European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/109

7.4.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/109

tal-14 ta’ Jannar 2026

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 (2) jistabbilixxi r-regoli għall-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni, stabbilit skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2018/842 jistabbilixxi obbligi għall-Istati Membri fir-rigward tal-kontributi minimi tagħhom lejn il-mira tal-Unjoni għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2018/842, ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jiżgura l-kontabbiltà preċiża tat-tranżazzjonijiet skont dak ir-Regolament.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2018/842 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) biex tiżdied il-mira tal-Unjoni għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (minn tnaqqis ta’ 30 % għal tnaqqis ta’ 40 % meta mqabbel mal-livelli tal-2005) u biex jiġu aġġustati wħud mir-rekwiżiti applikabbli għall-użu tal-flessibbiltajiet ipprovduti lill-Istati Membri minn dak ir-Regolament.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2018/842 jipprovdi lil xi Stati Membri l-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fl-2023, bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu użu minn jew ikomplu jużaw kanċellazzjoni limitata ta’ kwoti tal-EU ETS għall-fini tal-konformità mal-obbligi tagħhom skont dak ir-regolament (“il-flessibbiltà tal-ETS”) u li jirrevedu l-intenzjonijiet notifikati tagħhom fl-2024 u fl-2027, mhux biss ’l isfel, kif kien oriġinarjament il-każ, iżda wkoll ’il fuq. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 dwar il-ħolqien ta’ allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet (AEAs, annual emission allocations) fil-Kont ta’ Kwantità Totali ta’ AEAs tal-Anness II tal-UE. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ definizzjoni attwali tat-terminu “emissjonijiet eċċessivi” għall-fini tal-użu mill-Istati Membri tal-flessibbiltà tal-ETS, huwa xieraq li dak it-terminu jiġi sostitwit bil-formula li għandha tintuża fid-determinazzjoni ta’ jekk, u sa liema punt, Stat Membru jista’ juża l-flessibbiltà tal-ETS biex jiżgura l-konformità f’sena partikolari.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2018/842 jirrikjedi li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima qabel ma jittrasferixxu l-AEAs lil Stati Membri oħra. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu riflessi l-emendi għall-kundizzjonijiet rigward it-trasferibbiltà tal-AEAs.

(7)

Għaċ-ċarezza u l-konsistenza fil-kapitoli differenti tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122, huwa xieraq li t-terminu “unitajiet ta’ mitigazzjoni tal-art” u l-abbrevjazzjoni tiegħu “LMUs” jiġu sostitwiti b’“unitajiet ta’ assorbiment tal-art” u “LRUs”, rispettivament.

(8)

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2018/842 ġie emendat fir-rigward tal-limiti massimi fuq is-self u t-tfaddil tal-AEAs, dwar it-trasferimenti ex ante tal-AEAs lil Stati Membri oħra u dwar l-użu tal-assorbimenti netti mis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (“LULUCF”, land use, land use change and forestry). Għalhekk, jeħtieġ li dawk il-bidliet jiġu riflessi fir-Regolament Delegat (UE) 2019/1122.

(9)

L-istabbiliment tar-riżerva ta’ sikurezza huwa soġġett għall-ilħuq tal-mira tal-Unjoni għall-2030 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi koperti mir-Regolament (UE) 2018/842. Għalhekk, il-mira l-ġdida tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperta mir-Regolament (UE) 2018/842 jenħtieġ li tiġi riflessa fir-rekwiżiti għall-ħolqien ta’ AEAs fil-Kont ta’ Riżerva tas-Sikurezza tal-ESR tal-UE.

(10)

It-treġġigħ lura tat-trasferimenti għall-Kontijiet ta’ Konformità tal-ESR jew għall-Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF tal-Istati Membri jenħtieġ li jitwettaq taħt l-istess kundizzjonijiet, bl-adattamenti xierqa, li huma applikabbli għat-treġġigħ lura tal-allokazzjoni tal-kwoti ġenerali, jew tal-kwoti tal-avjazzjoni, mibdija b’mod mhux intenzjonat jew żbaljat minn amministratur nazzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi kkoreġuta r-referenza legali żbaljata fl-Artikolu 59s(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 għall-Artikolu 62(4), (6), (7) u (8) ta’ dak ir-Regolament.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 jiġi emendat u kkoreġut skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 huwa emendat u kkoreġut kif ġej:

(1)

l-Artikolu 59a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fil-bidu tal-perjodu ta’ konformità, l-amministratur ċentrali għandu joħloq fil-Kont ta’ Kwantità Totali ta’ AEAs tal-ESR tal-UE,kwantità ta’ AEAs ugwali għas-somma tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet għall-Istati Membri kollha għas-snin kollha tal-perjodu ta’ konformità kif stabbilit fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 u fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3), u l-Artikolu 10, tar-Regolament (UE) 2018/842.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-amministratur ċentrali għandu joħloq fil-Kont ta’ Kwantità Totali ta’ AEAs tal-Anness II tal-UE, kwantità ta’ AEAs ugwali għas-somma tal-allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet annwali kollha għall-Istati Membri eliġibbli kollha għas-snin kollha tal-perjodu ta’ konformità kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/842 abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(3), (3a) u (3b) ta’ dak ir-Regolament.”

;

(2)

l-Artikolu 59b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 59b

Unitajiet ta’ allokazzjoni ta’ emissjonijiet annwali

L-AEAs għandhom ikunu validi għall-fini li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/842 u l-impenji u l-miri tagħhom skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841. Għandhom ikunu trasferibbli biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) sa (5a), l-Artikolu 6, l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 11, tar-Regolament (UE) 2018/842, u l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2018/841.”

;

(3)

fl-Artikolu 59f(1) u (2), l-abbrevjazzjoni “LMUs” hija sostitwita b’“LRUs”;

(4)

fl-Artikolu 59h, il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

l-ammont mitlub jaqbeż il-bilanċ totali li jifdal tal-ammont tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/842 disponibbli għal dak l-Istat Membru kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/842, filwaqt li titqies kwalunkwe reviżjoni tal-ammont skont l-Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, u filwaqt li titqies kwalunkwe notifika mibgħuta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(3a) u (3b) ta’ dak ir-Regolament;

(d)

l-ammont mitlub jaqbeż il-kwantità tal-emissjonijiet għas-sena partikolari flimkien mal-kwantità ta’ AEAs trasferiti mill-Kont ta’ Konformità tal-ESR tal-Istat Membru għal dik is-sena partikolari għall-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF tiegħu skont l-Artikolu 59x(3), 59x(4) jew 59ad(2) ta’ dan ir-Regolament, bit-tnaqqis tal-kwantità ta’ AEAs għal dik is-sena partikolari kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842”;

(5)

fl-Artikolu 59i, il-punt (b), il-perċentwal “10” huwa sostitwit b’“7,5”;

(6)

Artikolu 59j huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

fir-rigward tas-sena 2021, l-ammont mitlub jaqbeż il-bilanċ pożittiv tal-kont kif ikkalkulat skont l-Artikolu 59e jew 75 % tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ dak l-Istat Membru fl-2021, kif iddeterminat skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842;”;

(b)

fil-punt (c), il-perċentwal “30 %” huwa sostitwit b’“25 %”;

(7)

l-Artikolu 59k huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 59k

L-Użu ta’ Unitajiet ta’ Assorbiment tal-Art (‘LRUs’, Land Removal Units)

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta’ Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment ta’ LRUs mill-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ dak l-Istat Membru għall-Kont ta’ Konformità tal-ESR ta’ dak l-Istat Membru. Tali trasferiment ma għandu jitwettaq fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont mitlub jaqbeż il-kwantità disponibbli ta’ LRUs eliġibbli għal trasferiment fil-Kont ta’ Konformità tal-ESR skont l-Artikolu 59x(1) jew l-ammont li jifdal;

(b)

it-talba tikkonċerna trasferiment:

(i)

għal Kont ta’ Konformità tal-ESR ta’ sena fil-perjodu 2021 sa 2025 u l-ammont mitlub jaqbeż nofs l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/842, jew l-ammont li jifdal fil-perjodu 2021 sa 2025;

(ii)

għal Kont ta’ Konformità tal-ESR ta’ sena fil-perjodu 2026 sa 2030 u l-ammont mitlub jaqbeż nofs l-ammont massimu ta’ assorbimenti netti totali stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/842, jew l-ammont li jifdal fil-perjodu 2026 sa 2030;

(c)

l-ammont mitlub jaqbeż il-kwantità ta’ emissjonijiet għas-sena partikolari wara li titnaqqas il-kwantità ta’ AEAs għas-sena partikolari kif stabbilit fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 u d-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament, u wara li jitnaqqas it-total tal-AEAs kollha mfaddlin mis-snin preċedenti għas-sena kurrenti jew kwalunkwe sena sussegwenti skont l-Artikolu 59j ta’ dan ir-Regolament;

(d)

dak l-Istat Membru ma jkunx irrapporta dwar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel użu mill-flessibbiltà stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/842, kif meħtieġ fil-punt (n)(iii) tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(e)

dak l-Istat Membru ma jkunx ikkonforma mar-Regolament (UE) 2018/841;

(f)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa qabel il-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità ta’ LULUCF ta’ dak l-Istat Membru jew wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta’ konformità għall-perjodu ta’ konformità partikolari skont l-Artikoli 59u u 59ad;

(g)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa wara li jkunu għaddew tliet xhur mill-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ dak l-Istat Membru għall-perjodu partikolari;

(h)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa qabel il-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta’ Konformità tal-ESR ta’ dak l-Istat Membru jew wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta’ konformità għas-sena partikolari.’

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1999/oj).”;"

(8)

l-Artikolu 59l huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), it-terminu “ħamsa fil-mija” huwa sostitwit b’“10 fil-mija”;

(b)

fil-punt (b), it-terminu “għaxra fil-mija” huwa sostitwit bi “15 fil-mija”;

(c)

jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

l-Istat Membru ma jkunx informa lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1999 bl-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi parti mill-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali tiegħu għal kwalunkwe sena partikolari, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(5a) tar-Regolament (UE) 2018/842.”;

(9)

fl-Artikolu 59m, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

l-Istat Membru ma jkunx informa lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1999 bl-intenzjoni tiegħu li jittrasferixxi parti mill-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali tiegħu għal kwalunkwe sena partikolari, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(5a) tar-Regolament (UE) 2018/842.”;

(10)

fl-Artikolu 59n, il-perċentwal “70 %” huwa sostitwit b’“60 %”;

(11)

fl-Artikolu 59o(1), il-punt (g)(v), l-abbrevjazzjoni “LMUs” hija sostitwita b’“LRUs”;

(12)

fl-Artikolu 59q, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Meta Stat Membru jinnotifika bidla ’l fuq tal-perċentwal skont l-Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2018/842 u wara l-emenda korrispondenti tal-ammonti speċifikati fid-Deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2018/842, l-amministratur ċentrali għandu joħloq il-kwantità korrispondenti ta’ AEAs fil-Kont ta’ Kwantità Totali ta’ AEAs tal-Anness II tal-UE.”

;

(13)

l-Artikolu 59s, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 59s

1.   Għat-trasferimenti kollha speċifikati f’dan it-Titolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 34, 35 u 55 mutatis mutandis.

2.   It-trasferimenti għall-kontijiet ta’ Konformità tal-ESR jew għall-Kontijiet ta’ Konformità tal-LULUCF ta’ Stat Membru mibdija bi żball jistgħu jitreġġgħu lura fuq talba tal-amministratur nazzjonali.”

;

(14)

fl-Anness I, it-Tabella I-II (“Kontijiet għall-fini ta’ tranżazzjonijiet kontabilistiċi skont it-Titolu IIA”), l-ewwel ringiela, l-abbrevjazzjoni “LMU” hija sostitwita b’“LRU”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/842/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1122/oj).

(3)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/857/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/109/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)