European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/76

14.1.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/76

tat-12 ta’ Jannar 2026

dwar l-użu tas-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu bħala aġenti ta’ proċess skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2024/590 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/372/UE

(notifikata bid-dokument C(2026) 12)

(It-testi bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/590 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-dawl tar-responsabbiltajiet tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni X/14 u d-deċiżjonijiet sussegwenti tal-Partijiet għall-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2024/590 jillimita l-użu tas-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament bħala aġenti ta’ proċess.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/372/UE (2) stabbiliet lista ta’ installazzjonijiet operazzjonali tal-impriżi li fihom l-użu tas-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu bħala aġenti ta’ proċess għandu jkun permess skont ċerti kundizzjonijiet. Ir-Regolament (UE) 2024/590 jippermetti l-kontinwazzjoni tal-operat tal-installazzjonijiet li għadhom jeżistu.

(3)

Il-lista ta’ kumpaniji li joperaw installazzjonijiet rilevanti jenħtieġ li tiġi aġġornata u l-kwantitajiet massimi użati għall-kompożizzjoni jew għall-konsum u l-livelli massimi ta’ emissjonijiet jenħtieġ li jiġu aġġustati filwaqt li jitqiesu l-kwantitajiet irrapportati mill-kumpaniji fis-snin reċenti u l-ħtiġijiet mistennija tagħhom fis-snin li ġejjin.

(4)

Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, id-Deċiżjoni 2010/372/UE jenħtieġ li titħassar.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu stabbilit bl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2024/590,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   “Kompożizzjoni” tfisser il-kwantità totali ta’ sustanza li tnaqqas is-saff tal-ożonu f’tunnellati metriċi, kemm jekk pura, irkuprata jew miġjuba lura, li ma ntużatx qabel fiċ-ċiklu tal-ipproċessar u li tintuża għall-ewwel darba f’dan iċ-ċiklu.

2.   “Emissjoni” tfisser il-kwantità totali ta’ sustanza li tnaqqas is-saff tal-ożonu f’tunnellati metriċi rilaxxata fl-atmosfera, fl-ilma jew fil-ħamrija matul l-użu tal-aġent ta’ proċess u l-ħażna u l-maniġġ fuq is-sit tal-installazzjoni.

Artikolu 2

Użi permessi tal-aġenti ta’ proċess u limitu għall-emissjonijiet u l-kwantitajiet

1.   Il-lista ta’ impriżi li għalihom l-użu tas-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/590 bħala aġenti ta’ proċess għandu jkompli jkun permess hija stabbilita fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Kull impriża elenkata fl-Anness I għandha tuża biss is-sustanza u l-proċess stabbiliti f’dak l-Anness.

3.   Il-kwantitajiet li jistgħu jintużaw kull sena bħala kompożizzjoni u li jistgħu jiġu emessi kull sena minn kull impriża ma għandhomx jaqbżu l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 3

Notifika tad-dekummissjonament

Fil-każ tad-dekummissjonament tal-installazzjonijiet ikkonċernati, l-impriżi elenkati fl-Anness I għandhom, fi żmien 3 xhur, jinnotifikaw b’dan lill-Kummissjoni u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kien hemm l-installazzjoni.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-impriżi li ġejjin:

Arkema France SA

Esplanade du Général de Gaulle 51

92800 PUTEAUX La Défense

FRANZA

Covestro Deutschland AG

Kaiser-Wilhelm-Allee 60

51373 Leverkusen

IL-ĠERMANJA

Teijin Aramid BV

Oosterhorn 6

9930 AD Delfzijl

IN-NETHERLANDS

Artikolu 5

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2010/372/UE tħassret.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Wopke HOEKSTRA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 2024/590, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/590/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/372/UE tat-18 ta’ Ġunju 2010 dwar l-użu ta’ sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 169, 3.7.2010, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/372/oj).


ANNESS I

Użi permessi tal-aġenti ta’ proċess u limitu għall-emissjonijiet u l-kwantitajiet  (1)


(1)  Kummerċjalment sensittiv – kunfidenzjali – ma għandux jiġi ppubblikat.


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/372/UE

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 4


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/76/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)