European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2627

23.12.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/2627

tas-17 ta’ Novembru 2025

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd prevista fil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (2025-2032)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Frar 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2017/418 (1) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (2) (il-“Ftehim”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Mejju 2017.

(2)

Il-Protokoll preċedenti dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim skada fis-16 ta’ Diċembru 2024.

(3)

Fit-23 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Gvern tal-Gżejjer Cook għal protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar, fl-20 ta’ Ġunju 2025, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (2025-2032) (il-“Protokoll”).

(4)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2625 (3) il-Protokoll ġie ffirmat fid-9 ta’ Diċembru 2025, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(5)

Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.

(6)

Minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Gżejjer Cook u l-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li matulu dawn l-attivitajiet jiġu interrotti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibli.

(7)

L-Artikolu 13 tal-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex jippermetti l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika minn dik l-istess data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (2025-2032) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun:

Spanja: 3 bastimenti

Franza: bastiment 1.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-9 ta’ Diċembru 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

J. JENSEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/418 tat-28 ta’ Frar 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 64, 10.3.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/418/oj).

(2)   ĠU L 131, 20.5.2016, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2016/776/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2625 tat-12 ta’ Novembru 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook (2025-2032) (ĠU L, 2025/2625, 23.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2625/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2627/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)