|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2638 |
22.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2638
tat-22 ta’ Diċembru 2025
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/1485 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1485 tas-27 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/1485. |
|
(2) |
L-Unjoni tibqa’ soda fil-kundanna tagħha tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tar-repressjoni fir-Russja. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li żewġ persuni fiżiċi jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stipulata fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/1485. |
|
(4) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/1485 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/1485 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU L, 2024/1485, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1485/oj.
ANNESS
Fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/1485, l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:
|
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“53. |
Dmitry Sergeyevich GORDEEV (Дмитрий Сергеевич ГОРДЕЕВ) |
Pożizzjoni: Imħallef tal-Moscow City Court Data tat-twelid: 9.8.1983 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Dmitry Gordeev huwa mħallef tal-Moscow City Court u qabel kien tal-Tverskoy District Court fil-belt ta’ Moska. Dmitry Gordeev ripetutament ħareġ deċiżjonijiet politikament motivati kontra personalitajiet tal-oppożizzjoni u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. L-imġiba ġudizzjarja tiegħu turi nuqqas sistematiku ta’ rispett għall-istandards fundamentali ta’ ġustizzja imparzjali. Huwa regolarment jirrifjuta li jeżamina evidenza li tiskaġuna, inkluż reġistrazzjonijiet bil-vidjo li jikkontradixxu affermazzjonijiet tal-pulizija, u jaċċetta b’mod konsistenti rapporti tal-pulizija mhux ivverifikati jew ikkupjati mill-eks kollegi tiegħu, li jiżvela preġudizzju, kunflitt ta’ interess, u nuqqas ta’ indipendenza ġudizzjarja. Id-deċiżjonijiet tiegħu jiffurmaw xejra rikonoxxibbli u mmexxija politikament allinjata mal-interessi tas-servizzi tas-sigurtà Russi. Ir-rwol tiegħu ġie deskritt bħala parti minn ‘magna repressiva’ li għandha topera mingħajr fallimenti, u dan jenfasizza l-funzjoni ċentrali tiegħu fl-implimentazzjoni ta’ prosekuzzjonijiet politikament motivati. Permezz tal-azzjonijiet ripetuti tiegħu, Dmitry Gordeev rażżan is-soċjetà ċivili, l-oppożizzjoni demokratika, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dgħajjef l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, u ffaċilita b’mod attiv prosekuzzjonijiet politikament motivati. Id-deċiżjonijiet tiegħu jappoġġaw materjalment u jippermettu t-tkomplija tal-operat tal-apparat statali repressiv tar-Russja. Għaldaqstant, Dmitry Gordeev huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Russja. |
22.12.2025 |
|
54. |
Lyudmila BALANDINA (Людмила БАЛАНДИНА) |
Pożizzjoni: Prosekutur Data tat-twelid: 16.11.1984 Nazzjonalità: Russa Sess: mara |
Lyudmila Balandina hija prosekutur li kellha rwol ewlieni f’diversi każijiet ta’ profil għoli kkaratterizzati minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u repressjoni ta’ individwi kritiċi tal-awtoritajiet Russi jew li jappoġġaw lill-Ukrajna. Lyudmila Balandina abbużat sistematikament mill-pożizzjoni tagħha bħala prosekutur tal-Istat biex issegwi akkużi politikament motivati, tuża retorika ideoloġika allinjata mal-propaganda tal-Kremlin, u tfittex pieni eċċessivi għal atti ta’ espressjoni paċifika. L-imġiba tagħha turi sforz kontinwu u intenzjonat biex trażżan is-soċjetà ċivili, issikket id-dissens, u tilleġittimizza n-narrattivi tal-Istat li jassimilaw il-kritika tal-Gvern Russu jew l-appoġġ għall-Ukrajna mal-estremiżmu jew it-terroriżmu. Bit-tnedija u s-sostenn ta’ dawn il-prosekuzzjonijiet, Lyudmila Balandina kienet involuta direttament fi ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ksur tal-libertà tal-espressjoni, id-dritt għal proċess ġust, u l-projbizzjoni ta’ prosekuzzjoni arbitrarja, kif protetti skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. L-attivitajiet ta’ Lyudmila Balandina jimminaw serjament id-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Russja, billi jbiddlu s-sistema ġudizzjarja f’għodda ta’ persekuzzjoni politika u jikkontribwixxu għax-xejra usa’ ta’ repressjoni tal-Istat kontra ġurnalisti, personalitajiet kulturali, u vuċijiet tal-oppożizzjoni. Għaldaqstant, Lyudmila Balandina hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Russja. |
22.12.2025”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2638/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)