European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/67

6.1.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/67

tat-22 ta’ Diċembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument C(2025) 9263)

(it-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b’mod partikolari il-punt 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/696 (2) tat deroga lill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE, li tippermetti lill-Irlanda tapplika demel tal-bhejjem li fih sa 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f’azjendi agrikoli b’mill-inqas 80 % ta’ art bil-ħaxix. Skont l-Artikolu 12(3) ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2024, l-ammont ta’ demel li jista’ jiġi applikat fuq l-art huwa ta’ 220 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f’żoni li jiskulaw f’ilmijiet imniġġsa jew f’ilmijiet f’riskju ta’ tniġġis jew f’żoni b’xejriet li sejrin għall-agħar. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2025, l-Irlanda kkomunikat lill-Kummissjoni t-talba tagħha għal deroga ġdida u, fid-dawl ta’ dan, biex tippreżenta talba li jkun fiha ġustifikazzjoni abbażi tal-kriterji oġġettivi speċifikati fil-punt 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

(3)

It-talbiet għal deroga skont id-Direttiva 91/676/KEE jenħtieġ li jkunu ġġustifikati abbażi tal-kriterji oġġettivi speċifikati fil-punt 2, it-tielet paragrafu tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva u jenħtieġ li jkunu sostnuti mill-valutazzjonijiet ambjentali meħtieġa skont drittijiet oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk meħtieġa skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (3), u d-Direttivi 2000/60/KE (4) u 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(4)

L-impatti ta’ deroga ġdida u tal-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati l-ġdid għandhom jiġu vvalutati wkoll fil-kuntest tad-Direttiva 92/43/KEE. F’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-kawża C-293/17 (6), li tipprovdi interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva, tirrikjedi li l-proġetti li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-art u r-ragħa ta’ bhejjem ikunu soġġetti għal valutazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet tagħha fuq is-siti kkonċernati, akemm ċirkustanzi oġġettivi ma jippermettux li tiġi eskluża b’ċertezza kwalunkwe possibbiltà li dawk il-proġetti, individwalment jew flimkien ma’ proġetti oħra, ikunu jistgħu jaffettwaw dawk is-siti b’mod sinjifikattiv.

(5)

Fl-istess ħin, il-kawża pendenti C-531/24 (7), riferuta lill-QĠUE mill-Qorti Għolja tal-Irlanda fl-1 ta’ Awwissu 2024, tqajjem mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE fir-rigward tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati skont id-Direttivi 92/43/KEE, 2000/60/KE, u 2001/42/KE b’rabta mal-għoti ta’ derogi skont id-Direttiva 91/676/KEE. B’mod partikolari, dawn il-mistoqsijiet jikkonċernaw is-suffiċjenza u l-adegwatezza tal-valutazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati 2022-2025 tal-Irlanda u, għaldaqstant, il-validità tad-derogi nazzjonali mogħtija f’konformità ma’ dak il-programm biex jiġu ddeterminati l-impatti ambjentali tagħhom fuq il-ħabitats u l-ispeċijiet protetti. Il-mistoqsijiet imqajma f’dik il-kawża jikkonċernaw ukoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE u jekk id-derogi jikkawżawx deterjorament tal-istatus ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ jew jipperikolawx l-ilħuq ta’ status tajjeb tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u status kimiku tajjeb tal-ilma tal-wiċċ f’konformità mad-Direttiva 2000/60/KE.

(6)

Is-sentenza fil-kawża C-531/24 x’aktarx li ma tingħatax qabel l-aħħar trimestru tal-2025.

(7)

L-interpretazzjoni dwar l-aspetti speċifiċi tal-istrumenti rilevanti tal-liġi ambjentali tal-Unjoni mfittxija mill-QĠUE fil-kawża C-531/24 hija kritika biex l-Irlanda tkun tista’ tidentifika u twettaq il-valutazzjonijiet meħtieġa u eventwalment tippreżenta talba għal deroga kompluta u bir-reqqa li jkun fiha ġustifikazzjoni abbażi tal-kriterji oġġettivi speċifikati fil-punt 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u biex tiġi żgurata l-konformità ma’ drittijiet oħra tal-Unjoni. Il-gwida mill-QĠUE jista’ jkollha wkoll impatt dirett fuq il-parametri li l-Kummissjoni jeħtieġ li tivvaluta u tqis meta tinterpreta u tapplika dawk l-istrumenti.

(8)

Tabilħaqq, fil-31 ta’ Lulju 2025, l-Irlanda esprimiet l-impenn tagħha li tlesti l-valutazzjonijiet legalment meħtieġa dwar l-effetti ambjentali ta’ deroga ġdida potenzjali kif meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. Meta tagħmel dan, l-Irlanda se jkollha tqis l-interpretazzjoni pprovduta mill-QĠUE fil-kawża C-531/24.

(9)

L-Irlanda se jkollha tiffinalizza l-valutazzjonijiet tal-effetti ambjentali ta’ deroga ġdida potenzjali kif meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028 sabiex il-konklużjonijiet tagħhom jiġu riflessi fl-applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni, inkluż għall-preżentazzjoni ta’ talba kompluta u bir-reqqa għal kwalunkwe deroga futura bbażata fuq il-valutazzjonijiet kollha meħtieġa f’konformità mal-gwida legali mill-Qorti.

(10)

Sadanittant, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni testendi d-deroga attwali biex tipprevedi li ċerti kundizzjonijiet addizzjonali jiġu applikati għall-azjendi agrikoli derogati f’baċiri tal-iskular bi sfidi persistenti u sinifikanti bħala parti minn approċċ prekawzjonarju. Dawk il-kundizzjonijiet addizzjonali jistgħu jiġu rieżaminati abbażi tal-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet tal-Irlanda.

(11)

Id-data pprovduta mill-Irlanda fil-kuntest tal-obbligu ta’ rapportar stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676/KEE turi li, għall-perjodu 2020-2023, l-ilmijiet kienu ġeneralment ta’ kwalità tajba. F’dan ir-rigward, 99 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kollha għall-ilma ta’ taħt l-art fl-Irlanda kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l, u 78.5 % minn dawk l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. L-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kollha għall-ilma tal-wiċċ fl-Irlanda kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l, u 99,1 % minn dawk l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Barra minn hekk, 27,5 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ irrapportaw ewtrofikazzjoni jew riskju ta’ ewtrofikazzjoni. Fir-rigward tax-xejriet għall-ilma ta’ taħt l-art, 29,7 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art irrapportaw żieda fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, 56,4 % irrapportaw xejriet stabbli u 13,8 % irrapportaw xejriet ta’ tnaqqis. Fir-rigward tax-xejriet għall-ilma tal-wiċċ, 14,5 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ irrapportaw żieda fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, 74,9 % irrapportaw xejriet stabbli u 10,6 % irrapportaw xejriet ta’ tnaqqis.

(12)

Id-data ppubblikata f’Awwissu 2025 mill-Aġenzija Irlandiża għall-Protezzjoni tal-Ambjent għall-perjodu 2022-2024 dwar it-tnaqqis fit-tagħbija tan-nitroġenu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali fix-xmajjar Irlandiżi ewlenin turi li d-distakk fil-mira għadu għoli ħafna għal Barrow (38 %), Slaney (31 %) u Nore (16 %) u li żdied għal Blackwater (minn 6 għal 11 %) meta mqabbel mal-perjodu 2017-2019.

(13)

Il-produzzjoni totali tad-demel mill-bhejjem tal-Irlanda żdiedet f’dawn l-aħħar snin. Il-produzzjoni tad-demel tal-ifrat, tal-ħnieżer u tan-nagħaġ żdiedet rispettivament bi 2 %, 2 % u 8 % mill-perjodu 2016-2019 sal-perjodu 2020-2023. Iż-żona tal-art agrikola utilizzata naqset bi 3,4 % fil-perjodu 2020-2023 meta mqabbla mal-perjodu 2016-2019, u t-tagħbija medja tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2020-2023 kienet ta’ 120 kg ta’ nitroġenu/ha, meta mqabbla ma’ 113 kg ta’ nitroġenu/ha fil-perjodu 2016-2019. L-applikazzjoni tal-fertilizzant tan-nitroġenu minerali għal kull ettaru ta’ art agrikola utilizzata naqset bi 2,2 % fil-perjodu 2020-2023 meta mqabbla mal-perjodu 2016-2019.

(14)

Fis-6 ta’ Settembru 2024, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni bil-pubblikazzjoni tat-tielet pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara tagħha f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/60/KE. Dak il-pjan jistabbilixxi pjan direzzjonali biex il-korpi tal-ilma tal-Irlanda jiġu restawrati għal status “tajjeb” jew aħjar u biex jiġu protetti. Il-Kummissjoni bħalissa tinsab fil-proċess li tanalizza dak il-pjan.

(15)

Fit-8 ta’ Awwissu 2025, f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Irlanda bagħtet lill-Kummissjoni r-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont dik id-Direttiva. Dak ir-rapport kien jinkludi informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva u evalwazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta’ konservazzjoni fuq l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u l-ispeċijiet elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva kif ukoll ir-riżultati ewlenin tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva.

(16)

B’riżultat tar-rieżami ta’ nofs it-terminu mwettaq fl-2023 f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696, fl-2025, l-Irlanda saħħet il-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati tagħha skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea (Prattika Agrikola Tajba għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet) (Emenda) tal-2025 (8), inkluż billi naqqset il-kwoti tal-fertilizzanti. Dawk il-miżuri regolatorji msaħħa addizzjonali jenħtieġ li jiġu riflessi fl-Artikoli 6 sa 9 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696. Barra minn hekk, l-Irlanda introduċiet ukoll skema ta’ appoġġ għall-Biedja għall-Ilma ta’ EUR 60 miljun għall-bdiewa biex jindirizzaw l-isfidi relatati mal-ilma fl-agrikoltura. Dik l-iskema tinkludi finanzjament għall-miżuri fl-azjendi agrikoli biex jitnaqqsu l-lissija tan-nitrati u l-erożjoni tal-ħamrija.

(17)

Fit-8 ta’ Diċembru 2025, l-Irlanda adottat Programm ta’ Azzjoni ġdid dwar in-Nitrati (9) li jirrifletti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 u jipprevedi wkoll miżuri addizzjonali u msaħħa biex tikkonforma mal-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE.

(18)

Fil-programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati l-ġdid l-Irlanda biħsiebha żżid il-kapaċità meħtieġa tal-ħżin tad-demel likwidu u tal-ilma maħmuġ fl-azjendi tal-bhejjem mill-2028. Dan għandu l-għan li jnaqqas ir-riskju ta’ telf minn sors lokalizzat u r-riskju ta’ telf ta’ nutrijenti mill-art u jippermetti l-applikazzjoni mmirata tan-nutrijenti meta jkun meħtieġ mit-tkabbir tal-għelejjel. Dawk il-miżuri jirriflettu l-għarfien kurrenti tal-avvanzi li saru fit-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib u fis-sistemi tal-biedja assoċjati, li jindika li l-volum tad-demel likwidu prodott mill-baqra tal-ħalib medja fl-Irlanda huwa 21 % ogħla mill-valuri regolatorji eżistenti u l-volum tal-ilma maħmuġ prodott minn baqra tal-ħalib huwa 43 % ogħla.

(19)

L-Irlanda tinkludi wkoll miżuri addizzjonali biex ittejjeb id-distribuzzjoni tan-nutrijenti f’imħaleb frammentati billi tapplika kwota aktar baxxa għan-nitrati fejn ma jistax jintwera li d-demel tal-bhejjem qed jinfirex fl-artijiet kollha ta’ azjenda agrikola minflok f’ċerti żoni biss. F’azjendi agrikoli frammentati, il-baqar tal-ħalib fil-biċċa l-kbira jirgħu fuq l-art li hemm aċċess għaliha mill-post tal-ħlib. Dawk l-artijiet jistgħu mbagħad jirċievu proporzjon ogħla tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem tal-azjenda agrikola minħabba l-prossimità tagħhom mal-azjenda agrikola. Filwaqt li l-kwota tan-nutrijenti ta’ azjenda agrikola hija bbażata fuq iż-żona totali tal-art li tkun qed tinħadem, id-distribuzzjoni tan-nutrijenti f’azjendi agrikoli frammentati tista’ ma testendix għal art aktar ’il bogħod mill-azjenda agrikola għal raġunijiet prattiċi u ekonomiċi.

(20)

Il-miżuri addizzjonali dwar il-kapaċità tal-ħżin u t-titjib fid-distribuzzjoni tan-nutrijenti f’azjendi agrikoli frammentati jenħtieġ li jiġu riflessi fil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696.

(21)

Din id-Deċiżjoni hija għalhekk adottata fil-qafas tal-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea (Prattika Agrikola Tajba għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet) tal-2022 (10) kif emendati fl-2025, u fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat fl-Istrument Statutorju Nru 588 tal-2025.

(22)

Il-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati adottat fl-2022 ġab miegħu tnaqqis ta’ 10 % fil-kwoti tan-nitroġenu kimiku għall-azjendi agrikoli derogati fl-2022 u tnaqqis addizzjonali ta’ 5 % fl-2025. Madankollu, il-kwota tan-nitroġenu kimiku tibqa’ ogħla għall-azjendi agrikoli derogati milli għal azjendi agrikoli oħra. Studju Irlandiż reċenti ppubblikat minn Teagasc f’Settembru 2025 ikkonkluda li t-tnaqqis ta’ 5 % fil-konċessjoni kimika massima tan-nitroġenu għall-azjendi agrikoli derogati rriżulta fi tnaqqis ta’ 2,4-3,3 % fil-lissija tan-nitrati mmudellata. It-tnaqqis kien l-ogħla għall-azjendi agrikoli bl-ogħla kwoti tan-nitroġenu kimiku. Għalhekk, f’baċiri tal-iskular bi sfidi persistenti u sinifikanti biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tat-tagħbija għan-nitroġenu, għall-2028 huwa għalhekk xieraq tnaqqis ulterjuri fil-kwoti tan-nitroġenu kimiku fl-azjendi agrikoli derogati bħala miżura ta’ prekawzjoni.

(23)

Ir-restrizzjoni tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti kimiċi u organiċi tul l-ilmijiet tal-wiċċ miftuħa hija waħda mill-miżuri ewlenin skont id-Direttiva 91/676/KEE. Il-biċċiet art ta’ lqugħ mhux iffertilizzati jżidu ż-żmien ta’ residenza tan-nutrijenti fl-għalqa kollha kemm hi. Dan iżid il-possibbiltà kemm li l-ħamrija żżomm il-fosforu kif ukoll li jitneħħew in-nitrati. Il-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati l-ġdid jipprojbixxi l-applikazzjoni tal-fertilizzanti kimiċi sa 3 m mill-ilmijiet tal-wiċċ filwaqt li tinżamm ir-restrizzjoni fuq l-applikazzjoni ta’ fertilizzant organiku jew ilma maħmuġ sa 5 m mill-ilmijiet tal-wiċċ u 10 m fejn l-art ikollha inklinazzjoni medja ta’ aktar minn 10 % lejn l-ilma. Fl-azjendi agrikoli derogati, il-kontributi kemm tad-demel kif ukoll tal-fertilizzanti kimiċi huma ogħla milli f’azjendi agrikoli oħra. Għall-2028, fil-baċiri tal-iskular bi sfidi persistenti u sinifikanti biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tat-tagħbija għan-nitroġenu, l-implimentazzjoni ta’ żona ta’ lqugħ usa’ fl-azjendi agrikoli derogati hija għalhekk xierqa bħala miżura ta’ prekawzjoni.

(24)

Il-kundizzjonijiet addizzjonali dwar il-kwota tan-nitroġenu kimiku u ż-żoni ta’ lqugħ tul l-ilmijiet tal-wiċċ għall-azjendi agrikoli derogati jirriflettu approċċ ibbażat fuq ir-riskju u mmirat għall-baċiri tal-iskular bi sfidi persistenti u sinifikanti b’emissjonijiet tan-nitroġenu u jenħtieġ li jiġu riflessi wkoll fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696.

(25)

Il-kundizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-fertilizzanti kimiċi u ż-żoni ta’ lqugħ għall-azjendi agrikoli derogati f’baċiri tal-iskular bi sfidi persistenti u sinifikanti b’emissjonijiet tan-nitroġenu jenħtieġ li japplikaw flimkien mal-kundizzjonijiet applikabbli għall-azjendi agrikoli ta’ deroga stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696, inklużi dawk imdaħħla permezz ta’ din id-Deċiżjoni. Ir-rekwiżiti dwar it-trattament bil-ġir, ir-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data Irlandiża dwar il-fertilizzanti, ir-rati tal-istokkjar barra raġġ ta’ 30 km, il-kalkolu tal-bilanċ tan-nutrijenti, it-taħriġ obbligatorju, ir-regoli speċifiċi dwar il-manutenzjoni favur il-bijodiversità ta’ ringieli ta’ sġajriet, u l-kontenut ta’ proteini fil-konċentrati tal-għalf huma partikolarment importanti.

(26)

Il-programm nazzjonali ta’ kontrolli amministrattivi, spezzjonijiet u sanzjonijiet fir-rigward tal-konformità tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjoni mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 jenħtieġ li jiġi estiż biex ikopri l-kundizzjonijiet addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 9a ta’ din id-Deċiżjoni.

(27)

Minħabba l-kawża pendenti C-531/24, riferuta lill-QĠUE mill-Qorti Għolja tal-Irlanda, li se tiċċara ulterjorment ir-rekwiżiti li jridu jitħarsu mill-awtoritajiet Irlandiżi skont id-Direttivi 92/43/KEE u 2000/60/KE fil-kuntest ta’ talba għal deroga skont l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, jista’ jkun xieraq li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni jiġu rieżaminati wara d-deċiżjoni preliminari tal-QĠUE f’dik il-kawża.

(28)

Filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u l-ħtieġa li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u r-robustezza tal-passi li jmiss, huwa xieraq u prudenti li b’mod eċċezzjonali tiġi estiża l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 għal perjodu ta’ żmien limitat ta’ 3 snin, soġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali, sabiex il-qafas legali għall-għoti ta’ deroga ġdida lill-Irlanda jkun jista’ jiġi ċċarat u l-Irlanda titħalla taġġusta l-valutazzjonijiet u l-qafas legali tagħha għall-gwida li għandha tiġi pprovduta mill-QĠUE.

(29)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 tiġi emendata kif xieraq.

(30)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej:

“Artikolu 3a

Kundizzjonijiet ġenerali għall-Irlanda mill-2026 sal-2028

1.   L-Irlanda għandha mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tmiem l-2028 tlesti l-valutazzjonijiet ambjentali skont l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 92/43/KEE u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, filwaqt li tqis is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-531/24, u, fejn fattibbli fl-istess perjodu ta’ żmien, tistabbilixxi miżuri ta’ mitigazzjoni, finter alia, permezz tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż biex tiżgura li l-awtorizzazzjonijiet ma jdgħajfux l-ilħuq tal-objettivi ta’ dawk id-direttivi.

2.   L-Irlanda għandha tirrieżamina, kif xieraq, il-kundizzjonijiet fil-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż dwar in-Nitrati malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn tmiem l-2028, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-531/24.

3.   Mill-2026, l-Irlanda għandha timplimenta miżuri biex tiżgura li fl-imħaleb b’artijiet imqassma fuq żona usa’ u b’rata għolja ħafna tal-istokkjar fuq l-art l-eqreb għall-azjenda agrikola, imsejħa l-pjattaforma tal-ħlib, id-demel likwidu tal-ifrat prodott fl-azjenda jiġi applikat barra mill-pjattaforma tal-ħlib u fl-artijiet tal-azjendi agrikoli jew inkella tapplika kwota aktar baxxa ta’ fertilizzant kimiku.

4.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2028, l-Irlanda għandha żżid il-kapaċità tal-ħżin meħtieġa għad-demel tal-bhejjem u l-ilma maħmuġ fl-imħaleb kollha f’konformità mal-għarfien attwali li jirrifletti l-iżviluppi fit-trobbija tal-bhejjem tal-ħalib u s-sistemi tal-biedja assoċjati.”

(2)

fl-Artikolu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mill-1 ta’ Jannar 2028, minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, għandhom jingħataw l-awtorizzazzjonijiet f’żoni li jiskulaw fix-xmajjar Barrow, Slaney, Nore u Blackwater u t-tributarji tagħhom soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9a.”

(3)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Għandu jiġi adottat programm għat-trattament bil-ġir għall-azjenda agrikola bbażat fuq pjan ta’ ġestjoni tan-nutrijenti u r-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija. Meta r-rekwiżit tal-ġir deskritt fir-rapport ta’ analiżi tal-ħamrija ma jaqbiżx il-5 tunnellati għal kull ettaru, ir-rekwiżit tal-ġir sħiħ għandu jiġi applikat fi żmien sentejn mid-data tal-ħruġ ta’ dak ir-rapport. Meta r-rekwiżit tal-ġir deskritt fir-rapport ta’ analiżi tal-ħamrija jaqbeż il-5 tunnellati għal kull ettaru, għandhom jiġu applikati mill-inqas 5 tunnellati ta’ ġir għal kull ettaru fi żmien sentejn mid-data tal-ħruġ ta’ dak ir-rapport.

L-azjenda agrikola tal-bwar għandha tiġi rreġistrata fil-bażi tad-data nazzjonali tal-fertilizzanti tal-Irlanda u għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-Istrument Statutorju Nru 378 tal-2023, ir-Regolamenti tal-Bażi tad-Data Nazzjonali dwar il-Fertilizzanti tal-2023. L-azjenda agrikola tal-bwar għandha tiddikjara wkoll l-istokkijiet tal-għeluq tal-fertilizzant kimiku u tal-ġir fl-azjenda tagħha f’23:59 tal-14 ta’ Settembru ta’ kull sena u permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ “Stokk tal-Għeluq Żero” fejn xieraq.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.   Il-kwota tar-rata tal-istokkjar għall-art li tinsab barra raġġ ta’ 30 km miċ-ċentru tal-azjenda agrikola tal-bwar ma għandhiex taqbeż il-170 kg ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem għal kull ettaru fis-sena, sakemm l-awtorità kompetenti ma ssibx li hemm evidenza dimostrabbli li dik l-art qed tiġi maħduma b’rata tal-istokkjar ta’ aktar minn 170 kg ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem għal kull ettaru fis-sena.”

;

(4)

fl-Artikolu 8, jiżdiedu l-paragrafi 6, 7, u 8 li ġejjin:

“6.   Sa mhux aktar tard minn tmiem it-tieni sena ta’ użu tal-awtorizzazzjoni soġġetta għal din id-Deċiżjoni, l-azjenda agrikola tal-bwar għandu:

(a)

ikollha l-bilanċ tan-nutrijenti tagħha kkalkulat bl-użu ta’ teknoloġija tas-software xierqa aċċettata mill-awtorità kompetenti;

(b)

tlesti programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tal-art bil-ħaxix preskritt mill-awtorità kompetenti.

7.   Il-ħaxix prodott kull sena fl-azjenda agrikola tal-bwar għandu jiġi rreġistrat b’mill-inqas 20 kejl tal-ħaxix għal kull roqgħa art bil-ħaxix kull sena bl-użu ta’ teknoloġija tas-software xierqa kif aċċettat mill-awtorità kompetenti. Għandu jiġi osservat minimu ta’ 5 ijiem bejn il-kejl tal-ħaxix.

8.   L-azjenda agrikola tal-bwar għandha tadotta mill-inqas waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)

meta jinqatgħu s-sisien ta’ sġajriet, mill-inqas siġra Whitethorn/Blackthorn waħda għandha tinżamm f’kull ringiela ta’ sġajriet u titħalla timmatura;

(b)

ir-ringieli ta’ sġajriet għandhom jinżammu fuq ċiklu minimu ta’ 3 snin u jinqatgħu f’rotazzjoni biex jiġi żgurat li xi żoni ta’ ringieli ta’ sġajriet fir-razzett jiffjorixxu u jipproduċu l-bakek kull sena.”

;

(5)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Kundizzjoni għall-għalf tal-bhejjem

Massimu ta’ 14 % ta’ proteina mhux raffinata f’għalf konċentrat mitmugħ lill-baqar tal-ħalib u lil baqar oħra ta’ sentejn jew aktar fuq il-ħaxix għandu jkun permess bejn il-15 ta’ April u t-30 ta’ Settembru. Ir-rekords tal-kontenut ta’ proteina mhux raffinata tal-għalf ikkonċentrat għandhom jinżammu u jsiru disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtorità kompetenti fuq talba.”

;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:

“Artikolu 9a

Kundizzjonijiet addizzjonali għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet fl-2028

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2028, ir-rata massima annwali ta’ fertilizzazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix b’fertilizzanti kimiċi fl-azjendi b’awtorizzazzjoni għandha titnaqqas sabiex mill-2028, ir-rati jkunu ta’ 5 % inqas mir-rati ppubblikati fil-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat fl-Istrument Statutorju Nru 42 tal-2025, ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea (Prattika Agrikola Tajba għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet) tal-2022, kif emendat. Jekk reviżjoni tan-normi tal-fertilizzazzjoni tistabbilixxi valuri aktar baxxi, għandhom japplikaw dawk il-valuri aktar baxxi.

2.   Mill-1 ta’ Jannar 2028, fl-azjendi b’awtorizzazzjoni, ma għandhomx jiġu applikati fertilizzanti kimiċi għall-bwar sa 4 metri minn kwalunkwe ilma tal-wiċċ, sakemm il-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż ma jistabbilix rekwiżiti aktar stretti, f’liema każ għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti aktar stretti. Mill-1 ta’ Jannar 2028, il-fertilizzanti organiċi, inkluż id-demel u l-ilma maħmuġ, ma għandhomx jiġu applikati fuq art fl-istess żoni sa 8 metri tul kwalunkwe ilma tal-wiċċ u sa 20 metru ’l bogħod minn kwalunkwe ilma tal-wiċċ fejn l-art ikollha inklinazzjoni medja ta’ aktar minn 20 % lejn l-ilma, sakemm il-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż ma jistabbilix rekwiżiti aktar stretti, f’liema każ għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti aktar stretti.”

;

(7)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Kontrolli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni biex jivvalutaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9a. Jekk jintwera li dawk il-kundizzjonijiet mhumiex issodisfati, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda u l-applikant għandu jiġi mgħarraf bir-raġunijiet għar-rifjut. Kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi għal mill-inqas 10 % mill-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-art, tal-għadd ta’ bhejjem u t-tip u l-produzzjoni u l-esportazzjoni tad-demel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta’ spezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet abbażi tar-riskju u bi frekwenza xierqa, li jkunu jikkunsidraw ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati tal-kontrolli każwali ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE u kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tindika nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9a. Kull sena, għandhom isiru spezzjonijiet fuq il-post f’mill-inqas 10 % tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet biex tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9a.

3.   Meta f’xi sena jiġi stabbilit li azjenda agrikola tal-bwar koperta minn awtorizzazzjoni ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9a, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi sanzjonat f’konformità mar-regoli nazzjonali u s-sena ta’ wara ma għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-Deċiżjoni biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9a qabel u wara li jagħtu awtorizzazzjoni skont din id-Deċiżjoni.”

;

(8)

fl-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, jiżdied il-punt (j) li ġej:

“(j)

il-progress fit-twettiq tal-valutazzjonijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 3a(1).”;

(9)

l-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat fl-Istrument Statutorju Nru 113 tal-2022, ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea (Prattika Agrikola Tajba għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet) tal-2022, kif emendati, u fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat fl-Istrument Statutorju Nru 588 tal-2025.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2028.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Jessika ROSWALL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/676/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/696 tad-29 ta’ April 2022 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 129, 3.5.2022, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/696/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/oj).

(4)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/oj).

(5)  Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/42/oj).

(6)  Is-sentenza tal-Qorti tas-7 ta’ Novembru 2018 f’Coöperatie Mobilisation for the Environment and Others, C-293/17 u C-294/17, ECLI:EU:C:2018:882.

(7)  Rinviju għal deċiżjoni preliminari, An Taisce, C-531/24 (ĠU C, C/2024/6412, 4.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6412/oj).

(8)  L-Istrument Statutorju Nru 42 tal-2025.

(9)  L-Istrument Statutorju Nru 588 tal-2025.

(10)  L-Istrument Statutorju Nru 113 tal-2022.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/67/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)