European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/110

21.4.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/110

tas-16 ta’ Jannar 2026

li jissupplimenta d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2025/50 fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq u tal-proporzjon tal-kapitalizzazzjoni tas-suq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2025/50 tal-10 ta’ Diċembru 2024 dwar ħelsien aktar rapidu u aktar sikur mit-taxxi f’ras il-għajn eċċessivi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2) tagħha,

Billi:

(1)

Għall-fini tal-konsistenza, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq jenħtieġ li tallinja mal-oqfsa stabbiliti użati għad-determinazzjoni tas-swieq likwidi skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 (3), filwaqt li tadatta għar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2025/50. B’mod partikolari, f’konformità mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1), il-punt (32), tad-Direttiva (UE) 2025/50, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tirreferi esklużivament għall-valur totali tal-ishma ammessi għan-negozjar fis-swieq regolati jew fil-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar.

(2)

Peress li l-ishma jistgħu jiġu ammessi għan-negozjar f’diversi ċentri tan-negozjar madwar l-Unjoni, huwa essenzjali li jiġi identifikat is-sors ta’ prezz l-aktar rappreżentattiv biex jiġi żgurat kejl konsistenti u sinifikanti tal-kapitalizzazzjoni tas-suq. Għalhekk, il-prezzijiet tal-ishma użati għall-kalkolu jenħtieġ li jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali tas-suq u jiġu derivati mill-aktar suq rilevanti f’termini ta’ likwidità għal kull strument, kif definit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 (4). Barra minn hekk, id-data dwar it-tranżazzjonijiet irrapportata f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 (5) tipprovdi bażi xierqa għal din id-determinazzjoni.

(3)

L-għadd ta’ ishma pendenti huwa komponent fundamentali fil-kalkolu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq, peress li jirrappreżenta l-bażi ta’ ekwità totali li fuqha jiġu applikati l-prezzijiet tal-ishma. Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza, l-affidabbiltà u l-allinjament mal-prattiki ta’ rapportar eżistenti, jenħtieġ li din l-informazzjoni tinkiseb mid-data ppreżentata lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority) f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/567 għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ suq likwidu għall-istrumenti ta’ ekwità.

(4)

Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat u trasparenti fl-attribuzzjoni tal-emittenti lill-Istati Membri għall-finijiet tal-aggregazzjoni tal-kapitalizzazzjoni tas-suq, jenħtieġ li jintuża l-indirizz legali tal-entità emittenti, kif irreġistrat fil-bażi tad-data tal-“Global Legal Entity Identifier Foundation”. F’konformità mal-ISO 17442, dan l-indirizz jirrappreżenta l-post uffiċjali rreġistrat tal-entità, tipikament użat għal finijiet regolatorji u tat-taxxa, u għalhekk jipprovdi bażi soda għad-determinazzjoni tal-pajjiż tal-operat tal-emittent.

(5)

Sabiex jiġi ffaċilitat it-tqabbil bejn il-pajjiżi u biex jiġu appoġġati l-objettivi tad-Direttiva (UE) 2025/50 fil-valutazzjoni tad-daqs relattiv tas-swieq kapitali tal-Istati Membri, il-proporzjon tal-kapitalizzazzjoni tas-suq jenħtieġ li jiġi espress bħala perċentwal tal-kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ Stat Membru meta mqabbel mal-kapitalizzazzjoni tas-suq totali tal-Unjoni fl-istess data ta’ referenza. Din id-definizzjoni, kif stabbilita fl-Artikolu 3(1), il-punt (33), tad-Direttiva (UE) 2025/50, tiżgura l-konsistenza u l-komparabbiltà bejn il-ġuriżdizzjonijiet.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(7)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Metodoloġija għall-kalkolu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq

1.   Il-kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ Stat Membru għandha tiġi kkalkolata bħala l-valur totali tas-suq tal-ishma kollha ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar, maħruġa minn entitajiet legali inkorporati jew stabbiliti legalment f’dak l-Istat Membru, mill-31 ta’ Diċembru tas-sena rilevanti.

2.   Għal kull sehem, il-kapitalizzazzjoni tas-suq għandha tiġi kkalkolata billi jiġu mmultiplikati:

l-għadd ta’ ishma pendenti fil-31 ta’ Diċembru;

il-prezz tal-ishma kkalkolat f’konformità mal-paragrafu 3.

3.   Il-prezz tal-ishma għandu jiġi ddeterminat, fl-aktar suq rilevanti f’termini ta’ likwidità fl-Unjoni, bħala l-prezz medju tal-aħħar 100 tranżazzjoni eżegwita matul l-aħħar 5 minuti qabel l-aħħar negozjar tas-sena għal dak is-sehem. Fil-każ li f’dan il-perjodu ta’ 5 minuti jkunu ġew eżegwiti 100 tranżazzjoni jew aktar, għall-kalkolu għandhom jintużaw l-aħħar 100 tranżazzjoni. Fil-każ li f’dan il-perjodu jkunu ġew eżegwiti inqas minn100 tranżazzjoni, għandha tintuża kull tranżazzjoni disponibbli f’dan il-perjodu. Fejn applikabbli, il-prezz tal-ishma li jirriżulta għandu jiġi kkonvertit f’euro.

4.   Id-data dwar it-tranżazzjonijiet użata għall-kalkolu tal-prezz tal-ishma għandha tkun kif irrapportata f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u r-Regolament Delegat (UE) 2017/590. Tranżazzjonijiet eżegwiti u mhux ikkanċellati biss għandhom jiġu kkunsidrati.

5.   L-għadd ta’ ishma pendenti għandu jiġi ddeterminat f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Delegat (UE) 2017/567.

6.   L-ishma li ma għadhomx ammessi għan-negozjar qabel il-31 ta’ Diċembru għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu.

7.   Għal kull entità legali, il-kapitalizzazzjoni tas-suq għandha tiġi kkalkolata billi tingħadd il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ishma kollha maħruġa minn dik l-entità.

8.   Il-kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ Stat Membru għandha tiġi kkalkolata billi jiġu aggregati l-kapitalizzazzjonijiet tas-suq tal-entitajiet legali kollha li l-indirizz legali tagħhom ikun f’dak l-Istat Membru.

Artikolu 2

Metodoloġija għall-kalkolu tal-proporzjon tal-kapitalizzazzjoni tas-suq

1.   Il-proporzjon tal-kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ Stat Membru għandu jiġi kkalkolat bħala l-proporzjon, espress bħala perċentwal, tal-kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ dak l-Istat Membru fil-31 ta’ Diċembru tas-sena rilevanti, kif ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 1, relattiv għall-kapitalizzazzjoni tas-suq totali tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni fl-istess data.

2.   Għandha tintuża l-formula li ġejja:

Formula

fejn:

MarketCapCountryi hija l-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-pajjiż i,

N huwa l-għadd totali ta’ Stati Membri.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2025/50, 10.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/50/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/600/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-definizzjonijiet, it-trasparenza, il-kompressjoni ta’ portafolli u l-miżuri superviżorji fuq l-intervent fuq prodotti u pożizzjonijiet (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 90, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/567/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta’ trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta’ investiment fir-rigward ta’ ishma, irċevuti depożitarji, fondi nnegozjati fil-boroż, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħrajn u dwar obbligi ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni fir-rigward ta’ ċertu ishma f’ċentru tan-negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 387, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/587/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 tat-28 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 449, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/590/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2020, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/110/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)