European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2650

23.12.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/2650 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1115 fir-rigward ta’ ċerti obbligi tal-operaturi u tan-negozjanti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1) ,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie adottat biex jitnaqqsu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Jistabbilixxi regoli dwar l-introduzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni tal-prodotti rilevanti, kif elenkat fl-Anness I tiegħu, li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti, jiġifieri l-bhejjem tal-ifrat, il-kawkaw, il-kafè, iż-żejt tal-palm, il-lastiku, is-sojja u l-injam. B’mod partikolari, dak ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li dawk il-komoditajiet u l-prodotti rilevanti jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jew jiġu esportati biss jekk ikunu mingħajr deforestazzjoni, ikunu ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni u jkunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta.

(2)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1115, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, żviluppat sistema ta’ informazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta (is-“sistema ta’ informazzjoni”). Il-partijiet ikkonċernati kienu involuti fil-proċess ta’ żvilupp biex jiżguraw li s-sistema ta’ informazzjoni tkun effiċjenti u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-operaturi ekonomiċi. Is-sistema ta’ informazzjoni tnediet fl-4 ta’ Diċembru 2024, sabiex tippermetti lill-operaturi, lin-negozjanti li mhumiex intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (“negozjanti li mhumiex SMEs”), u lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta. Madankollu, l-iktar projezzjonijiet reċenti dwar l-għadd ta’ operazzjonijiet u interazzjonijiet mistennija fis-sistema ta’ informazzjoni wasslu għal rivalutazzjoni sostanzjali tat-tagħbija fuq is-sistema, filwaqt li jindikaw traffiku ħafna akbar milli kien antiċipat fuq is-sistema ta’ informazzjoni.

(3)

Fl-istess ħin, is-sejbiet tar-rapport tal-2024 intitolat “The future of European competitiveness” indikaw li l-għadd u l-kumplessità dejjem akbar tar-regoli qed jillimitaw l-ispazju għall-immanuvrar għan-negozji tal-Unjoni u qed iżommuhom milli jibqgħu kompetittivi. Is-sħab kummerċjali rrappurtaw ukoll tħassib dwar il-kumplessità tar-regoli. F’dak l-isfond, ċerti proċeduri u rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1115 jenħtieġ li jiġu ssimplifikati u jenħtieġ li jitneħħew il-piżijiet regolatorji bla bżonn għan-negozji, filwaqt li jinżammu l-objettivi ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Barra minn hekk, bħala parti mill-isforzi ta’ simplifikazzjoni, jenħtieġ li jitnaqqas il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-obbligi fuq l-atturi downstream li mhumiex intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju u fuq operaturi primarji mikro jew żgħar li jipproduċu u jintroduċu fis-suq il-prodotti tagħhom stess.

(5)

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza legali fil-ktajjen tal-provvista downstream, u biex jitnaqqsu iktar ir-rekwiżiti ta’ rapportar u t-tagħbija korrispondenti tas-sistema ta’ informazzjoni, jenħtieġ li tiġi introdotta kategorija ġdida ta’ “operaturi downstream”. L-obbligi fuq tali operaturi downstream jenħtieġ li jkunu identiċi għal dawk applikabbli għan-negozjanti. Jenħtieġ li la l-operaturi downstream u lanqas in-negozjanti ma jkunu meħtieġa jaċċertaw li ġiet eżerċitata d-diliġenza dovuta jew jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta, u b’hekk jitnaqqsu b’mod sinifikanti r-rekwiżiti ta’ rapportar u l-għadd ta’ interazzjonijiet meħtieġa mas-sistema ta’ informazzjoni.

(6)

Operaturi downstream u negozjanti mhux SMEs għandhom influwenza sinifikanti fuq il-ktajjen tal-provvista u jaqdu rwol importanti fl-iżgurar li l-ktajjen tal-provvista jkunu mingħajr deforestazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li xorta waħda jkunu meħtieġa jirreġistraw fis-sistema ta’ informazzjoni. Fl-istess ħin, l-ewwel operatur downstream jew negozjant, kemm jekk hijaintrapriża żgħira jew ta’ daqs medju kif ukoll jekk le, jenħtieġ li jkomplu jiżguraw traċċabbiltà sħiħa billi jiġbru n-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta u l-identifikaturi tad-dikjarazzjonijiet assenjati lill-produtturi mikro jew żgħar. L-obbligu li jinġabru u jinżammu n-numri ta’ referenza jenħtieġ li japplika biss għall-ewwel operatur downstream jew negozjant u jenħtieġ li ma japplikax għal operaturi downstream jew negozjanti oħrajn aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista.

(7)

L-operaturi kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, li jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq jew li jesportaw dawk il-prodotti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115. Dan ipoġġi piż amministrattiv fuq il-produtturi mikro jew żgħar li jintroduċu fis-suq jew li jesportaw il-prodotti tagħhom stess. Sabiex jiġi indirizzat it-tħassib relatat mal-operaturi li huma intrapriżi mikro jew żgħar li jipproduċu u jintroduċu fis-suq il-prodotti tagħhom stess u biex tkompli titnaqqas it-tagħbija fuq is-sistema ta’ informazzjoni, huwa meħtieġ li tiġi introdotta subkategorija ġdida ta’ operaturi li għalihom jenħtieġ li ma japplikax l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta. Dik is-subkategorija ġdida, imsejħa “operaturi primarji mikro jew żgħar”, jenħtieġ li tkopri l-persuni fiżiċi jew l-intrapriżi mikro jew żgħar stabbiliti f’pajjiż ikklassifikat bħala ta’ riskju baxx f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1115 li jintroduċu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti li huma stess jipproduċu f’dak il-pajjiż, jiġifieri li jkabbru, li jaħsdu, li jiksbu minn biċċiet ta’ art rilevanti jew li jrabbu fuqhom, jew fir-rigward tal-bhejjem tal-irfat, fi stabbilimenti l-komoditajiet rilevanti li jinsabu fil-prodotti rilevanti huma stess. Kemm l-operaturi stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll dawk stabbiliti barra minnha jenħtieġ li jkunu koperti mid-definizzjoni ta’ operatur primarju mikro jew żgħir.

(8)

Sabiex jiġi żgurat il-ksib effiċjenti tal-objettivi tar-Regolament (UE) 2023/1115, jiġifieri li tkun tista’ tiġi żgurata t-traċċabbiltà tul il-katina tal-provvista sabiex jiġi żgurat li l-prodotti introdotti fis-suq ikunu mingħajr deforestazzjoni, l-operaturi primarji mikro jew żgħar jenħtieġ li jkunu meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjoni simplifikata ta’ darba fis-sistema ta’ informazzjoni. Is-sistema ta’ informazzjoni jenħtieġ li toħroġ identifikatur tad-dikjarazzjoni mal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni simplifikata minn operatur primarju mikro jew żgħir. Dak l-identifikatur tad-dikjarazzjoni jenħtieġ li jakkumpanja l-prodotti rilevanti li operatur primarju mikro jew żgħir jintroduċi fis-suq jew jesporta. Sabiex jinżammu r-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà skont ir-Regolament (UE) 2023/1115 u sabiex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, jenħtieġ li l-informazzjoni inkluża f’dikjarazzjoni simplifikata tippermetti valutazzjoni awtomatika tar-riskju mis-sistema ta’ informazzjoni, tiffaċilita l-verifiki mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, u jenħtieġ li tkun viżibbli għall-atturi downstream, sa fejn ikun possibbli, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(9)

Bħala parti mill-isforzi ta’ simplifikazzjoni, il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-obbligi għall-operaturi primarji mikro jew żgħar li jippreżentaw dikjarazzjoni simplifikata ta’ darba skont l-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) 2023/1115, kif emendat b’dan ir-Regolament, u li jiġbru informazzjoni skont l-Artikolu 9(1) tiegħu, jenħtieġ li jitnaqqas billi jitħallew jissostitwixxu l-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet ta’ art bl-indirizz postali tal-biċċiet ta’ art jew tal-istabbiliment minn fejn ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti li l-prodott rilevanti jkun fih, jew ikun sar bl-użu tagħhom, dment li l-indirizz postali jkun jikkorrispondi b’mod ċar għall-post ġeografiku tal-biċċiet ta’ art jew tal-istabbiliment ikkonċernati. Dan jagħti lill-operaturi primarji mikro jew żgħar l-għażla libera li jipprovdu jew il-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet ta’ art jew l-indirizz postali tal-biċċiet ta’ art jew tal-istabbiliment rispettivi.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) diġà jissoġġetta l-produtturi primarji tal-bhejjem tal-ifrat stabbiliti fl-Unjoni għal rekwiżiti ta’ traċċabbiltà u ta’ rapportar ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2023/1115. Id-data rilevanti tinħażen fil-bażijiet tad-data nazzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk, jixraq li l-operaturi primarji mikro jew żgħar jiġu eżentati mill-obbligu li jippreżentaw dikjarazzjoni simplifikata, meta l-informazzjoni meħtieġa tkun diġà disponibbli f’tali bażijiet tad-data, u l-Istati Membri jagħmlu disponibbli d-data rilevanti fis-sistema ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li dik id-eżenzjoni tkun applikabbli wkoll għall-operaturi primarji mikro jew żgħar f’setturi oħra fejn l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri tipprevedi traċċabbiltà jew obbligi ta’ rappurtar ekwivalenti, diment li jiġu ssodisfati l-istess kundizzjonijiet.

(11)

Kif deskritt fid-Dokument ta’ Gwida għar-Regolament (UE) 2023/1115 dwar Prodotti Mingħajr Deforestazzjoni (5), f’każijiet meta l-attivitajiet ikunu negliġibbli, u minħabba ċ-ċirkostanzi kollha involuti, jenħtieġ li l-prinċipju tal-proporzjonalità jiġi rrispettat. Ir-ragħa estensiv okkażjonali jew fuq skala żgħira b’mod okkażjonali fil-foresti jenħtieġ li ma jitqiesx bħala li huwa, fil-biċċa l-kbira tiegħu, użu agrikolu, sakemm il-produzzjoni u l-attivitajiet relatati ma jkollhomx effett detrimentali fuq il-ħabitat tal-foresta.

(12)

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza legali li l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju kollha, irrispettivament mill-forma legali tagħhom, jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet simplifikati għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fir-Regolament (UE) 2023/1115, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju tiġi emendata biex jiġi ċċarat li jenħtieġ li l-forma legali ma tkunx rilevanti għall-fini tad-determinazzjoni ta’ jekk persuna fiżika jew ġuridika taqax taħt dik id-definizzjoni. Dan jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll għall-operaturi primarji mikro u żgħar. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ operaturi primarji mikro jew żgħar jenħtieġ li tinkludi operaturi li jaqbżu l-limiti ta’ mill-anqas tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) iżda li jistgħu juru li l-partijiet tat-total tal-karta bilanċjali tagħhom, il-fatturat nett u l-għadd medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja li huma relatati mal-komoditajiet rilevanti u mal-prodotti rilevanti ma jaqbżux il-limiti ta’ mill-anqas tnejn minn tlieta minn dawk il-kriterji.

(13)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 jistabbilixxi dispożizzjonijiet relatati mar-rieżami ta’ dak ir-Regolament, u jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tippreżenta diversi valutazzjonijiet tal-impatt akkumpanjati, jekk ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi. Minħabba li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115 ġiet posposta bir-Regolament (UE) 2024/3234 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), estensjoni potenzjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115 ma tistax tiġi vvalutata mingħajr evidenza dwar l-applikazzjoni tiegħu, dwar l-effetti tiegħu fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, dwar l-impatt tiegħu fuq l-operaturi u n-negozjanti, b’mod partikolari l-SMEs, u fuq il-flussi kummerċjali. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li jitneħħew l-obbligi relatati mal-valutazzjonijiet tal-impatt li jridu jitwettqu mill-Kummissjoni previsti fir-Regolament (UE) 2023/1115. Dawk il-valutazzjonijiet tal-impatt jenħtieġ li jkunu koperti mir-rieżami ġenerali tar-Regolament (UE) 2023/1115. Id-data għar-rieżami ġenerali msemmija fir-Regolament (UE) 2023/1115 jenħtieġ li tinbidel għat-30 ta’ Ġunju 2030 sabiex ir-rieżami jkun jista’ jqis l-esperjenza tal-infurzar ta’ dak ir-Regolament. Sabiex jirrifletti l-obbligi emendati fuq l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti, ir-rieżami ġenerali jenħtieġ li jevalwa wkoll l-impatt ta’ dawk l-emendi fuq il-ksib tal-objettivi kumplessivi tar-Regolament (UE) 2023/1115.

(14)

Qabel ir-rieżami ġenerali tar-Regolament (UE) 2023/1115 li għandha titwettaq sat-30 ta’ Ġunju 2030, fl-interess tas-simplifikazzjoni għall-operaturi u għan-negozjanti, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq rieżami tas-simplifikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u jenħtieġ li tippreżenta rapport sat-30 ta’ April 2026. Ir-rapport jenħtieġ li jevalwa l-piż amministrattiv u l-impatt ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari għall-operaturi mikro jew żgħar. Barra minn hekk, fir-rapport, il-Kummissjoni jenħtieġ li tindika modi possibbli biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati, inkluż permezz ta’ linji gwida tekniċi, titjib fis-sistema tal-IT, u atti delegati jew ta’ implimentazzjoni f’konformità mad-delega ta’ setgħat prevista fir-Regolament (UE) 2023/1115, u, fejn xieraq, jenħtieġ li takkumpanja r-rapport bi proposta leġiżlattiva.

(15)

Id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2023/1115 li jistabbilixxu l-obbligi għall-operaturi, għan-negozjanti u għall-awtoritajiet kompetenti, jiġifieri dawk imsemmija fl-Artikolu 38(2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi posposta bi 12-il xahar. Dan huwa meħtieġ sabiex il-pajjiżi terzi, l-Istati Membri, l-operaturi u n-negozjanti jkunu mħejjija bis-sħiħ, b’mod partikolari, biex ikun possibbli għal dawk l-operaturi li jkunu f’pożizzjoni li jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom.

(16)

Fid-dawl tal-posponiment bi 12-il xahar tad-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) 2023/1115, id-dati f’dispożizzjonijiet relatati oħra, jiġifieri t-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), id-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni differita tar-Regolament (UE) 2023/1115 għall-persuni fiżiċi, għall-intrapriżi mikro jew għall-intrapriżi żgħar, jenħtieġ li jiġu aġġustati kif xieraq. Sabiex jingħata biżżejjed żmien biex jiġu allinjati l-iżviluppi tekniċi tal-interfaċċa elettronika abbażi tal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2023/1115 kif emendat b’dan ir-Regolament, id-data sa meta l-interfaċċa elettronika trid tkun fis-seħħ jenħtieġ li tiġi aġġustata kif xieraq.

(17)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri s-simplifikazzjoni ta’ ċerti obbligi ta’ rappurtar u r-razzjonalizzazzjoni tal-iskedi ta’ żmien filwaqt li jiġu ppreservati l-objettivi tar-Regolament (UE) 2023/1115, ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri iżda jistgħu jistgħu jinkisbu biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(18)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1115 jiġi emendat kif xieraq,

(19)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ qabel id-data attwali tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115,

(20)

Minħabba l-urġenza biex jiġu adottati simplifikazzjonijiet immirati kif ukoll biex jiġi pospost id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2023/1115, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2023/1115

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (15) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(15)

‘operatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, matul attività kummerċjali, tintroduċi fis-suq jew tesporta prodotti rilevanti, esklużi l-operaturi downstream;”

;

(b)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(15a)

‘operatur primarju mikro jew żgħir’ tfisser operatur li huwa persuna fiżika jew intrapriża mikro jew intrapriża żgħira, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu, rispettivament, tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), irrispettivament mill-forma legali tiegħu, stabbilit f’pajjiż ikklassifikat bħala ta’ riskju baxx f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament, u li, matul attività kummerċjali, jintroduċi fis-suq jew jesporta prodotti rilevanti li dan l-operatur innifsu jkun kabbar, ħasad, kiseb minn biċċiet ta’ art rilevanti jew rabba fuqhom, jew, fir-rigward tal-bhejjem tal-ifrat, fi stabbilimenti li jinsabu f’dak il-pajjiż; dan jinkludi operaturi li jaqbżu l-limiti ta’ mill-anqas tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2013/34/UE iżda li jistgħu juru li l-partijiet tat-total tal-karta bilanċjali tagħhom, il-fatturat nett u l-għadd medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja, relatati mal-komoditajiet rilevanti u mal-prodotti rilevanti, ma jaqbżux il-limiti ta’ mill-anqas tnejn minn tlieta minn dawk il-kriterji;

(15b)

‘operatur downstream’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, matul attività kummerċjali, tintroduċi fis-suq jew tesporta prodotti rilevanti magħmula bl-użu ta’ prodotti rilevanti, li kollha jkunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew minn dikjarazzjoni simplifikata;

(*1)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj)”;"

(c)

il-punt (17) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(17)

‘negozjant’ tfisser kwalunkwe persuna fil-katina tal-provvista għajr l-operatur jew l-operatur downstream li, matul attività kummerċjali, tqiegħed fis-suq prodotti rilevanti;”

;

(d)

il-punt (19) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(19)

‘matul attività kummerċjali’ tfisser għall-fini tal-ipproċessar, għad-distribuzzjoni lil konsumaturi kummerċjali jew mhux kummerċjali, jew għall-użu fin-negozju tal-operatur, tal-operatur downstream jew tan-negozjant innifsu;”

;

(e)

il-punt (22) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(22)

‘rappreżentant awtorizzat’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li, f’konformità mal-Artikolu 6, tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand operatur sabiex taġixxi f’ismu b’rabta mal-kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-operatur skont dan ir-Regolament;”

;

(f)

il-punt (30) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(30)

‘intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju’ jew ‘SMEs’ tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, irrispettivament mill-forma legali tagħhom, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 3(3), rispettivament, tad-Direttiva 2013/34/UE;”

;

(2)

fl-Artikolu 3, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

ikunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew dikjarazzjoni simplifikata, kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.”

;

(3)

it-titolu tal-Kapitolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 2

OBBLIGI TAL-OPERATURI, TAL-OPERATURI DOWNSTREAM U TAN-NEGOZJANTI”

;

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Billi jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti jew, fil-każ ta’ operaturi primarji mikro jew żgħar, billi jippreżenta d-dikjarazzjoni simplifikata msemmija fl-Artikolu 4a, l-operatur għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3. L-operaturi għandhom iżommu rekord tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta għal 5 snin mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.”

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-operaturi li jkunu kisbu jew ġew mgħarrfa b’informazzjoni ġdida rilevanti, inkluż tħassib sostanzjat, li jindika li prodott rilevanti li huma jkunu introduċew fis-suq huwa f’riskju li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu introduċew il-prodott rilevanti fis-suq, kif ukoll lill-operaturi downstream u lin-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodott rilevanti. Fil-każ ta’ esportazzjonijiet, l-operaturi għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun il-pajjiż tal-produzzjoni.”

;

(c)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   L-operaturi għandhom jikkomunikaw lill-operaturi downstream u lin-negozjanti iktar ’l isfel fil-katina tal-provvista tal-prodotti rilevanti li jkunu introduċew fis-suq jew esportaw in-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta jew, jekk ikun applikabbli, l-identifikaturi tad-dikjarazzjoni assoċjati ma’ dawk il-prodotti.”

;

(d)

il-paragrafi 8, 9 u 10 jitħassru:

(5)

jiddaħħal l-artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

Reġim simplifikat għall-operaturi primarji mikro jew żgħar

1.   L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4(2), it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3)u l-Artikolu 4(4), il-punt (c), ma għandhomx japplikaw għall-operaturi primarji mikro jew żgħar.

2.   L-operaturi primarji mikro jew żgħar għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni simplifikata ta’ darba fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 qabel ma jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq jew jesportawhom. Dawk l-operaturi għandhom jiġu assenjati identifikatur tad-dikjarazzjoni wara li jippreżentaw id-dikjarazzjoni simplifikata ta’ darba tagħhom.

3.   L-operaturi primarji mikro jew żgħar għandhom jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III meta jippreżentaw id-dikjarazzjoni simplifikata fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. Dawk l-operaturi jistgħu jaġġornaw l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni simplifikata tagħhom wara kwalunkwe bidla kbira fl-informazzjoni li pprovdew.

4.   Meta l-informazzjoni kollha elenkata fl-Anness III tkun disponibbli f’sistema jew f’bażi tad-data li teżisti skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru, għajr is-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33, l-operaturi primarji mikro jew żgħar ma għandhomx ikunu meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjoni simplifikata ta’ darba f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni għal kull operatur disponibbli fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. L-operatur primarju mikro jew żgħir għandu jintroduċi l-prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni jew jesportahom biss wara li jkun ġie assenjat identifikatur tad-dikjarazzjoni.

5.   Għall-operaturi primarji mikro jew żgħar, il-ġeolokalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punt (d), tista’ tiġi sostitwita bl-indirizz postali tal-biċċiet art kollha jew bl-indirizz postali tal-istabbiliment li minnu jkunu ġew prodotti l-komoditajiet rilevanti li jkun fih il-prodott rilevanti, jew li jkun sar bl-użu tagħhom.”

;

(6)

l-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“Artikolu 5

Obbligi tal-operaturi downstream u tan-negozjanti

1.   L-operaturi downstream u n-negozjanti għandhom jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti biss jekk ikollhom l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 3.

2.   L-operaturi downstream li mhumiex SMEs (‘operaturi downstream mhux SMEs’) u n-negozjanti li mhumiex SMEs (‘negozjanti mhux SMEs’) għandhom jirreġistraw fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 qabel ma jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti.

3.   L-operaturi downstream u n-negozjanti għandhom jiġbru u jżommu l-informazzjoni li ġejja relatata mal-prodotti rilevanti li jkunu beħsiebhom jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw:

(a)

l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, l-indirizz postali, l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk ikun disponibbli, indirizz web tal-operaturi, tal-operaturi downstream jew tan-negozjanti li jkunu pprovdew il-prodotti rilevanti lilhom, kif ukoll, f’każ biss li l-fornitur tagħhom ikun operatur, in-numri ta’ referenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta jew l-identifikaturi tad-dikjarazzjonijiet assoċjati ma’ dawk il-prodotti;

(b)

l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, l-indirizz postali, l-indirizz tal-posta elettronika u, jekk ikun disponibbli, indirizz web tal-operaturi downstream jew tan-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodotti rilevanti.

4.   L-operaturi downstream u n-negozjanti għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għal mill-inqas ħames snin mid-data tal-introduzzjoni fis-suq jew tat-tqegħid fis-suq jew tal-esportazzjoni, u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

5.   L-operaturi downstream u n-negozjanti li jkunu kisbu jew ġew mgħarrfa b’informazzjoni ġdida rilevanti, inkluż tħassib sostanzjat, li jindika li prodott rilevanti li huma jkunu introduċew jew qiegħdu fis-suq huwa f’riskju li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom ikunu introduċew jew qiegħdu fis-suq il-prodott rilevanti, kif ukoll lill-operaturi downstream u lin-negozjanti li lilhom ikunu pprovdew il-prodott rilevanti. Fil-każ ta’ esportazzjonijiet, l-operaturi downstream għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun il-pajjiż tal-produzzjoni.

6.   Jekk l-operaturi downstream mhux SMEs u n-negozjanti mhux SMEs jiksbu jew jiġu mgħarrfa b’informazzjoni rilevanti, li tindika li prodott rilevanti ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, qabel l-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq jew l-esportazzjoni tal-prodotti rilevanti, huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom beħsiebhom jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew li minnhom beħsiebhom jesportaw dawk il-prodotti rilevanti. Fil-każ ta’ tħassib sostanzjat, huma għandhom jivverifikaw li d-diliġenza dovuta ġiet eżerċitata u li ma nstab l-ebda riskju jew li nstab riskju negliġibbli biss. Ma għandhomx jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti diment li l-verifika ma turi l-ebda riskju jew riskju negliġibbli biss ta’ nuqqas ta’ konformità.

7.   L-operaturi downstream u n-negozjanti għandhom joffru l-assistenza kollha meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-verifiki skont l-Artikolu 19, inkluż l-aċċess għall-bini u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumentazzjoni u rekords.

Artikolu 6

Rappreżentanti awtorizzati

1.   L-operaturi jistgħu jagħtu mandat lil rappreżentant awtorizzat biex jippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4(2) jew biex jippreżenta dikjarazzjoni simplifikata skont l-Artikolu 4a(2) f’isimhom. F’każijiet bħal dawn, l-operatur għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3.

2.   Ir-rappreżentant awtorizzat għandu, fuq talba, jipprovdi kopja tal-mandat f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti u kopja f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tiġi ttrattata d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew id-dikjarazzjoni simplifikata, jew jekk dan ma jkunx possibbli, bl-Ingliż.

3.   Operatur li jkun persuna fiżika jew mikrointrapriża jista’ jagħti mandat lill-operatur downstream jew lin-negozjant li jkun imiss iktar ’l isfel fil-katina tal-provvista li ma jkunx persuna fiżika jew mikrointrapriża biex jaġixxi bħala rappreżentant awtorizzat. Tali operatur downstream jew negozjant li jkun imiss iktar’ l isfel fil-katina tal-provvista ma għandux jintroduċi jew iqiegħed fis-suq jew jesporta prodotti rilevanti mingħajr ma jippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta skont l-Artikolu 4(2) f’isem dak l-operatur jew, fil-każ ta’ operatur primarju mikro jew żgħir, mingħajr ma jippreżenta dikjarazzjoni simplifikata f’isem l-operatur primarju mikro jew żgħir fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. F’każijiet bħal dawn, l-operatur li jkun persuna fiżika jew mikrointrapriża għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott rilevanti mal-Artikolu 3.”

;

(7)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Qabel ma jintroduċu prodotti rilevanti fis-suq jew qabel ma jesportawhom, l-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-prodotti rilevanti kollha.”

;

(8)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-kwantità tal-prodotti rilevanti; għal prodotti rilevanti li jkunu qed jidħlu jew li joħorġu mis-suq, il-kwantità għandha tiġi espressa f’kilogrammi tal-massa netta u, fejn applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (*2) li tikkorrispondi għall-kodiċi tas-Sistema Armonizzata indikata, jew, fil-każijiet l-oħra kollha, il-kwantità trid tiġi espressa f’massa netta jew, fejn ikun applikabbli, f’volum nett jew f’għadd ta’ unitajiet; unità supplimentari hi applikabbli fejn tkun iddefinita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli skont il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmi fid-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew fejn tkun ipprovduta bħala parti mid-dikjarazzjoni simplifikata;

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).”;"

(b)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ kwalunkwe negozju, operatur downstream jew negozjant li lilu jkunu ġew ipprovduti l-prodotti rilevanti;”

;

(9)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dan ir-Regolament, billi toħroġ linji gwida rilevanti, billi tiżgura skambju kontinwu ma’ esperti, ma’ partijiet interessati u mal-operaturi rilevanti kollha, inklużi operaturi primarji żgħar jew mikro, operaturi downstream u negozjanti, billi tiżviluppa l-aħjar prattiki u billi tiġbor feedback tekniku mill-Pjattaforma ta’ diversi Partijiet Konċernati tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni u r-Restawr tal-Foresti tad-Dinja, u billi tippromwovi skambju ta’ informazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni adegwati bejn l-awtoritajiet kompetenti, bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali, u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni.”

;

(10)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fit-territorju tagħhom biex jistabbilixxu jekk l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti stabbiliti fl-Unjoni jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fit-territorju tagħhom sabiex jistabbilixxu jekk il-prodotti rilevanti li l-operatur, l-operatur downstream jew in-negozjant introduċa jew beħsiebu jintroduċi fis-suq, qiegħed jew beħsiebu jqiegħed fis-suq, jew esporta jew beħsiebu jesporta humiex konformi ma’ dan ir-Regolament.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jidentifikaw il-verifiki li għandhom jitwettqu. Il-kriterji tar-riskju għandhom jiġu identifikati abbażi ta’ analiżi tar-riskji ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-komoditajiet rilevanti, il-kumplessità u t-tul tal-ktajjen tal-provvista, inkluż jekk huwiex involut it-taħlit ta’ prodotti rilevanti, u l-istadju tal-ipproċessar tal-prodott rilevanti, jekk il-biċċiet art ikkonċernati humiex kontigwi għall-foresti, l-assenjazzjoni tar-riskju lil pajjiżi jew lil partijiet minnhom f’konformità mal-Artikolu 29, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni ta’ pajjiżi jew ta’ partijiet minnhom klassifikati bħala ta’riskju għoli, l-istorja ta’ nuqqas ta’ konformità tal-operaturi, tal-operaturi downstream jew tan-negozjanti ma’ dan ir-Regolament, ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. L-analiżi tar-riskji għandha tibni fuq l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9 u 10 u tista’ tibni fuq l-informazzjoni li tinsab fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33, u tista’ tiġi appoġġata minn sorsi rilevanti oħra bħal data ta’ monitoraġġ, profili tar-riskju minn organizzazzjonijiet internazzjonali, tħassib sostanzjat ippreżentat skont l-Artikolu 31, jew il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.”

;

(c)

fil-paragrafu 5, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-għażla tal-operaturi, tal-operaturi downstream u tan-negozjanti li għandhom jiġu vverifikati; dik l-għażla għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji nazzjonali tar-riskju msemmija fil-punt (a), bl-użu, fost l-oħrajn, tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 u t-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data; għal kull operatur, operatur downstream jew negozjant li għandu jiġi vverifikat, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jidentifikaw dikjarazzjonijiet speċifiċi ta’ diliġenza dovuta li għandhom jiġu vverifikati.”

;

(d)

il-paragrafi 8 sa 11 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“8.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopru mill-inqas 3 % tal-operaturi, tal-operaturi downstream mhux SMEs u tan-negozjanti mhux SMEs li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew li jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż tal-produzzjoni jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju standard f’konformità mal-Artikolu 29.

9.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopru mill-inqas 9 % tal-operaturi, tal-operaturi downstream mhux SMEs u tan-negozjanti mhux SMEs li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti kif ukoll 9 % tal-kwantità minn kull prodott rilevanti li fih jew li sar bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju għoli skont l-Artikolu 29.

10.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-verifiki annwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopru mill-inqas 1 % tal-operaturi, tal-operaturi downstream mhux SMEs u tan-negozjanti mhux SMEs li jintroduċu jew iqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti prodotti f’pajjiż jew f’partijiet minnu kklassifikati li għandhom riskju baxx f’konformità mal-Artikolu 29.

11.   L-objettivi kwantifikati tal-verifiki li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jintlaħqu separatament għal kull waħda mill-komoditajiet rilevanti. L-objettivi kkwantifikati għandhom jiġu kkalkulati b’referenza għall-għadd totali ta’ operaturi, ta’ operaturi downstream mhux SMEs u ta’ negozjanti mhux SMEs li introduċew jew qiegħdu fis-suq jew esportaw prodotti rilevanti fis-sena preċedenti, u għall-kwantità, fejn applikabbli. L-operaturi għandhom jitqiesu li ġew ivverifikati meta l-awtorità kompetenti tkun ivverifikat l-elementi msemmija fl-Artikolu 18(1), il-punti (a) u (b). L-operaturi downstream u n-negozjanti għandhom jitqiesu li ġew ivverifikati meta l-awtorità kompetenti tkun ivverifikat l-elementi msemmija fl-Artikolu 19(1).”

;

(e)

il-paragrafu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“13.   Il-verifiki għandhom jitwettqu mingħajr twissija minn qabel lill-operatur, lill-operatur downstream jew lin-negozjant, ħlief meta tkun meħtieġa notifika minn qabel tal-operatur, tal-operatur downstream jew tan-negozjant sabiex tkun żgurata l-effettività tal-verifiki.”

;

(11)

l-Artikoli 18 u 19 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 18

Verifiki fuq l-operaturi

1.   Il-verifiki fuq l-operaturi għandhom jinkludu:

(a)

eżami tas-sistema ta’ diliġenza dovuta tagħhom, inkluż il-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tar-riskju, u tad-dokumentazzjoni u r-rekords li juri l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ diliġenza dovuta;

(b)

eżami tad-dokumentazzjoni u tar-rekords li juri li prodott rilevanti speċifiku li l-operatur ikun introduċa jew li jkun beħsiebu jintroduċi fis-suq jew li jkun beħsiebu jesporta jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, inkluż, meta jkun applikabbli, permezz ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll eżami tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta rilevanti jew, għall-operaturi primarji mikro jew żgħar, l-eżami tad-dikjarazzjoni simplifikata rilevanti jew l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Istati Membri għal kull operatur fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

2.   Il-verifiki fuq l-operaturi jistgħu jinkludu wkoll, fejn xieraq, b’mod partikolari fejn l-eżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu qajmu mistoqsijiet:

(a)

eżami fuq il-post tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti bil-ħsieb li tiġi aċċertata l-korrispondenza tagħhom mad-dokumentazzjoni użata għall-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta;

(b)

eżami ta’ miżuri korrettivi meħuda skont l-Artikolu 24;

(c)

kwalunkwe mezz tekniku u xjentifiku adegwat sabiex jiġu ddeterminati l-ispeċi jew il-post eżatt fejn tkun ġiet prodotta l-komodità rilevanti jew il-prodott rilevanti, inkluż l-analiżi anatomika, kimika jew tad-DNA;

(d)

kwalunkwe mezz tekniku u xjentifiku adegwat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti rilevanti ikunux mingħajr deforestazzjoni, inkluż data ta’osservazzjoni tad-Dinja bħal dik mill-programm u l-għodod ta’ Copernicus jew minn sorsi rilevanti oħra disponibbli pubblikament jew privatament; u

(e)

verifiki spontanji fuq il-post, inkluż awditi fuq il-post, inkluż fejnxieraq f’pajjiżi terzi, diment li tali pajjiżi terzi jaqblu, permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ dawk il-pajjiżi terzi.

Artikolu 19

Verifiki fuq l-operaturi downstream u n-negozjanti

1.   Il-verifiki fuq l-operaturi downstream u n-negozjanti għandhom jinkludu l-eżami tad-dokumentazzjoni u tar-rekords li juru konformità mal-Artikolu 5(1), (2), (3) u (4).

2.   Il-verifiki fuq l-operaturi downstream u n-negozjanti jistgħu jinkludu wkoll, fejnxieraq, b’mod partikolari fejn l-eżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu qajmu mistoqsijiet, verifiki spontanji fuq il-post, inkluż awditi fuq il-post.”

;

(12)

fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jitolbu lura mingħand l-operaturi, l-operaturi downstream jew in-negozjanti t-totalità tal-kostijiet tal-attivitajiet tagħhom fir-rigward ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.”

;

(13)

fl-Artikolu 21 il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabilixxu arranġamenti amministrattivi mal-Kummissjoni dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar investigazzjonijiet u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jikkomunikaw kwalunkwe żball tekniku sinifikanti ddokumentat lill-Kummissjoni jew kwalunkwe tfixkil sinifikanti li jirriżulta mis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament, inkluż permezz tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33. Dak għandu jinkludi l-għoti ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti u l-iskambju tagħha, inkluż dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta u dikjarazzjoni simplifikata għall-operaturi primarji mikro jew żgħar, u dwar in-natura u r-riżultati tal-verifiki mwettqa, ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.”

;

(14)

fl-Artikolu 22(1), il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

l-għadd u r-riżultati tal-verifiki mwettqa fuq l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti u l-għadd totali ta’ operaturi, operaturi downstream mhux SMEs u negozjanti mhux SMEs, inkluż it-tipi ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati;

(c)

il-kwantità ta’ prodotti rilevanti vverifikati b’rabta mal-kwantità totali ta’ prodotti rilevanti introdotti fis-suq jew esportati li jkunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta fis-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament; il-pajjiżi tal-produzzjoni; għal prodotti rilevanti li jkunu qed jidħlu fis-suq jew li joħorġu minnu, il-kwantità trid tiġi espressa f’kilogrammi tal-massa netta u, fejn applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li tikkorrispondi għall-kodiċi tas-Sistema Armonizzata indikata, jew fil-każijiet l-oħra kollha, il-kwantità għandha tiġi espressa f’massa netta, jew fejn ikun applikabbli, f’volum nett jew f’ għadd ta’ unitajiet; unità supplimentari hi applikabbli fejn tkun iddefinita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli skont il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmi fid-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta;”

;

(15)

l-Artikolu 24 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 24

Azzjoni korrettiva f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25, meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li operatur, operatur downstream jew negozjant ma jkunx ikkonforma ma’ dan ir-Regolament jew li prodott rilevanti introdott jew imqiegħed fis-suq jew esportat ma jkunx konformi, huma għandhom mingħajr dewmien jeħtieġu li l-operatur, l-operatur downstream jew in-negozjant jieħu azzjoni korrettiva xierqa u proporzjonata sabiex itemm in-nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ żmien speċifikat u raġonevoli.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-azzjoni korrettiva meħtieġa li għandha tittieħed mill-operatur, mill-operatur downstream jew min-negozjant għandha tinkludi mill-inqas waħda minn dawn li ġejjin, kif ikun applikabbli:

(a)

ir-rettifika ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità formali, b’mod partikolari mar-rekwiżiti tal-Kapitolu 2;

(b)

il-prevenzjoni tal-prodott rilevanti milli jiġi introdott jew imqiegħed fis-suq jew milli jiġi esportat;

(c)

l-irtirar jew is-sejħa lura minnufih tal-prodott rilevanti;

(d)

id-donazzjoni tal-prodott rilevanti għal skopijiet ta’ karità jew ta’ interess pubbliku jew, jekk dak ma jkunx possibbli, ir-rimi tiegħu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart.

3.   Irrispettivament mill-azzjoni korrettiva meħuda skont il-paragrafu 2, l-operatur, l-operatur downstream jew in-negozjant għandu jindirizza kwalunkwe nuqqas fis-sistema ta’ diliġenza dovuta bil-ħsieb li jipprevjeni r-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ulterjuri ma’ dan ir-Regolament.

4.   Jekk l-operatur, l-operatur downstream jew in-negozjant jonqos milli jieħu azzjoni korrettiva kif imsemmija fil-paragrafu 2 fil-perjodu ta’ żmien speċifikat mill-awtorità kompetenti skont il-paragrafu 1, jew fejn jippersisti n-nuqqas ta’ konformità kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, wara dak il-perjodu ta’ żmien, jiżguraw l-applikazzjoni tal-azzjoni korrettiva meħtieġa msemmija fil-paragrafu 2 bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.”

;

(16)

l-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-operaturi, mill-operaturi downstream u min-negozjanti u għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti u li taffettwahom.

(*3)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/99/oj).”;"

(b)

fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

multi proporzjonati għad-danni ambjentali u għall-valur tal-komoditajiet rilevanti jew tal-prodotti rilevanti kkonċernati, billi jiġi kkalkolat il-livell ta’ tali multi b’tali mod li jiġi żgurat li dawn effettivament iċaħħdu lil dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi derivati mill-ksur tagħhom, u gradwalment jiżdied il-livell ta’ tali multi għal ksur ripetut; fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-ammont massimu ta’ tali multa għandu jkun mill-inqas 4 % tat-total tar-rikavat annwalital-operatur, tal-operatur downstream jew tan-negozjant fl-Unjoni kollha għas-sena finanzjarja ta’ qabel id-deċiżjoni dwar il-multi, ikkalkulat f’konformità mal-kalkolu tar-rikavat aggregat għall-intrapriżi stabbilit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (*4), u għandu jiżdied, fejn meħtieġ, biex jaqbeż il-benefiċċju ekonomiku potenzjali miksub;

(b)

konfiska tal-prodotti rilevanti kkonċernati mill-operatur, mill-operatur downstream u/jew min-negozjant;

(c)

konfiska tad-dħul miksub mill-operatur, mill-operatur downstream u/jew min-negozjant minn tranżazzjoni bil-prodotti rilevanti kkonċernati;

(*4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/139/oj).”;"

(17)

l-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   In-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew l-identifikatur tad-dikjarazzjoni għall-operaturi primarji mikro jew żgħar għandu jkun magħmul disponibbli għall-awtoritajiet doganali qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq. Għal dak il-fini, minbarra meta d-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta tiġi magħmula disponibbli permezz tal-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(2), il-persuna li tippreżenta dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti għandha tagħmel disponibbli għall-awtoritajiet doganali n-numru ta’ referenza tad-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew l-identifikatur tad-dikjarazzjoni għall-operaturi primarji mikro jew żgħar assoċjati ma’ dak il-prodott rilevanti. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti minn operatur downstream.”

;

(b)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Meta l-istatus imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jindika li l-prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq ikun ġie identifikat, skont l-Artikolu 17(2), li jkun soġġett għal verifika qabel ma jiġi introdott fis-suq jew qabel ma jiġi esportat, l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu r-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ dak il-prodott rilevanti.”

;

(18)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jikkomunikaw, f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, informazzjoni kunfidenzjali miksuba mill-awtoritajiet doganali matul il-qadi ta’ dmirijiethom, jew ipprovduta lill-awtoritajiet doganali fuq bażi kunfidenzjali, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih l-operatur, l-operatur downstream, in-negozjant jew ir-rappreżentant awtorizzat ikun stabbilit.”

;

(19)

l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa interfaċċa elettronika bbażata fuq l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana, stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5), sabiex tippermetti t-trażmissjoni tad-data, b’mod partikolari n-notifiki u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 26(6) sa (9) ta’ dan ir-Regolament, bejn is-sistemi doganali nazzjonali u s-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament. Din l-interfaċċa elettronika għandha tiġi stabbilita sal-1 ta’ Diċembru 2029.

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2399/oj).”;"

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

lill-operaturi biex jikkonformaw mal-obbligu li jippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta ta’ komodità rilevanti jew ta’ prodott rilevanti skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, billi jagħmluha disponibbli permezz tal-ambjent ta’ tieqa unika nazzjonali għad-dwana msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/2399 u jirċievu reazzjoni dwarha mingħand l-awtoritajiet kompetenti; kif ukoll”

;

(20)

l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw tħassib sostanzjat lill-awtoritajiet kompetenti meta jqisu li operatur, operatur downstream jew negozjant wieħed jew iktar ma jkunux qed jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jivvalutaw b’diliġenza u b’imparzjalità t-tħassib sostanzjat, inkluż jekk it-talbiet għandhomx bażi soda, u jieħdu l-passi meħtieġa, inkluż billi jwettqu verifiki u jmexxu seduti ta’ smigħ ta’ operaturi, ta’ operaturi downstream u ta’ negozjanti, bil-ħsieb li jiġi identifikat nuqqas potenzjali ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, billi jieħdu miżuri interim skont l-Artikolu 23 sabiex jiġu evitati l-introduzzjoni jew it-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta’ prodotti rilevanti li jkunu qed jiġu investigati.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6), l-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri biex jipproteġu l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jressqutħassib sostanzjat jew li jmexxu investigazzjonijiet bl-għan li jivverifikaw il-konformità mill-operaturi, mill-operaturi downstream jew min-negozjanti ma’ dan ir-Regolament.

(*6)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1937/oj).”;"

(21)

l-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

wara l-punt (a), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

ir-reġistrazzjoni tal-operaturi downstream mhux SMEs u tan-negozjanti mhux SMEs f’konformità mal-Artikolu 5(2);”

;

(ii)

il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta inkluż il-komunikazzjoni lill-operatur ikkonċernat ta’ numru ta’ referenza għal kull dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta li tkun ġiet ippreżentata permezz tas-sistema ta’ informazzjoni;

(c)

ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet simplifikati ppreżentati mill-operaturi primarji mikro jew żgħar u l-assenjazzjoni ta’ identifikatur tad-dikjarazzjoni lill-operatur ikkonċernat.”

;

(iii)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti b’appoġġ għat-tfassil tal-profil tar-riskju għall-pjan ta’ verifiki msemmi fl-Artikolu 16(5), inkluż ir-riżultati tal-verifiki, it-tfassil tal-profil tar-riskju tal-operaturi, tal-operaturi downstream, tan-negozjanti u komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti għall-fini tal-identifikazzjoni, abbażi ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data, tal-operaturi, tal-operaturi downstream u tan-negozjanti li għandhom jiġu vverifikati kif imsemmi fl-Artikolu 16(5), u prodotti rilevanti li għandhom jiġu vverifikati mill-awtoritajiet kompetenti;”

;

(iv)

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-appoġġ għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi, l-operaturi downstream u n-negozjanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż, fejn xieraq, bl-użu ta’ għodod diġitali tal-ġestjoni tal-provvista.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli għall-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni skont dan l-Artikolu, inkluż:

(a)

regoli għall-protezzjoni ta’ data personali u l-iskambju ta’ data ma’ sistemi oħra tal-IT;

(b)

arranġamenti ta’ kontinġenza f’każ tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-funzjonalitajiet tas-sistema ta’ informazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(2).”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi aċċess għal dik is-sistema ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali, lill-awtoritajiet kompetenti, lill-operaturi, lill-operatur downstream u lin-negozjanti u, jekk ikun applikabbli, lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, f’konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament.”

;

(22)

l-Artikolu 34 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 34

Rieżami

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 biex temenda l-Anness I fir-rigward tal-kodiċijiet NM rilevanti ta’ prodotti rilevanti li fihom, ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti.

1a.   Sat-30 ta’ April 2026, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ simplifikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u abbażi ta’ dan, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, meta dan ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

2.   Sat-30 ta’ Ġunju 2030 u mill-inqas kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ġenerali ta’ dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva. L-ewwel wieħed mir-rapporti għandu jinkludi b’mod partikolari, abbażi ta’ studji speċifiċi, evalwazzjoni ta’:

(a)

il-ħtieġa ta’ għodod addizzjonali għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-fattibbiltà tagħhom — u b’mod partikolari għall-pajjiżi l-inqas żviluppati li dan ir-Regolament iħalli impatt qawwi fuqhom u l-pajjiżi jew partijiet minnhom ikklassifikati bħala ta’ riskju standard jew għoli — sabiex jappoġġaw il-ksib tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-bdiewa, partikolarment dawk b’azjenda agrikola żgħira, il-Popli Indiġeni u l-komunitajiet lokali u l-ħtieġa possibbli ta’ appoġġ addizzjonali għat-tranżizzjoni lejn ktajjen tal-provvista sostenibbli u għall-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(c)

l-estensjoni ulterjuri tad-definizzjoni ta’ degradazzjoni tal-foresti, abbażi ta’ analiżi fil-fond, u filwaqt li jitqies il-progress li sar fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-kwistjoni;

(d)

il-limitu għall-użu obbligatorju tal-poligoni kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (28), filwaqt li jitqies l-impatt tiegħu fuq l-indirizzar tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti;

(e)

bidliet fix-xejriet kummerċjali tal-komoditajiet rilevanti u tal-prodotti rilevanti inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament meta dawk il-bidliet jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ prattika ta’ ċirkomvenzjoni;

(f)

valutazzjoni ta’ jekk il-verifiki mwettqa kinux effettivi biex jiżguraw li l-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti mqiegħda fis-suq jew esportati jikkonformaw mal-Artikolu 3;

(g)

l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex jinkludi art imsaġġra oħra u d-data limitu msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (13), bil-ħsieb li jiġi minimizzat il-kontribut tal-Unjoni għall-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali;

(h)

l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal ekosistemi naturali oħra, inkluż art oħra b’ħażniet kbar ta’ karbonju u b’valur għoli ta’ bijodiversità bħal bwar, torbieri u artijiet mistagħdra;

(i)

l-impatt tal-komoditajiet rilevanti fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, kif indikat minn evidenza xjentifika, u filwaqt li jitqiesu l-bidliet fil-konsum, inkluż il-ħtieġa u l-fattibbiltà li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal iktar komoditajiet, inkluż il-qamħirrum, u tal-emendar jew tal-estensjoni tal-lista ta’ prodotti rilevanti, inkluż l-inklużjoni potenzjali tal-bijokarburanti (Kodiċi SA 382600) fl-Anness I;

(j)

ir-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-prevenzjoni tal-flussi finanzjarji li jikkontribwixxu direttament jew indirettament għad-deforestazzjoni u għad-degradazzjoni tal-foresti u l-ħtieġa li jiġi previst kwalunkwe obbligu speċifiku għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-atti legali tal-Unjoni;

(k)

ir-rwol tal-operaturi downstream u tan-negozjanti fl-iżgurar li l-ktajjen tal-provvista ikunu mingħajr deforestazzjoni u li dan ir-Regolament jilħaq l-objettivi tiegħu;

(l)

ir-rwol tal-operaturi primarji mikro jew żgħar fl-iżgurar li l-produzzjoni tkun mingħajr deforestazzjoni u li dan ir-Regolament jilħaq l-objettivi tiegħu, u r-riskju possibbli ta’ ċirkomvenzjoni.”

(23)

l-Artikolu 35 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 35

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 34(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-29 ta’ Ġunju 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 34(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 34(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

;

(24)

l-Artikolu 37 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 37

Tħassir

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 jitħassar b’effett mit-30 ta’ Diċembru 2026.

2.   Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandu jkompli japplika sal-31 ta’ Diċembru 2029 għall-injam u l-prodotti tal-injam kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u li ġew introdotti fis-suq mit-30 ta’ Diċembru 2026.

3.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-injam u l-prodotti tal-injam kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u introdotti fis-suq mill-31 ta’ Diċembru 2029 għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.”

;

(25)

l-Artikolu 38 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 38

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Soġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 3 sa 13, l-Artikoli 16 sa 24 u l-Artikoli 26, 31 u 32 għandhom japplikaw mit-30 ta’ Diċembru 2026.

3.   Ħlief fir-rigward tal-prodotti koperti mill-Anness tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, għall-operaturi, kemm jekk persuni fiżiċi jew intrapriżi mikro jew żgħar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu, rispettivament, tad-Direttiva 2013/34/UE, irrispettivament mill-forma legali tagħhom, li ġew stabbiliti hekk sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Artikoli msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mit-30 ta’ Ġunju 2027.”

;

(26)

fl-Anness I, fit-tabella, il-linja “ex 49 kotba stampati, gazzetti, stampi u prodotti oħrajn tal-industrija tal-istampar; manuskritti, testi ttajpjati u pjanti, tal-karta” hija mħassra;

(27)

L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(28)

it-test li jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness III.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2025.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1115/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj).

(5)   ĠU C, C/2025/4524, 12.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4524/oj.

(6)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2024/3234 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1115 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mad-data tal-applikazzjoni (ĠU L, 2024/3234, 23.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3234/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/995/oj).


ANNESS I

Fl-Anness II, il-punt 4 jitħassar.


ANNESS II

“ANNESS III

Dikjarazzjoni simplifikata għall-operaturi primarji mikro jew żgħar

Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni simplifikata ta’ darba għall-operaturi primarji mikro jew żgħar f’konformità mal-Artikolu 4a(3):

1.

Isem l-operatur primarju mikro jew zgħir, l-indirizz u, fil-każ ta’ komoditajiet rilevanti u ta’ prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew li joħorġu minnu, in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

2.

Il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata u deskrizzjoni libera tal-prodotti rilevanti, inkluż l-isem kummerċjali, u l-kwantità annwali stmata ta’ darba tal-prodotti rilevanti maħsuba biex jiġu introdottifis-suq jew biex jiġu esportati, espressi f’massa netta li tispeċifika stima jew devjazzjoni perċentwali jew, meta jkun applikabbli, f’volum nett jew fl-għadd ta’ unitajiet. Għal prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq jew li joħorġu minnu, il-kwantità stmata għandha tiġi espressa f’kilogrammi tal-massa netta u, meta jkun applikabbli, fl-unità supplimentari stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li tikkorrispondi għall-kodiċi tas-Sistema Armonizzata indikata jew, fil-każijiet l-oħra kollha, espressa f’massa netta li tispeċifika stima jew devjazzjoni perċentwali jew, meta jkun applikabbli, f’volum nett jew fl-għadd ta’ unitajiet. Unità supplimentari hi applikabbli meta tkun iddefinita b’mod konsistenti għas-subintestaturi kollha possibbli skont il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata msemmi fid-dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta.

3.

Il-pajjiż tal-produzzjoni u l-indirizz postali jew il-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet kollha ta’ art, jew l-indirizz postali tal-istabbiliment jew tal-biċċiet kollha ta’ art li fuqhom l-operatur primarju mikro jew żgħir jipproduċi komoditajiet rilevanti. Għal prodotti rilevanti li fihom bhejjem tal-ifrat jew li saru bl-użu tagħhom, u għal tali prodotti rilevanti li ntemgħu bi prodotti rilevanti, l-indirizz postali jew il-ġeolokalizzazzjoni għandhom jirreferu għall-istabbilimenti kollha li fihom jinżammu l-bhejjem tal-ifrat. Meta l-prodotti rilevanti jiġu prodotti fuq biċċiet differenti ta’ art, l-indirizz postali jew il-ġeolokalizzazzjoni tal-biċċiet kollha ta’ art għandhom jiġu inklużi f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (d).

4.

It-test: ‘Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, l-operatur primarju mikro jew żgħir jikkonferma li se jeżerċita d-diliġenza dovuta f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1115 għall-prodotti rilevanti li jintroduċi fis-suq jew li jesporta, u li se jintroduċihom fis-suq jew jesportahom biss jekk ma jinstab l-ebda riskju jew jinstab riskju negliġibbli biss li l-prodotti rilevanti ma jikkonformawx mal-Artikolu 3, il-punt (a) jew (b), ta’ dak ir-Regolament.’.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2650/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)