|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2619 |
22.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2619
tas-16 ta’ Diċembru 2025
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet doganali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM, Carbon Border Adjustment Mechanism) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2023/956 jistabbilixxi l-obbligi għall-awtoritajiet doganali li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni speċifika dwar l-oġġetti ddikjarati għall-importazzjoni. |
|
(2) |
L-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet doganali għandha tinħażen fir-reġistru CBAM stabbilit f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2023/956 u tintuża għall-fini ta’ kontroverifika tal-informazzjoni pprovduta mid-dikjaranti awtorizzati CBAM, mill-importaturi u mir-rappreżentanti doganali indiretti f’konformità mal-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament, li jinkludi informazzjoni relatata mal-konformità tal-ambitu tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament u l-proċeduri doganali relatati f’konformità mal-Artikolu 25(2) ta’ dak ir-Regolament, kif inhu l-każ tal-proċedura ta’ proċessar attiv kif imsemmi fl-Artikolu 256 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlamemt Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(3) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2023/956, huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-awtoritajiet doganali lill-Kummissjoni, li għandha tiġi inkluża mid-dikjaranti awtorizzati CBAM, mill-importaturi u mir-rappreżentanti doganali indiretti, meta jippreżentaw id-dikjarazzjoni doganali, għall-verifika ta’ informazzjoni rilevanti għas-CBAM għall-importazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament. Informazzjoni bħal din jenħtieġ li tinkludi l-indikazzjoni tan-numru tal-kont tas-CBAM jew informazzjoni oħra rilevanti għas-CBAM li tinsab fid-dikjarazzjonijiet doganali, fid-dikjarazzjonijiet ta’ riesportazzjoni, fil-polza ta’ rilaxx, fid-dikjarazzjoni tal-wasla jew fi kwalunkwe dokument rilevanti ieħor sottomess lill-awtoritajiet doganali. |
|
(4) |
Sabiex jiġu żgurati l-akkuratezza tad-data u l-verifika f’waqtha tad-dikjaranti awtorizzati CBAM, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-mezzi ta’ komunikazzjoni u ta’ kontroverifika tal-informazzjoni bejn id-dikjaranti awtorizzati CBAM, l-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet kompetenti, u l-Kummissjoni, bl-użu ta’ sistemi doganali eżistenti u r-reġistru CBAM. Meta s-sistemi doganali eżistenti ma jipprovdux komunikazzjoni awtomatizzata, jenħtieġ li jintużaw mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament iqis il-proċeduri diġà stabbiliti mill-awtoritajiet doganali, u għalhekk jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jitħallew jikkondividu l-informazzjoni fil-format disponibbli għalihom, u sa fejn tali informazzjoni tkun disponibbli u tkun tista’ tiġi aċċessata mill-awtoritajiet doganali. Meta l-informazzjoni ma tkunx disponibbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. |
|
(5) |
Sabiex tiġi żgurata informazzjoni dettaljata dwar l-importazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-data fid-dikjarazzjonijiet doganali CBAM rilevanti permezz tal-mekkaniżmu ta’ sorveljanza stabbilit skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(6) |
L-informazzjoni doganali u d-data meħtieġa jenħtieġ li jqisu l-kodiċijiet rilevanti kollha tal-proċedura doganali relatati mas-CBAM ippreżentati fid-dikjarazzjoni doganali, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċessar attiv f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2023/956 u l-proċessar passiv f’konformità mal-Artikolu 6(4) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Għall-finijiet ta’ kontroll u għall-fini tat-twettiq tal-kompiti msemmija fir-Regolament (UE) 2023/956, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jew il-Kummissjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet doganali jivvalidaw l-informazzjoni magħmula disponibbli mid-dikjaranti awtorizzati CBAM, mill-importaturi, mir-rappreżentanti doganali indiretti jew mill-awtoritajiet doganali. |
|
(8) |
L-awtoritajiet kompetenti jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu mill-awtoritajiet doganali kwalunkwe dokument jew data rilevanti oħra ppreżentata lill-awtoritajiet doganali għall-fini ta’ investigazzjoni speċifika tal-konformità. |
|
(9) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jillimita l-perjodiċità tat-talba għal informazzjoni, meta tali talba tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju jew meta jkun iġġustifikat mill-Kummissjoni. |
|
(10) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Għal dan l-għan, għandu japplika r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif ukoll, fejn rilevanti, ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(11) |
Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma relatati mal-informazzjoni doganali dwar l-oġġetti importati mill-1 ta’ Jannar 2026. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika minn dik id-data. |
|
(12) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fl-20 ta’ Novembru 2025. |
|
(13) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-CBAM, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“polza ta’ rilaxx” tfisser id-dokument imsemmi fl-Artikolu 175 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (5); |
|
(2) |
“numru tal-kont tas-CBAM” tfisser in-numru assenjat lid-dikjarant awtorizzat CBAM f’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/956; |
|
(3) |
“dikjarazzjoni doganali” tfisser l-att imsemmi fl-Artikolu 5, il-punt (12), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013; |
|
(4) |
“dikjarazzjoni tal-wasla” tfisser id-dokument imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2210 (6); |
|
(5) |
“mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni” tfisser kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni għajr is-sistemi interoperabbli mar-reġistru CBAM imsemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3210 (7). |
Artikolu 2
Informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-Awtoritajiet Doganali
L-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw lir-reġistru CBAM, perjodikament, u mill-inqas darba fil-ġimgħa f’konformità mal-Artikolu 55(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (8), l-informazzjoni li ġejja dwar l-oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956 iddikjarati għall-importazzjoni:
|
(a) |
in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI, Economic Operators Registration and Identification); |
|
(b) |
meta ma jkun hemm l-ebda numru EORI, il-forma ta’ identifikazzjoni ddikjarata f’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 tal-importatur; |
|
(c) |
in-numru tal-kont tas-CBAM tal-importatur jew tar-rappreżentant doganali indirett, sakemm l-importatur jew ir-rappreżentant doganali indirett:
|
|
(d) |
il-kodiċi NM (CN, Combined Nomenclature) bi tmien ċifri tal-oġġetti ddikjarati kif elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956; |
|
(e) |
il-kwantità tal-oġġetti; |
|
(f) |
il-pajjiż ta’ oriġini; |
|
(g) |
id-data tad-dikjarazzjoni doganali; |
|
(h) |
il-proċedura doganali li għaliha jkunu ġew iddikjarati l-oġġetti. |
Artikolu 3
Mezzi ta’ komunikazzjoni
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw lir-reġistru CBAM, l-elementi ta’ data elenkati fl-Artikolu 2 permezz tal-mekkaniżmu ta’ sorveljanza stabbilit skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
2. Meta l-Kummissjoni jkollha aċċess għall-informazzjoni u għall-elementi ta’ data msemmija f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/512 (9), l-informazzjoni u l-elementi ta’ data msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala kkomunikati u vvalidati lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
3. Meta t-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament ma tkunx awtomatizzata, jew meta l-informazzjoni ma tkunx disponibbli permezz tal-mekkaniżmu ta’ sorveljanza, l-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-Kummissjoni, jittrażmettu l-informazzjoni b’mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni.
4. L-awtoritajiet kompetenti jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet doganali jivvalidaw l-informazzjoni trażmessa lir-reġistru CBAM f’konformità ma’ dan ir-Regolament. It-talba għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata u tinkludi l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa.
Artikolu 4
Perjodu ta’ żmien għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni fuq talba
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet kompetenti sa tmiem ix-xahar wara talba bħal din lir-reġistru CBAM jew permezz ta’ mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni.
L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu estensjoni tal-limitu ta’ żmien stabbilit fis-subparagrafu preċedenti, meta t-talba tinkludi sett kumpless ta’ informazzjoni. Dik l-estensjoni ma għandhiex taqbeż it-3 xhur mid-data tat-talba għal estensjoni mill-awtoritajiet doganali.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni, fejn disponibbli, fi żmien 30 jum tax-xogħol mid-data tat-talba, meta l-informazzjoni tintalab għall-fini tal-monitoraġġ tas-soll uniku bbażat fuq il-massa kif imsemmi fl-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) 2023/956.
Artikolu 5
Ambitu tal-informazzjoni u mezzi ta’ komunikazzjoni għall-proċessar attiv
1. Għall-oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956 imqiegħda taħt proċessar attiv u sussegwentement rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera, jew bħala l-istess oġġetti jew inkella bħala prodotti pproċessati miksuba minn oġġetti bħal dawn, u għall-prodotti proċessati msemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, meta dik l-informazzjoni tkun disponibbli u tista’ tiġi aċċessata mill-awtorità doganali, fuq talba, id-dokumenti jew id-data li ġejjin minn dawn:
|
(a) |
id-dikjarazzjonijiet doganali kif imsemmija fl-Artikolu 2 li jkopru l-oġġetti mqiegħda jew preċedentement imqiegħda taħt ipproċessar attiv, sa fejn dawk l-oġġetti jew il-prodotti pproċessati miksuba minnhom jiġu sussegwentement rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera; |
|
(b) |
id-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera; |
|
(c) |
il-polza għar-rilaxx f’konformità mal-Anness 71–06 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 b’mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni dment li s-simplifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 170(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 tkun applikabbli għall-oġġetti kkonċernati. |
2. Meta d-dikjarant awtorizzat CBAM fid-dikjarazzjoni CBAM imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2023/956 jinkludi informazzjoni tal-polza għar-rilaxx, l-awtorità kompetenti jew il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet doganali jivvalidaw il-polza għar-rilaxx sottomessa fil-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
meta jkun hemm bażi raġonevoli biex jitqies li l-informazzjoni tista’ tkun skorretta, jew; |
|
(b) |
abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju. |
3. It-talba mill-Kummissjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju, tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata, u għandha tinkludi informazzjoni rilevanti u meħtieġa jew jekk hemmx indikazzjonijiet li jiġġustifikaw tali talba. Dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet doganali. It-talba għandha tkun ibbażata fuq bażi trimestrali.
Artikolu 6
Ambitu tal-informazzjoni u mezzi ta’ komunikazzjoni għall-EORI
1. Meta d-dikjarant awtorizzat CBAM, l-importatur jew ir-rappreżentant doganali indirett jindika n-numru EORI tiegħu fid-dikjarazzjoni doganali, jew fil-polza ta’ rilaxx jew fi kwalunkwe dokument rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/956, meta jiddikjaraw l-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament għall-importazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Anness 12-01 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 lir-reġistru CBAM.
2. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta talba tiġi sottomessa f’konformità mal-Artikolu 5(1), il-punt (c), mal-Artikolu 5(2), jew mal-Artikolu 7, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba lir-reġistru CBAM.
3. Meta l-importatur ma jkunx detentur ta’ numru EORI, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw in-numru tal-identifikazzjoni għajr in-numru EORI kif ukoll l-isem, l-indirizz u, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-importatur lill-Kummissjoni permezz tar-reġistru CBAM, meta l-importatur jimporta oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956 fit-territorju doganali tal-Unjoni.
4. Meta l-Kummissjoni jkollha aċċess għall-informazzjoni u għall-elementi ta’ data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu permezz tas-sistema EORI kif imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/512, dik l-informazzjoni u dawk l-elementi ta’ data għandhom jitqiesu bħala kkomunikati lill-Kummissjoni, inkluż, iżda mhux limitati għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210.
Artikolu 7
L-ambitu tal-informazzjoni u l-mezzi ta’ komunikazzjoni għall-oġġetti jew il-prodotti pproċessati miġjuba fil-blata kontinentali u fiż-żona ekonomika esklużiva ta’ Stat Membru
1. Għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/956, meta d-dikjarazzjoni tal-wasla tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2210, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Anness I jew fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti jew tal-Kummissjoni, b’mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni, meta:
|
(a) |
ikun hemm bażi raġonevoli biex jitqies li l-informazzjoni tista’ tkun skorretta; |
|
(b) |
il-Kummissjoni tqis li dikjarant awtorizzat CBAM ikun naqas milli jikkonforma mal-obbligu li jissottometti d-dikjarazzjoni ta’ riċevuta f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2210, jew; |
|
(c) |
abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju. |
2. Għall-prodotti pproċessati msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2023/956, meta d-dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2210, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fuq talba, d-dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni b’mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni.
Artikolu 8
Talba għal informazzjoni addizzjonali
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2 u 3, u limitati għal każijiet fejn id-data disponibbli permezz tal-mekkaniżmu ta’ sorveljanza ma tkunx biżżejjed, l-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba definita b’mod ċar u debitament ġustifikata mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-Kummissjoni, f’każ ta’ investigazzjoni tal-konformità tas-CBAM, jikkomunikaw dokumenti doganali rilevanti oħra ppreżentati lilhom relatati mal-oġġetti ddikjarati għall-importazzjoni.
Artikolu 9
Protezzjoni ta’ data personali
1. Id-data personali msemmija f’dan ir-Regolament u rreġistrata fir-reġistru CBAM għandha tiġi pproċessata għall-finijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210.
2. L-ebda kategorija speċjali ta’ data, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ma għandha tiġi pproċessata għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.
Se jiġi rivedut sa mhux aktar tard mill-2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 130, 16.5.2023, pp. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2210 tal-31 ta’ Ottubru 2025 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-oġġetti u tal-prodotti proċessati li jinġiebu fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Istati Membri, (ĠU L, 2025/2210, 3.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2210/oj).
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3210 tat-18 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistru tas-CBAM (ĠU L 2024/3210, 30.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3210/oj).
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).
(9) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/512 tat-13 ta’ Marzu 2025 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 2025/512, 20.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/512/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2619/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)