjiż terz jew mit-territorju; jew

(ii)

fil-perjodu ta’ sitt xhur qabel id-data tad-dispaċċ lejn l-Unjoni u mhux aktar tard minn 60 jum qabel id-data tad-dispaċċ lejn l-Unjoni, ikunu rċevew kors primarju sħiħ ta’ tilqim, u fejn applikabbli jkunu tlaqqmu mill-ġdid, f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifatturi b’vaċċin liċenzjat kontra l-influwenza tat-tjur tas-subtipi H5 u H7, li ma jridx ikun vaċċin ħaj attenwat, u jrid ikun ġie amministrat minn veterinarju awtorizzat jew minn veterinarju uffiċjali tal-pajjiż terz jew tat-territorju tat-tluq; jew

(iii)

fil-pajjiż terz jew fit-territorju tad-dispaċċ, dawn kienu:

miżmuma f’iżolament taħt is-superviżjoni ta’ veterinarju awtorizzat jew veterinarju uffiċjali għal perjodu ta’ mill-inqas 14-il jum qabel id-data tal-moviment mhux kummerċjali minn dak il-pajjiż terz jew territorju; u

kienu soġġetti għal test ta’ detezzjoni tal-antiġene jew tal-ġenoma H5 u H7 tal-influwenza tat-tjur li rriżulta negattiv fuq kampjun meħud minn veterinarju awtorizzat jew minn veterinarju uffiċjali mhux qabel is-seba’ jum tal-iżolament; u

(c)

jista’ jiġi stabbilit miċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fl-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament li:

(i)

ikunu ġew soġġetti, fi żmien 48 siegħa jew fl-aħħar jum tax-xogħol qabel id-data tal-moviment mhux kummerċjali mill-pajjiż terz jew mit-territorju, għal spezzjoni klinika minn veterinarju awtorizzat jew minn veterinarju uffiċjali tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ u nstabu ħielsa minn kwalunkwe sinjal ovvju ta’ mard u jkunu b’saħħithom għall-moviment mhux kummerċjali; u

(ii)

matul il-perjodu bejn l-ispezzjoni klinika msemmija fil-punt (i) u t-tluq mill-pajjiż terz jew mit-territorju tad-dispaċċ, ma ġewx f’kuntatt ma’ għasafar oħra.

2.   Id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-għasafar domestiċi turi li t-testijiet imwettqa u l-vaċċini amministrati msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b)(ii) u (iii), għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-partijiet relevanti tal-kapitolu dwar l-influwenza avjarja fil-Manual of Diagnostic Tests and Vaccines for Terrestrial Animals tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH, World Organisation for Animal Health).

Artikolu 24

Dħul ta’ għasafar domestiċi fl-Unjoni

1.   L-għasafar domestiċi għandhom jiġu mċaqilqa biss lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju minn punt tad-dħul għall-vjaġġaturi ddeżinjat mill-Istat Membru, ħlief meta dawn l-annimali domestiċi jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji elenkati fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/636.

2.   Is-sidien tal-annimali domestiċi jew il-persuni awtorizzati għandhom iċaqalqu biss l-għasafar domestiċi li jkunu daħlu fi Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju mill-punt tad-dħul tal-vjaġġaturi direttament lejn unità domestika jew post ieħor tar-residenza fl-Unjoni, fejn l-għasafar domestiċi għandhom jinżammu f’iżolament minn għasafar oħra għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum wara d-data tad-dħul tagħhom fl-Unjoni.

3.   Meta l-għasafar domestiċi ma jkunux destinati li jibqgħu f’iżolament fl-Istat Membru tad-dħul, is-sid tal-annimal domestiku jew il-persuna awtorizzata għandha tinforma lill-Istat Membru tad-destinazzjoni finali tal-unità domestika jew ta’ post ieħor ta’ residenza fejn l-għasafar domestiċi għandhom jinżammu f’iżolament f’konformità mal-paragrafu 2.

Artikolu 25

Rekwiżiti speċjali fir-rigward ta’għasafar domestiċi li jidħlu fi Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

1.   L-għasafar domestiċi li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(1), il-punt (b) jistgħu jiġu mċaqilqa biss lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju jekk jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu destinati għal stabbiliment tal-kwarantina approvat f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, fejn għandhom jinżammu kwarantina għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum immedjatament wara l-wasla tagħhom fl-Unjoni;

(b)

sid l-annimal domestiku jew il-persuna awtorizzata għandhom iċaqalqu l-għasafar domestiċi direttament mill-punt tad-dħul tal-vjaġġaturi fl-Unjoni lejn l-istabbiliment tal-kwarantina approvat imsemmi fil-punt (a);

(c)

l-għasafar jinħelsu mill-kwarantina biss fuq awtorizzazzjoni bil-miktub ta’ veterinarju uffiċjali.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha:

(a)

timmonitorja l-wasla tal-għasafar domestiċi fl-istabbiliment tal-kwarantina approvat imsemmi fil-paragrafu (1), il-punt (a);

(b)

tispezzjona l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina, inkluż eżaminazzjoni tar-rekords ta’ mortalità u spezzjoni klinika tal-għasafar, mill-inqas fil-bidu u fi tmien il-perjodu ta’ kwarantina.

Artikolu 26

Kundizzjonijiet dwar id-dokument ta’ identifikazzjoni għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ għasafar domestiċi lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

1.   Għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali fl-Unjoni, l-għasafar domestiċi għandhom ikunu akkumpanjati, kif rikjest mill-Artikolu 250 (2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, minn dokument ta’ identifikazzjoni fil-forma ta’ ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/705.

2.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih entrati biex tiddaħħal l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip ta’ mezz ta’ identifikazzjoni, kif ukoll il-kodiċi alfanumeriku muri mill-mezz ta’ identifikazzjoni;

(b)

l-ispeċi tal-għasfur domestiku;

(c)

in-numru ta’ referenza uniku taċ-ċertifikat;

(d)

in-numru tas-siġill tal-kontenitur meta l-għasafar domestiċi ma jkunux identifikati individwalment fil-pajjiż terz jew fit-territorju tad-dispaċċ;

(e)

l-isem u l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ sid l-annimal domestiku;

(f)

l-isem, l-informazzjoni ta’ kuntatt u l-firma tal-veterinarju uffiċjali jew awtorizzat tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ li ħareġ iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u d-data tal-ħruġ;

(g)

id-dettalji tal-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għal mard jew infezzjonijiet ta’ għasafar domestiċi;

(h)

l-arranġamenti għall-maniġġ tal-għasafar domestiċi wara l-wasla tagħhom fl-Unjoni;

(i)

l-isem u l-firma tal-veterinarju uffiċjali tal-awtorità kompetenti li tapprova ċ-ċertifikat tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ u d-data tal-approvazzjoni;

(j)

informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq il-verifiki fil-punt tad-dħul tal-vjaġġaturi u d-data ta’ dawn il-verifiki;

3.   Maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-paragrafu 1 għandha tinhemeż dikjarazzjoni bil-miktub, iffirmata minn sid l-għasfur domestiku jew mill-persuna awtorizzata, li tikkonferma li l-moviment tal-għasfur domestiku lejn l-Unjoni huwa moviment mhux kummerċjali u li tindika l-arranġamenti li jkunu saru qabel u wara l-moviment.

Artikolu 27

Ħruġ u tlestija tad-dokument ta’ identifikazzjoni għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ għasafar domestiċi lejn Stat Membru minn pajjiż terz jew territorju

1.   L-għasafar domestiċi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati miċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) u meta jkun jista’ jiġi stabbilit minn dak iċ-ċertifikat li jkun inħareġ jew minn veterinarju uffiċjali tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ abbażi ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn, jew minn veterinarju awtorizzat u sussegwentement approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju tad-dispaċċ, wara li l-veterinarju li joħorġu:

(a)

ikun ivverifika li l-għasafar domestiċi ġew identifikati kif imsemmi fl-Artikolu 22; u

(b)

ikun mela debitament l-entrati rilevanti taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali:

(i)

bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2), il-punti (a) sa (i), u b’hekk tiġi ċċertifikata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 22 u fl-Artikolu 23(1), il-punti (a), (b) u (c), fejn applikabbli;

(ii)

abbażi ta’ dikjarazzjoni bil-miktub minn sid l-annimal domestiku jew mill-persuna awtorizzata kif imsemmi fl-Artikolu 26(3), mehmuża ma’ dak iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali;

(iii)

abbażi tal-evidenza pprovduta mis-sid tal-annimal domestiku jew mill-persuna awtorizzata, li ttieħdu arranġamenti għall-kwarantina tal-għasafar domestiċi fi stabbiliment tal-kwarantina approvat f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, fil-każ tal-għasafar domestiċi li jridu jinżammu kwarantina f’konformità mal-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-għasafar domestiċi għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fl-Unjoni biss meta jkun jista’ jiġi stabbilit ukoll miċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-paragrafu 1 li dan ikun inħareġ jew ġie approvat mhux aktar minn 10 ijiem qabel id-data tad-dħul fl-Unjoni. Fil-każ tat-trasportazzjoni bil-baħar, dak il-perjodu ta’ 10 ijiem għandu jittawwal b’perjodu addizzjonali li jikkorrispondi mat-tul tal-vjaġġ bil-baħar.

Artikolu 28

Deroga mir-rekwiżiti għall-movimenti mhux kummerċjali ta’ għasafar domestiċi lejn Stat Membru minn ċerti pajjiżi terzi

B’deroga mill-Artikoli 22, 23 u 25 sa 27 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-movimenti mhux kummerċjali lejn Stat Membru ta’ għasafar domestiċi minn pajjiż terz jew territorju elenkat fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/636.

PARTI IV

REGOLI SPEĊJALI GĦALL-MOVIMENTI MHUX KUMMERĊJALI TAL-ANNIMALI DOMESTIĊI FI ĦDAN L-ISTATI MEMBRI U LEJHOM

Artikolu 29

Deroga għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi f’ċerti ċirkostanzi speċifikati

1.   B’deroga mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 7 sa 20 għall-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi, u fl-Artikoli 22 sa 27 għall-għasafar domestiċi, l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jawtorizzaw il-moviment mhux kummerċjali lejn it-territorju tagħhom tal-annimali domestiċi li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk l-Artikoli dment li:

(a)

tkun saret applikazzjoni minn qabel għal permess mis-sid lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni u dik l-awtorità kompetenti tkun tat il-permess;

(b)

l-awtorità kompetenti tkun wettqet valutazzjoni tar-riskju li tikkonkludi li l-moviment mhux kummerċjali joħloq riskju baxx jew ma joħloq l-ebda riskju speċifiku jekk jitwettaq skont l-arranġamenti stabbiliti fil-permess;

(c)

l-annimali domestiċi jikkonformaw mal-arranġamenti stabbiliti mill-awtorità kompetenti fil-permess, li jistgħu jinkludu iżolament taħt superviżjoni uffiċjali għaż-żmien meħtieġ għalihom biex jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet li ma għandux jaqbeż perjodu ta’ sitt xhur u jkun:

(i)

f’post iddeżinjat mill-awtorità kompetenti; u

(ii)

f’konformità mal-arranġamenti stipulati fil-permess.

Dan il-permess jista’ jinkludi wkoll awtorizzazzjoni għat-tranżitu minn Stat Membru ieħor jekk dak l-Istat Membru jkun ta l-kunsens tiegħu minn qabel lill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

2.   Il-permess imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jingħata, b’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (a), mal-wasla fit-territorju tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.

PARTI V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 30

Miżuri tranżizzjonali rigward il-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi

Il-klieb domestiċi, qtates domestiċi jew inmsa domestiċi għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni individwali tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 7(1), meta dawk l-annimali domestiċi jkunu ġew identifikati individwalment f’konformità mal-Artikolu 17 u l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 qabel it-22 ta’ April 2026.

Artikolu 31

Miżuri tranżizzjonali rigward id-dokumenti ta’ identifikazzjoni użati għall-finijiet tal-movimenti mhux kummerċjali msemmija fl-Artikoli 249(1) u 250(2) tar-Regolament (UE) 2016/429

Id-dokumenti ta’ identifikazzjoni għandhom jitqiesu li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament meta jkunu:

(a)

imfassla f’konformità mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fl-Anness IV, il-Parti 1, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (13) u maħruġ qabel it-22 ta’ April 2026; jew

(b)

imfassla f’konformità ma’:

(i)

il-mudell tal-passaport stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803/KE (14) u maħruġa qabel id-29 ta’ Diċembru 2014; jew

(ii)

il-mudell tal-passaport stabbilit fl-Anness III, il-Parti 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 u maħruġa qabel it-22 ta’ April 2026.

(c)

imfassla f’konformità mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1938 (15); u maħruġa qabel it-22 ta’ April 2026.

Artikolu 32

Tħassir

Ir-Regolamenti Delegati li ġejjin jitħassru mit-22 ta’ April 2026:

(a)

ir-Regolament Delegat (UE) 2018/772;

(b)

ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1933.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-22 ta’ April 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/576/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1933 tal-14 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz (ĠU L 396, 10.11.2021, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1933/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/2035/oj).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/772 tal-21 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb, u li jħassar ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1152/2011 (ĠU L 130, 28.5.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/772/oj).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/688/oj).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/636 tal-20 ta’ Marzu 2026 li jadotta listi ta’ pajjiżi terzi jew territorji li jikkonformaw ma’ ċerti kondizzjonijiet għal movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi (ĠU L, 2026/636, 27.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/636/oj).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/705 tal-20 ta’ Marzu 2026 li jistabbilixxi l-mudelli tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni u l-mudelli tad-dikjarazzjonijiet għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi (ĠU L, 2026/705, 27.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/705/oj).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/577/oj).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803/KE tas-26 ta’ Novembru 2003 li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes (ĠU L 312, 27.11.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/803/oj).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1938 tad-9 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-mudell tad-dokument ta’ identifikazzjoni għall-movimenti mhux kummerċjali tal-għasafar domestiċi fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz u li jħassar id-Deċiżjoni 2007/25/KE (ĠU L 396, 10.11.2021, p. 47, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1938/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/131/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)