European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2607

22.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2607

tas-17 ta’ Diċembru 2025

li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għaż-żebgħat, il-verniċi u l-prodotti relatati dekorattivi, għall-kisjiet ta’ rendiment u l-prodotti relatati, u għaż-żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2014/312/UE

(notifikata bid-dokument C(2025) 8879)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil dawk il-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprevedi li għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE skont il-gruppi ta’ prodotti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2014/312/UE (2) stabbiliet il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati għall-grupp ta’ prodotti “żebgħa u verniċ ta’ barra u ta’ ġewwa”. Dawn il-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati huma validi sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(4)

Hemm bżonn ta’ żewġ settijiet separati ta’ kriterji għaż-żebgħat, il-verniċi u l-prodotti relatati dekorattivi, u għall-kisjiet ta’ rendiment u l-prodotti relatati (li qabel kienu jissejħu “żebgħa u verniċ ta’ ġewwa u ta’ barra”) biex jirriflettu aħjar l-aħjar prattika fis-suq u biex iqisu l-iżviluppi tal-politika, l-opportunitajiet futuri potenzjali għal żieda fl-użu u fid-domanda tas-suq għal prodotti sostenibbli. Huwa meħtieġ tielet sett ta’ kriterji ġodda għaż-żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma, grupp addizzjonali ta’ prodotti b’suq li potenzjalment jista’ jikber.

(5)

F’konformità ma’ dawk il-konklużjonijiet u wara li ġie kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, huwa xieraq li l-grupp ta’ prodotti “żebgħa u verniċ ta’ ġewwa u ta’ barra” jinqasam f’żewġ gruppi ta’ prodotti, “żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi” u “kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati”. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni jenħtieġ li jiġi estiż ukoll biex ikopri l-grupp il-ġdid ta’ prodotti “żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma”.

(6)

Ir-rapport dwar il-kontroll tal-idoneità tal-Ekotikketta tal-UE (3) tat-30 ta’ Ġunju 2017, li jirrieżamina l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, ikkonkluda li jeħtieġ li jiġi żviluppat approċċ aktar strateġiku għall-Ekotikketta tal-UE, li jinkludi r-raggruppar ta’ kriterji ta’ gruppi ta’ prodotti relatati mill-qrib fejn xieraq.

(7)

Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid dwar l-ekonomija ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (4) adottat fil-11 ta’ Marzu 2020 jissottolinja li d-durabbiltà, l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, u r-rekwiżiti tal-marka tal-karbonju u ambjentali jridu jiġu inklużi b’mod aktar sistematiku fil-kriterji tal-Ekotikketta.

(8)

Il-kriterji riveduti tal-Ekotikketta tal-UE għaż-żebgħat, il-verniċi u l-prodotti relatati dekorattivi, għall-kisjiet ta’ rendiment u l-prodotti relatati, u għaż-żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma jenħtieġ li jkollhom l-għan li jippromwovu prodotti li għandhom impatt ambjentali limitat matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, li jiġu prodotti bl-użu ta’ proċessi effiċjenti fl-użu tal-materjali u tal-enerġija. B’mod partikolari, dawk il-kriterji jenħtieġ li jippromwovu prodotti li għandhom impatti limitati f’termini ta’ emissjonijiet fl-ilma u fl-arja matul il-produzzjoni, emissjonijiet ta’ sustanzi volatili matul l-applikazzjoni, u li jkun fihom biss ammont limitat ta’ sustanzi perikolużi. Il-kriterji jenħtieġ li jinkoraġġixxu wkoll l-użu effiċjenti tal-prodott u jirrakkomandaw kif għandu jiġi ttrattat il-prodott mhux użat, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari.

(9)

Il-kriterji l-ġodda u r-rekwiżiti relatati ta’ valutazzjoni u ta’ verifika jenħtieġ li jkunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2032, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu ta’ innovazzjoni tal-gruppi ta’ prodotti.

(10)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2014/312/UE titħassar.

(11)

Matul perjodu tranżitorju, il-manifatturi li l-prodotti tagħhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għaż-żebgħat u l-verniċi ta’ ġewwa u ta’ barra abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2014/312/UE, ikollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom sabiex jikkonformaw mal-kriterji u mar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Għal perjodu limitat wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-manifatturi jitħallew ukoll jissottomettu applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji stabbiliti bid-Deċiżjoni (UE) 2014/312/UE jew tal-kriterji l-ġodda stabbiliti b’din id-Deċiżjoni. Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2014/312/UE jenħtieġ li jibqgħu validi għal 18-il xahar mid-data li fiha tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

(12)

Iż-żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma jenħtieġ li ma titqiesx bħala sostitut xieraq għaż-żebgħat konvenzjonali f’applikazzjonijiet fuq skala kbira, kemm għas-superfiċi tal-ħitan kif ukoll għal dawk tas-soqfa. Dan minħabba li r-rata ta’ kopertura tipika tagħhom ma taqbiżx 2,0 m2 għal kull litru, b’kuntrast għaż-żebgħat konvenzjonali, li ġeneralment jiksbu rata ta’ kopertura ta’ mhux inqas minn 8,0 m2 għal kull litru.

(13)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp ta’ prodotti “żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi” għandu jinkludi ż-żebgħat ta’ ġewwa u ta’ barra, il-verniċi, il-likwidi li jlewnu l-injam u l-primituri li l-iskop primarju tagħhom huwa li jagħtu karatteristiċi dekorattivi lill-bini u lit-tirqim, lill-fittings u lill-istrutturi assoċjati tiegħu u li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-subkategoriji 1.1(a) sa (h) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Il-prodotti taż-żebgħa dekorattiva għandhom jinkludu bażijiet għall-għoti ta’ lewn ħafif u sfumaturi differenti tal-kulur miksuba billi jingħata lewn ħafif, predefiniti mill-manifattur jew fuq talba personalizzata tal-konsumaturi (professjonali jew mhux professjonali) lill-operaturi tas-sistemi għall-għoti ta’ lewn ħafif.

Iż-żebgħat jew il-verniċi dekorattivi li mhumiex koperti mid-Direttiva 2004/42/KE u li huma fornuti f’forma ta’ trab jew ta’ granuli, u li jridu jiġu dilwiti u mħallta mal-ilma qabel l-użu għal skopijiet dekorattivi, għandhom jiġu inklużi wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-grupp ta’ prodotti jekk jiġu kkummerċjalizzati għall-użu f’konformità ma’ waħda mis-subkategoriji 1.1(a) sa (h) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE.

2.   Il-grupp ta’ prodotti “żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi” ma għandux jinkludi dan li ġej:

(a)

kisjiet ta’ rendiment kif definit fis-subkategoriji 1.1(i) u 1.1(j) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(b)

kisjiet b’ħafna kuluri kif definit fis-subkategorija 1.1(k) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(c)

kisi b’effett dekorattiv kif definit fis-subkategorija 1.1(l) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(d)

kisi antifouling;

(e)

preservattivi tal-injam;

(f)

kwalunkwe sistema oħra tal-kisi kkummerċjalizzata bħala li għandha effetti antimikrobiċi, antibatteriċi, antivirali, diżinfettanti jew bijoċidali primarji oħra għall-benefiċċju tas-saħħa tal-bniedem jew relatati mal-istandards tal-iġjene fl-industrija tal-ikel jew tax-xorb, fis-servizzi tas-saħħa jew fi kwalunkwe settur ieħor, li jestendu lil hinn mill-preservazzjoni fil-bott u l-preservazzjoni tar-rita niexfa (jiġifieri, lil hinn mit-tipi ta’ prodotti bijoċidali 6 u 7 kif definiti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) (6);

(g)

kisjiet u sistemi tal-kisi ddisinjati għall-użu fi proċessi industrijali, bħal kisjiet f’forma ta’ trab applikati bħala trab fuq is-substrati u kisjiet li jitwebbsu bir-radjazzjoni UV;

(h)

kisjiet maħsuba primarjament għall-vetturi;

(i)

żjut u xemgħat tal-injam;

(j)

materjali għall-mili, ġibs, materjali għall-mili tal-fili, aġenti li jissiġillaw u adeżivi;

(k)

żebgħa b’bażi ta’ siment;

(l)

żebgħat fi sprej aerosol;

(m)

żebgħat għas-sinjali tat-triq.

Artikolu 2

1.   Il-grupp ta’ prodotti “kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati” għandu jinkludi ċerti prodotti tal-kisi ta’ rendiment li jkun fihom pakkett wieħed u li jkun fihom diversi pakketti li l-iskop primarju tagħhom huwa li jagħtu karatteristiċi ta’ rendiment speċjali lill-bini u lit-tirqim, lill-fittings u lill-istrutturi assoċjati tiegħu u li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-subkategoriji 1.1(i) u 1.1(j) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE.

Il-grupp ta’ prodotti għandu jinkludi kisjiet tal-art, kisjiet kontra l-korrużjoni, kisjiet ta’ impermeabbilizzazzjoni, żebgħat tar-radjaturi u kwalunkwe primitura assoċjata maħsuba għall-użu mill-konsumaturi u mill-utenti professjonali fil-bini u fit-tirqim, fil-fittings jew fl-istrutturi assoċjati tagħhom.

2.   Il-grupp ta’ prodotti “kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati” ma għandux jinkludi dan li ġej:

(a)

kisjiet antifouling;

(b)

preservattivi tal-injam;

(c)

kwalunkwe sistema oħra tal-kisi kkummerċjalizzata bħala li għandha effetti antimikrobiċi, antibatteriċi, antivirali, diżinfettanti jew bijoċidali primarji oħra għall-benefiċċju tas-saħħa tal-bniedem jew relatati mal-istandards tal-iġjene fl-industrija tal-ikel jew tax-xorb, fis-servizzi tas-saħħa jew fi kwalunkwe settur ieħor, li testendi lil hinn mill-preservazzjoni fil-bott u l-preservazzjoni tar-rita niexfa (jiġifieri, lil hinn mit-tipi ta’ prodotti bijoċidali 6 u 7 kif definiti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012);

(d)

kisjiet u sistemi tal-kisi ddisinjati għall-użu fi proċessi industrijali, bħal kisjiet f’forma ta’ trab applikati bħala trab fuq is-substrati u sistemi tal-kisi li jitwebbsu bir-radjazzjoni UV;

(e)

kisjiet maħsuba primarjament għall-vetturi;

(f)

żjut u xemgħat tal-injam;

(g)

materjali għall-mili, ġibs, materjali għall-mili tal-fili, aġenti li jissiġillaw u adeżivi;

(h)

żebgħa b’bażi ta’ siment;

(i)

kisjiet iddisinjati biex jagħtu ritrardività tal-fjammi;

(j)

kisjiet iddisinjati biex jagħtu reżistenza għall-graffiti;

(k)

żebgħat għas-sinjali tat-triq.

Artikolu 3

1.   Il-grupp ta’ prodotti “żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma” għandu jinkludi pakketti tal-metall integrali lesti għall-użu maħsuba biex jintużaw mill-konsumaturi u mill-utenti professjonali biex jagħtu karatteristiċi ta’ rendiment dekorattivi jew speċjali lill-bini u lit-tirqim, lill-fittings u lill-istrutturi assoċjati tiegħu.

Il-pakketti tal-metall għandhom ikunu mgħammra b’valv u b’formulazzjoni taż-żebgħa b’bażi ta’ ilma li toħroġ bi pressjoni maħżuna minn qabel b’mod ikkontrollat meta jitħaddem il-valv.

2.   Il-grupp ta’ prodotti “żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma” ma għandux jinkludi dan li ġej:

(a)

żebgħat fi sprej aerosol b’formulazzjoni taż-żebgħa organika bbażata fuq solventi;

(b)

żebgħat fi sprej aerosol li huma kklassifikati bħala aerosol li jaqbad malajr ħafna (H222) jew aerosol li jaqbad (H223) skont ir-regoli ta’ klassifikazzjoni għat-taħlitiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(c)

żebgħat fi sprej aerosol ikkummerċjalizzati bħala li għandhom effetti antimikrobiċi, antibatteriċi, antivirali, diżinfettanti jew bijoċidali primarji oħra għall-benefiċċju tas-saħħa tal-bniedem jew relatati mal-istandards tal-iġjene fl-industrija tal-ikel jew tax-xorb, fis-servizzi tas-saħħa jew fi kwalunkwe settur ieħor, li jestendu lil hinn mill-preservazzjoni fil-bott u l-preservazzjoni tar-rita niexfa (jiġifieri, lil hinn mit-tipi ta’ prodotti bijoċidali 6 u 7 kif definiti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012);

(d)

żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma mmarkati bħala sostituti għaż-żebgħat konvenzjonali f’applikazzjonijiet fuq skala kbira, kemm għas-superfiċi tal-ħitan kif ukoll għal dawk tas-saqaf;

(e)

żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma użati għaż-żebgħat għas-sinjali tat-triq.

Artikolu 4

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“żebgħat fi sprej aerosol” tfisser dispensuri tal-aerosol li mhumiex reċipjenti li jistgħu jerġgħu jimtlew magħmulin mill-metall u li fihom gass li huwa kkompressat, likwifikat jew maħlul taħt pressjoni, b’formulazzjoni ta’ żebgħa, u mgħammra b’apparat għar-rilaxx li jippermetti li l-kontenut joħroġ f’forma ta’ partikoli solidi jew likwidi f’sospensjoni f’gass, bħala paste jew fi stat likwidu;

(2)

“alkilfenoli u alkilfenoletossilati” tfisser komposti organiċi miksuba mill-alkilazzjoni tal-fenoli u l-etossilazzjoni tal-alkilfenoli, inklużi l-komposti kollha elenkati fl-entrata 43 tal-Anness XIV jew fl-entrata 46 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(3)

“antialgali” tfisser prodotti tal-kisi biex jiġi evitat jew jitnaqqas id-deterjorament tar-rita tal-kisi minħabba t-tkabbir tal-alga;

(4)

“kisi antifouling” tfisser materjali tal-kisi applikati fuq sezzjonijiet tal-buq ta’ bastiment taħt l-ilma jew fuq strutturi oħra taħt l-ilma biex jiskoraġġixxu t-tkabbir ta’ organiżmi;

(5)

“antifungali” tfisser prodotti tal-kisi biex jiġi evitat jew jitnaqqas it-tkabbir tal-moffa jew id-deterjorament tar-rita tal-kisi minħabba t-tkabbir tal-fungi;

(6)

“antimikrobiku” jew “antibatteriku” tfisser il-proprjetà ta’ prodott tal-kisi li timpedixxi jew li tipprevjeni t-tkabbir u l-proliferazzjoni ta’ mikroorganiżmi jew batterji fuq is-superfiċe tiegħu f’kundizzjonijiet li jwasslu għal kolonizzazzjoni mikrobika, li tinkludi kemm tipi ta’ prodotti preservattivi kif ukoll diżinfettanti kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012;

(7)

“kisjiet kontra l-korrużjoni” tfisser prodotti tal-kisi maħsuba biex jipprevjenu l-korrużjoni fis-substrati tal-metall fil-preżenza tal-ossiġenu u tal-umdità, permezz tal-applikazzjoni ta’ kisi protettiv;

(8)

“primituri leganti”, kif definit fis-subkategorija 1.1(h) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(9)

“żebgħa b’bażi ta’ siment” tfisser żebgħat f’forma ta’ trab li jkun fihom ammonti sinifikanti ta’ siment ta’ Portland jew siment ieħor fil-formulazzjoni u li jeħtieġ li jitħalltu b’attenzjoni mal-ilma qabel l-applikazzjoni;

(10)

“kisjiet għall-ħitan esterni ta’ substrat minerali” kif definit fis-subkategorija 1.1(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(11)

“aġenti jipprovokaw retikolazzjoni” tfisser sustanzi li jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ rabtiet kovalenti jew mhux kovalenti (supramolekulari) bejn ktajjen polimeriċi separati jew bejn partijiet mhux ġirien tal-istess katina polimerika u b’hekk ibiddlu l-proprjetajiet tal-kisi (pereżempju t-tnixxif, ir-reżistenza mekkanika, ir-reżistenza kimika, l-aderenza);

(12)

“żebgħat matti għalkollox” huma żebgħat li, f’angolu ta’ inċidenza ta’ 85° ikollhom riflettanza ta’ < 5;

(13)

“skop dekorattiv” tfisser trattament li l-objettiv primarju tiegħu huwa li jbiddel jew li jirrestawra d-dehra ta’ substrat;

(14)

“preservattivi b’rita niexfa” tfisser prodotti bijoċidali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għall-użu fit-tip ta’ prodott 7 kif deskritt fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament, użati għall-preservazzjoni ta’ riti jew kisi billi jikkontrollaw id-deterjorament mikrobiku jew it-tkabbir tal-algi biex jipproteġu l-proprjetajiet inizjali tas-superfiċe tal-materjali jew tal-oġġetti;

(15)

“żebgħat elastomeriċi” tfisser żebgħat maħsuba biex jipprovdu finitura dekorattiva u protettiva ta’ kwalità għolja għas-superfiċi tal-ġebel billi jagħlqu u jissiġillaw ix-xquq fis-substrat u li, bis-saħħa tal-proprjetajiet elastiċi tagħhom u l-użu ta’ riti b’applikazzjoni eħxen, jistgħu jiġġebbdu u jiċkienu b’moviment tal-bini xprunat mis-sħana, u b’hekk itejbu d-durabbiltà tal-materjal tal-ġebel sottostanti;

(16)

“familja ta’ prodotti” tfisser grupp ta’ prodotti tal-kisi magħmula mill-istess manifattur bl-istess formulazzjoni bażi u subkategorija tal-prodott, iżda li jvarjaw biss f’termini ta’ sfumatura u/jew format ta’ imballaġġ;

(17)

“materjal għall-mili” tfisser materjal tal-kisi bi proporzjon għoli ta’ estensur, maħsub primarjament biex jelimina l-irregolaritajiet fis-substrati li għandhom jiġu miżbugħa u biex itejjeb id-dehra tas-superfiċe;

(18)

“mikropartikoli ta’ polimeri sintetiċi li jiffurmaw rita” tfisser mikropartikoli ta’ polimeri sintetiċi li jiżdiedu mal-formulazzjoni taż-żebgħa jew tal-verniċ, jew l-ingredjenti tiegħu, u li l-proprjetajiet fiżiċi tagħhom jiġu mmodifikati b’mod permanenti matul l-applikazzjoni u t-twebbis tal-formulazzjoni taż-żebgħa jew tal-verniċ biex jiffurmaw rita;

(19)

“prodotti finali” tfisser żebgħat, verniċi, u prodotti relatati dekorattivi; kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati; u żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma, li jingħataw l-Ekotikketta tal-UE, fil-forma li fiha jinbiegħu lill-klijenti;

(20)

“kisjiet tal-art u żebgħat tal-art” tfisser kisjiet u żebgħat ifformulati speċifikament biex jiġu applikati fuq l-art, għall-finijiet tal-protezzjoni jew tal-kolorazzjoni tas-substrat tal-art;

(21)

“żebgħat li jleqqu” tfisser żebgħat li, f’angolu ta’ inċidenza ta’ 60°, ikollhom riflettanza ta’ ≥ 60;

(22)

“impuritajiet” tfisser kostitwenti mhux intenzjonati (residwi, sustanzi niġġiesa, kontaminanti, prodotti sekondarji, eċċ.) li jibqgħu fil-prodott tal-Ekotikketta tal-UE f’konċentrazzjonijiet inqas minn 100 ppm (0,0100 % w/w, 100 mg/kg) jew li jibqgħu fl-ingredjent jew fil-materja prima fornuti f’konċentrazzjonijiet inqas minn 1 000 ppm (0,100 % w/w, 1 000 mg/kg). Kwalunkwe kostitwent mhux intenzjonat preżenti f’konċentrazzjonijiet ogħla minn dawn il-limiti rispettivi għall-prodott tal-Ekotikketta tal-UE jew għall-ingredjent jew il-materja prima fornuti għandu minflok jitqies bħala sustanza mdaħħla;

(23)

“preservattivi fil-bott” tfisser prodotti bijoċidali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għall-użu fit-tip ta’ prodott 6 kif deskritt fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari biex jiġu ppreservati l-prodotti manifatturati waqt il-ħżin billi jiġi kkontrollat id-deterjorament mikrobiku biex tiġi protetta l-ħajja tagħhom fuq l-ixkaffa, u użati biex jippreservaw l-ilwien ħfief li se jiġu distribwiti mill-magni;

(24)

“sustanzi mdaħħla” tfisser kostitwenti (bħala sustanzi puri jew bħala parti minn taħlita, u irrispettivament mill-ammont) li jiżdiedu intenzjonalment mal-prodott finali jew mal-ingredjenti tiegħu biex jinkisbu jew jiġu influwenzati ċerti proprjetajiet tal-prodott finali jew tal-ingredjenti tiegħu; sustanzi magħrufa li jiġu rilaxxati minn sustanzi mdaħħla wara li jkunu ġew miżjuda (pereżempju l-formaldeid mill-preservattivi u l-arilammina mill-ażodi u pigmenti tal-ażo) għandhom jitqiesu wkoll bħala sustanzi mdaħħla; kostitwenti mhux intenzjonati preżenti fil-prodott finali jew l-ingredjenti tiegħu f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-konċentrazzjonijiet permessi għall-impuritajiet, għandhom jitqiesu bħala sustanzi mdaħħla;

(25)

“żebgħat ta’ ġewwa/ta’ barra tat-tirqim u tat-tlibbis għall-injam, għall-metall jew għall-plastik”, kif definit fis-subkategorija 1.1(d) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE,

(26)

“verniċi tat-tirqim ta’ ġewwa/ta’ barra u l-likwidi li jlewnu l-injam”, kif definit fis-subkategorija 1.1(e) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(27)

“żebgħat jew verniċi li żżidilhom biss l-ilma” tfisser żebgħat jew verniċi li jiġu fornuti f’forma ta’ trab, li ma jużawx leganti tas-siment, u li sempliċiment jeħtieġu li jitħalltu mal-ilma qabel ma jintużaw bħal kwalunkwe waħda mill-kategoriji ddefiniti fis-subkategoriji 1.1(a) sa 1.1(h) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(28)

“lażura (likwidu li jlewwen l-injam)” tfisser materjal tal-kisi li jkun fih ammonti żgħar ta’ pigment u/jew estensur xieraq u li jintuża biex jifforma rita trasparenti jew semitrasparenti għad-dekorazzjoni u/jew għall-protezzjoni tas-substrat;

(29)

“kisi ta’ kulur ċar” tfisser kisi bil-valuri tristimulus Y u Y10 ogħla minn 25, imkejjel bi spettrofotometru fuq substrat iswed u abjad;

(30)

“kisi tal-ġebel” tfisser kisi li jifforma rita dekorattiva u protettiva għall-użu fuq il-konkos, fuq ix-xogħol bil-briks li jista’ jinżebagħ, fuq ix-xogħol bil-blokok, fuq it-tikħil, fuq il-folji tas-silikat tal-kalċju jew fuq is-siment li jkun imsaħħaħ bil-fibri;

(31)

“kisjiet matti jew li jleqqu għal ħitan u soqfa ta’ ġewwa” tfisser kisjiet maħsuba għall-applikazzjoni fuq ħitan u soqfa ta’ ġewwa, li jirriżultaw f’finitura matta għalkollox, matta, semimatta, satina, semitleqq, jew tleqq;

(32)

“żebgħat matti” tfisser żebgħat li, f’angolu ta’ inċidenza ta’ 85°, ikollhom riflettanza ta’ < 10 u ≥ 5;

(33)

“żebgħat bi tleqqija medja” (magħrufa wkoll bħala żebgħa semitleqq, satina, semimatta) huma żebgħat li, f’angolu ta’ inċidenza ta’ 60° jew 85° ikollhom riflettanza ta’ < 60 u ≥ 10;

(34)

“likwidi li jlewnu l-injam b’binja minima”, kif definit fis-subkategorija 1.1(f) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(35)

“taħlita”, kif definit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(36)

“kisjiet ta’ rendiment li jkun fihom diversi pakketti” tfisser kisjiet bl-istess użu bħal kisjiet ta’ rendiment li jkun fihom pakkett wieħed, iżda b’komponent ieħor (pereżempju ammini terzjarji) miżjud qabel l-applikazzjoni;

(37)

“aġent newtralizzanti” tfisser sustanza jew materjal kimiku miżjud mal-formulazzjonijiet tal-kisi li jaġixxi bħala bażi Bronsted, aċidu Bronsted, bażi Lewis jew aċidu Lewis sabiex jiġi stabbilizzat il-pH tal-formulazzjoni tal-kisi u jiġu evitati reazzjonijiet jew degradazzjoni mhux mixtieqa matul il-produzzjoni, il-ħżin u l-applikazzjoni li jaffettwaw b’mod negattiv il-proprjetajiet tal-prodott tal-kisi u r-rita xotta li tirriżulta;

(38)

“kisjiet ta’ rendiment li jkun fihom pakkett wieħed”, kif definit fis-subkategorija 1.1(i) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(39)

“opak” tfisser rita bi proporzjon ta’ kuntrast ta’ ≥ 98 % meta r-rita mxarrba tkun ta’ ħxuna ta’ 120 μm;

(40)

“komposti tal-organotin” tfisser kwalunkwe kompost organometalliku b’mill-inqas rabta kovalenti waħda Sn-C;

(41)

“żebgħa” tfisser materjal tal-kisi pigmentat, fornut f’forma likwida, ta’ paste jew ta’ trab, li, meta jiġi applikat fuq substrat, joħloq rita opaka li jkollha proprjetajiet protettivi, dekorattivi jew tekniċi speċifiċi, li, wara l-applikazzjoni, tinxef u tifforma kisi solidu, aderenti u protettiv;

(42)

“PFAS” tfisser kwalunkwe sustanza li fiha mill-inqas atomu tal-karbonju wieħed ta’ metil (CF3-) jew ta’ metilen (-CF2-) kompletament fluworurat (mingħajr l-ebda H/Cl/Br/I mehmuż miegħu), ħlief sustanza li fiha l-elementi strutturali li ġejjin biss: CF3-X jew X-CF2-X’, fejn X = -OR jew -NRR’ u X’ = metil (-CH3), metilen (-CH2-), grupp aromatiku, grupp karboniliku (-C(O)-), -OR”, -SR” jew –NR“R”’, u fejn R/R’/R”/R”’ huwa idroġenu (-H), metil (-CH3), metilen (-CH2-), grupp aromatiku jew grupp karboniliku (-C(O)-);

(43)

“ftalati” tfisser esteri tal-aċidu ftaliku / aċidu ortoftaliku / aċidu 1,2-benżen dikarbossiliku;

(44)

“ġibs” tfisser materjali mħallta minn qabel maħsuba għat-tikħil tal-ħitan u tas-soqfa ta’ ġewwa jew ta’ barra, inklużi l-ġibs tal-ġipsum, il-ġibs pastuż ħieles minn solventi, it-tajn tal-ġebel u żebgħat tal-ħitan strutturali maħsuba għall-użu fuq ġewwa bħala ġibs ta’ ġewwa bi ħxuna ta’ > 400 μm u/jew kopertura minima ta’ < 2 m2/l;

(45)

“kisi f’forma ta’ trab” tfisser kisi dekorattiv jew protettiv iffurmat bl-applikazzjoni ta’ trab tal-kisi fuq substrat u l-fużjoni biex tinħoloq rita kontinwa;

(46)

“primituri” kif definit fis-subkategorija 1.1(g) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE;

(47)

“żebgħat għas-sinjali tat-triq” tfisser, żebgħat li jiffurmaw parti mill-mezzi għas-sinjalar orizzontali u li jirrikjedu komponent funzjonali biex jipprovdu sikurezza fit-toroq;

(48)

“subkategorija ta’ prodotti” tfisser għan definit ta’ użu li għalih ġie fformulat prodott tal-kisi u li jallinja mas-subkategoriji definiti fit-taqsima 1.1 taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 2004/42/KE. Għaċ-ċarezza, iż-żebgħat fi sprej aerosol għandhom dejjem jitqiesu bħala subkategorija separata miż-żebgħat konvenzjonali anke jekk ikollhom l-istess għan finali tal-użu;

(49)

“sustanza” kif definita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(50)

“trasparenti” u “semitrasparenti” ifissru rita bi proporzjon ta’ kuntrast < 98 % meta r-rita mxarrba tkun ta’ ħxuna ta’ 120 μm;

(51)

“sistema għall-għoti ta’ lewn ħafif” tfisser metodu ta’ tħejjija ta’ żebgħat ikkuluriti permezz tat-taħlit ta’ “bażi ta’ lewn ħafif” ma’ lewn ħafif ikkulurit;

(52)

“nanoforma ta’ TiO2” tfisser forma ta’ TiO2 li tissodisfa r-rekwiżiti tan-nanoforma f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, irrispettivament minn jekk hijiex tabilħaqq meħtieġa li tiġi rreġistrata skont dak ir-Regolament;

(53)

“tirqim u tlibbis” huma elementi tal-bini bi rwoli funzjonali u estetiċi. Tirqim tirreferi għall-materjali tal-finitura madwar ix-xfar jew il-fetħiet, bħall-bibien u t-twieqi, li jintużaw biex jgħattu l-ġonot, jipproteġu s-superfiċi u jtejbu d-disinn. It-tlibbis huwa l-applikazzjoni ta’ materjal wieħed fuq ieħor f’bini sabiex jipproteġi l-materjal sottostanti, itejjeb l-iżolazzjoni tal-involukru tal-bini u/jew jikkontribwixxi għall-attraenza viżiva;

(54)

“valuri tristimulus” tfisser l-ammont ta’ stimuli tal-kulur ta’ referenza, f’sistema trikromatika partikolari, meħtieġ biex jaqbel mal-kulur tal-istimolu ikkunsidrat. Fis-sistemi kolorimetriċi standard tas-CIE (pereżempju s-CIE 1931 u s-CIE 1964), il-valuri tristimulus huma rrappreżentati, pereżempju, mis-simboli R, G, B; X, Y, Z; R10, G10, B10, jew X10, Y10, Z10;

(55)

“żebgħa ta’ taħt” hija saff preparatorju applikat qabel il-passata finali ta’ żebgħa jew ta’ verniċ, maħsub biex itejjeb l-adeżjoni, jillivella s-superfiċe, jissiġilla l-porożitajiet, isaħħaħ il-perċezzjoni tal-kulur għall-isfumaturi aktar skuri u/jew jipprovdi protezzjoni addizzjonali għas-substrat;

(56)

“sistema taż-żebgħa li tista’ titwebbes permezz tal-UV” tfisser it-twebbis tal-materjali tal-kisi permezz tal-esponiment għal radjazzjoni ultravjola artifiċjali;

(57)

“verniċ” tfisser materjal tal-kisi trasparenti li, meta jiġi applikat fuq substrat, jifforma rita solida u trasparenti li jkollha proprjetajiet protettivi, dekorattivi jew proprjetajiet tekniċi speċifiċi, u li, wara l-applikazzjoni, tinxef u tifforma kisi solidu, aderenti u protettiv;

(58)

“kisjiet ta’ impermeabbilizzazzjoni” tfisser prodotti u sistemi tal-kisi (inkluż kwalunkwe primitura u żebgħa ta’ taħt) applikati f’forma likwida biex jissiġillaw s-superfiċi tas-saqaf (inklużi s-soqfa ħodor), is-superfiċi tal-art ta’ ġewwa jew ta’ barra f’bini u l-elementi tal-bini f’kuntatt mal-ħamrija;

(59)

“xemgħat’” tfisser grupp ta’ komposti organiċi li huma tipikament solidi f’temperatura ambjentali u li jsiru malleabbli jew likwidi meta jiġu msaħħna;

(60)

“żjut tal-injam” tfisser żjut użati għall-kura u għall-protezzjoni tal-injam (pereżempju l-effett perla) mingħajr ebda azzjoni ta’ tindif;

(61)

“preservattivi tal-injam” huma prodotti bijoċidali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għall-użu fit-tip ta’ prodott 8 kif deskritt fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament, dawn jintużaw għall-preservazzjoni tal-injam, mill-istadju tal-fabbrika tas-serrar u matulu, jew tal-prodotti tal-injam permezz tal-kontroll ta’ organiżmi li jeqirdu jew jisfiguraw l-injam, inklużi l-insetti.

Artikolu 5

1.   Sabiex prodott jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 għall-grupp ta’ prodotti “żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi”, dan għandu jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ dak il-grupp ta’ prodotti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, u għandu jkun konformi mal-kriterji rispettivi kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Sabiex prodott jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 għall-grupp ta’ prodotti “kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati”, dan għandu jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ dak il-grupp ta’ prodotti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, u għandu jkun konformi mal-kriterji rispettivi kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom stabbiliti fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Sabiex prodott jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 għall-grupp ta’ prodotti “żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma”, dan għandu jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ dak il-grupp ta’ prodotti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, u jkun konformi mal-kriterji rispettivi kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-gruppi ta’ prodotti “żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi”, “kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati”, u “żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma” u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati magħhom għandhom ikunu validi sal-31 ta’ Diċembru 2032.

Artikolu 7

1.   Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta’ prodotti “żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi” għandu jkun “044”.

2.   Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta’ prodotti “kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati” għandu jkun “056”.

3.   Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta’ prodotti tal-“żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma” għandu jkun “057”.

Artikolu 8

Id-Deċiżjoni 2014/312/UE titħassar.

Artikolu 9

1.   L-applikazzjonijiet sottomessi qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti “żebgħat u verniċi ta’ ġewwa u ta’ barra”, kif definit fid-Deċiżjoni 2014/312/UE, għandhom jiġu evalwati f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni.

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp ta’ prodotti “żebgħat u verniċi ta’ ġewwa u ta’ barra” kif definit fid-Deċiżjoni 2014/312/UE sottomessi fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jistgħu jkunu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2014/312/UE. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati f’konformità mal-kriterji li fuqhom huma bbażati.

3.   Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija abbażi ta’ applikazzjoni evalwata f’konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2014/312/UE jistgħu jintużaw għal 18-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Jessika ROSWALL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/66/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/312/UE tat-28 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta tal-UE għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ barra u ta’ ġewwa (ĠU L 164, 3.6.2014, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/312/oj).

(3)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (COM(2017) 355 final).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (COM(2020) 98 final) (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 94).

(5)   ĠU L 143, 30.4.2004, p. 87.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).


ANNESS I

Kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi

Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandhom fil-mira tagħhom l-aqwa żebgħat, verniċi, u prodotti relatati fis-suq, f’termini ta’ prestazzjoni ambjentali. Il-kriterji jiffokaw fuq l-impatti ambjentali ewlenin assoċjati maċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dawn il-prodotti u jippromwovu aspetti tal-ekonomija ċirkolari.

Rekwiżiti tal-valutazzjoni u l-verifika

Sabiex prodott speċifiku jingħata Ekotikketta tal-UE, il-prodott għandu jikkonforma ma’ kull rekwiżit. L-applikant għandu jipprovdi konferma bil-miktub li tiddikjara li l-kriterji kollha huma ssodisfati.

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f’kull kriterju.

Meta l-applikant ikun meħtieġ li jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra biex juri konformità mal-kriterji, dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew mill-fornitur/fornituri tagħhom, kif xieraq.

Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment l-attestazzjonijiet li jinħarġu mill-korpi akkreditati f’konformità mal-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u l-kalibrazzjoni, u l-verifiki minn korpi li huma akkreditati f’konformità mal-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi.

Meta xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar minbarra dawk indikati għal kull kriterju jekk il-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jeħtieġu dokumentazzjoni ta’ sostenn u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti jew spezzjonijiet fuq il-post biex jivverifikaw il-konformità ma’ dawn il-kriterji.

Tibdiliet fil-fornituri u fis-siti tal-produzzjoni li jappartjenu għall-prodotti li tkun ingħatatilhom l-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu nnotifikati lill-korpi kompetenti, flimkien ma’ informazzjoni ta’ sostenn li tippermetti l-verifika tal-konformità kontinwa mal-kriterji.

Bħala prerekwiżit, il-prodott għandu jissodisfa kull rekwiżit legali rispettiv tal-pajjiż jew tal-pajjiżi fejn il-prodott ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dan ir-rekwiżit.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta flimkien mal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE:

(a)

Lista tal-prodotti individwali kollha taż-żebgħa u tal-verniċ koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE, miġbura f’familji ta’ prodotti u li tindika kwalunkwe karatteristika rilevanti tal-prodott li taffettwa liema rekwiżiti speċifiċi mill-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE japplikaw. Familja ta’ prodotti se jkollha l-istess formulazzjoni bażi u subkategorija tal-prodott, iżda tista’ tvarja f’termini ta’ sfumatura/jew format ta’ imballaġġ.

(b)

Deskrizzjoni tal-formulazzjoni(jiet) tal-prodott, b’% ta’ kompożizzjoni tal-ingredjenti użati u l-funzjoni speċifika ta’ kull ingredjent (l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tista’ tkun soġġetta għal ftehim ta’ nondivulgazzjoni bejn l-applikant u l-korp kompetenti jew, f’xi każijiet, direttament bejn il-fornitur u l-korp kompetenti). Il-funzjonijiet tal-ingredjenti għandhom ikunu jew: aċċelleratur; addittiv; aġent kontra l-imblukkar; aġent kontra r-ragħwa; aġent kontra s-sedimentazzjoni; aġent kontra t-tqaxxir; legant; aġent koalexxenti; kulurant; pigment; aġent ta’ retikolazzjoni; aġent li jwebbes; dilwent; aġent dispersiv; aġent nixxief; materjal għall-mili; preservattiv b’rita niexfa; preservattiv fil-bott; aġent li jimmattja; aġent newtralizzanti; illuminant ottiku; plastifikant; dispersjoni tal-polimeri; stabbilizzatur tal-preservattivi; reżina; ritardant; modifikatur reoloġiku; reżina tas-silikonu; solvent; aġent tensjoattiv; stabbilizzatur tal-UV; ilma; aġent ripellent tal-ilma jew, f’każ li ma japplika l-ebda wieħed minn dawn, “oħrajn”.

(c)

Skedi tad-data tas-sikurezza għall-ingredjenti użati fil-formulazzjonijiet taż-żebgħat u tal-verniċi.

(d)

Kwalunkwe informazzjoni oħra assoċjata mal-produzzjoni ta’ ingredjenti u materjali li hija meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandha tiġi pprovduta mill-fornituri jew mill-produtturi ta’ dawk l-ingredjenti u l-materjali.

(e)

Sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ prodotti fi ħdan kwalunkwe familja partikolari ta’ prodotti, deskrizzjoni tal-format(i) tal-imballaġġ użat(i), il-volum(i) tal-prodott miżmum(a) u l-materjal(i) tal-imballaġġ użat(i) għal kull wieħed mill-prodotti taż-żebgħa u tal-verniċ koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE.

(f)

Sabiex titnaqqas il-kwantità ta’ ttestjar u dokumentazzjoni meħtieġa għall-proċeduri ta’ valutazzjoni u ta’ verifika, diversi kriterji jiddikjaraw b’mod espliċitu li l-konformità ta’ familja sħiħa ta’ prodotti tista’ tiġi preżunta jekk il-prodott tal-agħar xenarju jista’ jintwera li jikkonforma. Kull darba li tiġi sottomessa d-data għal prodott tal-agħar xenarju, din għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni tar-raġuni għaliex dan il-prodott partikolari jirrappreżenta l-agħar xenarju fi ħdan il-familja tiegħu ta’ prodotti għall-proprjetà li tkun qed tiġi ttestjata.

Kriterju 1.   Produzzjoni tad-diossidu tat-titanju

Jekk il-prodott finali jkun fih aktar minn 3,0 % w/w ta’ pigment tad-diossidu tat-titanju (TiO2), l-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma mill-produzzjoni ta’ kwalunkwe pigment tad-diossidu tat-titanju użat għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti elenkati hawn taħt għall-proċessi tal-produzzjoni rispettivi:

Tabella 1

Rekwiżiti għall-produzzjoni tad-Diossidu tat-Titanju

Parametru u metodu analitiku

Proċess tas-sulfat

Proċess tal-klorur

Emissjonijiet ta’ trab fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 0,40 kg/t pigment tat-TiO2

≤ 0,66 kg/t pigment tat-TiO2

Emissjonijiet ta’ SO2 fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 4,5 kg/t pigment tat-TiO2

mhux applikabbli

Emissjonijiet tal-HCI fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

mhux applikabbli

≤ 0,70 kg/t pigment tat-TiO2

Emissjonijiet ta’ SO4 2- fl-ilma (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 300 kg SO4 2-/t pigment tat-TiO2

mhux applikabbli

Emissjonijiet ta’ Cl- fl-ilma (imkejla bl-użu tal-metodu tal-bilanċ tal-massa jew bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

mhux applikabbli

≤ 103 kg Cl-/t pigment tat-TiO (2) (2)

≤ 179 kg Cl-/t pigment tat-TiO2  (3)

≤ 329 kg Cl-/t pigment tat-TiO2 (  (4) )

Ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab

Għandu jintwera

Għandu jintwera

L-emissjonijiet fl-arja għandhom jingħaddu mis-sors(i) punt rilevanti ddikjarat(i) fil-punt (1) ta’ hawn fuq fejn l-emissjonijiet jistgħu jiġu mmonitorjati kontinwament jew perjodikament minn punt ta’ kampjunar fiss wara kwalunkwe sistema/i ta’ tnaqqis tal-gass tal-egżost.

L-emissjonijiet fl-ilma għandhom jitqiesu bħala sulfat jew klorur preżenti fi kwalunkwe effluwent tal-ilma mormi ttrattat li jintrema fi kwalunkwe xmara, lag, ilma tranżizzjonali, ilma kostali jew ilma tal-baħar.

Il-limitu rilevanti għall-emissjonijiet tal-klorur fl-ilma għandu jkun ibbażat fuq il-% tal-medja ponderata tal-kontenut ta’ TiO2 tal-mineral(i) użat(i) matul il-perjodu tal-kalkolu.

Ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab għandu, bħala minimu, jinkludi l-aspetti li ġejjin:

Valutazzjoni tar-riskju għall-post tax-xogħol li tidentifika l-oqsma ewlenin kollha tal-emissjoni potenzjali tat-trab u l-esponiment tal-ħaddiema għat-trab.

Il-ħtieġa li jkun hemm fis-seħħ programm ta’ monitoraġġ tal-iġjene okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol.

L-għoti ta’ taħriġ xieraq lill-impjegati dwar prattika tajba għall-kontroll tat-trab.

Il-forniment ta’ tagħmir protettiv personali adegwat lill-impjegati u lill-viżitaturi.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jiddikjara l-kontenut ta’ TiO2 użat f’kull waħda mill-formulazzjonijiet tal-prodott soġġetta għall-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe prodott b’kontenut ta’ pigment ta’ TiO2 ta’ aktar minn 3,0 % w/w, l-applikant għandu jiddikjara wkoll il-fornitur jew il-fornituri tat-TiO2 użati f’dawk il-prodotti.

Id-dikjarazzjoni tal-applikant għandha tkun appoġġata minn dikjarazzjonijiet mill-fornitur(i) tat-TiO2 tagħhom (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk differenti) li jiddikjaraw:

It-tip ta’ proċess tal-produzzjoni tat-TiO2 użat (klorur jew sulfat).

Il-firxa tal-kontenut ta’ TiO2 applikabbli tal-mineral medju ponderat fil-każ tal-proċess tal-klorur.

Data medja annwali dwar l-emissjonijiet tat-trab fl-arja, SO2 fl-arja, u SO4 2- fl-ilma għal TiO2 prodott permezz tal-proċess tas-sulfat. Inkella, id-data medja dwar l-emissjonijiet tat-trab fl-arja, HCl fl-arja, u Cl- fl-ilma għal TiO2 prodott permezz tal-proċess tal-klorur.

Id-dikjarazzjonijiet mill-fornitur(i) tat-TiO2 (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk ikunu differenti) għandhom jinkludu l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti użati biex jitkejlu l-parametri rilevanti elenkati fit-Tabella 1.

Il-miżuri fis-seħħ biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab.

Id-dikjarazzjoni mill-fornitur(i) tat-TiO2 (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk differenti) għandha tinkludi kalkolu bażiku dwar kif inkisbu l-emissjonijiet medji annwali. Jekk il-produzzjoni tal-pigment tat-TiO2 fornut ma tkunx kontinwa, jistgħu jiġu aċċettati kalkoli tad-data dwar l-emissjonijiet li jkopru perjodu iqsar minn 12-il xahar. F’każijiet ta’ monitoraġġ kontinwu, il-konċentrazzjonijiet medji annwali tal-emissjonijiet għandhom jiġu derivati minn konċentrazzjonijiet medji ta’ kuljum. Għal emissjonijiet immonitorjati perjodikament, iridu jittieħdu mill-inqas 3 kampjuni biex jinkisbu r-riżultati medji. Kwalunkwe kampjunar perjodiku jrid jittieħed matul perjodi ta’ operazzjoni stabbli li huma rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet normali tal-pjanti għall-produzzjoni tal-pigmenti tat-TiO2 użati fil-prodotti taż-żebgħa tal-Ekotikketta tal-UE.

Il-kalkoli tal-emissjonijiet għandhom ikunu meħtieġa biss li jiġu sottomessi fid-data tal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE. Jekk tingħata l-Ekotikketta tal-UE, l-applikant jista’ sempliċement jitlob dikjarazzjonijiet aġġornati kull sena mill-fornitur(i) tat-TiO2 tiegħu tal-konformità kontinwata mal-limiti tal-emissjonijiet.

Għall-emissjonijiet fl-arja, il-konċentrazzjonijiet għandhom jiġu espressi f’unitajiet ta’ mg/Nm3 u mmultiplikati b’rata speċifika tal-fluss tal-arja tal-emissjonijiet f’unitajiet ta’ Nm3/tunnellata ta’ produzzjoni ta’ pigment tat-TiO2 għall-istess perjodu ta’ żmien li fih tkun inġabret id-data. Jekk ikun hemm aktar minn sistema waħda ta’ tnaqqis tal-gass tal-egżost għal sorsi punt ta’ emissjonijiet ewlenin fl-arja, emissjonijiet mill-arja nadifa minn kull sistema ta’ tnaqqis għandhom jingħaddu u jiżdiedu.

Għal emissjonijiet fl-ilma, għandu jintuża kejl dirett jew approċċ ta’ bilanċ tal-massa. L-approċċ tal-bilanċ tal-massa għandu jkun ibbażat fuq il-bilanċ bejn l-inputs ta’ sulfat/klorur mhux ipproċessat u l-outputs ta’ sulfat/klorur fi prodotti sekondarji, fl-emissjonijiet fl-arja u fl-iskart solidu li jintrema fil-landfills jew li jiġi inċinerat. Id-differenza fil-mases tal-inputs u tal-outputs għandha titqies bħala l-massa tas-sulfat/klorur li tiġi emessa fl-ilma matul il-perjodu tal-kalkolu u għandha tiġi diviża bil-kwantità stmata ta’ pigment tat-TiO2 prodott matul l-istess perjodu biex jiġu kkalkolati l-emissjonijiet speċifiċi fl-ilma f’unitajiet ta’ kg ta’ sulfat jew klorur/t pigment tat-TiO2.

Bl-approċċ ta’ kejl dirett għall-emissjonijiet fl-ilma, il-konċentrazzjonijiet imkejla f’unitajiet ta’ g/m3 għandhom jiġu mmultiplikati b’rata tal-fluss speċifika tal-effluwent tal-ilma mormi ttrattat f’unitajiet ta’ m3/tunnellata ta’ produzzjoni tal-pigment tat-TiO2 għall-istess perjodu ta’ żmien li fih tkun inġabret id-data tas-sulfat/klorur.

Kriterju 2.   Rekwiżiti tal-effiċjenza fl-użu

Sabiex tintwera l-effiċjenza fl-użu ta’ żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi, għandhom jitwettqu t-testijiet li ġejjin għal kull tip ta’ prodott, kif indikat fit-Tabella 2 u dettaljati fit-test tal-kriterju aktar tard.

Tabella 2

Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni għal tipi differenti ta’ żebgħat, verniċi u prodotti relatati dekorattivi

Kriterji

Il-kategoriji taż-żebgħat u tal-verniċi dekorattivi

(bis-subkategoriji tagħhom identifikati skont id-Direttiva 2004/42/KE)

Iż-żebgħat jew il-verniċi dekorattivi “li żżidilhom biss l-ilma” għall-użu fuq il-bini, it-tirqim, il-fittings jew l-istrutturi assoċjati tagħhom

Żebgħa tal-ħitan u tas-soqfa ta’ ġewwa

(a, b)

Żebgħa tas-substrati minerali ta’ barra

(c)

Żebgħat tat-tirqim u tat-tlibbis

(d)

Verniċi u likwidi li jlewnu l-injam

(e, f)

Primituri

(g)

Primituri leganti

(h)

2(a)

Rata tat-tifrix

Iva

Iva

Iva

Le

Opak biss

Opak biss

Żebgħat: Iva

Verniċi: Le

2(b)

Reżistenza għall-għorik umdu (WSR, wet scrub resistance) u kontenut ta’ pigment abjad (WPC, white pigment content)

WSR u WPC

WPC biss

WPC biss

L-ebda

Opak biss (WPC biss)

Opak biss (WPC biss)

Żebgħat: WPC (u WSR jekk ikkummerċjalizzati bħala subkategorija A jew b)

Verniċi: L-ebda

2(c)

Reżistenza għall-ilma

Le

Le

Le

Iva, ħlief likwidi li jlewnu l-injam b’binja minima

Le

Le

Żebgħat: Le

Verniċi: Biss jekk ikkummerċjalizzati bħala subkategorija e jew f

2(d)

Aderenza

Le

Le

Żebgħat ta’ taħt opaki biss

Le

Opaka u għall-bini tal-ġebel biss

Opaka u għall-bini tal-ġebel biss

Le

2(e)

Esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp

Le

Iva

Ta’ barra biss

Ta’ barra biss

Le

Le

Biss jekk ikunu kkummerċjalizzati għal applikazzjoni fuq barra)

2(f)

Permeabbiltà għall-fwar tal-ilma

Le

Jekk iddikjarat

Le

Le

Le

Le

Le

2(g)

Permeabbiltà għall-ilma f’forma likwida

Le

Iva

Le

Le

Le

Le

Le

2(h)

Reżistenza għall-moffa

Jekk iddikjarat

Jekk iddikjarat

Jekk iddikjarat

Le

Le

Le

Jekk iddikjarat

2(i)

Reżistenza għall-alga

Le

Jekk iddikjarat

Jekk iddikjarat

Le

Le

Le

Jekk iddikjarat

2(j)

Għeluq tax-xquq

Le

Jekk iddikjarat

Le

Le

Le

Le

Jekk iddikjarat

2(k)

Reżistenza għall-alkali

Le

Iva

Le

Le

Għas-sistemi ta’ bini tal-ġebel fuq barra

Għas-sistemi ta’ bini tal-ġebel fuq barra

Biss jekk ikkummerċjalizzati bħala subkategorija c

2(a)   Rata tat-tifrix

Nota 1:

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-verniċ, għal-lażuri, għall-primituri trasparenti ta’ adeżjoni jew għal kwalunkwe kisi trasparenti jew semitrasparenti ieħor.

Nota 2.

Għas-sistemi għall-għoti ta’ lewn ħafif, dan il-kriterju japplika biss għall-bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif li jkun fiha l-aktar TiO2 f’termini ta’ g/l ta’ bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif. F’każijiet fejn din il-bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif ma tkunx tista’ tikseb dan ir-rekwiżit, il-kriterju għandu jintlaħaq wara li l-bażi tingħata lewn ħafif biex jiġi prodott il-kulur standard RAL 9010.

Nota 3.

Dan ir-rekwiżit japplika għaż-żebgħat bojod kollha. Għall-familji ta’ prodotti taż-żebgħa disponibbli biss bl-isfumaturi prestabbiliti, ir-rata tat-tifrix għandha tapplika għall-aktar kulur ċar.

Ir-rati tat-tifrix għandhom jiġu kkalkolati filwaqt li tiġi żgurata qawwa opaċizzanti ta’ mill-inqas 98 % skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti jew metodu ekwivalenti li jista’ jiġi vvalidat kontrihom. Japplikaw il-limiti minimi tar-rata tat-tifrix li ġejjin:

Iż-żebgħat bojod u ta’ kulur ċar ta’ ġewwa, inklużi l-kisjiet tal-irfinar u l-kisjiet intermedji (is-subkategoriji a u b), għandu jkollhom rata tat-tifrix ta’ mill-inqas 8 m2 għal kull litru tal-prodott.

Iż-żebgħat bojod u ta’ kulur ċar ta’ barra, inklużi l-kisjiet tal-irfinar u l-kisjiet intermedji (is-subkategorija c), għandu jkollhom rata tat-tifrix ta’ mill-inqas 6 m2 għal kull litru tal-prodott. Prodotti kkummerċjalizzati kemm għal applikazzjoni fuq ġewwa kif ukoll għal applikazzjoni fuq barra għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ rata ogħla tat-tifrix ta’ mill-inqas 8 m2 għal kull litru.

Il-primituri u ż-żebgħat ta’ taħt opaki (is-subkategoriji g u h) għandu jkollhom rata tat-tifrix ta’ mill-inqas 8 m2 għal kull litru tal-prodott, jew ta’ mill-inqas 6 m2 għal kull litru tal-prodott fil-każijiet ta’ primituri opaki b’karatteristika speċifika ta’ mblukkar, issiġillar, penetranti, leganti jew ta’ adeżjoni speċjali.

Iż-żebgħat elastomeriċi opaki (is-subkategorija c, iżda b’dikjarazzjonijiet ta’ għeluq tax-xquq) għandu jkollhom rata tat-tifrix ta’ mill-inqas 4 m2 għal kull litru tal-prodott.

Għaż-żebgħat li jkunu parti minn sistema għall-għoti ta’ lewn ħafif, l-applikant irid javża lill-utent finali fuq l-imballaġġ tal-prodott u fil-punt tal-bejgħ (POS, point of sale) dwar liema sfumatura jew primitura/żebgħa ta’ taħt (jekk possibbli, li tkun ingħatat l-Ekotikketta tal-UE) għandha tintuża bħala l-passata bażi qabel ma tiġi applikata l-isfumatura aktar skura.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mal-limiti rilevanti tar-rata tat-tifrix jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżit tar-rata tat-tifrix għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni għandha tkun appoġġata minn riżultati tat-testijiet skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti jew metodu ekwivalenti li jista’ jiġi vvalidat kontrihom. Għandu jiġi indikat b’mod ċar liema riżultati tar-rata tat-tifrix jikkorrispondu għal liema familji ta’ prodotti koperti mill-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE.

Il-bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif bl-ogħla kontenut ta’ TiO2 għandha tiġi identifikata billi jiġu ppreżentati skedi tad-data tas-sikurezza għalihom jew dikjarazzjoni xierqa li tkopri l-bażijiet kollha għall-għoti ta’ lewn ħafif fi ħdan familja partikolari ta’ prodotti. Għall-bażijiet użati fil-produzzjoni ta’ prodotti li jkunu ngħataw lewn ħafif li ma jkunux evalwati skont ir-rekwiżiti msemmijin hawn fuq, l-applikant għandu juri evidenza dwar kif l-utent finali se jkun avżat biex juża primitura u/jew żebgħa ta’ taħt griża (jew sfumatura oħra rilevanti) qabel ma jiġi applikat il-prodott.

2(b)   Reżistenza għall-għorik umdu u kontenut ta’ pigment abjad

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għall-prodotti taż-żebgħa u għall-kontenut ta’ pigment abjad u għandu jiġi kkalkolat bl-istess prodotti li għalihom ir-rata tat-tifrix titkejjel skont in-noti fil-kriterju 2(a). Għall-finijiet ta’ dan il-kriterju, it-terminu “pigment abjad” għandu jitqies li jirreferi biss għal pigmenti b’indiċi rifrattiv ogħla minn 1,8.

Kwalunkwe prodott taż-żebgħa tal-ħitan u tas-soqfa ta’ ġewwa li jiddikjara reżistenza għall-għorik umdu jrid jissodisfa r-rekwiżiti għall-klassi 1 jew għall-klassi 2 skont il-proċedura ddefinita fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti u s-sistemi ta’ klassifikazzjoni u għandu jikkonforma mal-limiti massimi rispettivi għall-kontenut ta’ pigment abjad definit fit-tabella ta’ hawn taħt. Il-prodotti rilevanti l-oħrajn kollha mingħajr dikjarazzjonijiet ta’ reżistenza għall-għorik umdu jridu jikkonformaw mal-limitu korrispondenti tal-kontenut ta’ pigment abjad iddefinit fit-Tabella 3.

Tabella 3

Rekwiżiti għar-reżistenza għall-għorik umdu u għall-kontenut ta’ pigment abjad għall-prodotti taż-żebgħa

Dikjarazzjoni ta’ reżistenza għall-għorik umdu? (subkategorija tal-prodott)

Reżistenza għall-għorik umdu

Kontenut ta’ pigment abjad

Iva (a), b), jew żebgħat li żżidilhom biss l-ilma kkummerċjalizzati bħala a) jew b))

Klassi 1

≤ 40 g/m2  (*1)

Iva (a), b), jew żebgħat li żżidilhom biss l-ilma kkummerċjalizzati bħala a) jew b))

Klassi 2

≤ 36 g/m2  (*1)

Le (a), b), jew żebgħat li żżidilhom biss l-ilma kkummerċjalizzati bħala a) jew b))

mhux applikabbli

≤ 25 g/m2  (*1)

mhux applikabbli (is-subkategoriji rilevanti l-oħrajn kollha: c), d), g) jew h), jew żebgħat li żżidilhom biss l-ilma kkummerċjalizzati bħala c), d), g) jew h))

mhux applikabbli

≤ 38 g/m2  (*1)

mhux applikabbli (verniċi u likwidi li jlewnu l-injam: e) jew f))

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. F’każijiet ta’ prodotti rilevanti, l-applikant għandu jiddikjara l-kontenut totali ta’ pigmenti bojod b’indiċi rifrattiv ta’ > 1,8 fil-prodott finali, b’bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif rilevanti jew b’formulazzjonijiet taż-żebgħa ta’ bażi ċara li huma soġġetti għall-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Din l-informazzjoni għandha tingħata f’termini tal-isem kimiku u n-numru CAS tal-pigment abjad, l-indiċi rifrattiv iddikjarat tiegħu, il-konċentrazzjoni tiegħu fi g/l ta’ prodott taż-żebgħa u d-densità taż-żebgħa, fi g/l. Ir-rata tat-tifrix tal-prodott taż-żebgħa, f’l/m2 għal rita niexfa ta’ opaċità ta’ mill-inqas 98 % skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, għandha tiġi ddikjarata wkoll (skont il-kriterju 2(a)). Il-multiplikazzjoni tal-konċentrazzjoni tal-pigment abjad (fi g/l) bir-rata tat-tifrix (f’l/m2) se tipproduċi livelli ta’ pigment abjad f’unitajiet ta’ g/m2 li jistgħu jitqabblu mal-limiti fit-tabella ta’ hawn fuq.

Ħlief f’każijiet fejn il-kontenut ta’ pigmenti bojod ikun ta’ < 25,0 g/m2 u ma ssir l-ebda dikjarazzjoni ta’ reżistenza għall-għorik umdu, l-applikant għandu jipprovdi wkoll riżultati tal-ittestjar tar-reżistenza għall-għorik umdu skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti li juru li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli tar-reżistenza tal-klassi 1 jew tal-klassi 2 definiti fi standards Ewropej jew internazzjonali rilevanti oħra.

2(c)   Reżistenza għall-ilma

Nota:

F’sistemi ta’ kisi bil-verniċ jew b’likwidi li jlewnu l-injam bi primitura, tista’ tiġi ttestjata jew is-sistema ta’ kisi sħiħa jew is-saff ta’ rfinar biss.

Il-kisjiet imwebbsa għandu jkollhom reżistenza għall-ilma, kif iddeterminat mill-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, b’tali mod li wara 24 siegħa ta’ esponiment u 16-il siegħa ta’ rkupru, ma tiġi osservata l-ebda bidla fit-tleqqija f’kisjiet trasparenti jew semitrasparenti.

L-ebda tibdil fit-tleqqija fil-kampjuni esposti ma għandu jitqies bħala klassifikazzjoni viżiva ta’ 0 meta mkejjel għall-kwantità tad-difetti, għad-daqs tad-difetti u għall-intensità tal-bidliet skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżit għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE.

Għal kwalunkwe prodott ta’ verniċ jew likwidu li jlewwen l-injam inkluż fl-applikazzjoni għal-liċenzja tiegħu, id-dikjarazzjoni tal-applikant għandha tkun appoġġata minn kopji tar-rapport(i) tat-test rilevanti li jsegwu standards Ewropej jew internazzjonali rilevanti u li jkopru l-prodott jew il-familja ta’ prodotti liċenzjati, inklużi r-riżultati rrapportati għall-bidla fit-tleqqija skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Jekk tiġi applikata l-eżenzjoni għal-likwidi li jlewnu l-injam b’binja minima, l-applikant għandu jiġġustifika l-eżenzjoni billi jipprovdi rapporti tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, li juru li l-ħxuna tas-saff tal-kisi hija inqas minn 5 μm.

2(d)   Aderenza

Nota:

Dan il-kriterju japplika għal primituri opaki u primituri leganti għal kisi tal-ġebel u għal żebgħat ta’ taħt għat-tirqim tal-injam jew tal-metall u tal-kopertura. It-test tal-aderenza jista’ jsir fuq kwalunkwe primitura jew żebgħa ta’ taħt opaki biss, jew fuq il-primitura/iż-żebgħa ta’ taħt u l-kisja tal-irfinar flimkien, sakemm il-kombinazzjoni ma tkunx opaka. F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi jew il-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

Il-primituri tal-ġebel pigmentati għal użi esterni għandhom jgħaddu mit-test tal-qligħ (“pull-off”) tal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti fejn is-saħħa ta’ koeżjoni tas-substrat tkun inqas mis-saħħa ta’ adeżjoni tal-primitura, inkella l-adeżjoni tal-kisja tal-primitura trid tkun ogħla mill-valur minimu meħtieġ ta’ 1,5 MPa.

Il-primituri tal-ġebel ta’ ġewwa, iż-żebgħa ta’ taħt tal-metall u tal-injam għandhom iġibu punteġġ ta’ 2 jew inqas fit-test għall-adeżjoni tal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe primitura tal-ġebel opaka, primitura leganti, prodott ta’ żebgħa ta’ taħt tal-injam jew tal-metall inklużi fl-applikazzjoni għal-liċenzja tagħhom, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, kif applikabbli.

2(e)   Esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp

Nota:

Dan il-kriterju japplika għaż-żebgħat u għall-verniċi ta’ barra. Fil-każ ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi jew il-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

Iż-żebgħat jew il-verniċi kollha ta’ barra għandhom jiġu esposti għal kundizzjonijiet artifiċjali tat-temp f’apparat li jinkludi lampi fluworexxenti tal-UV u l-kondensazzjoni jew raxx tal-ilma skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. Dawn għandhom ikunu esposti għall-kundizzjonijiet tat-test għal 1 000 siegħa b’kundizzjonijiet taċ-ċiklaġġ ta’: UVA 4 h/60 °C + umdità 4 h/50 °C.

Inkella, il-finituri tal-injam ta’ barra u l-verniċi tal-injam ta’ barra jistgħu jiġu esposti għall-kundizzjonijiet tat-temp għal 1 000 siegħa fl-apparat tal-effetti aċċellerati tat-temp QUV b’esponiment ċikliku b’radjazzjoni tal-UV(A) u sprejjar skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Wara l-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp, ir-riti esposti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fit-Tabella 4.

Tabella 4

Ħarsa ġenerali lejn ir-rekwiżiti tal-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp għaż-żebgħat, il-verniċi u l-prodotti relatati dekorattivi skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti

Proprjetà

Rekwiżit (wara l-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp)

Kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti koperti/mhux koperti

Tibdil fil-kulur

Tibdil fil-kulur, ΔΕ ≤ 4

Mhux applikabbli għal kwalunkwe verniċ jew għal kwalunkwe bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif trasparenti jew semitrasparenti

Tnaqqis fit-tleqqija

tnaqqis ta’ ≤ 50 % meta mqabbel mal-valur inizjali

Mhux applikabbli għall-kisjiet tal-irfinar bi tleqqija medja jew matti b’valur ta’ tleqqija inizjali ta’ < 60 % f’angolu ta’ inċidenza ta’ 60 °

Tfarfir tal-kulur

Punteġġ ta’ ≤ 2

Applikabbli biss għall-kisjiet tal-irfinar ta’ sistemi ta’ kisi użati fuq substrati tal-ġebel, tal-injam u tal-metall ta’ barra

Tqaxxir

Densità tal-qxur: ≤ 2

Daqs tal-qxur: ≤ 2

Tixqiq

Kwantità ta’ xquq: ≤ 2

Daqs tax-xaqq: ≤ 3

Tligħ ta’ bżieżaq fiż-żebgħa

Densità tal-bżieżaq: ≤ 3

Daqs tal-bżieżaq: ≤ 3

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe żebgħat jew verniċi dekorattivi ta’ barra inklużi fl-applikazzjoni għal-liċenzja tiegħu, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-testijiet li jagħtu dettalji dwar il-metodu tat-test tal-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp użat (li jkun konformi mal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti) u jipprovdi r-riżultati tal-bidliet fil-proprjetajiet wara l-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp, kif applikabbli.

2(f)   Permeabbiltà għall-fwar tal-ilma

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għaż-żebgħat tal-ġebel ta’ barra li jiddikjaraw li “iħallu l-arja tgħaddi minnhom” jew li huma “permeabbli għall-fwar tal-ilma” fil-materjal tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi jew il-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

Il-prodott(i) rilevanti taż-żebgħa għandu/għandhom jiġi/u ttestjat(i) għall-permeabbiltà tal-fwar tal-ilma skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti u għandhom jiġġeneraw riżultati li jikkorrispondu għal permeabbiltà medja (klassi V2) jew għolja (klassi V1) tal-fwar tal-ilma kif definit fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe żebgħa tal-ġebel ta’ barra inkluża fl-applikazzjoni għal-liċenzja tiegħu li tagħmel dikjarazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni rilevanti, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, b’riżultati espressi skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni definita fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

2(g)   Permeabbiltà għall-ilma f’forma likwida

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għaż-żebgħat tal-ġebel ta’ barra. F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi jew il-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

Il-prodott(i) taż-żebgħa għandu/għandhom jiġi/u ttestjat(i) għall-permeabbiltà tal-ilma f’forma likwida skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti u għandu/għandhom jissodisfa/jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin, kif xieraq:

Għaż-żebgħat tal-ġebel ta’ barra li jiddikjaraw li huma ripellenti tal-ilma jew idrofobiċi jew simili: Permeabbiltà baxxa għall-ilma f’forma likwida (Klassi W3) skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Għaż-żebgħat tal-ġebel l-oħra kollha ta’ barra: permeabbiltà medja għall-ilma f’forma likwida (Klassi W2) skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe żebgħa tal-ġebel ta’ barra, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, bir-riżultati espressi skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni ddefinita fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

2(h)   Reżistenza għall-moffa

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għaż-żebgħat tal-ġebel jew għaż-żebgħat tal-injam ta’ barra li jkollhom magħhom dikjarazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni kontra l-moffa. F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li tiġi ttestjata biss iż-żebgħa ta’ bażi jew ta’ bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

F’konformità mar-rekwiżiti tal-effikaċja tat-Tip ta’ Prodott 7 (PT7) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin, kif xieraq:

Għaż-żebgħat tal-ġebel ta’ barra: Punteġġ ta’ klassi 1 jew aktar baxx (klassi 0) għar-reżistenza kontra l-moffa skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Għaż-żebgħat tal-injam: Punteġġ tal-klassi 0 għar-reżistenza kontra l-moffa skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe żebgħa tal-ġebel jew żebgħa tal-injam ta’ barra li għandha dikjarazzjonijiet rilevanti tal-kummerċjalizzazzjoni, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-testijiet skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

2(i)   Reżistenza għall-alga

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għaż-żebgħat tal-ġebel jew għaż-żebgħat tal-injam ta’ barra li għandhom dikjarazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li jifilħu għall-alga. F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi u l-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

F’konformità mar-rekwiżiti tal-effikaċja tat-Tip ta’ Prodott 7 (PT7) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin, kif xieraq:

Għaż-żebgħat tal-ġebel ta’ barra: Punteġġ ta’ klassi 1 jew aktar baxx (klassi 0) għar-reżistenza kontra l-alga skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Għaż-żebgħat tal-injam: Punteġġ ta’ klassi 0 għar-reżistenza kontra l-alga skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe żebgħa tal-ġebel jew żebgħa tal-injam ta’ barra li għandha dikjarazzjonijiet rilevanti tal-kummerċjalizzazzjoni, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-testijiet skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

2(j)   Għeluq tax-xquq

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għaż-żebgħat tal-ġebel ta’ barra li għandhom dikjarazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li huma elastomeriċi (jiġifieri li jagħlqu x-xquq). F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi u l-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

Il-kisi għandu jissodisfa r-rekwiżiti għar-rendiment ta’ għeluq tax-xquq ta’ klassi A1 jew aħjar f’temperatura ta’ 23 °C (jiġifieri A2, A3 eċċ.) skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe żebgħa tal-ġebel ta’ barra li ġġorr magħha dikjarazzjonijiet rilevanti tal-kummerċjalizzazzjoni, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-testijiet skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

2(k)   Reżistenza għall-alkali

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għall-kisi tal-ġebel, inklużi l-primituri. F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi jew il-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

Il-kisi ma għandu juri l-ebda ħsara notevoli meta l-kisi jiġi mmarkat għal 24 siegħa b’soluzzjoni ta’ 10 % ta’ NaOH skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. L-evalwazzjoni għandha ssir wara perjodu ta’ rkupru ta’ 24 siegħa biex tinxef. L-ebda ħsara notevoli ma għandha titqies bħala klassifikazzjoni ta’ 1 jew aħjar (jiġifieri 0 jew 1) kif iddefinit fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, wara valutazzjoni viżiva kemm għad-daqs kif ukoll għall-kwantità tad-difetti għat-tligħ ta’ bżieżaq fuq is-superfiċe tal-kisi ttestjat f’konformità ma’ dawk l-istess standards internazzjonali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe żebgħa jew primitura tal-ġebel ta’ barra, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti bir-riżultati espressi f’termini tas-sistema ta’ klassifikazzjoni fi standards Ewropej jew internazzjonali rilevanti oħrajn.

Kriterju 3.   Kontenut ta’ Komposti Organiċi Volatili u Semivolatili (KOV u KOSV)

Il-kontenut massimu ta’ komposti organiċi volatili (KOV) u ta’ komposti organiċi semivolatili (KOSV) ma għandux jaqbeż il-limiti mogħtija fit-Tabella 5.

Il-kontenut ta’ KOV u ta’ KOSV għandu jiġi stabbilit għall-prodott li jkun lest għall-użu u għandu jinkludi kwalunkwe żieda rrakkomandata għal qabel l-użu bħal sustanzi kuluranti u/jew thinners.

Tabella 5

Limiti tal-kontenut ta’ KOV u ta’ KOSV

Limiti tal-kontenut ta’ KOV u ta’ KOSV

Deskrizzjoni tal-prodott (u indikazzjoni tas-subkategorija tiegħu skont id-Direttiva 2004/42/KE)

Limiti tal-KOV (7) (g/l ta’ prodott lest għall-użu)

Limiti tal-KOSV (8) (g/l ta’ prodott lest għall-użu)

a.

Ħitan u soqfa matti ta’ ġewwa (Tleqqija < 25@60°)

10

25  (5) / 30  (6)

b.

Ħitan u soqfa li jleqqu ta’ ġewwa (Tleqqija > 25@60°)

30

25  (5) / 30  (6)

c.

Ħitan ta’ substrat minerali ta’ barra

20

35

d.

Żebgħat tat-tirqim u ta’ tlibbis ta’ ġewwa/ta’ barra għall-injam u għall-metall

60

40  (5) / 50  (6)

e.

Verniċi u likwidi li jlewnu l-injam tat-tirqim ta’ ġewwa, inklużi l-likwidi li jlewnu l-injam opaki

60

30

e.

Verniċi u likwidi li jlewnu l-injam tat-tirqim ta’ barra, inklużi l-likwidi li jlewnu l-injam opaki

60

50

f.

Likwidi li jlewnu l-injam b’binja minima ta’ Ġewwa u ta’ Barra

40

30  (5) / 40  (6)

g.

Primituri

10

25  (5) / 30  (6)

h.

Primituri leganti

10

25  (5) / 30  (6)

Il-kontenut ta’ KOV għandu jiġi ddeterminat b’kalkolu bbażat fuq l-ingredjenti u l-materja prima jew bl-użu tal-metodi mogħtija fl-istandard Ewropew jew internazzjonali rilevanti jew, inkella għal prodotti b’kontenut ta’ KOV ta’ inqas minn 1,0 g/l, il-metodi mogħtija fi standard Ewropew jew internazzjonali rilevanti ieħor. Il-kontenut ta’ KOSV għandu jiġi ddeterminat bl-użu tal-metodu mogħti fl-istandard Ewropew jew internazzjonali rilevanti. Fil-każ ta’ prodotti użati kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa, għandhom jipprevalu l-valuri ta’ limitu l-iktar stretti tal-KOSV għaż-żebgħat u l-verniċi ta’ ġewwa.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità appoġġata mill-kalkoli tal-kontenut ta’ KOV u ta’ KOSV abbażi tal-ingredjenti u tal-materja prima użati fil-prodott lest għall-użu. Inkella, il-kontenut ta’ KOV u ta’ KOSV tal-prodott lest għall-użu għandu jiġi kkomunikat permezz ta’ rapport jew rapporti tat-test rappreżentattivi bl-użu tal-metodi mogħtija fl-istandard internazzjonali rilevanti, kif xieraq, u r-riżultati għandhom juru l-konformità mal-limiti rilevanti.

Kriterju 4.   Restrizzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi

Nota:

Dawn is-subkriterji japplikaw għall-formulazzjoni tal-prodott finali u għal kwalunkwe ingredjent fornut fih.

4.1.   Restrizzjonijiet ta’ Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna (SVHCs, Substance of Very High Concern)

Il-formulazzjoni tal-prodott finali u kwalunkwe ingredjent fornut fih ma għandux ikun fih sustanzi mdaħħla li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59 ta’ dak ir-Regolament u inklużi fil-lista tal-kandidati għal sustanzi ta’ tħassib serju ħafna għall-awtorizzazzjoni.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li l-formulazzjoni tal-prodott finali u kwalunkwe ingredjent fornut fih ma jkun fih l-ebda SVHC bħala sustanzi mdaħħla. Id-dikjarazzjoni tal-applikant għandha tkun appoġġata minn skedi tad-data tas-sikurezza tal-ingredjenti fornuti kollha li jintużaw biex jiġi prodott il-prodott finali u dikjarazzjonijiet mill-fornituri tas-sustanzi kimiċi.

Il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala SVHCs u inklużi fil-lista ta’ kandidati f’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab hawn:

https://www.echa.europa.eu/candidate-list-table

Għandha ssir referenza għal-lista fid-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE.

Għal kwalunkwe livell ta’ impuritajiet magħrufa identifikati bħala SVHCs fl-ingredjenti, għandhom jintużaw il-konċentrazzjoni tal-impurità u fattur ta’ ritenzjoni preżunt ta’ 100 %, biex tiġi stmata l-kwantità tal-impurità ta’ SVHC li jifdal fil-formulazzjoni tal-prodott finali. L-impuritajiet li huma SVHCs ma jistgħux ikunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott taż-żebgħa jew tal-verniċ f’ammont akbar minn 0,0100 % w/w jew fi kwalunkwe ingredjent individwali f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu 0,100 % w/w. Kwalunkwe devjazzjoni minn fattur ta’ ritenzjoni ta’ 100 % għal impurità ta’ SVHC (pereżempju minħabba evaporazzjoni tas-solvent) jew fil-każ ta’ modifika kimika, trid tkun appoġġata minn ġustifikazzjonijiet adegwati.

4.2.   Restrizzjonijiet ġenerali bbażati fuq klassifikazzjonijiet skont klassifikazzjonijiet speċifiċi ta’ periklu ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(a)   formulazzjoni tal-prodott finali

Il-formulazzjoni tal-prodott finali ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala karċinoġenika, mutaġenika, tossika għar-riproduzzjoni, tossika b’mod akut, periklu ta’ aspirazzjoni, tossikant speċifiku ta’ organi fil-mira, sensitizzatur respiratorju jew tal-ġilda, perikoluża għall-ambjent akkwatiku, perikoluża għas-saff tal-ożonu, li tfixkel is-sistema endokrinali, persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (PBT, persistent, bioaccumulative and toxic) jew persistenti, mobbli u tossika (PMT, persistent, mobile and toxic) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u speċifikament f’termini tad-kodiċijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu fit-Tabella 6. L-unika eċċezzjoni permessa għal din ir-regola għandha tkun il-klassifikazzjoni H412 u H413, u biss jekk minħabba l-livelli ta’ preservattivi b’rita niexfa fil-każ ta’ żebgħat jew verniċi ta’ barra.

(b)   Sustanzi mdaħħla

Sakemm ma jkunx hemm deroga fit-Tabella 7, il-formulazzjoni tal-prodott finali ma għandu jkun fiha l-ebda sustanza mdaħħla f’konċentrazzjonijiet ta’ 0,010 % skont il-piż jew ogħla tal-formulazzjoni tal-prodott finali li huma kklassifikati, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, ma’ kwalunkwe waħda mill-klassijiet u l-kategoriji ta’ periklu, u l-kodiċijiet assoċjati tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu ddikjarati fit-Tabella 6.

Tabella 6

Klassijiet, kategoriji, kodiċijiet u dikjarazzjonijiet assoċjati ta’ periklu ristretti

Karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR, Carcinogenic, mutagenic or toxic for reprodution)

Kategoriji 1 A u 1B

Kategorija 2

H340: Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

H341: Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

H350: Jista’ jikkawża l-kanċer

H351: Suspettat li jikkawża l-kanċer

H350i: Jista’ jikkawża l-kanċer meta jittieħed bin-nifs

 

H360: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360F: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

H361f: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

H360D: Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361d: Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360FD: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361fd: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360Fd: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf.

H362: Jista’ jikkawża ħsara lit-tfal imreddgħa

H360Df: Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità.

 

Tossiċità akuta

Kategoriji 1 u 2

Kategorija 3

H300: Fatali jekk jinbela’

H301: Tossiku jekk jinbela’

H310: Fatali jekk imiss mal-ġilda

H311: Tossiku jekk imiss mal-ġilda

H330: Fatali jekk jittieħed bin-nifs

H331: Tossiku jekk jittieħed bin-nifs

 

EUH070: Tossiku meta jmiss mal-għajnejn

Periklu ta’ aspirazzjoni

Kategorija 1

 

H304: Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

 

Tossiċità speċifika għal organi ta’ mira

Kategorija 1

Kategorija 2

H370: Jikkawża ħsara lill-organi

H371: Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

H372: Jikkawża ħsara lill-organi minħabba esponiment fit-tul jew ripetut

H373: Jista’ jikkawża ħsara lill-organi minħabba esponiment fit-tul jew ripetut

Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda

Kategoriji 1, 1 A u 1B

 

H317: Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

 

H334: Jista’ jikkawża sintomi ta’ allerġija jew ta’ ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jittieħed bin-nifs

 

Perikoluż għall-ambjent akkwatiku

Kategoriji 1 u 2

Kategoriji 3 u 4

H400: Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412: Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

H410: Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

H413: Jista’ jikkawża effetti dejjiema lill-organiżmi akkwatiċi

H411: Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

 

Perikoluż għas-saff tal-ożonu

H420: Jagħmel ħsara lis-saħħa tal-pubbliku u lill-ambjent billi jeqred l-ożonu fl-atmosfera ta’ fuq

 

Interferent endokrinali (EDs, endocrine disruptor) għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent

Kategorija 1

Kategorija 2

EUH380: Jista’ jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fil-bnedmin

EUH381: Suspettati li jikkawżaw tfixkil fis-sistema endokrinali fil-bnedmin

EUH430: Jista’ jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fl-ambjent

EUH431: Suspettat li jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fl-ambjent.

Persistenti, Bijoakkumulattiv u Tossiku (PBT, Persistent, Bioaccumulative and Toxic)

PBT

Persistenza għolja u Bijoakkumulazzjoni għolja (vPvB, very Persistent and very Bioaccumulative)

EUH440: Jakkumula fl-ambjent u f’organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin

EUH441: Jakkumula ħafna fl-ambjent u f’organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin

Persistenti, mobbli u tossiku (PMT, Persistent, Mobile and Toxic)

PMT

Persistenza għolja u Mobbiltà għolja (vPvM, very Persistent and very Mobile)

EUH450: Jista’ jikkawża kontaminazzjoni dejjiema u diffuża tar-riżorsi tal-ilma

EUH451: Jista’ jikkawża kontaminazzjoni dejjiema u diffuża tar-riżorsi tal-ilma

L-użu ta’ sustanzi jew ta’ taħlitiet li jkunu mmodifikati kimikament matul il-proċess ta’ produzzjoni, sabiex ma jibqa’ japplika l-ebda periklu rilevanti li għalih is-sustanza jew it-taħlita tkun ġiet ikklassifikata taħt ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, għandu jkun eżentat mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

Dan il-kriterju ma għandux japplika għal sustanzi mdaħħla koperti mill punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxu kriterji għall-eżenzjoni ta’ sustanzi fi ħdan l-Annessi IV u V ta’ dak ir-Regolament mir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, tal-utent downstream u tal-evalwazzjoni.

Tabella 7

Derogi għar-restrizzjonijiet ta’ sustanzi mdaħħla li huma kklassifikati b’wieħed jew aktar mill-perikli ristretti elenkati fit-Tabella 6 u li huma preżenti f’konċentrazzjonijiet ta’ 0,010 % jew ogħla (skont il-piż) tal-formulazzjoni tal-prodott finali.

Tip ta’ sustanza, isem tas-sustanza u numru CAS

Kodiċi(jiet) ta’ periklu b’deroga

Kundizzjonijiet tad-deroga

Preservattivi u stabbilizzaturi tal-preservattivi

Nota dwar il-preservattivi: il-preservattivi kollha miżjuda mal-ingredjenti jridu jiġu ddikjarati mill-fornituri u mill-preservattivi kollha miżjuda direttament mal-formulazzjoni tal-prodott finali iridu jiġu ddikjarati mill-produttur taż-żebgħat jew tal-verniċi. L-uniċi tipi ta’ preservattivi permessi fl-ingredjenti u fil-prodott finali għandhom ikunu dawk li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għall-prodotti finali li joriġinaw mill-Unjoni, qiegħed jiġi mfakkar li mhuwiex biżżejjed li s-sustanzi attivi li jinsabu fil-prodott preservattiv jiġu approvati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tip ta’ prodott 6 (PT6) (preservattiv fil-bott) jew għat-tip ta’ prodott 7 (PT7) (preservattiv b’rita niexfa), iżda l-prodott preservattiv irid jiġi awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-PT6 jew PT7 jew jitqiegħed fis-suq skont il-miżuri tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 89(2) ta’ dak ir-Regolament. Il-limiti totali kkombinati għall-preservattivi PT6 u PT7 għandhom japplikaw għal dawn il-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin:

Għal prodotti ta’ ġewwa: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 fil-prodott finali.

Għal ilwien ħfief ikkuluriti użati f’sistemi għall-għoti ta’ lewn ħafif: sa 0,20 % skont il-piż ta’ PT6 fil-lewn ħafif ikkulurit.

Għal prodotti ta’ ġewwa kkummerċjalizzati għall-użu f’żoni b’umdità għolja: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 u sa 0,10 % skont il-piż ta’ PT7 fil-prodott finali.

Għal prodotti ta’ barra: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 u sa 0,50 % skont il-piż ta’ PT7 fil-prodott finali.

Ħlief għall-ilwien ħfief ikkuluriti, ir-referenzi kollha għal konċentrazzjonijiet/limiti/livelli ta’ preservattivi fit-taqsima “preservattivi u stabbilizzaturi tal-preservattivi”, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għas-sustanzi attivi preservattivi li jinsabu fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Kwalunkwe preservattiv li ma jistax ikun preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-0,010 %, minħabba limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi (SCLs, specific concentration limits) inqas minn 0,010 % li jikklassifikaw il-prodott finali b’periklu ristrett tas-CLP, ma jissemmewx fit-tabella tad-derogi hawn taħt minħabba li ma jistgħux jintużaw f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-0,010 % fl-ewwel lok, u għalhekk ma jeħtiġux deroga. Dan ma jimplikax li ma jistgħux jintużaw bħala sustanzi mdaħħla fil-prodotti tal-Ekotikketta tal-UE fi kwalunkwe livell. Jekk ma jkunux esklużi b’mod espliċitu fis-subkriterju 4.3, tali preservattivi jistgħu jintużaw sakemm ikunu f’livelli taħt kwalunkwe SCLs li jwasslu għal klassifikazzjoni ristretta tas-CLP tal-formulazzjoni tal-prodott finali.

Preservattivi fil-bottijiet (PT6) f’ilwien ħfief ikkuluriti jew fil-prodott finali:

H301, H311, H317, H330, H331, H372, H373, H400, H410, H411, H412, H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-preservattivi kollha fil-bottijiet ta’ PT6 (dawk derogati għal użu ta’ aktar minn 0,010 % flimkien ma’ dawk li mhumiex derogati iżda użati f’livelli < 0,010 %) trid tkun fil-limiti rilevanti definiti fin-nota ta’ hawn fuq.

Meta jintużaw preservattivi li huma donaturi tal-formaldeid, iridu jiġu rrispettati l-limiti rilevanti għall-formaldeid liberu fil-formulazzjoni tal-prodott finali stabbiliti fis-subkriterju 4.3(l).

Għandhom japplikaw limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi (% skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali) għas-sustanzi derogati elenkati hawn taħt:

Bronopol (Nru CAS 52-51-7): sa 0,030 %.

DBNPA (Nru CAS 10222-01-2): sa 0,030 %.

Pirition tas-sodju (Nru CAS 3811-73-2): sa 0,030 %.

BIT (Nru CAS 2634-33-5): sa 0,036 %.

Total ikkombinat ta’ isotijażolinoni u rilaxxaturi ta’ isotijażolinoni (dawk derogati għall-użu ta’ aktar minn 0,010 % flimkien ma’ dawk li mhumiex derogati iżda użati fil-livelli ta’ < 0,010 %): sa 0,040 % fil-formulazzjonijiet finali tal-prodott

Diammina (Nru CAS 2372-82-9): sa 0,050 %.

Preservattivi b’rita niexfa (PT7):

H311, H317, H330, H331, H372, H373 H400, H410, H411, H412 u H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Tapplika biss għal prodotti ta’ barra u għal prodotti ta’ ġewwa għall-użu f’żoni b’umdità għolja.

Is-somma totali ta’ preservattivi b’rita niexfa ta’ PT7 (dawk derogati għall-użu ta’ aktar minn 0,010 % flimkien ma’ dawk li mhumiex derogati iżda użati fil-livelli ta’ < 0,010 %) trid tkun fil-limiti rilevanti ddefiniti fin-nota ta’ hawn fuq.

Fil-każ ta’ forom ta’ rilaxx bil-mod u inkapsulati ta’ preservattivi b’rita niexfa, il-klassifikazzjoni speċifika tal-prodott finali, jew formulazzjonijiet ta’ read-across, għandha tikkunsidra l-konċentrazzjoni assoluta tal-komponenti perikolużi (jiġifieri mingħajr il-kapsuli). Il-prodott finali jew il-formulazzjoni read-across ma tistax tiġi kklassifikata bi kwalunkwe wieħed mill-perikli elenkati fit-Tabella 6.

Kwalunkwe preservattiv b’rita niexfa kklassifikat bħala H400 jew H410 għandu jkun mhux bijoakkumulattiv, muri billi jkollu koeffiċjent ottanol/ilma (Log Kow) ta’ ≤ 3,2 jew fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF, bioconcentration factor) ta’ ≤ 100.

Stabbilizzatur tal-preservattivi:

Ossidu taż-żingu (Nru CAS 1314-13-2)

H400, H410

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess li jintuża bħala stabbilizzatur tal-preservattivi, sa 0,040 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali, meta jintuża biex jiġu stabbilizzati, kombinazzjonijiet ta’ preservattivi b’rita niexfa jew fil-bott li jeħtieġu 1,2-Benżisotijażol-3(2H)-on (BIT).

Aġenti li jnixxfu u għal kontra t-tqaxxir

Aġenti għal kontra t-tqaxxir

H317, H412, H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-aġent kontra t-tqaxxir ma għandhiex taqbeż il-0,40 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Nixxiefa (sustanzi għat-tnixxif)

H301, H317, H373, H400†, H410†, H412, H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-kontenut tan-nixxiefa ma għandhiex taqbeż iż-0,10 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

† Id-deroga għal H400 u għal H410 tapplika biss għall-komposti tan-nixxiefa ibbażat fuq il-kobalt u tali komposti jistgħu jintużaw biss sa 0,050 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Pigmenti u addittivi tal-pigmenti

Trimetilolpropan (Nru CAS 77-99-6)

H361fd

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Biss meta jintuża bħala addittiv f’pigmenti fornuti u sa 0,50 % biss skont il-piż fil-pigment fornut.

Leganti u dispersjonijiet tal-polimeri

Leganti u aġenti ta’ retikolazzjoni:

Diidrażotur tal-aċidu adipiku (Nru CAS 1071-93-8)

H317, H411

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż fl-ingredjent leganti jew tad-dispersjoni tal-polimeri u meta jintuża bħala promotur tal-adeżjoni jew bħala aġent ta’ retikolazzjoni.

Monomeri li ma jkunux ġew soġġetti għal reazzjoni (fil-leganti)

H301, H304, H311, H317, H331, H334, H372, H400, H410, H411, H412

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-konċentrazzjoni ta’ monomeri li ma jkunux ġew soġġetti għal reazzjoni li jeħtieġu din id-deroga ma għandhiex taqbeż iż-0,050 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Oħrajn, mixxellanji

Metanol (Nru CAS 67-56-1)

H301, H311, H331, H370

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss bħala prodott ta’ reazzjoni residwu ta’ sustanzi oħra fil-formulazzjoni tal-prodott. Il-konċentrazzjoni residwa permissibbli tiżdied bħala funzjoni tal-kontenut ta’ leganti bil-mod li ġej:

Kontenut ta’ leganti ta’ 10-20 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,020 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Kontenut ta’ leganti ta’ 20-40 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,030 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Kontenut ta’ leganti ta’ > 40 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,050 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Materja prima minerali, inklużi materjal għall-mili, aġenti kontra d-dendil u aġenti li jimmattjaw

H372, H373

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Japplika biss għall-materja prima minerali u għall-minerali ta’ lewkofilliti li fihom b’mod naturali s-siliċe kristallina.

Permess biss fil-kontenut sa 1,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali għall-materjali tal-H372 jew sa 10 % għall-materjali tal-H373.

F’każijiet fejn il-materjal jiġi pprovdut f’forma ta’ trab xott, l-applikant għandu juri li għandu sistemi fis-seħħ biex jimminimizza l-esponiment tal-ħaddiema għal trab xott fuq il-post tax-xogħol (pereżempju sistemi ta’ dożaġġ magħluqa, żoni ta’ dożaġġ ventilati u ta’ taħlit u tagħmir protettiv personali).

Aġenti newtralizzanti

H301, H311, H331, H400, H410, H411, H412, H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż fil-formulazzjonijiet tal-verniċi, u sa 0,50 % fil-prodotti l-oħra kollha.

Illuminanti ottiċi

H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 0,10 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Reżina tas-silikonu

H412, H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 2,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Solventi

H304

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 2,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Aġenti tensjoattivi

H411, H412, H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż f’formulazzjonijiet ta’ prodotti trasparenti, semitrasparenti, bojod jew ċari jew sa 3,0 % skont il-piż bil-kuluri l-oħra kollha.

Stabbilizzaturi tal-UV

H317, H411, H412, H413

 (*2)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Applikabbli biss għall-prodotti ta’ barra u sa 0,60 % skont il-piż biss fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata ta’ konformità mas-subkriterju 4.2, inkluża l-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni tad-deroga rilevanti, appoġġata minn dikjarazzjonijiet mill-fornituri u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra.

Għandha tiġi ppreżentata lista tas-sustanzi mdaħħla kollha b’wieħed jew aktar mill-perikli ristretti tas-CLP ikkalkulati li jkunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet ta’ aktar minn 0,010 % skont il-piż, flimkien man-numri CAS tagħhom, l-istatus tal-klassifikazzjoni tas-CLP (jiġifieri entrati armonizzati, entrati konġunti jew awtoentrati biss), il-funzjoni rilevanti tas-sustanza mdaħħla (pereżempju preservattiv fil-bott, nixxief, pigment, aġenti newtralizzanti, aġenti tal-UV, aġenti tensjoattivi, stabbilizzatur tal-UV, eċċ.). Il-kalkoli għall-konċentrazzjonijiet tal-prodott finali għandhom ikunu bbażati fuq il-formulazzjoni tal-prodott finali:

lista tal-ingredjenti, sustanzi kimiċi jew il-materja prima kollha użati biex issir il-formulazzjoni tal-prodott finali;

l-iskrinjar ta’ ingredjenti, sustanzi kimiċi jew materja prima għal dawk is-sustanzi mdaħħla u impuritajiet magħrufa bi kwalunkwe wieħed mill-perikli tas-CLP ristretti għall-Ekotikketta tal-UE;

il-konċentrazzjonijiet ta’ kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata u impurità magħrufa b’perikli tas-CLP ristretti għall-Ekotikketta tal-UE fl-ingredjenti, is-sustanzi kimiċi jew il-materja prima użata fil-format ipprovdut;

il-piż ta’ kull ingredjent, sustanza kimika jew materja prima miżjuda biex isir piż magħruf ta’ formulazzjoni tal-prodott finali.

L-impuritajiet magħrufa għandhom jiġu ttrattati bħala sustanzi mdaħħla biss jekk l-eżerċizzju ta’ skrinjar jiżvela li l-kontenut tagħhom fil-formulazzjoni tal-prodott finali għandu jaqbeż 0,010 % skont il-piż jew il-kontenut tagħhom f’ingredjent għandu jaqbeż 0,100 % skont il-piż. L-impuritajiet magħrufa taħt dawn il-limiti ma għandhomx jingħaddu fil-kalkoli.

Kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata għandha tiġi preżunta awtomatikament li hija 100 % miżmuma fil-prodott finali. Għandhom jiġu pprovduti ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe devjazzjoni minn fattur ta’ ritenzjoni ta’ 100 % (pereżempju evaporazzjoni tas-solvent) jew għal modifika kimika ta’ sustanza mdaħħla skrinjata. Is-sustanzi magħrufa li jiġu rilaxxati jew li jiddegradaw mis-sustanzi mdaħħla jitqiesu bħala sustanzi mdaħħla u mhux impuritajiet.

Għal kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata li tibqa’ fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet ta’ aktar minn 0,010 % skont il-piż, iżda li huma eżentati mis-subkriterju 4.2 (ara l-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006), dikjarazzjoni b’dan il-għan mill-applikant għandha tkun biżżejjed għal dawk is-sustanzi.

Peress li diversi prodotti jew prodotti potenzjali (pereżempju sfumaturi personalizzati minn sistema għall-għoti ta’ lewn ħafif) li jużaw l-istess ingredjenti, sustanzi kimiċi jew materja prima jistgħu jkunu koperti minn liċenzja waħda tal-Ekotikketta tal-UE, jista’ jkun aċċettabbli kalkolu tal-agħar xenarju għal kull sustanza mdaħħla skrinjata fi ħdan familja komuni ta’ prodotti koperti mill-istess liċenzja.

Fir-rigward tal-informazzjoni mitluba mill-fornituri li tista’ tkun kummerċjalment sensittiva, l-evidenza mill-fornituri tista’ tiġi pprovduta wkoll direttament lill-korpi kompetenti mingħajr ma neċessarjament tipprovdi ċerti dettalji lill-applikant.

4.3.   Restrizzjonijiet speċifiċi ta’ sustanzi perikolużi għas-sustanzi mdaħħla.

Sakemm ma jkunx hemm deroga għalihom f’subkriterju 4.2, is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi bħala sustanzi mdaħħla fil-formulazzjoni tal-prodott finali jew bħala sustanzi mdaħħla għall-ingredjenti użati biex issir il-formulazzjoni tal-prodott finali:

(a)

Preservattivi jew nixxiefa kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni.

(b)

Sustanzi kklassifikati bħala interferenza endokrinali tal-kategorija 1 jew tal-kategorija 2 għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista kandidata msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, sustanzi identifikati bħala li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jew mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, minbarra d-DBNPA (Nru CAS 10222-01-2) fejn jintuża bħala preservattiv fil-bott.

(c)

Sustanzi kklassifikati bħala Persistenti, Bijoakkumulattivi u Tossiċi (PBT) jew b’Persistenza għolja u Bijoakkumulazzjoni għolja (vPvB) għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista tal-kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin, sustanzi identifikati bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inklużi fil-bnedmin f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jew mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(d)

Sustanzi kklassifikati bħala sustanzi Persistenti, Mobbli u Tossiċi (PMT) jew Persistenti ħafna u Mobbli ħafna (vPvB) f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista tal-kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala għandhom proprjetajiet PMT jew vPvM.

(e)

Alkilfenoli, alkilfenoletossilati (APEOs, alkylphenol ethoxylates) u d-derivattivi tagħhom, kif imsemmija fl-entrata 43 tal-Anness XIV jew fl-entrata 46 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(f)

Sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS, Perfluorinated and polyfluorinated compounds), kif definiti fl-Artikolu 4(42).

(g)

Ftalati.

(h)

Komposti tal-organotin.

(i)

Sustanzi tal-fwieħa li huma pprojbiti jew ristretti fi prodotti kożmetiċi u elenkati fl-Annessi II jew III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(j)

Bisfenoli li ġew identifikati mill-ECHA fil-valutazzjoni tagħhom tal-2021 bl-isem “Assessment of Regulatory Needs report on Bisphenols” għal ġestjoni ulterjuri tar-riskju regolatorju tal-UE li huma magħrufa jew interferenti endokrinali potenzjali għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, jew li jistgħu jiġu identifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni.

(k)

Il-pigmenti użati ma għandhomx ikunu bbażati fuq il-Kadmju, iċ-Ċomb, il-Kromu (VI), il-Merkurju, l-Arseniku, is-Selenju, l-Antimonju jew il-Kobalt. L-impuritajiet li ġejjin minn kwalunkwe pigment użat ma għandhomx ikunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali fi kwantitajiet li jaqbżu 0,010 % skont il-piż (għal kull metall): Kadmju, Ċomb, Kromu (VI), Merkurju, Arseniku, Selenju, Antimonju u Kobalt. L-uniċi eċċezzjonijiet għall-użu tal-pigment u għal-limitu ta’ 0,010 % għall-impuritajiet għandhom ikunu:

Kobalt: minħabba l-użu ta’ Spinell blu tal-aluminat tal-kobalt (Nru CAS 1345-16-0) u pigmenti tal-ispinell blu-aħdar tal-kromit tal-kobalt (Nru CAS 68187-11-1).

Antimonju: minħabba l-użu ta’ pigmenti bbażati fuq in-Nikil tal-Antimonju f’kannizzata tat-TiO2 insolubbli.

(l)

Il-formaldeid liberu ma għandux jiżdied intenzjonalment mal-formulazzjoni tal-prodott finali. Il-prodott finali għandu jiġi ttestjat sabiex jiġi stabbilit il-kontenut ta’ formaldeid liberu fih. Għandhom jintgħażlu kampjuni tal-agħar xenarju għall-ittestjar għal kull familja ta’ prodotti li abbażi tagħhom il-prodott huwa previst li jkollu l-ogħla ammont teoretiku ta’ kontenut ta’ formaldeid. Fil-kundizzjonijiet definiti hawn taħt, għandhom ikunu permessi l-limiti totali tas-somma li ġejjin ta’ formaldeid liberu:

Sa 0,0010 % skont il-piż permess meta jkunu meħtieġa l-bronopol jew preservattivi li huma donaturi tal-formaldeid bħala preservattiv fil-bott biex jiġi protett tip speċifiku ta’ żebgħa jew verniċ

Sa 0,010 % skont il-piż permess meta d-dispersjonijiet tal-polimeri (leganti) jipprovdu, permezz ta’ livelli residwi ta’ formaldeid, il-funzjoni ta’ donaturi tal-formaldeid minflok preservattivi fil-bottijiet.

Sa 0,010 % meta ż-żewġ kundizzjonijiet elenkati hawn fuq japplikaw bl-istess prodott.

(m)

Mikropartikoli ta’ polimeri sintetiċi (SPMs, Synthetic polymer microparticles, magħrufa b’mod komuni bħala mikroplastiks) kif definiti fl-entrata 78 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH), ma għandhomx jintużaw għal finijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ riti fi kwalunkwe formulazzjoni ta’ prodott sakemm l-użu u l-iskop tagħhom ma jiġux iddikjarati b’mod espliċitu, flimkien ma’ ġustifikazzjoni ta’ għaliex l-użu tagħhom itejjeb il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodott taż-żebgħa jew tal-verniċ.

Valutazzjoni u verifika:

(a sa j)

L-applikant għandu jiddikjara n-nuqqas ta’ użu tas-sustanzi rilevanti indikati f’dan is-subkriterju, jiġifieri preservattivi CMR, nixxiefa CMR, interferenti endokrinali (minbarra DBNPA), sustanzi PBT u vPVB, sustanzi PMT u vPvM, alkilfenoli u APEOs, PFAS, ftalati, komposti tal-organotin, fwejjaħ u bisfenoli bħala sustanzi mdaħħla fil-formulazzjonijiet tagħhom, appoġġati minn dikjarazzjonijiet mill-fornituri tagħhom dwar in-nuqqas ta’ użu tal-gruppi ta’ sustanzi mhux perikolużi bħala sustanzi mdaħħla fl-ingredjenti fornuti u li jintużaw bħala formulazzjonijiet koperti mill-proċedura tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE.

(k)

Fil-każ tar-restrizzjonijiet tal-metall tqil mill-pigmenti, l-applikant jew il-fornitur tal-pigment għandu jipprovdi dikjarazzjoni li tiddikjara li la l-pigment innifsu u lanqas kwalunkwe sustanza mdaħħla li tista’ tiġi inkorporata fil-prodott tal-pigment ma hija bbażata fuq il-metalli tqal elenkati. L-applikant jew il-fornitur tal-pigment għandu jipprovdi wkoll rapport tat-test bil-livelli ta’ impuritajiet tal-metall tqil ta’ kampjuni rappreżentattivi tal-pigment fornut. Imbagħad, l-applikant għandu juża dawn ir-riżultati, flimkien mal-% tal-pigment(i) użat(i) fil-prodott finali, biex jikkalkula l-konċentrazzjoni ta’ metalli tqal mill-pigmenti li jifdal fil-prodott finali. Fil-każ ta’ pigmenti eżentati, il-fornitur tal-pigment għandu jiddikjara liema pigment(i) għandu/għandhom l-eżenzjoni (jiġifieri spinell blu tal-aluminat tal-kobalt, spinell blu-aħdar tal-kromit tal-kobalt jew nikil tal-antimonju f’kannizzata tat-TiO2 insolubbli).

(l)

L-applikant għandu jiddikjara liema mill-prodotti tiegħu għandu jkollu l-ogħla kontenut teoretiku ta’ formaldeid liberu f’kull familja ta’ formulazzjoni ta’ prodotti. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-għażla tal-formulatur taż-żebgħa li juża d-donaturi tal-formaldeid bħala preservattivi u dikjarazzjonijiet mill-fornituri fir-rigward tal-ammonti ta’ donaturi tal-formaldeid użati biex jippreservaw l-ingredjenti fornuti (speċjalment il-leganti). Iż-żieda ta’ dawn is-sustanzi (u ta’ kwalunkwe ingredjent ieħor li jirrilaxxa l-formaldeid) mal-formulazzjonijiet tal-agħar xenarju ma għandhiex tirriżulta fil-kontenut ta’ formaldeid liberu fil-prodott finali li jaqbeż il-limitu ta’ konċentrazzjoni rilevanti, kif imkejjel bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

(m)

L-applikant għandu jipprovdi jew dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ użu ta’ SPMs għal skopijiet li mhumiex ta’ formazzjoni ta’ rita jew dikjarazzjoni dwar l-użu tagħhom fil-formulazzjoni tal-prodott. F’każijiet fejn jiġi ddikjarat l-użu ta’ SPMs għal skopijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ rita, it-tip, il-kwantità (% piż piż) u l-iskop għandhom jiġu ddikjarati fid-dikjarazzjoni, flimkien ma’ ġustifikazzjoni ta’ kif l-użu ta’ SPMs għal skopijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ rita jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodott. Dawn il-ġustifikazzjonijiet normalment għandhom iqabblu l-prestazzjoni ambjentali tal-istess prodott bl-SPMs u mingħajrhom għal skopijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ rita.

Kriterju 5.   Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili (KOV)

Nota:

applikabbli biss għaż-żebgħat, il-verniċi u l-prodotti relatati dekorattivi ta’ ġewwa

L-emissjonijiet ta’ KOV ma għandhomx jaqbżu l-limiti definiti fit-Tabella 8 hawn taħt.

Tabella 8

Limiti tal-emissjonijiet ta’ KOV

Parametru

Riżultati tat-test ta’ 3 ijiem

Riżultati tat-test ta’ 28 jum

KOV totali (*3)

≤ 3 000  μg/m3

≤ 300 μg/m3

Valur R (*4)

mhux applikabbli

≤ 1,0

Formaldeid

mhux applikabbli

≤ 10 μg/m3

Kwalunkwe KOV karċinoġeniku ieħor tal-kategorija 1 A jew 1B mhux kopert mill-valuri tal-LCI tal-UE (*5)

≤ 10 μg/m3 għal kull sustanza

≤ 1 μg/m3 għal kull sustanza

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jissottometti kopja tar-rapport tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti għall-formulazzjoni tal-prodott tal-agħar xenarju f’kull waħda mill-familji rilevanti ta’ prodotti li jkunu koperti mill-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Kwalunkwe bidla fil-formulazzjonijiet li toħloq kontenut ogħla tal-KOV fl-agħar xenarju għandha tiskatta r-rekwiżit li jiġi ppreżentat rapport aġġornat tat-test tal-emissjonijiet tal-KOV. Fejn rilevanti, għandha tiġi pprovduta spjegazzjoni ċara tad-differenzi magħmula bejn il-familji tal-prodotti (pereżempju l-kimika tal-leganti, il-kategorija tal-prodotti eċċ.), flimkien ma’ ġustifikazzjoni tal-prodott tal-agħar xenarju f’kull familja tal-prodotti.

F’każijiet fejn sistema ta’ kisi jkollha diversi saffi, is-sistema sħiħa għandha tiġi applikata għas-substrat tat-test skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur qabel l-ittestjar tal-emissjonijiet.

Għall-kalkolu tal-valur R, għandha ssir referenza għall-aktar sett reċenti ta’ valuri miftiehma ta’ Konċentrazzjoni l-Aktar Baxxa ta’ Interess (LCI, Lowest Concentration of Interest) tal-UE disponibbli fil-ħin tal-ittestjar. Dawn il-valuri jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea (1).

Jekk il-konċentrazzjonijiet tal-arja fil-kompartiment ikunu jistgħu jintwerew li jikkonformaw mal-limiti ta’ 28 jum qabel ma jitlesta l-perjodu ta’ 28 jum iżda wara perjodu ta’ mill-inqas 3 ijiem, dawk ir-riżultati jistgħu jiġu aċċettati bħala prova ta’ konformità u t-test jista’ jitwaqqaf f’dak il-punt.

(1)

Ara: https://single-market-economy.ec.europa.eu/sectors/construction/eu-lci-subgroup/eu-lci-values_mt

Kriterju 6.   Tagħrif għall-konsumaturi

6(a)

L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuq l-imballaġġ jew għandha tkun mehmuża miegħu:

Rakkomandazzjoni biex titnaqqas il-ħela taż-żebgħa jew tal-verniċ billi jiġi stmat kemm hemm bżonn żebgħa jew verniċ qabel ix-xiri,

Kif tirkupra żebgħa jew verniċ mhux użati għal użu mill-ġdid,

Kif l-użu mill-ġdid taż-żebgħa jew tal-verniċ jista’ jimminimizza b’mod effettiv l-impatt ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti,

Informazzjoni mitluba fis-subkriterju 6(b) jew spjegazzjoni ta’ kif wieħed jista’ jaċċessa tali informazzjoni.

6(b)

L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuq l-imballaġġ jew tkun imwaħħla miegħu jew tkun disponibbli permezz ta’ link tal-web jew kodiċi QR:

Kif tistma l-ammont ta’ żebgħa jew verniċ meħtieġ qabel ix-xiri sabiex titnaqqas il-ħela taż-żebgħa jew tal-verniċ u ammont rakkomandat bħala gwida (pereżempju għal 1 m2 ta’ ħajt, huma meħtieġa X litri ta’ żebgħa jew verniċ),

Kundizzjonijiet xierqa tal-ħażna tal-prodott (qabel u wara l-ftuħ), inkluż, fejn xieraq, pariri dwar is-sikurezza,

Miżuri ta’ sikurezza għall-utent inkluż rakkomandazzjoni bażika dwar tagħmir protettiv personali li għandu jintlibes u miżuri addizzjonali li għandhom jittieħdu meta jintuża l-prodott u jekk applikabbli meta jintuża tagħmir tal-isprej,

L-użu ta’ tagħmir tat-tindif u l-immaniġġar xieraq tal-iskart taż-“żebgħa jew verniċ li jifdal” u l-imballaġġ (sabiex jiġi limitat it-tniġġis tal-ilma u tal-ħamrija). Pereżempju, test li jagħti parir li l-prodott mhux użat jeħtieġ immaniġġar speċjalizzat għal rimi sikur fl-ambjent u għalhekk ma għandux jintrema mal-iskart domestiku jew kummerċjali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott huwa konformi mar-rekwiżit u għandu jipprovdi lill-korp kompetenti x-xogħol artistiku jew il-kampjuni tal-informazzjoni għall-utent u/jew link jew kodiċi QR għas-sit web tal-manifattur li jkun fih dan it-tagħrif bħala parti mill-applikazzjoni. Għandu jingħata l-ammont ta’ żebgħa rakkomandat bħala linja gwida.

Kriterju 7.   Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

It-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali għandu jkun fiha tlieta mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin, skont ir-rilevanza tagħhom:

Kontenut imminimizzat kemm jista’ jkun ta’ sustanzi perikolużi,

Kontenut imnaqqas ta’ komposti organiċi volatili (KOV): x g/l,

Emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili mnaqqsa fl-arja ta’ ġewwa (għal prodotti ta’ ġewwa),

Prestazzjoni tajba għall-użu fuq ġewwa (għall-prodotti ta’ ġewwa), jew

Prestazzjoni tajba għall-użu fuq barra, (għall-prodotti ta’ barra) jew

Prestazzjoni tajba kemm għall-użu fuq ġewwa kif ukoll għall-użu fuq barra (għall-prodotti adatti għall-użu fuq ġewwa u fuq barra).

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali jistgħu jinstabu fil-“Linji Gwida għall-Użu tal-Logo tal-Ekotikketta” f’dan is-sit web:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta tal-prodott jew xogħol artistiku tal-imballaġġ fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.


(1)  Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ trab fl-arja mill-proċess tal-klorur jitqiesu bħala: stadji tal-maċinazzjoni, tal-klorinazzjoni, tal-ossidazzjoni u tal-mikronizzazzjoni. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ HCl fl-arja mill-proċess tal-klorur jitqiesu bħala: klorinazzjoni, purifikatur tal-aċidu minn proċessi ta’ separazzjoni tas-solidi u ta’ trattament tal-klorur tal-metall. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ trab fl-arja mill-proċess tas-sulfat jitqiesu bħala: stadji tal-maċinazzjoni, tad-diġestjoni, tal-kalċinazzjoni u tal-mikronizzazzjoni. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ SO2 fl-arja mill-proċess tas-sulfat jitqiesu bħala: proċessi ta’ diġestjoni u ta’ kalċinazzjoni.

(2)  Meta l-mineral użat ikun > 95 % kontenut ta’ TiO2.

(3)  Meta l-mineral użat ikun 90-95 % kontenut ta’ TiO2.

(4)  Meta l-mineral użat ikun < 90 % kontenut ta’ TiO2.

(*1)  Il-m2 jirreferi għal 1 m2 ta’ rita niexfa b’opaċità ta’ mill-inqas 98 % skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

(5)  il-limitu tal-KOSV japplika għaż-żebgħat u għall-verniċi bojod ta’ ġewwa

(6)  il-limitu tal-KOSV japplika għal żebgħat li jkunu ngħataw lewn ħafif ta’ ġewwa/żebgħat u verniċi ta’ barra

(7)   “Komposti organiċi volatili (KOV)” tfisser kwalunkwe kompost organiku li jkollu punt tat-togħlija inizjali ta’ inqas minn jew daqs 250 °C imkejjel fi pressjoni standard ta’ 101,3 kPa

(8)   “Komposti organiċi semivolatili (KOSV)” tfisser kwalunkwe kompost organiku li jkollu punt tat-togħlija ogħla minn 250 °C u inqas minn 370 °C imkejjel fi pressjoni standard ta’ 101,3 kPa

(*2)  Kundizzjoni tad-deroga orizzontali: l-ebda waħda mid-derogi ta’ hawn fuq, individwalment jew flimkien, ma għandha tkun permessa jekk tirriżulta fil-klassifikazzjoni tal-formulazzjoni tal-prodott finali bi kwalunkwe wieħed mill-perikli definiti fit-Tabella 6, bl-eċċezzjoni notevoli ta’ H412 u H413 għall-prodotti ta’ barra minħabba l-preżenza ta’ preservattivi b’rita niexfa.

(*3)  Il-KOV totali għandu jitkejjel kif definit fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti u għandu jinkludi l-kwantifikazzjoni ta’ kwalunkwe kompost mhux fil-mira

(*4)  Il-valur R, kif definit fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. Ir-riżultati għall-valur R kumulattiv għandhom jiġu arrotondati għal pożizzjoni deċimali waħda qabel ma tiġi ddeterminata l-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità mal-limitu ta’ 1,0.

(*5)  Ma japplikax għall-formaldeid, li huwa Kompost organiku volatili ħafna (KOVĦ) u huwa kopert minn limitu individwali speċifiku. Ma japplikax għal KOVĦ jew KOV karċinoġeniċi oħra li għandhom valur tal-LCI tal-UE, peress li dawn huma diġà koperti mil-limitu tal-valur-R.


ANNESS II

Kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-kisjiet ta’ rendiment u l-prodotti relatati

Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandhom fil-mira tagħhom l-aqwa kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati fis-suq, f’termini ta’ prestazzjoni ambjentali. Il-kriterji jiffokaw fuq l-impatti ambjentali ewlenin assoċjati maċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dawn il-prodotti u jippromwovu aspetti tal-ekonomija ċirkolari.

Rekwiżiti tal-valutazzjoni u l-verifika

Sabiex prodott speċifiku jingħata Ekotikketta tal-UE, il-prodott għandu jikkonforma ma’ kull rekwiżit. L-applikant għandu jipprovdi konferma bil-miktub li tiddikjara li l-kriterji kollha huma ssodisfati.

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f’kull kriterju.

Meta l-applikant ikun meħtieġ li jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra biex juri konformità mal-kriterji, dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew mill-fornitur/fornituri tagħhom, kif xieraq.

Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment l-attestazzjonijiet li jinħarġu mill-korpi akkreditati f’konformità mal-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u l-kalibrazzjoni, u l-verifiki minn korpi li huma akkreditati f’konformità mal-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi.

Meta xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar minbarra dawk indikati għal kull kriterju jekk il-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jeħtieġu dokumentazzjoni ta’ sostenn u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti jew spezzjonijiet fuq il-post biex jivverifikaw il-konformità ma’ dawn il-kriterji.

Tibdiliet fil-fornituri u fis-siti tal-produzzjoni li jappartjenu għall-prodotti li tkun ingħatatilhom l-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu nnotifikati lill-korpi kompetenti, flimkien ma’ informazzjoni ta’ sostenn li tippermetti l-verifika tal-konformità kontinwa mal-kriterji.

Bħala prerekwiżit, il-prodott għandu jissodisfa kull rekwiżit legali rispettiv tal-pajjiż jew tal-pajjiżi fejn il-prodott ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dan ir-rekwiżit.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta flimkien mal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE:

(a)

Lista tal-prodotti individwali kollha taż-żebgħa u tal-verniċ koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE, miġbura f’familji ta’ prodotti u li tindika kwalunkwe karatteristika rilevanti tal-prodott li taffettwa liema rekwiżiti speċifiċi mill-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE japplikaw. Familja ta’ prodotti se jkollha l-istess formulazzjoni bażi u subkategorija tal-prodott, iżda tista’ tvarja f’termini ta’ sfumatura/jew format ta’ imballaġġ.

(b)

Deskrizzjoni tal-formulazzjoni(jiet) tal-prodott, b’kompożizzjoni f’% tal-ingredjenti użati u l-funzjoni speċifika ta’ kull ingredjent (l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tista’ tkun soġġetta għal ftehim ta’ nondivulgazzjoni bejn l-applikant u l-korp kompetenti jew, f’xi każijiet, direttament bejn il-fornitur u l-korp kompetenti). Il-funzjonijiet tal-ingredjenti għandhom ikunu jew: aċċelleratur; addittiv; aġent kontra l-imblukkar; aġent kontra r-ragħwa; aġent kontra s-sedimentazzjoni; aġent kontra t-tqaxxir; legant; aġent koalexxenti; kulurant; pigment; aġent ta’ retikolazzjoni; aġent li jwebbes; dilwent; aġent dispersiv; nixxief; materjal għall-mili; preservattiv b’rita niexfa; preservattiv fil-bott; aġent li jimmattja; aġent newtralizzanti; illuminant ottiku; plastifikant; dispersjoni tal-polimeri; stabbilizzatur tal-preservattivi; reżina; ritrardant; modifikatur reoloġiku; reżina tas-silikonu; solvent; aġent tensjoattiv; stabbilizzatur tal-UV; ilma; aġent ripellent tal-ilma jew, f’każ li ma japplika l-ebda wieħed minn dawn, “oħrajn”.

(c)

Skedi tad-data tas-sikurezza għall-ingredjenti użati fil-formulazzjonijiet taż-żebgħat u tal-verniċi.

(d)

Kwalunkwe informazzjoni oħra assoċjata mal-produzzjoni ta’ ingredjenti u materjali li hija meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandha tiġi pprovduta mill-fornituri jew mill-produtturi ta’ dawk l-ingredjenti u l-materjali.

(e)

Sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ prodotti fi ħdan kwalunkwe familja partikolari ta’ prodotti, deskrizzjoni tal-format(i) tal-imballaġġ użat(i), il-volum(i) tal-prodott miżmum(a) u l-materjal(i) tal-imballaġġ użat(i) għal kull wieħed mill-prodotti taż-żebgħa u tal-verniċ koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE.

(f)

Sabiex titnaqqas il-kwantità ta’ ttestjar u dokumentazzjoni meħtieġa għall-proċeduri ta’ valutazzjoni u ta’ verifika, diversi kriterji jiddikjaraw b’mod espliċitu li l-konformità ta’ familja sħiħa ta’ prodotti tista’ tiġi preżunta jekk il-prodott tal-agħar xenarju jista’ jintwera li jikkonforma. Kull darba li tiġi sottomessa d-data għal prodott tal-agħar xenarju, din għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni tar-raġuni għaliex dan il-prodott partikolari jirrappreżenta l-agħar xenarju fi ħdan il-familja tiegħu ta’ prodotti għall-proprjetà li tkun qed tiġi ttestjata.

Kriterju 1.   Produzzjoni tad-diossidu tat-titanju

Jekk il-prodott finali jkun fih aktar minn 3,0 % w/w ta’ pigment tad-diossidu tat-titanju (TiO2), l-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma mill-produzzjoni ta’ kwalunkwe pigment tad-diossidu tat-titanju użat għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti elenkati hawn taħt għall-proċessi tal-produzzjoni rispettivi:

Tabella 1

Rekwiżiti għall-produzzjoni tad-Diossidu tat-Titanju

Parametru u metodu analitiku

Proċess tas-sulfat

Proċess tal-klorur

L-emissjonijiet ta’ trab fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 0,40 kg/t pigment tat-TiO2

≤ 0,66 kg/t pigment tat-TiO2

Emissjonijiet ta’ SO2 fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 4,5 kg/t pigment tat-TiO2

mhux applikabbli

Emissjonijiet ta’ HCI fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

mhux applikabbli

≤ 0,70 kg/t pigment tat-TiO2

Emissjonijiet ta’ SO4 2- fl-ilma (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 300 kg SO4 2-/t pigment tat-TiO2

mhux applikabbli

Emissjonijiet ta’ Cl- fl-ilma (imkejla bl-użu tal-metodu tal-bilanċ tal-massa jew bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

mhux applikabbli

≤ 103 kg Cl-/t pigment tat-TiO (2) (2)

≤ 179 kg Cl-/t pigment tat-TiO2  (3)

≤ 329 kg Cl-/t pigment tat-TiO2 (  (4) )

Ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab

Għandu jintwera

Għandu jintwera

L-emissjonijiet fl-arja għandhom jingħaddu mis-sors(i) punt rilevanti ddikjarat(i) fil-punt (1) ta’ hawn fuq fejn l-emissjonijiet jistgħu jiġu mmonitorjati kontinwament jew perjodikament minn punt ta’ kampjunar fiss wara kwalunkwe sistema ta’ tnaqqis tal-gass tal-egżost.

L-emissjonijiet fl-ilma għandhom jitqiesu bħala sulfat jew klorur preżenti fi kwalunkwe effluwent tal-ilma mormi ttrattat li jintrema fi kwalunkwe xmara, lag, ilma tranżizzjonali, ilma kostali jew ilma tal-baħar.

Il-limitu rilevanti għall-emissjonijiet tal-klorur fl-ilma għandu jkun ibbażat fuq il-% tal-medja ponderata tal-kontenut ta’ TiO2 tal-mineral(i) użat(i) matul il-perjodu tal-kalkolu.

Ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab għandu, bħala minimu, jinkludi l-aspetti li ġejjin:

Valutazzjoni tar-riskju għall-post tax-xogħol li tidentifika l-oqsma ewlenin kollha tal-emissjoni potenzjali tat-trab u l-esponiment tal-ħaddiema għat-trab.

Il-ħtieġa li jkun hemm fis-seħħ programm ta’ monitoraġġ tal-iġjene okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol.

L-għoti ta’ taħriġ xieraq lill-impjegati dwar prattika tajba għall-kontroll tat-trab.

Il-forniment ta’ tagħmir protettiv personali adegwat lill-impjegati u lill-viżitaturi.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jiddikjara l-kontenut ta’ TiO2 użat f’kull waħda mill-formulazzjonijiet tal-prodott soġġetta għall-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe prodott b’kontenut ta’ pigment ta’ TiO2 ta’ aktar minn 3,0 % w/w, l-applikant għandu jiddikjara wkoll il-fornitur jew il-fornituri tat-TiO2 użati f’dawk il-prodotti.

Id-dikjarazzjoni tal-applikant għandha tkun appoġġata minn dikjarazzjonijiet mill-fornitur(i) tat-TiO2 tagħhom (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk differenti) li jiddikjaraw:

It-tip ta’ proċess tal-produzzjoni tat-TiO2 użat (klorur jew sulfat).

Il-firxa tal-kontenut ta’ TiO2 applikabbli tal-mineral medju ponderat fil-każ tal-proċess tal-klorur.

Data medja annwali dwar l-emissjonijiet tat-trab fl-arja, SO2 fl-arja, u SO4 2- fl-ilma għal TiO2 prodott permezz tal-proċess tas-sulfat. Inkella, id-data medja dwar l-emissjonijiet tat-trab fl-arja, HCl fl-arja, u Cl- fl-ilma għal TiO2 prodott permezz tal-proċess tal-klorur.

Id-dikjarazzjonijiet mill-fornitur(i) tat-TiO2 (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk ikunu differenti) għandhom jinkludu l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti użati biex jitkejlu l-parametri rilevanti elenkati fit-Tabella 1.

Il-miżuri fis-seħħ biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab.

Id-dikjarazzjoni mill-fornitur(i) tat-TiO2 (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk differenti) għandha tinkludi kalkolu bażiku dwar kif inkisbu l-emissjonijiet medji annwali. Jekk il-produzzjoni tal-pigment tat-TiO2 fornut ma tkunx kontinwa, jistgħu jiġu aċċettati kalkoli tad-data dwar l-emissjonijiet li jkopru perjodu iqsar minn 12-il xahar. F’każijiet ta’ monitoraġġ kontinwu, il-konċentrazzjonijiet medji annwali tal-emissjonijiet għandhom jiġu derivati minn konċentrazzjonijiet medji ta’ kuljum. Għal emissjonijiet immonitorjati perjodikament, iridu jittieħdu mill-inqas 3 kampjuni biex jinkisbu r-riżultati medji. Kwalunkwe kampjunar perjodiku jrid jittieħed matul perjodi ta’ operazzjoni stabbli li huma rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet normali tal-pjanti għall-produzzjoni tal-pigmenti tat-TiO2 użati fil-prodotti taż-żebgħa tal-Ekotikketta tal-UE.

Il-kalkoli tal-emissjonijiet għandhom ikunu meħtieġa biss li jiġu sottomessi fid-data tal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE. Jekk tingħata l-Ekotikketta tal-UE, l-applikant jista’ sempliċement jitlob dikjarazzjonijiet aġġornati kull sena mill-fornitur(i) tat-TiO2 tiegħu tal-konformità kontinwa mal-limiti tal-emissjonijiet.

Għall-emissjonijiet fl-arja, il-konċentrazzjonijiet għandhom jiġu espressi f’unitajiet ta’ mg/Nm3 u mmultiplikati b’rata speċifika tal-fluss tal-arja tal-emissjonijiet f’unitajiet ta’ Nm3/tunnellata ta’ produzzjoni ta’ pigment tat-TiO2 għall-istess perjodu ta’ żmien li tkun inġabret id-data. Jekk ikun hemm aktar minn sistema waħda ta’ tnaqqis tal-gass tal-egżost għal sorsi punt ta’ emissjonijiet ewlenin fl-arja, emissjonijiet mill-arja nadifa minn kull sistema ta’ tnaqqis għandhom jingħaddu u jiżdiedu.

Għal emissjonijiet fl-ilma, għandu jintuża kejl dirett jew approċċ ta’ bilanċ tal-massa. L-approċċ tal-bilanċ tal-massa għandu jkun ibbażat fuq il-bilanċ bejn l-inputs ta’ sulfat/klorur mhux ipproċessat u l-outputs ta’ sulfat/klorur fi prodotti sekondarji, fl-emissjonijiet fl-arja u fl-iskart solidu li jintrema fil-landfills jew li jiġi inċinerat. Id-differenza fil-mases tal-inputs u tal-outputs għandha titqies bħala l-massa tas-sulfat/klorur li tiġi emessa fl-ilma matul il-perjodu tal-kalkolu u għandha tiġi diviża bil-kwantità stmata ta’ pigment tat-TiO2 prodott matul l-istess perjodu biex jiġu kkalkolati l-emissjonijiet speċifiċi fl-ilma f’unitajiet ta’ kg ta’ pigment tas-sulfat jew tal-klorur/t TiO2.

Bl-approċċ ta’ kejl dirett għall-emissjonijiet fl-ilma, il-konċentrazzjonijiet imkejla f’unitajiet ta’ g/m3 għandhom jiġu mmultiplikati b’rata tal-fluss speċifika tal-effluwent tal-ilma mormi ttrattat f’unitajiet ta’ m3/tunnellata ta’ produzzjoni tal-pigment tat-TiO2 għall-istess perjodu ta’ żmien li fih tkun inġabret id-data tas-sulfat/klorur.

Kriterju 2.   Rekwiżiti tal-effiċjenza fl-użu

Sabiex tintwera l-effiċjenza fl-użu tal-kisjiet ta’ rendiment u l-prodotti relatati, għandhom jitwettqu t-testijiet li ġejjin għal kull tip ta’ prodott, kif indikat fit-Tabella 2 u dettaljati fit-test tal-kriterju aktar tard.

Tabella 2

Rekwiżiti ta’ rendiment għal tipi differenti ta’ kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati

Kriterji

Kategoriji ta’ kisjiet ta’ rendiment

(bis-subkategoriji tagħhom identifikati skont id-Direttiva 2004/42/KE)

Żebgħat għall-kisi tal-art (i, j)

Verniċi għall-kisi tal-art (i, j)

Prodotti kontra l-korrużjoni (i, j)

Primituri (fi ħdan is-sistemi i) u j))

Primituri leganti (fi ħdan is-sistemi i) u j))

Kisjiet ta’ impermeabbilizzazzjoni (i, j)

2(a)

Rata tat-tifrix

Iva

Le

Jekk opaki

Jekk opaki

Jekk opaki

Jekk opaki, irrapporta biss

2(b)

Kontenut ta’ pigment abjad

Iva

Le

Jekk opaki

Le

Le

Jekk opaki, irrapporta biss

2(c)

Reżistenza għall-ilma

Iva

Iva

Iva

Le

Le

Iva + ETA

2(d)

Adeżjoni

Jekk opaki u mingħajr żebgħa ta’ taħt jew primitura

Jekk opaki u mingħajr żebgħa ta’ taħt jew primitura

Jekk opaki u mingħajr żebgħa ta’ taħt jew primitura

Jekk opaki

Jekk opaki

Jekk opaki u mingħajr żebgħa ta’ taħt jew primitura

2(e)

Barxa

Iva

Iva

Jekk għall-pavimentar tal-metall

Le

Le

Jekk għal artijiet ittraffikati

2(f)

Esponimenti għall-kundizzjonijiet tat-temp

Jekk fuq barra

Jekk fuq barra

Jekk fuq barra

Le

Le

Jekk fuq barra

2(g)

Reżistenza għall-korrużjoni

Jekk iddikjarati

Le

Iva

Jekk iddikjarati

Jekk iddikjarati

Jekk iddikjarati

2(h)

Ekotossiċità

Le

Le

Iva

Le

Le

Jekk fuq barra

2(a)   Rata tat-tifrix

Nota 1:

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal kisjiet trasparenti u semitrasparenti.

Nota 2.

Għas-sistemi għall-għoti ta’ lewn ħafif, dan il-kriterju japplika biss għall-bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif li jkun fiha l-aktar TiO2. F’każijiet fejn il-bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif ma tkunx tista’ tikseb dan ir-rekwiżit, il-kriterju għandu jiġi ssodisfat wara li l-bażi tingħata lewn ħafif biex jiġi prodott il-kulur standard RAL 9010.

Nota 3.

Dan ir-rekwiżit japplika għaż-żebgħat bojod kollha. Għall-familji ta’ prodotti taż-żebgħa disponibbli biss bl-isfumaturi prestabbiliti, ir-rata tat-tifrix għandha tapplika għall-kulur l-aktar ċar.

Ir-rati tat-tifrix għandhom jiġu kkalkolati filwaqt li tiġi żgurata qawwa opaċizzanti ta’ mill-inqas 98 % skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti jew metodu ekwivalenti li jista’ jiġi vvalidat kontrihom. Japplikaw il-limiti minimi tar-rata tat-tifrix li ġejjin:

Il-kisjiet ta’ rendiment ta’ ġewwa għandu jkollhom rata tat-tifrix ta’ mill-inqas 8 m2 għal kull litru ta’ prodott.

Il-kisjiet ta’ rendiment ta’ barra għandu jkollhom rata tat-tifrix ta’ mill-inqas 6 m2 għal kull litru ta’ prodott.

Il-kisjiet ta’ rendiment ikkummerċjalizzati għall-applikazzjoni fuq ġewwa kif ukoll fuq barra għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ rata’ tat-tifrix ogħla ta mill-inqas 8 m2 għal kull litru.

Kwalunkwe primituri opaki użati fis-sistemi ta’ kisi ta’ rendiment għandu jkollhom rata tat-tifrix ta’ mill-inqas 8 m2 għal kull litru ta’ prodott. Rata tat-tifrix aktar baxxa ta’ 6 m2 għal kull litru ta’ prodott tapplika għal primituri opaki b’karatteristiċi speċifiċi ta’ mblukkar, issiġillar, penetranti, leganti jew ta’ adeżjoni speċjali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mal-limiti rilevanti tar-rata tat-tifrix jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżit tar-rata tat-tifrix għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni għandha tkun appoġġata minn riżultati tat-testijiet skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti jew metodu ekwivalenti li jista’ jiġi vvalidat kontrihom. Għandu jiġi indikat b’mod ċar liema riżultati tar-rata tat-tifrix jikkorrispondu għal liema familji ta’ prodotti koperti mill-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE.

2(b)   Kontenut ta’ pigment abjad

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għall-prodotti taż-żebgħa u l-kontenut ta’ pigment abjad għandu jiġi kkalkolat bl-istess prodotti li għalihom ir-rata tat-tifrix titkejjel skont in-noti fil-kriterju 2(a). Għall-finijiet ta’ dan il-kriterju, it-terminu “pigment abjad” għandu jitqies li jirreferi biss għal pigmenti b’indiċi rifrattiv ogħla minn 1,8.

Il-kontenut ta’ pigment abjad ma għandux jaqbeż:

36 g/m2 għal marki tal-prestazzjoni kkummerċjalizzati għal użu fuq ġewwa biss.

38 g/m2 għal marki tal-prestazzjoni kkummerċjalizzati għal użu fuq barra biss.

36 g/m2 għal marki tal-prestazzjoni kkummerċjalizzati għal użu fuq ġewwa u għal użu fuq barra. Kwalunkwe prodott taż-żebgħa tal-Ekotikketta tal-UE li jiddikjara reżistenza għall-għorik umdu jrid jissodisfa r-rekwiżiti għall-klassi 1 jew għall-klassi 2 skont il-proċedura definita fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti u s-sistemi ta’ klassifikazzjoni u jikkonforma mal-limiti massimi rispettivi għall-kontenut ta’ pigment abjad iddefinit fit-tabella ta’ hawn taħt.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. F’każijiet ta’ prodotti rilevanti, l-applikant għandu jiddikjara l-kontenut totali ta’ pigmenti bojod b’indiċi rifrattiv ta’ > 1,8 fil-prodott finali, b’bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif rilevanti jew b’formulazzjonijiet taż-żebgħa ta’ bażi bajda li huma soġġetti għall-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Din l-informazzjoni għandha tingħata f’termini tal-isem kimiku u n-numru CAS tal-pigment abjad, l-indiċi rifrattiv iddikjarat tiegħu, il-konċentrazzjoni tiegħu fi g/l ta’ prodott taż-żebgħa u d-densità taż-żebgħa, fi g/l.

2(c)   Reżistenza għall-ilma

Nota:

Dan ir-rekwiżit japplika għall-kisjiet ta’ rendiment kollha. F’sistemi ta’ kisi bi primitura jew b’żebgħa(t) ta’ taħt, tista’ tiġi ttestjata s-sistema ta’ kisi kollha jew is-saff tal-irfinar biss.

Il-kisjiet ta’ rendiment kollha għandu jkollhom reżistenza għall-ilma, kif iddeterminat mill-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, b’tali mod li wara 24 siegħa ta’ esponiment u 16-il siegħa ta’ rkupru, ma tiġi osservata l-ebda bidla fit-tleqqija fi kwalunkwe kisjiet trasparenti jew semitrasparenti u ma sseħħ l-ebda bidla fil-kulur fi kwalunkwe kisi opak.

L-ebda tibdil fit-tleqqija jew fil-kulur fil-kampjuni esposti ma għandu jitqies bħala klassifikazzjoni viżiva ta’ 0 meta mkejjel għall-kwantità tad-difetti, għad-daqs tad-difetti u għall-intensità tal-bidliet skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Barra minn hekk għall-kisjiet ta’ impermeabbilizzazzjoni, għandha tintwera wkoll il-konformità ma’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-Dokument Ewropew ta’ Valutazzjoni (EAD, European Assessment Document).

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżit għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE.

Għal kwalunkwe prodott applikabbli inkluż fl-applikazzjoni għal-liċenzja tiegħu, id-dikjarazzjoni tal-applikant għandha tkun appoġġata minn kopji tar-rapport(i) tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti li jkopru l-prodott jew il-familja ta’ prodotti liċenzjati, inklużi r-riżultati rrapportati għall-bidla fit-tleqqija skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Għall-kisjiet ta’ impermeabbilizzazzjoni, l-applikant għandu jipprovdi wkoll ċertifikat ta’ Approvazzjoni Teknika Ewropea (ETA, European Technical Approval) li jkun inħareġ minn Korp tal-Valutazzjoni Teknika approvat (pereżempju ċertifikat skont l-EAD meta l-prodott ikun kit għall-impermeabbilizzazzjoni tas-soqfa applikat bħala likwidu). F’każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda EAD rilevanti li jista’ jiġi segwit, l-applikant għandu jiddikjara dan u jipprovdi deskrizzjoni teknika tal-prodott, inkluża l-konformità ma’ kwalunkwe standard Ewropew jew internazzjonali rilevanti u deskrizzjoni tal-użi maħsuba tal-prodott u kif dan għandu jintuża b’mod korrett.

2(d)   Adeżjoni

Nota:

Dan il-kriterju japplika għal primituri opaki jew għal żebgħat ta’ taħt għall-kisjiet ta’ rendiment. It-test tal-aderenza jista’ jsir fuq kwalunkwe primitura jew żebgħa ta’ taħt opaki waħedhom, jew fuq il-primitura/iż-żebgħa ta’ taħt u l-kisja tal-irfinar flimkien, sakemm il-kombinazzjoni tkun opaka. F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, iridu jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi jew il-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ta’ kulur ċar jew bojod.

Il-primituri għall-użi esterni tal-bini għandhom jgħaddu mit-test tal-qligħ (“pull-off”) tal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti fejn is-saħħa ta’ koeżjoni tas-substrat tkun inqas mis-saħħa ta’ adeżjoni tal-primitura, inkella l-adeżjoni tal-primitura trid tkun ogħla mill-valur minimu ta’ 1,5 MPa.

Il-primituri tal-art jew iż-żebgħat ta’ taħt tal-art għandhom jagħtu punteġġ ta’ 2 jew inqas fit-test għall-adeżjoni tal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe primitura tal-ġebel opaka, primitura leganti jew prodotti ta’ żebgħa ta’ taħt inklużi fl-applikazzjoni għal-liċenzja tagħhom, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, kif applikabbli.

2(e)   Barxa

Nota:

Dan il-kriterju japplika għal-kisjiet tal-art biss. F’każijiet ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, iridu jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi jew il-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ta’ kulur ċar jew bojod.

Għandu jiġi osservat telf fil-piż ta’ ≤ 70 mg meta l-kisjiet tal-art ikunu esposti għal 1 000 ċiklu ta’ ttestjar b’tagħbija ta’ 1 000 g u rota tas-CS10 skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit għall-prodotti tal-kisi tal-art inklużi fl-applikazzjoni għal-liċenzja tiegħu. Id-dikjarazzjoni għandha tkun appoġġata minn kopji tar-rapporti tat-testijiet skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

2(f)   Esponimenti għall-kundizzjonijiet tat-temp

Nota:

Dan il-kriterju japplika għall-kisjiet ta’ rendiment ta’ barra. Fil-każ ta’ sfumaturi tal-kulur differenti fi ħdan familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġu ttestjati biss iż-żebgħa ta’ bażi jew il-bażi(jiet) għall-għoti ta’ lewn ħafif ċari jew bojod.

Il-kisjiet kollha ta’ rendiment ta’ barra għandhom ikunu esposti għal kundizzjonijiet tat-temp artifiċjali f’apparat li jinkludi lampi fluworexxenti tal-UV u l-kondensazzjoni jew raxx tal-ilma skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. Dawn għandhom ikunu esposti għall-kundizzjonijiet tat-test għal 1 000 siegħa b’kundizzjonijiet taċ-ċiklaġġ ta’: UVA 4 h/60 °C + umdità 4 h/50 °C.

Alternattivament, il-kisjiet ta’ rendiment ta’ barra għal substrati tal-injam jistgħu jiġu esposti għall-kundizzjonijiet tat-temp għal 1 000 siegħa fl-apparat tal-effetti aċċellerati tat-temp QUV b’esponiment ċikliku b’radjazzjoni tal-UV(A) u sprejjar skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Wara l-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp, ir-riti esposti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fit-Tabella 3 hawn taħt.

Tabella 3

Ħarsa ġenerali lejn ir-rekwiżiti tal-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp għall-kisjiet ta’ rendiment u prodotti relatati skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti

Proprjetà

Rekwiżit (wara l-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp)

Kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti koperti/mhux koperti

Tibdil fil-kulur

Tibdil fil-kulur, ΔΕ ≤ 4

Mhux applikabbli għal primituri jew għal kisjiet intermedji f’sistemi ta’ kisi ta’ rendiment u lanqas għal sistemi ta’ kisi ta’ rendiment trasparenti jew semitrasparenti

Tnaqqis fit-tleqqija

tnaqqis ta’ ≤ 30 % meta mqabbel mal-valur inizjali

Mhux applikabbli għall-kisjiet ta’ rendiment b’valur ta’ tleqqija inizjali ta’ < 60 % f’angolu ta’ inċidenza ta’ 60°

Tfarfir tal-kulur

Punteġġ ta’ ≤ 2

Applikabbli biss għall-kisjiet tal-irfinar jew għas-sistema ta’ kisi ta’ rendiment sħiħ użata fuq substrati tal-ġebel, tal-injam u tal-metall ta’ barra.

Tqaxxir

Densità tal-qxur: ≤ 2

Daqs tal-qoxra: ≤ 2

Tixqiq

Kwantità ta’ xquq: ≤ 2

Daqs tax-xaqq: ≤ 3

Formazzjoni ta’ bżieżaq

Densità tal-bżieżaq: ≤ 3

Daqs tal-bżieżaq: ≤ 3

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe kisi ta’ rendiment ta’ barra inkluż fl-applikazzjoni għal-liċenzja tiegħu, l-applikant għandu jipprovdi kopji tar-rapporti tat-testijiet li jagħtu dettalji dwar il-metodu tat-test tal-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp użat (li jkun konformi mal-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti) u jipprovdi r-riżultati tal-bidliet fil-proprjetajiet wara l-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp, kif applikabbli.

2(g)   Reżistenza għall-korrużjoni

Nota:

Dan il-kriterju japplika biss għall-kisjiet ta’ rendiment kontra l-korrużjoni u l-prodotti relatati.

Il-primituri kontra l-korrużjoni jew is-sistemi ta’ kisi għandhom jiġu esposti għal stress ta’ korrużjoni simulat fuq is-substrati metalliċi u l-ambjenti tal-użu (pereżempju C2, C3, C4 jew C5 skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti) li għalihom huwa rrakkomandat l-użu tagħhom. L-istress ta’ korrużjoni applikat fl-ittestjar għandu jikkorrispondi għal-livell “għoli” għal kull kategorija, li huwa kif ġej:

Tabella 4

Rekwiżiti għall-ittestjar tar-reżistenza għall-korrużjoni għall-primituri kontra l-korrużjoni u għas-sistemi ta’ kisi ta’ rendiment skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti

Kategorija tal-korrużività

Reġim ta’ ttestjar 1

Reġim ta’ ttestjar 2

Kondensazzjoni tal-ilma, sigħat

Sprej tal-melħ newtrali, sigħat

Anness B (test tat-tiqdim ċikliku, sigħat)

C2 (għolja)

120

-

-

C3 (għolja)

240

480

-

C4 (għolja)

480

720

-

C5 (għolja)

720

1 440

1 680

Wara l-esponiment, is-superfiċi miksija għandhom jiġu eżaminati u jinstabu li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

Klassifikazzjoni ta’ 3 jew aħjar (jiġifieri 0, 1 jew 2) għad-daqs tal-bżieżaq skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Klassifikazzjoni ta’ 3 jew aħjar (jiġifieri 0, 1 jew 2) għall-kwantità ta’ bżieżaq skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Klassifikazzjoni ta’ Ri2 jew aħjar (jiġifieri Ri0 jew Ri1) għall-grad ta’ sadid skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tkun appoġġata minn kopji tar-rapporti tat-testijiet skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

2(h) Ekotossiċità

Innota li dan il-kriterju japplika biss għal sistemi ta’ kisi ta’ rendiment kontra l-korrużjoni jew kontra l-ilma li huma kkummerċjalizzati għall-użu f’ambjenti ta’ barra. Fil-każ ta’ familja ta’ prodotti, jeħtieġ li jiġi ttestjat biss il-prodott tal-agħar xenarju. Il-prodott tal-agħar xenarju għandu jintgħażel abbażi tal-kwantità totali stmata ta’ ingredjenti kklassifikati H400 u H410/H411/H412 preżenti.

L-ekotossiċità għandha titkejjel billi tiġi ttestjata l-ekotossiċità tal-elwat li jinkiseb mill-kuntatt mal-ilma taż-żewġ pjanċi tal-ħġieġ li jkunu ġew miksija bis-sistema ta’ kisi kompleta, inkluż kwalunkwe primitura, żebgħa ta’ taħt, kisi intermedju u kisi tal-irfinar. Il-proċedura tat-test hija:

Ħejji żewġ pjanċi tal-ħġieġ bis-superfiċi magħmula ħorox u applika l-kisi fuq il-pjanċi f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur. Kull pjanċa għandha tippreżenta erja tas-superfiċe miksija ta’ bejn 250 u 500 cm2. Kun ċert li s-saff tal-primitura ma jisporġux lil hinn mis-saff tal-irfinar.

B’mod parallel, ħejji test fl-għama fejn il-pjanċi tal-ħġieġ magħmula ħorox ma jkunux miksija iżda jiġu ttrattati u mbagħad ittestjati b’mod identiku eżatt għall-proċedura tal-kisi.

Ħalli l-kisi jitwebbes u jiġi kkundizzjonat minn qabel għal perjodu ta’ 72 siegħa f’temperatura ta’ 19 sa 25 °C u f’umdità relattiva ta’ 40 sa 60 %.

Neħħi l-kisi fuq il-pjanċi tal-ħġieġ (u l-kampjuni ta’ kontroll fl-għama) skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti għal 24 siegħa (jekk il-primitura ma teħilx mas-superfiċe jew il-kisi jinqala’ minn mas-superfiċe matul it-test tal-lissija, il-manifattur u l-istituzzjoni tal-ittestjar għandhom jaqblu fuq superfiċe oħra li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent minflok pjanċi tal-ħġieġ b’superfiċe magħmula ħarxa).

Il-proporzjon tal-volum tal-ilma mal-erja tas-superfiċe miksija tal-kampjun tat-test għandu jkun bejn 25 u 30 l/m2. Għandu jintuża reċipjent xieraq biex il-livell tal-ilma dejjem jista’ jibqa’ mill-inqas 20 mm ’il fuq mis-superfiċe ta’ fuq tal-kampjun tat-test.

Kejjel il-pH, il-konduttività u, b’mod fakultattiv, il-karbonju organiku maħlul qabel ma jinbdew it-testijiet tal-ekotossiċità, li huma definiti fit-Tabella 5 hawn taħt flimkien mar-rekwiżiti limiti tagħhom.

Tabella 5

Ittestjar u rekwiżiti tal-ekotossiċità

Speċijiet tat-test

Punt ta’ tmiem

Rekwiżit

Batterji luminexxenti (Vibrio fischeri)

Dawl

GL ≤ 8

Algi (Raphidocanis subcapitata/Desmodesmus subspicatus)

Tkabbir

GA ≤ 4

test tal-umu

Ġenotossiċità

GEU ≤ 1,5

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tkun appoġġata minn kopji tar-rapporti tat-testijiet skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Kriterju 3.   Kontenut ta’ Komposti Organiċi Volatili u ta’ Komposti Organiċi Semivolatili (KOV u KOSV)

Il-kontenut massimu ta’ Komposti Organiċi Volatili (KOV) u ta’ Komposti Organiċi Semivolatili (KOSV) ma għandux jaqbeż il-limiti mogħtija fit-Tabella 6.

Il-kontenut ta’ KOV u ta’ KOSV għandu jiġi stabbilit għall-prodott li jkun lest għall-użu u għandu jinkludi kwalunkwe żieda rrakkomandata għal qabel l-użu bħal sustanzi kuluranti u/jew thinners.

Tabella 6

Limiti tal-kontenut ta’ KOV u ta’ KOSV

Limiti tal-kontenut ta’ KOV u ta’ KOSV

Deskrizzjoni tal-prodott (u indikazzjoni tas-subkategorija tiegħu skont id-Direttiva 2004/42/KE)

Limiti tal-KOV (g/l ta’ prodott lest għall-użu)

Limiti tal-KOSV (g/l ta’ prodott lest għall-użu)

i. Il-prodotti tal-kisi ta’ rendiment li jkun fihom pakkett wieħed imsemmija fl-Artikolu 2(1), inklużi l-kisjiet ta’ impermeabbilizzazzjoni iżda esklużi l-kisjiet kontra l-korrużjoni

65

45 (5) / 55 (6)

j. Il-prodotti tal-kisi ta’ rendiment reattivi li jkun fihom diversi pakketti msemmija fl-Artikolu 2(1), inklużi l-kisjiet ta’ impermeabbilizzazzjoni iżda esklużi l-kisjiet kontra l-korrużjoni

65

45

(parti minn i jew j) Prodotti tal-kisi u primituri kontra l-korrużjoni

65

50

Il-kontenut tal-KOV għandu jiġi ddeterminat jew b’kalkolu bbażat fuq l-ingredjenti u l-materja prima jew bl-użu tal-metodi mogħtija fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. Il-kontenut ta’ KOSV għandu jiġi ddeterminat bl-użu tal-metodu mogħti fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. Fil-każ ta’ prodotti użati kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa, għandhom jipprevalu l-valuri ta’ limitu l-aktar stretti għall-KOSV għaż-żebgħa u l-verniċ ta’ ġewwa.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità appoġġata mill-kalkoli tal-kontenut ta’ KOV u tal-KOSV abbażi tal-ingredjenti u tal-materja prima użati fil-prodott lest għall-użu. Alternattivament, il-kontenut ta’ KOV u KOSV tal-prodott lest għall-użu għandu jiġi kkomunikat permezz ta’ rapport tat-test jew rapporti rappreżentattivi li jużaw il-metodi mogħtija fl-istandards u r-riżultati Ewropej jew internazzjonali rilevanti għandhom juru konformità mal-limiti rilevanti.

Kriterju 4.   Restrizzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi

Nota:

Dawn is-subkriterji japplikaw għall-formulazzjoni tal-prodott finali u għal kwalunkwe ingredjent fornut fih.

4.1.   Restrizzjonijiet ta’ Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna (SVHCs, Substance of Very High Concern)

Il-formulazzjoni tal-prodott finali u kwalunkwe ingredjenti fornuti fih ma għandux ikun fihom sustanzi mdaħħla li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59 ta’ dak ir-Regolament u inklużi fil-lista tal-kandidati għal sustanzi ta’ tħassib serju ħafna għall-awtorizzazzjoni.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li l-formulazzjoni tal-prodott finali u kwalunkwe ingredjent fornut fih ma fihom l-ebda SVHC bħala sustanzi mdaħħla. Id-dikjarazzjoni tal-applikant għandha tkun appoġġata minn skedi tad-data tas-sikurezza tal-ingredjenti fornuti kollha li jintużaw biex jiġi prodott il-prodott finali u dikjarazzjonijiet mill-fornituri tas-sustanzi kimiċi.

Il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala SVHCs u inklużi fil-lista ta’ kandidati f’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab hawn:

https://www.echa.europa.eu/candidate-list-table

Għandha ssir referenza għal-lista fid-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE.

Għal kwalunkwe livell ta’ impuritajiet magħrufa identifikati bħala SVHCs fl-ingredjenti, għandhom jintużaw il-konċentrazzjoni tal-impurità u fattur ta’ ritenzjoni preżunt ta’ 100 %, biex tiġi stmata l-kwantità tal-impurità ta’ SVHC li jifdal fil-formulazzjoni tal-prodott finali. L-impuritajiet li huma SVHCs ma jistgħux ikunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott taż-żebgħa jew tal-verniċ f’ammont ogħla minn 0,0100 % w/w jew fi kwalunkwe ingredjent individwali f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu 0,100 % w/w. Kwalunkwe devjazzjoni minn fattur ta’ ritenzjoni ta’ 100 % għal impurità ta’ SVHC (pereżempju minħabba evaporazzjoni tas-solvent) jew fil-każ ta’ modifika kimika, trid tkun appoġġata minn ġustifikazzjonijiet adegwati.

4.2.   Restrizzjonijiet ġenerali bbażati fuq klassifikazzjonijiet skont il-klassifikazzjonijiet speċifiċi ta’ periklu ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(a)   Formulazzjoni tal-prodott finali

Il-formulazzjoni tal-prodott finali ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala karċinoġenika, mutaġenika, tossika għar-riproduzzjoni, tossika b’mod akut, periklu ta’ aspirazzjoni, tossikant speċifiku ta’ organi fil-mira, sensitizzatur respiratorju jew tal-ġilda, perikoluża għall-ambjent akkwatiku, perikoluża għas-saff tal-ożonu, li tfixkel is-sistema endokrinali, persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (PBT, persistent, bioaccumulative and toxic) jew persistenti, mobbli u tossika (PMT, persistent, mobile and toxic) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u speċifikament fit-termini tad-kodiċijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu fit-Tabella 7. L-unika eċċezzjoni permessa għal din ir-regola għandha tkun il-klassifikazzjoni H412 u H413, u biss jekk minħabba l-livelli ta’ preservattivi b’rita niexfa fil-każ ta’ żebgħat jew verniċi ta’ barra.

(b)   Sustanzi mdaħħla

Sakemm ma jkunx hemm deroga fit-Tabella 8, il-formulazzjoni tal-prodott finali ma għandu jkun fiha l-ebda sustanza mdaħħla f’konċentrazzjonijiet ta’ 0,010 % skont il-piż jew ogħla tal-formulazzjoni tal-prodott finali li huma kklassifikati, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, ma’ kwalunkwe waħda mill-klassijiet u l-kategoriji ta’ periklu, u l-kodiċijiet assoċjati tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu ddikjarati fit-Tabella 7.

Tabella 7

Klassijiet, kategoriji, kodiċijiet u dikjarazzjonijiet assoċjati ta’ periklu ristretti

Karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR, Carcinogenic, mutagenic or toxic for reprodution)

Kategoriji 1 A u 1B

Kategorija 2

H340: Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

H341: Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

H350: Jista’ jikkawża l-kanċer

H351: Suspettat li jikkawża l-kanċer

H350i: Jista’ jikkawża l-kanċer meta jittieħed bin-nifs

 

H360: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360F: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

H361f: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

H360D: Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361d: Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360FD: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361fd: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360Fd: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf.

H362: Jista’ jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

H360Df: Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità.

 

Tossiċità akuta

Kategoriji 1 u 2

Kategorija 3

H300: Fatali jekk jinbela’

H301: Tossiku jekk jinbela’

H310: Fatali jekk imiss mal-ġilda

H311: Tossiku jekk imiss mal-ġilda

H330: Fatali jekk jittieħed bin-nifs

H331: Tossiku jekk jittieħed bin-nifs

 

EUH070: Tossiku meta jmiss mal-għajnejn

Periklu ta’ aspirazzjoni

Kategorija 1

 

H304: Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

 

Tossiċità speċifika għal organi ta’ mira

Kategorija 1

Kategorija 2

H370: Jikkawża ħsara lill-organi

H371: Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

H372: Jikkawża ħsara lill-organi minħabba esponiment fit-tul jew ripetut

H373: Jista’ jikkawża ħsara lill-organi minħabba esponiment fit-tul jew ripetut

Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda

Kategoriji 1, 1 A u 1B

 

H317: Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

 

H334: Jista’ jikkawża sintomi ta’ allerġija jew ta’ ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtamm

 

Perikoluż għall-ambjent akkwatiku

Kategoriji 1 u 2

Kategoriji 3 u 4

H400: Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412: Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

H410: Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

H413: Jista’ jikkawża effetti dejjiema lill-organiżmi akkwatiċi

H411: Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

 

Perikoluż għas-saff tal-ożonu

H420: Jagħmel ħsara lis-saħħa tal-pubbliku u lill- ambjent billi jeqred l-ożonu fl-atmosfera ta’ fuq

 

Interferent endokrinali (EDs, endocrine disruptor) għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent

Kategorija 1

Kategorija 2

EUH380: Jista’ jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fil-bnedmin

EUH381: Suspettati li jikkawżaw tfixkil fis-sistema endokrinali fil-bnedmin

EUH430: Jista’ jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fl-ambjent

EUH431: Suspettat li jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fl-ambjent.

Persistenti, Bijoakkumulattiv u Tossiku (PBT, Persistent, Bioaccumulative and Toxic)

PBT

Persistenza għolja u Bijoakkumulazzjoni għolja (vPvB, very Persistent and very Bioaccumulative)

EUH440: Jakkumula fl-ambjent u f’organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin

EUH441: Jakkumula ħafna fl-ambjent u f’organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin

Persistenti, mobbli u tossiku (PMT, Persistent, Mobile and Toxic)

PMT

Persistenza għolja u Mobbiltà għolja (vPvM, very Persistent and very Mobile)

EUH450: Jista’ jikkawża kontaminazzjoni dejjiema u diffuża tar-riżorsi tal-ilma

EUH451: Jista’ jikkawża kontaminazzjoni dejjiema u diffuża tar-riżorsi tal-ilma

L-użu ta’ sustanzi li jkunu mmodifikati kimikament matul il-proċess ta’ produzzjoni, sabiex ma jibqa’ japplika l-ebda periklu rilevanti li għalih is-sustanza tkun ġiet ikklassifikata taħt ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, għandu jkun eżentat mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

Dan il-kriterju ma għandux japplika għal sustanzi mdaħħla koperti mill punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxu kriterji għall-eżenzjoni ta’ sustanzi fi ħdan l-Annessi IV u V ta’ dak ir-Regolament mir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, tal-utent downstream u tal-evalwazzjoni.

Tabella 8

Derogi għar-restrizzjonijiet ta’ sustanzi mdaħħla li huma kklassifikati b’wieħed jew aktar mill-perikli ristretti elenkati fit-Tabella 7 u li huma preżenti f’konċentrazzjonijiet ta’ 0,010 % jew ogħla (skont il-piż) tal-formulazzjoni tal-prodott finali.

Tip ta’ sustanza, isem tas-sustanza u numru CAS

Kodiċi(jiet) ta’ periklu b’deroga

Kundizzjonijiet tad-deroga

Preservattivi u stabbilizzaturi tal-preservattivi

Nota dwar il-preservattivi: il-preservattivi kollha miżjuda mal-ingredjenti jridu jiġu ddikjarati mill-fornituri u l-preservattivi kollha miżjuda direttament mal-formulazzjoni tal-prodott finali iridu jiġu ddikjarati mill-produttur taż-żebgħa jew tal-verniċ. L-uniċi tipi ta’ preservattivi permessi fl-ingredjenti u fil-prodott finali għandhom ikunu dawk li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għall-prodotti finali li joriġinaw mill-Unjoni, huwa mfakkar li mhuwiex biżżejjed li s-sustanzi attivi li jinsabu fil-prodott preservattiv jiġu approvati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tip ta’ prodott 6 (PT6) (preservattiv fil-bott) jew għat-tip ta’ prodott 7 (PT7) (preservattiv b’rita niexfa), iżda l-prodott preservattiv irid jiġi awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-PT6 jew PT7 jew jitqiegħed fis-suq skont il-miżuri tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 89(2) ta’ dak ir-Regolament. Il-limiti totali kkombinati għall-preservattivi PT6 u PT7 għandhom japplikaw għal dawn il-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin:

Għall-prodotti ta’ ġewwa: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 fil-prodott finali.

Għall-ilwien ħfief ikkuluriti użati f’sistemi għall-għoti ta’ lewn ħafif: sa 0,20 % skont il-piż ta’ PT6 fil-lewn ħafif ikkulurit.

Għal prodotti ta’ ġewwa kkummerċjalizzati għall-użu f’żoni b’umdità għolja: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 u sa 0,10 % skont il-piż ta’ PT7 fil-prodott finali.

Għall-prodotti ta’ barra: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 u sa 0,50 % skont il-piż ta’ PT7 fil-prodott finali.

Ħlief għall-ilwien ħfief ikkuluriti, ir-referenzi kollha għal konċentrazzjonijiet/limiti/livelli ta’ preservattivi fit-taqsima “preservattivi u stabbilizzaturi tal-preservattivi”, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għas-sustanzi attivi preservattivi li jinsabu fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Kwalunkwe preservattiv li ma jistax ikun preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-0,010 %, minħabba limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi (SCLs, specific concentration limits) inqas minn 0,010 % li jikklassifikaw il-prodott finali b’periklu ristrett tas-CLP, ma jissemmewx fit-tabella tad-derogi hawn taħt minħabba li ma jistgħux jintużaw f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-0,010 % fl-ewwel lok, u għalhekk ma jeħtiġux deroga. Dan ma jimplikax li ma jistgħux jintużaw bħala sustanzi mdaħħla fil-prodotti tal-Ekotikketta tal-UE fi kwalunkwe livell. Jekk ma jkunux esklużi b’mod espliċitu fis-subkriterju 4.3, tali preservattivi jistgħu jintużaw sakemm ikunu f’livelli taħt kwalunkwe SCLs li jwasslu għal klassifikazzjoni ristretta tas-CLP tal-formulazzjoni tal-prodott finali.

Preservattivi fil-bottijiet (PT6) f’ilwien ħfief ikkuluriti jew fil-prodott finali:

H301, H311, H317, H330, H331, H372, H373, H400, H410, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

It-total tas-somma tal-preservattivi kollha fil-bottijiet ta’ PT6 (dawk derogati għall-użu ta’ aktar minn 0,010 % flimkien ma’ dawk li mhumiex derogati iżda użati fil-livelli ta’ < 0,010 %) irid ikun fil-limiti rilevanti definiti fin-nota ta’ hawn fuq.

Meta jintużaw preservattivi li huma donaturi tal-formaldeid, iridu jiġu rrispettati l-limiti rilevanti għall-formaldeid liberu fil-formulazzjoni tal-prodott finali stabbiliti fis-subkriterju 4.3(l).

Għandhom japplikaw limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni (% ta’ skont il-piż fil-formulazzjoni finali tal-prodott) għas-sustanzi derogati elenkati hawn taħt:

Bronopol (Nru CAS 52-51-7): sa 0,030 %.

DBNPA (Nru CAS 10222-01-2): sa 0,030 %.

Pirition tas-sodju (Nru CAS 3811-73-2): sa 0,030 %.

BIT (Nru CAS 2634-33-5): sa 0,036 %.

Total ikkombinat ta’ isotijażolinoni u ta’ rilaxxaturi ta’ isotijażolinoni (dawk derogati għall-użu ta’ aktar minn 0,010 % flimkien ma’ dawk li mhumiex derogati iżda użati fil-livelli ta’ < 0,010 %): sa 0,040 % fil-formulazzjonijiet tal-prodott finali.

Diammina (Nru CAS 2372-82-9): sa 0,050 %.

Preservattivi b’rita niexfa (PT7):

H311, H317, H330, H331, H372, H373 H400, H410, H411, H412 u H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Japplika biss għal prodotti ta’ barra u ta’ ġewwa għall-użu f’żoni ta’ umdità għolja.

It-total tas-somma tal-preservattivi kollha b’rita niexfa ta’ PT7 (dawk derogati għall-użu ta’ aktar minn 0,010 % flimkien ma’ dawk li mhumiex derogati iżda użati fil-livelli ta’ < 0,010 %) irid ikun fil-limiti rilevanti ddefiniti fin-nota ta’ hawn fuq.

Fil-każ ta’ forom ta’ rilaxx bil-mod u inkapsulati ta’ preservattivi b’rita niexfa, il-klassifikazzjoni speċifika tal-prodott finali, jew formulazzjonijiet ta’ read-across, għandha tikkunsidra l-konċentrazzjoni assoluta tal-komponenti perikolużi (jiġifieri mingħajr il-kapsuli). Il-prodott finali jew il-formulazzjoni read-across ma tistax tiġi kklassifikata bi kwalunkwe wieħed mill-perikli elenkati fit-Tabella 7.

Kwalunkwe preservattiv b’rita niexfa kklassifikat bħala H400 jew H410 irid ikun mhux bijoakkumulattiv, muri billi jkollu koeffiċjent ta’ ottanol/ilma (Log Kow) ta’ ≤ 3,2 jew fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF, bioconcentration factor) ta’ ≤ 100.

Stabbilizzatur tal-preservattivi:

Ossidu taż-żingu (Nru CAS 1314-13-2)

H400, H410

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess li jintuża bħala stabbilizzatur tal-preservattivi, sa 0,040 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali, meta jintuża biex jiġu stabbilizzati, f’kombinazzjonijiet ta’ preservattivi fil-bott jew b’rita niexfa li jeħtieġu 1,2-Benżisotijażol-3(2H)-on (BIT).

Aġenti li jnixxfu u għal kontra t-tqaxxir

Aġenti għal kontra t-tqaxxir

H317, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-aġent kontra t-tqaxxir ma għandhiex taqbeż iż-0,40 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Nixxiefa (sustanzi għat-tnixxif)

H301, H317, H373, H400†, H410†, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-kontenut tal-aġent nixxief ma għandhiex taqbeż iż-0,10 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

† Id-deroga għal H400 u għal H410 tapplika biss għall-komposti tal-aġent nixxief ibbażat fuq il-kobalt u tali komposti jistgħu jintużaw biss sa 0,050 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Pigmenti u addittivi tal-pigmenti

Trimetilolpropan (Nru CAS 77-99-6)

H361fd

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Biss meta jintuża bħala addittiv f’pigmenti fornuti u sa 0,50 % biss skont il-piż fil-pigment fornut.

Leganti u dispersjonijiet tal-polimeri

Leganti u aġenti ta’ retikolazzjoni:

Diidrażotur tal-aċidu adipiku (Nru CAS 1071-93-8)

H317, H411

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż fl-ingredjent tal-legant jew tad-dispersjoni tal-polimeri u meta jintuża bħala promotur tal-adeżjoni jew bħala aġent ta’ retikolazzjoni.

Monomeri li ma jkunux ġew soġġetti għal reazzjoni (fil-leganti)

H301, H304, H311, H317, H331, H334, H372, H400, H410, H411, H412

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

It-total tas-somma tal-konċentrazzjoni ta’ monomeri li ma jkunux ġew soġġetti għal reazzjoni li jeħtieġu din id-deroga ma għandux jaqbeż il-0,050 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Oħrajn, mixxellanji

Metanol (Nru CAS 67-56-1)

H301, H311, H331, H370

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss bħala prodott ta’ reazzjoni residwu ta’ sustanzi oħra fil-formulazzjoni tal-prodott. Il-konċentrazzjoni residwa permissibbli tiżdied bħala funzjoni tal-kontenut ta’ leganti bil-mod li ġej:

Kontenut ta’ leganti ta’ 10-20 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,020 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Kontenut ta’ leganti ta’ 20-40 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,030 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Kontenut ta’ leganti ta’ > 40 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,050 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Materja prima minerali, inklużi materjal għall-mili, aġenti kontra d-dendil u aġenti li jimmattjaw

H372, H373

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Japplika biss għall-materja prima minerali u għall-minerali ta’ lewkofilliti li fihom b’mod naturali s-siliċju kristallin.

Permess biss f’kontenuti sa 1,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali għall-materjali tal-H372 jew sa 10 % għall-materjali tal-H373.

F’każijiet fejn il-materjal jiġi pprovdut f’forma ta’ trab xott, l-applikant għandu juri li għandu sistemi fis-seħħ biex jimminimizza l-esponiment tal-ħaddiema għal trab xott fuq il-post tax-xogħol (pereżempju sistemi ta’ dożaġġ magħluqa, żoni ta’ dożaġġ ventilati u ta’ taħlit u tagħmir protettiv personali).

Aġenti newtralizzanti

H301, H311, H331, H400, H410, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż fil-formulazzjonijiet tal-verniċ, u sa 0,50 % fil-prodotti l-oħrajn kollha.

Illuminanti ottiċi

H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 0,10 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Reżina tas-silikonu

H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 2,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Solventi

H304

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 2,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Aġenti tensjoattivi

H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż f’formulazzjonijiet ta’ prodotti trasparenti, semitrasparenti, bojod jew ċari jew sa 3,0 % skont il-piż bil-kuluri l-oħrajn kollha.

Stabbilizzaturi tal-UV

H317, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Applikabbli biss għall-prodotti ta’ barra u sa 0,60 % skont il-piż biss fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata ta’ konformità mas-subkriterju 4.2, inkluża l-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni tad-deroga rilevanti, appoġġata minn dikjarazzjonijiet mill-fornituri u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra.

Għandha tiġi ppreżentata lista tas-sustanzi mdaħħla kollha b’wieħed jew aktar mill-perikli ristretti tas-CLP ikkalkulati li jkunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet ta’ aktar minn 0,010 % skont il-piż, flimkien man-numri CAS tagħhom, l-istatus tal-klassifikazzjoni tas-CLP (jiġifieri armonizzati, dħul konġunt jew awtoentrati biss), il-funzjoni rilevanti tas-sustanza mdaħħla (pereżempju preservattiv fil-bott, nixxief, pigment, aġenti newtralizzanti, aġenti tal-UV, aġenti tensjoattivi, stabbilizzatur tal-UV, eċċ.). Il-kalkoli għall-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi mdaħħla fil-formulazzjoni tal-prodott finali għandhom ikunu bbażati fuq:

lista tal-ingredjenti, sustanzi kimiċi jew il-materja prima kollha użata biex issir il-formulazzjoni tal-prodott finali;

l-iskrinjar ta’ ingredjenti, sustanzi kimiċi jew materja prima għal dawk is-sustanzi mdaħħla u impuritajiet magħrufa bi kwalunkwe wieħed mill-perikli tas-CLP ristretti għall-Ekotikketta tal-UE;

il-konċentrazzjonijiet ta’ kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata u impurità magħrufa b’perikli tas-CLP ristretti għall-Ekotikketta tal-UE fl-ingredjenti, is-sustanzi kimiċi jew il-materja prima użati fil-format ipprovdut;

il-piż ta’ kull ingredjent, sustanza kimika jew materja prima miżjuda biex ikun magħmul piż magħruf tal-formulazzjoni tal-prodott finali.

L-impuritajiet magħrufa għandhom jiġu ttrattati bħala sustanzi mdaħħla biss jekk l-eżerċizzju ta’ skrinjar jiżvela li l-kontenut tagħhom fil-formulazzjoni tal-prodott finali għandu jaqbeż 0,010 % skont il-piż jew il-kontenut tagħhom f’ingredjent għandu jaqbeż 0,100 % skont il-piż. L-impuritajiet magħrufa taħt dawn il-limiti ma għandhomx jingħaddu fil-kalkoli.

Kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata għandha tiġi preżunta awtomatikament li hija miżmuma 100 % fil-prodott finali. Għandhom jiġu pprovduti ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe devjazzjoni minn fattur ta’ ritenzjoni ta’ 100 % fl-ipproċessar (pereżempju evaporazzjoni tas-solvent) jew għal modifika kimika ta’ sustanza mdaħħla skrinjata. Is-sustanzi magħrufa li jiġu rilaxxati jew li jiddegradaw mis-sustanzi mdaħħla jitqiesu bħala sustanzi mdaħħla u mhux impuritajiet.

Għal kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata miżmuma fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet ta’ aktar minn 0,010 % skont il-piż, iżda li huma eżentati mis-subkriterju 4.2 (ara l-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006), dikjarazzjoni b’dan l-għan mill-applikant għandha tkun biżżejjed għal dawk is-sustanzi.

Peress li diversi prodotti jew prodotti potenzjali (pereżempju sfumaturi personalizzati minn sistema għall-għoti ta’ lewn ħafif) li jużaw l-istess ingredjenti, sustanzi kimiċi jew materja prima jistgħu jkunu koperti minn liċenzja waħda tal-Ekotikketta tal-UE, jista’ jkun aċċettabbli kalkolu tal-agħar xenarju għal kull sustanza mdaħħla skrinjata fi ħdan familja komuni ta’ prodotti koperti mill-istess liċenzja.

Fir-rigward tal-informazzjoni mitluba mill-fornituri li tista’ tkun kummerċjalment sensittiva, l-evidenza mill-fornituri tista’ tiġi pprovduta wkoll direttament lill-korpi kompetenti mingħajr ma neċessarjament jiġu pprovduti ċerti dettalji lill-applikant.

4.3.   Restrizzjonijiet speċifiċi ta’ sustanzi perikolużi għal sustanzi mdaħħla.

Sakemm ma jkunx hemm deroga għalihom fis-subkriterju 4.2, is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi bħala sustanzi mdaħħla fil-formulazzjoni tal-prodott finali jew bħala sustanzi mdaħħla għall-ingredjenti użati biex issir il-formulazzjoni tal-prodott finali:

(a)

Preservattivi jew nixxiefa kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni.

(b)

Sustanzi kklassifikati bħala interferenza endokrinali tal-kategorija 1 jew tal-kategorija 2 għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista kandidata msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, sustanzi identifikati bħala li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jew mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, minbarra d-DBNPA (Nru CAS 10222-01-2) fejn jintuża bħala preservattiv fil-bott.

(c)

Sustanzi kklassifikati bħala Persistenti, Bijoakkumulattivi u Tossiċi (PBT) jew b’Persistenza għolja u Bijoakkumulazzjoni għolja (vPvB) għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista tal-kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin, sustanzi identifikati bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inklużi fil-bnedmin f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jew mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(d)

Sustanzi kklassifikati bħala sustanzi Persistenti, Mobbli u Tossiċi (PMT) jew Persistenti ħafna u Mobbli ħafna (vPvB) f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista tal-kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala li għandhom proprjetajiet PMT jew vPvM.

(e)

Alkilfenoli, alkilfenoletossilati (APEOs, alkylphenol ethoxylates) u d-derivattivi tagħhom, kif imsemmija fl-entrata 43 tal-Anness XIV jew fl-entrata 46 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(f)

Sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS, Perfluorinated and polyfluorinated compounds), kif definiti fl-Artikolu 4(42).

(g)

Ftalati.

(h)

Komposti tal-organotin.

(i)

Sustanzi tal-fwieħa li huma pprojbiti jew ristretti fi prodotti kożmetiċi u elenkati fl-Annessi II jew III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(j)

Bisfenoli li ġew identifikati mill-ECHA fil-valutazzjoni tagħhom tal-2021 bl-isem “Assessment of Regulatory Needs report on Bisphenols” għal ġestjoni ulterjuri tar-riskju regolatorju tal-UE li huma magħrufa jew potenzjalment interferenti endokrinali għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, jew li jistgħu jiġu identifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni.

(k)

Il-pigmenti użati ma għandhomx ikunu bbażati fuq il-Kadmju, iċ-Ċomb, il-Kromu (VI), il-Merkurju, l-Arseniku, is-Selenju, l-Antimonju jew il-Kobalt. L-impuritajiet li ġejjin minn kwalunkwe pigment użat ma għandhomx ikunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali fi kwantitajiet li jaqbżu 0,010 % skont il-piż (għal kull metall): Kadmju, Ċomb, Kromu (VI), Merkurju, Arseniku, Selenju, Antimonju u Kobalt. L-uniċi eċċezzjonijiet għall-użu tal-pigment u għal-limitu ta’ 0,010 % għall-impuritajiet għandhom ikunu:

Kobalt: minħabba l-użu ta’ spinell blu tal-aluminat tal-kobalt (Nru CAS 1345-16-0) u pigmenti ta’ spinell blu-aħdar tal-kromit tal-kobalt (Nru CAS 68187-11-1).

Antimonju: minħabba l-użu ta’ pigmenti bbażati fuq in-Nikil tal-Antimonju f’kannizzata tat-TiO2 insolubbli.

(l)

Il-formaldeid liberu ma għandux jiżdied intenzjonalment mal-formulazzjoni tal-prodott finali. Il-prodott finali għandu jiġi ttestjat sabiex jiġi stabbilit il-kontenut ta’ formaldeid liberu fih. Għandhom jintgħażlu kampjuni tal-agħar xenarju għall-ittestjar għal kull familja ta’ prodotti li abbażi tagħhom il-prodott huwa previst li jkollu l-ogħla ammont teoretiku ta’ kontenut ta’ formaldeid. Fil-kundizzjonijiet definiti hawn taħt, għandhom ikunu permessi l-limiti totali tas-somma li ġejjin ta’ formaldeid liberu:

Sa 0,0010 % skont il-piż permess meta jkunu meħtieġa l-bronopol jew preservattivi li huma donaturi tal-formaldeid bħala preservattiv fil-bott biex jiġi protett tip speċifiku ta’ żebgħa jew verniċ

Sa 0,010 % skont il-piż permess meta d-dispersjonijiet tal-polimeri (leganti) jipprovdu, permezz ta’ livelli residwi ta’ formaldeid, il-funzjoni ta’ donaturi tal-formaldeid minflok preservattivi fil-bottijiet.

Sa 0,010 % meta ż-żewġ kundizzjonijiet elenkati hawn fuq japplikaw fl-istess prodott.

(m)

Mikropartikoli ta’ polimeri sintetiċi (SPMs, Synthetic polymer microparticles, magħrufa b’mod komuni bħala mikroplastiks) kif definiti fl-entrata 78 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH), ma għandhomx jintużaw għal finijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ riti fi kwalunkwe formulazzjoni ta’ prodott sakemm l-użu u l-iskop tagħhom ma jiġux iddikjarati b’mod espliċitu, flimkien ma’ ġustifikazzjoni ta’ għaliex l-użu tagħhom itejjeb il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodott taż-żebgħa jew tal-verniċ.

Valutazzjoni u verifika:

(a sa j)

L-applikant għandu jiddikjara n-nuqqas ta’ użu tas-sustanzi rilevanti indikati f’dan is-subkriterju, jiġifieri preservattivi CMR, nixxiefa CMR, interferenti endokrinali (minbarra DBNPA), sustanzi PBT u vPVB, sustanzi PMT u vPvM, alkilfenoli u APEOs, PFAS, ftalati, komposti tal-organotin, fwejjaħ u bisfenoli bħala sustanzi mdaħħla fil-formulazzjonijiet tagħhom, appoġġati minn dikjarazzjonijiet mill-fornituri tagħhom dwar in-nuqqas ta’ użu tal-gruppi ta’ sustanzi mhux perikolużi bħala sustanzi mdaħħla fl-ingredjenti fornuti u li jintużaw bħala formulazzjonijiet koperti mill-proċedura tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE.

(k)

Fil-każ tar-restrizzjonijiet tal-metall tqil mill-pigmenti, l-applikant jew il-fornitur tal-pigment għandu jipprovdi dikjarazzjoni li tiddikjara li la l-pigment innifsu u lanqas kwalunkwe sustanza mdaħħla li tista’ tiġi inkorporata fil-prodott tal-pigment ma huma bbażati fuq il-metalli tqal elenkati. L-applikant jew il-fornitur tal-pigment għandu jipprovdi wkoll rapport tat-test bil-livelli ta’ impuritajiet tal-metall tqil ta’ kampjuni rappreżentattivi tal-pigment fornut. Imbagħad, l-applikant għandu juża dawn ir-riżultati, flimkien mal-% tal-pigment(i) użat(i) fil-prodott finali, biex jikkalkula l-konċentrazzjoni ta’ metalli tqal mill-pigmenti li jifdal fil-prodott finali. Fil-każ ta’ pigmenti eżentati, il-fornitur tal-pigment għandu jiddikjara liema pigment(i) għandu/għandhom l-eżenzjoni (jiġifieri spinell blu tal-aluminat tal-kobalt, spinell blu-aħdar tal-kromit tal-kobalt jew nikil tal-antimonju f’kannizzata tat-TiO2 insolubbli).

(l)

L-applikant għandu jiddikjara liema mill-prodotti tiegħu għandu jkollu l-ogħla kontenut teoretiku ta’ formaldeid liberu f’kull familja ta’ formulazzjoni ta’ prodotti. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-għażla tal-formulatur taż-żebgħa li juża d-donaturi tal-formaldeid bħala preservattivi u dikjarazzjonijiet mill-fornituri fir-rigward tal-ammonti ta’ donaturi tal-formaldeid użati biex jippreservaw l-ingredjenti fornuti (speċjalment l-leganti). Iż-żieda ta’ dawn is-sustanzi (u ta’ kwalunkwe ingredjent ieħor li jirrilaxxa l-formaldeid) mal-formulazzjonijiet tal-agħar xenarju ma għandhiex tirriżulta fil-kontenut ta’ formaldeid liberu fil-prodott finali li jaqbeż il-limitu ta’ konċentrazzjoni rilevanti, kif imkejjel bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

(m)

L-applikant għandu jipprovdi jew dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ użu ta’ SPMs għal skopijiet li mhumiex ta’ formazzjoni ta’ rita jew dikjarazzjoni dwar l-użu tagħhom fil-formulazzjoni tal-prodott tagħhom. F’każijiet fejn jiġi ddikjarat l-użu ta’ SPMs għal skopijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ rita, it-tip, il-kwantità (% skont il-piż) u l-iskop għandhom jiġu ddikjarati fid-dikjarazzjoni, flimkien ma’ ġustifikazzjoni ta’ kif l-użu ta’ SPMs għal skopijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ rita jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodott. Dawn il-ġustifikazzjonijiet normalment għandhom iqabblu l-prestazzjoni ambjentali tal-istess prodott bl-SPMs u mingħajrhom għal skopijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ rita.

Kriterju 5.   Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili (KOV)

Nota:

applikabbli biss għall-kisjiet ta’ rendiment ta’ ġewwa u l-prodotti relatati.

L-emissjonijiet ta’ KOV ma għandhomx jaqbżu l-limiti ddefiniti fit-tabella hawn taħt.

Tabella 9

Limiti tal-emissjonijiet ta’ KOV

Parametru

Riżultati tat-test ta’ 3 ijiem

Riżultati tat-test ta’ 28 ijiem

KOV totali (*2)

≤ 3 000  μg/m3

≤ 300 μg/m3

Valur R (*3)

mhux applikabbli

≤ 1,0

Formaldeid

mhux applikabbli

≤ 10 μg/m3

Kwalunkwe KOV karċinoġeniku ieħor tal-kategorija 1 A jew 1B mhux kopert mill-valuri tal-LCI tal-UE (*4)

≤ 10 μg/m3 għal kull sustanza

≤ 1 μg/m3 għal kull sustanza

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jissottometti kopja tar-rapport tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti għall-formulazzjoni tal-prodott tal-agħar xenarju f’kull waħda mill-familji rilevanti ta’ prodotti li jkunu koperti mill-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Kwalunkwe bidla fil-formulazzjonijiet li toħloq kontenut ogħla tal-KOV fl-agħar xenarju għandha tiskatta r-rekwiżit li jiġi ppreżentat rapport aġġornat tat-test tal-emissjonijiet tal-KOV. Fejn rilevanti, għandha tiġi pprovduta spjegazzjoni ċara tad-differenzi magħmula bejn il-familji tal-prodotti (pereżempju l-kimika tal-leganti, il-kategorija tal-prodott eċċ.), flimkien ma’ ġustifikazzjoni tal-prodott tal-agħar xenarju f’kull familja tal-prodotti.

F’każijiet fejn sistema ta’ kisi jkollha diversi saffi, is-sistema sħiħa għandha tiġi applikata għas-substrat tat-test skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur qabel l-ittestjar tal-emissjonijiet.

Għall-kalkolu tal-valur R, għandha ssir referenza għall-aktar sett reċenti ta’ valuri miftiehma ta’ Konċentrazzjoni l-Aktar Baxxa ta’ Interess (LCI, Lowest Concentration of Interest) tal-UE disponibbli fil-ħin tal-ittestjar. Dawn il-valuri jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea (1).

Jekk il-konċentrazzjonijiet tal-arja fil-kompartiment ikunu jistgħu jintwerew li jikkonformaw mal-limiti ta’ 28 jum qabel ma jitlesta l-perjodu ta’ 28 jum iżda wara perjodu ta’ mill-inqas 3 ijiem, dawk ir-riżultati jistgħu jiġu aċċettati bħala prova ta’ konformità u t-test jista’ jitwaqqaf f’dak il-punt.

(1)

Ara https://single-market-economy.ec.europa.eu/sectors/construction/eu-lci-subgroup/eu-lci-values_mt

Kriterju 6.   Tagħrif għall-konsumaturi

6(a)

L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuq l-imballaġġ jew għandha tkun mehmuża miegħu:

Rakkomandazzjoni biex titnaqqas il-ħela tal-prodott tal-kisi billi jiġi stmat kemm ikun hemm bżonn ta’ prodott tal-kisi qabel ix-xiri,

Kif tirkupra prodott tal-kisi mhux użat biex jerġa’ jintuża,

Kif l-użu mill-ġdid tal-prodott tal-kisi jista’ jimminimizza b’mod effettiv l-impatt ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti,

Informazzjoni mitluba fis-subkriterju 6(b) jew spjegazzjoni ta’ kif wieħed jista’ jaċċessa tali informazzjoni.

6(b)

L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuq l-imballaġġ jew tkun imwaħħla miegħu jew tkun disponibbli permezz ta’ link tal-web jew kodiċi QR:

Kif jiġi stmat l-ammont ta’ prodott tal-kisi meħtieġ qabel ix-xiri sabiex titnaqqas il-ħela tal-prodott tal-kisi u ammont rakkomandat bħala linja gwida (pereżempju għal 1 m2 ta’ ħajt, huma meħtieġa X litri ta’ prodott tal-kisi),

Kundizzjonijiet xierqa tal-ħażna tal-prodott (qabel u wara l-ftuħ), inkluż, fejn xieraq, pariri dwar is-sikurezza,

Miżuri ta’ sikurezza għall-utent inkluż rakkomandazzjoni bażika dwar tagħmir protettiv personali li għandu jintlibes u miżuri addizzjonali li għandhom jittieħdu meta jintuża l-prodott u jekk applikabbli meta jintuża tagħmir tal-isprej,

L-użu ta’ tagħmir tat-tindif u l-immaniġġar xieraq tal-iskart tal-“prodott tal-kisi li jifdal” u l-imballaġġ (sabiex jiġi limitat it-tniġġis tal-ilma u tal-ħamrija). Pereżempju, test li jagħti parir li l-prodott mhux użat jeħtieġ immaniġġar speċjalizzat għal rimi sikur fl-ambjent u għalhekk ma għandux jintrema mal-iskart domestiku jew kummerċjali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott huwa konformi mar-rekwiżit u jipprovdi lill-korp kompetenti bix-xogħol artistiku jew il-kampjuni tal-informazzjoni għall-utent u/jew link jew kodiċi QR għas-sit web tal-manifattur li jkun fiha dan it-tagħrif bħala parti mill-applikazzjoni. Għandu jingħata l-ammont ta’ żebgħa rakkomandat bħala linja gwida.

Kriterju 7.   Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

It-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali għandu jkun fiha tlieta mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin, skont ir-rilevanza tagħhom:

Kontenut minimizzat kemm jista’ jkun ta’ sustanzi perikolużi,

Kontenut imnaqqas ta’ komposti organiċi volatili (KOV): x g/l,

Emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili mnaqqsa fl-arja ta’ ġewwa (għall-prodotti ta’ ġewwa),

Prestazzjoni tajba għall-użu fuq ġewwa (għall-prodotti ta’ ġewwa), jew

Prestazzjoni tajba għall-użu fuq barra, (għall-prodotti ta’ barra) jew

Prestazzjoni tajba kemm għall-użu fuq ġewwa kif ukoll għall-użu fuq barra (għall-prodotti adatti għall-użu fuq ġewwa u fuq barra).

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali jistgħu jinstabu fil-“Linji Gwida għall-Użu tal-Logo tal-Ekotikketta”) f’dan is-sit web:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta tal-prodott jew tax-xogħol artistiku tal-imballaġġ fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.


(1)  Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ trab fl-arja mill-proċess tal-klorur jitqiesu bħala: stadji tal-maċinazzjoni, tal-klorinazzjoni, tal-ossidazzjoni u tal-mikronizzazzjoni. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ HCl fl-arja mill-proċess tal-klorur jitqiesu bħala: klorinazzjoni, purifikatur tal-aċidu minn proċessi ta’ separazzjoni tas-solidi u ta’ trattament tal-klorur tal-metall. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ trab fl-arja mill-proċess tas-sulfat jitqiesu bħala: stadji tal-maċinazzjoni, tad-diġestjoni, tal-kalċinazzjoni u tal-mikronizzazzjoni. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ SO2 fl-arja mill-proċess tas-sulfat jitqiesu bħala: proċessi ta’ diġestjoni u ta’ kalċinazzjoni.

(2)  Meta l-mineral użat ikun > 95 % kontenut ta’ TiO2.

(3)  Meta l-mineral użat ikun 90-95 % kontenut ta’ TiO2.

(4)  Meta l-mineral użat ikun < 90 % kontenut ta’ TiO2.

(5)  il-limitu tal-KOSV japplika għaż-żebgħat u l-verniċi bojod ta’ ġewwa

(6)  il-limitu tal-KOSV japplika għaż-żebgħat u l-verniċi b’lewn ħafif ta’ ġewwa/ta’ barra

(7)   “Kompost organiku volatili” (KOV) tfisser kwalunkwe kompost organiku li jkollu punt tat-togħlija inizjali ta’ inqas minn jew daqs 250 °C imkejjel fi pressjoni standard ta’ 101,3 kPa

(8)   “Komposti organiċi semivolatili” (KOSV) tfisser kwalunkwe kompost organiku li jkollu punt tat-togħlija ogħla minn 250 °C u inqas minn 370 °C imkejjel fi pressjoni standard ta’101,3 kPa

(*1)  Kundizzjoni tad-deroga orizzontali: l-ebda waħda mid-derogi ta’ hawn fuq, individwalment jew flimkien, ma għandha tkun permessa jekk tirriżulta fil-klassifikazzjoni tal-formulazzjoni tal-prodott finali bi kwalunkwe wieħed mill-perikli definiti fit-Tabella 7, bl-eċċezzjoni notevoli ta’ H412 u H413 għall-prodotti ta’ barra minħabba l-preżenza ta’ preservattivi b’rita niexfa.

(*2)  Il-KOV totali għandu jitkejjel kif iddefinit fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti u għandu jinkludi l-kwantifikazzjoni ta’ kwalunkwe kompost mhux fil-mira

(*3)  Il-valur R, kif definit fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. Ir-riżultati għall-valur R kumulattiv għandhom jiġu arrotondati għal pożizzjoni deċimali waħda qabel ma tiġi determinata l-konformità jew qabel ma jiġi determinat in-nuqqas ta’ konformità mal-limitu ta’ 1,0.

(*4)  Ma japplikax għall-formaldeid, li huwa KOVĦ u huwa kopert minn limitu individwali speċifiku. Ma japplikax għal KOVĦ jew KOV karċinoġeniċi oħra li għandhom valur UE-LCI, peress li dawn huma diġà koperti mil-limitu tal-valur-R.


ANNESS III

Kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE liż-żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma

Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE jimmiraw l-aqwa żebgħat fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma fis-suq, f’termini ta’ prestazzjoni ambjentali. Il-kriterji jiffokaw fuq l-impatti ambjentali ewlenin assoċjati maċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dawn il-prodotti u jippromwovu aspetti tal-ekonomija ċirkolari.

Rekwiżiti tal-valutazzjoni u l-verifika

Sabiex prodott speċifiku jingħata Ekotikketta tal-UE, il-prodott għandu jikkonforma ma’ kull rekwiżit. L-applikant għandu jipprovdi konferma bil-miktub li tiddikjara li l-kriterji kollha huma ssodisfati.

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f’kull kriterju.

Meta l-applikant ikun meħtieġ li jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra biex juri konformità mal-kriterji, dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew mill-fornitur/fornituri tagħhom, kif xieraq.

Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment l-attestazzjonijiet li jinħarġu mill-korpi akkreditati f’konformità mal-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u l-kalibrazzjoni, u l-verifiki minn korpi li huma akkreditati f’konformità mal-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi.

Meta xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar minbarra dawk indikati għal kull kriterju jekk il-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jeħtieġu dokumentazzjoni ta’ sostenn u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti jew spezzjonijiet fuq il-post biex jivverifikaw il-konformità ma’ dawn il-kriterji.

Tibdiliet fil-fornituri u fis-siti tal-produzzjoni li jappartjenu għall-prodotti li tkun ingħatatilhom l-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu nnotifikati lill-korpi kompetenti, flimkien ma’ informazzjoni ta’ sostenn li tippermetti l-verifika tal-konformità kontinwa mal-kriterji.

Bħala prerekwiżit, il-prodott għandu jissodisfa kull rekwiżit legali rispettiv tal-pajjiż jew tal-pajjiżi fejn il-prodott ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dan ir-rekwiżit.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta flimkien mal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE:

(a)

Lista tal-prodotti individwali kollha taż-żebgħa u tal-verniċ koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE, miġbura f’familji ta’ prodotti u li tindika kwalunkwe karatteristika rilevanti tal-prodott li taffettwa liema rekwiżiti speċifiċi mill-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE japplikaw. Familja ta’ prodotti se jkollha l-istess formulazzjoni bażi u subkategorija tal-prodott, iżda tista’ tvarja f’termini ta’ sfumatura/jew format ta’ imballaġġ.

(b)

Deskrizzjoni tal-formulazzjoni(jiet) tal-prodott, b’kompożizzjoni f’% tal-ingredjenti użati u l-funzjoni speċifika ta’ kull ingredjent (l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tista’ tkun soġġetta għal ftehim ta’ nondivulgazzjoni bejn l-applikant u l-korp kompetenti jew, f’xi każijiet, direttament bejn il-fornitur u l-korp kompetenti). Il-funzjonijiet tal-ingredjenti għandhom ikunu jew: aċċelleratur; addittiv; aġent kontra l-imblukkar; aġent kontra r-ragħwa; aġent kontra s-sedimentazzjoni; aġent kontra t-tqaxxir; legant; aġent koalexxenti; kulurant; pigment; aġent ta’ retikolazzjoni; aġent li jwebbes; dilwent; aġent dispersiv; nixxief; materjal għall-mili; preservattiv b’rita niexfa; preservattiv fil-bott; aġent li jimmattja; aġent newtralizzanti; illuminant ottiku; plastifikant; dispersjoni tal-polimeri; stabbilizzatur tal-preservattivi; reżina; ritardant; modifikatur reoloġiku; reżina tas-silikonu; solvent; aġent tensjoattiv; stabbilizzatur tal-UV; ilma; aġent ripellent tal-ilma jew, f’każ li ma japplika l-ebda wieħed minn dawn, “oħrajn”.

(c)

Skedi tad-data ta’ sikurezza għall-ingredjenti użati fil-formulazzjonijiet taż-żebgħat u tal-verniċi.

(d)

Kwalunkwe informazzjoni oħra assoċjata mal-produzzjoni ta’ ingredjenti u materjali li hija meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għandha tiġi pprovduta mill-fornituri jew mill-produtturi ta’ dawk l-ingredjenti u l-materjali.

(e)

Sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ prodotti fi ħdan kwalunkwe familja partikolari ta’ prodotti, deskrizzjoni tal-format(i) tal-imballaġġ użat(i), il-volum(i) tal-prodott miżmum(a) u l-materjal(i) tal-imballaġġ użat(i) għal kull wieħed mill-prodotti taż-żebgħa u tal-verniċ koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE.

(f)

Sabiex titnaqqas il-kwantità ta’ ttestjar u dokumentazzjoni meħtieġa għall-proċeduri ta’ valutazzjoni u ta’ verifika, diversi kriterji jiddikjaraw b’mod espliċitu li l-konformità ta’ familja sħiħa ta’ prodotti tista’ tiġi preżunta jekk il-prodott tal-agħar xenarju jista’ jintwera li jikkonforma. Kull darba li tiġi sottomessa d-data għal prodott tal-agħar xenarju, din għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni tar-raġuni għaliex dan il-prodott partikolari jirrappreżenta l-agħar xenarju fi ħdan il-familja tiegħu ta’ prodotti għall-proprjetà li tkun qed tiġi ttestjata.

Kriterju 1.   Produzzjoni tad-diossidu tat-titanju

Jekk il-prodott finali jkun fih aktar minn 3,0 % w/w ta’ pigment tad-diossidu tat-titanju (TiO2), l-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma mill-produzzjoni ta’ kwalunkwe pigment tad-diossidu tat-titanju użat għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti elenkati hawn taħt għall-proċessi tal-produzzjoni rispettivi:

Tabella 1

Rekwiżiti għall-produzzjoni tad-Diossidu tat-Titanju

Parametru u metodu analitiku

Proċess tas-sulfat

Proċess tal-klorur

L-emissjonijiet ta’ trab fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 0,40 kg/t pigment tat-TiO2

≤ 0,66 kg/t pigment tat-TiO2

Emissjonijiet ta’ SO2 fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 4,5 kg/t pigment tat-TiO2

mhux applikabbli

Emissjonijiet ta’ HCI fl-arja (1) (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

mhux applikabbli

≤ 0,70 kg/t pigment tat-TiO2

Emissjonijiet ta’ SO4 2- fl-ilma (imkejla bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

≤ 300 kg SO4 2-/t pigment tat-TiO2

mhux applikabbli

Emissjonijiet ta’ Cl- fl-ilma (imkejla bl-użu tal-metodu tal-bilanċ tal-massa jew bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti)

mhux applikabbli

≤ 103 kg Cl-/t pigment tat-TiO (2) (2)

≤ 179 kg Cl-/t pigment tat-TiO2  (3)

≤ 329 kg Cl-/t pigment tat-TiO2 (  (4) )

Ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab

Għandu jintwera

Għandu jintwera

L-emissjonijiet fl-arja għandhom jingħaddu mis-sors(i) punt rilevanti ddikjarat(i) fil-punt (1) ta’ hawn fuq fejn l-emissjonijiet jistgħu jiġu mmonitorjati kontinwament jew perjodikament minn punt ta’ kampjunar fiss wara kwalunkwe sistema/i ta’ tnaqqis tal-gass tal-egżost.

L-emissjonijiet fl-ilma għandhom jitqiesu bħala sulfat jew klorur preżenti fi kwalunkwe effluwent tal-ilma mormi ttrattat li jintrema fi kwalunkwe xmara, lag, ilma tranżizzjonali, ilma kostali jew ilma tal-baħar.

Il-limitu rilevanti għall-emissjonijiet tal-klorur fl-ilma għandu jkun ibbażat fuq il-% tal-medja ponderata tal-kontenut ta’ TiO2 tal-mineral(i) użat(i) matul il-perjodu tal-kalkolu.

Ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab għandu, bħala minimu, jinkludi l-aspetti li ġejjin:

Valutazzjoni tar-riskju għall-post tax-xogħol li tidentifika l-oqsma ewlenin kollha tal-emissjoni potenzjali tat-trab u l-esponiment tal-ħaddiema għat-trab.

Il-ħtieġa li jkun hemm fis-seħħ programm ta’ monitoraġġ tal-iġjene okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol.

L-għoti ta’ taħriġ xieraq lill-impjegati dwar prattika tajba għall-kontroll tat-trab.

Il-forniment ta’ tagħmir protettiv personali adegwat lill-impjegati u lill-viżitaturi.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jiddikjara l-kontenut ta’ TiO2 użat f’kull waħda mill-formulazzjonijiet tal-prodott soġġetta għall-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Għal kwalunkwe prodott b’kontenut ta’ pigment ta’ TiO2 ta’ aktar minn 3,0 % w/w, l-applikant għandu jiddikjara wkoll il-fornitur jew il-fornituri tat-TiO2 użat f’dawk il-prodotti.

Id-dikjarazzjoni tal-applikant għandha tkun appoġġata minn dikjarazzjonijiet mill-fornitur(i) tat-TiO2 tagħhom (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk differenti) li jiddikjaraw:

It-tip ta’ proċess tal-produzzjoni tat-TiO2 użat (klorur jew sulfat).

Il-firxa tal-kontenut ta’ TiO2 applikabbli tal-mineral medju ponderat fil-każ tal-proċess tal-klorur.

Data medja annwali dwar l-emissjonijiet tat-trab fl-arja, SO2 fl-arja, u SO4 2- fl-ilma għal TiO2 prodott permezz tal-proċess tas-sulfat. Alternattivament, id-data medja dwar l-emissjonijiet tat-trab fl-arja, HCl fl-arja, u Cl- fl-ilma għal TiO2 prodott permezz tal-proċess tal-klorur.

Id-dikjarazzjonijiet mill-fornitur(i) tat-TiO2 (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk ikunu differenti) għandhom jinkludu l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti użati biex jitkejlu l-parametri rilevanti elenkati fit-Tabella 1.

Il-miżuri fis-seħħ biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol b’kontenut baxx ta’ trab.

Id-dikjarazzjoni mill-fornitur(i) tat-TiO2 (jew mill-produttur(i) tat-TiO2, jekk differenti) għandha tinkludi kalkolu bażiku dwar kif inkisbu l-emissjonijiet medji annwali. Jekk il-produzzjoni tal-pigment tat-TiO2 fornut ma tkunx kontinwa, jistgħu jiġu aċċettati kalkoli tad-data dwar l-emissjonijiet li jkopru perjodu iqsar minn 12-il xahar. F’każijiet ta’ monitoraġġ kontinwu, il-konċentrazzjonijiet medji annwali tal-emissjonijiet għandhom jiġu derivati minn konċentrazzjonijiet medji ta’ kuljum. Għal emissjonijiet immonitorjati perjodikament, iridu jittieħdu mill-inqas 3 kampjuni biex jinkisbu r-riżultati medji. Kwalunkwe kampjunar perjodiku jrid jittieħed matul perjodi ta’ operazzjoni stabbli li huma rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet normali tal-pjanti għall-produzzjoni tal-pigmenti tat-TiO2 użati fil-prodotti taż-żebgħa tal-Ekotikketta tal-UE.

Il-kalkoli tal-emissjonijiet għandhom ikunu meħtieġa biss li jiġu sottomessi fid-data tal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE. Jekk tingħata l-Ekotikketta tal-UE, l-applikant jista’ sempliċement jitlob dikjarazzjonijiet aġġornati kull sena mill-fornitur(i) tat-TiO2 tiegħu tal-konformità kontinwata mal-limiti tal-emissjonijiet.

Għall-emissjonijiet fl-arja, il-konċentrazzjonijiet għandhom jiġu espressi f’unitajiet ta’ mg/Nm3 u mmultiplikati b’rata speċifika tal-fluss tal-arja tal-emissjonijiet f’unitajiet ta’ Nm3/tunnellata ta’ produzzjoni ta’ pigment tat-TiO2 għall-istess perjodu ta’ żmien li fih tkun inġabret id-data. Jekk ikun hemm aktar minn sistema waħda ta’ tnaqqis tal-gass tal-egżost għal sorsi punt ta’ emissjonijiet ewlenin fl-arja, emissjonijiet mill-arja nadifa minn kull sistema ta’ tnaqqis għandhom jingħaddu u jiżdiedu.

Għal emissjonijiet fl-ilma, għandu jintuża kejl dirett jew approċċ ta’ bilanċ tal-massa. L-approċċ tal-bilanċ tal-massa għandu jkun ibbażat fuq il-bilanċ bejn l-inputs ta’ sulfat/klorur mhux ipproċessat u l-outputs ta’ sulfat/klorur fi prodotti sekondarji, fl-emissjonijiet fl-arja u fl-iskart solidu li jintrema fil-landfills jew li jiġi inċinerat. Id-differenza fil-mases tal-inputs u tal-outputs għandha titqies bħala l-massa tas-sulfat/klorur li tiġi emessa fl-ilma matul il-perjodu tal-kalkolu u għandha tiġi diviża bil-kwantità stmata ta’ pigment tat-TiO2 prodott matul l-istess perjodu biex jiġu kkalkolati l-emissjonijiet speċifiċi fl-ilma f’unitajiet ta’ kg ta’ pigment tas-sulfat jew tal-klorur/t TiO2.

Bl-approċċ ta’ kejl dirett għall-emissjonijiet fl-ilma, il-konċentrazzjonijiet imkejla f’unitajiet ta’ g/m3 għandhom jiġu mmultiplikati b’rata tal-fluss speċifika tal-effluwent tal-ilma mormi ttrattat f’unitajiet ta’ m3/tunnellata ta’ produzzjoni tal-pigment tat-TiO2 għall-istess perjodu ta’ żmien li fih tkun inġabret id-data tas-sulfat/klorur.

Kriterju 2.   Rekwiżiti tal-effiċjenza fl-użu

Sabiex tintwera l-effiċjenza fl-użu taż-żebgħat fi sprej aerosol għandhom jitwettqu t-testijiet u r-rekwiżiti li ġejjin:

2(a)   Rata tat-tifrix

Nota 1:

Dan ir-rekwiżit ma japplika għall-ebda prodott aerosol li huwa maħsub biex japplika kisjiet trasparenti jew semitrasparenti.

Nota 2:

Jekk jintużaw sistemi għall-għoti ta’ lewn ħafif biex isiru sfumaturi differenti taż-żebgħa f’aerosol, jeħtieġ li tiġi ttestjata biss il-bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif li jkun fiha l-aktar TiO2. F’każijiet fejn din il-bażi għall-għoti ta’ lewn ħafif ma tkunx tista’ tikseb dan ir-rekwiżit, il-kriterju għandu jiġi ssodisfat wara li jingħata lewn ħafif lill-bażi biex jiġi prodott il-kulur standard RAL 9010.

Nota 3:

Dan ir-rekwiżit japplika għaż-żebgħat fi sprej aerosol bojod. Għall-familji taż-żebgħat fi sprej aerosol disponibbli biss bl-isfumaturi prestabbiliti, ir-rata tat-tifrix għandha tapplika għall-aktar kulur ċar.

Iż-żebgħat fi sprej aerosol għandu jkollhom rata tat-tifrix ta’ mill-inqas 2,0 m2 għal kull litru filwaqt li jiżguraw qawwa opaċizzanti ta’ mill-inqas 98 % skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. L-unità tal-volum fil-kalkolu tar-rata tat-tifrix għandha tirreferi għall-volum iddikjarat tal-bott tal-isprej lest għall-użu.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mal-limiti tar-rata tat-tifrix jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżit tar-rata tat-tifrix għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni għandha tkun appoġġata minn riżultati tat-testijiet skont il-metodu fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. F’każijiet fejn riżultat ikopri diversi prodotti, għandu jiġi indikat b’mod ċar liema riżultati jikkorrispondu għal liema prodotti koperti mill-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE.

2(b)   Effiċjenza fl-isprejjar

Iż-żebgħat fi sprej aerosol għandu jkollhom effiċjenza fl-isprejjar ta’ mill-inqas 97 %, meqjusa bħala l-frazzjoni tal-prodott fil-bott tal-isprej lest għall-użu li jiġi sprejjat mill-bott.

Il-metodu ta’ ttestjar għandu jikkonsisti f’kalkolu tal-kontenut totali tal-prodott li jinsab fil-bott tal-isprej lest għall-użu li jkun għadu ma ġiex imħaddem. Qabel it-test, il-bott tal-isprej lest għall-użu għandu jintiżen. Matul it-test, il-kontenut tal-bott għandu jiġi skarikat kontinwament fuq superfiċe miżuna b’rata stabbli sabiex tiġi mmonitorjata r-rata ta’ skarika. Wara t-test, l-bott tal-isprej għandu jerġa’ jintiżen biex jiġi ddeterminat il-kontenut totali tal-prodott skarikat. L-effiċjenza fir-rata tal-isprejjar għandha tiġi kkalkolata bħala

Formula

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li juri l-kalkolu tal-effiċjenza fir-rata ta’ sprejjar. Ir-rapport għandu jinkludi l-piż tal-bott tal-isprej aerosol inizjali, plott tar-rata ta’ skarika kontra l-ħin u l-piż tal-bott tal-isprej fi tmiem it-test. Il-piż totali tal-prodott skarikat għandu jitqies bħala d-differenza bejn il-piż inizjali u l-piż finali tal-bott.

2(c)   Aderenza

Nota 1:

Dan ir-rekwiżit ma japplika għall-ebda prodott aerosol li huwa maħsub biex japplika kisjiet trasparenti jew semitrasparenti.

Iż-żebgħat fi sprej aerosol għandhom jiksbu punteġġ ta’ aderenza ta’ 2 jew inqas fit-test għall-adeżjoni fi standards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit rilevanti jew ġustifikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-rekwiżiti għal kull wieħed mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni għandha tkun appoġġata minn riżultati tat-testijiet skont il-metodu fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti, kif applikabbli.

2(d)   Reżistenza għall-korrużjoni

Iż-żebgħa fi sprej aerosol, meta tiġi applikata fuq pannelli tal-azzar ibblastjati b’rita niexfa ta’ ħxuna ta’ mill-inqas 60 μm, għandha tiżgura reżistenza għall-korrużjoni adegwata wara li tiġi soġġetta għal test bl-isprej tal-melħ ta’ durata ta’ 240 siegħa skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Wara l-esponiment, il-kisi għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

Klassifikazzjoni ta’ 3 jew aħjar (jiġifieri 0, 1 jew 2) għad-daqs tal-bżieżaq skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Klassifikazzjoni ta’ 3 jew aħjar (jiġifieri 0, 1 jew 2) għall-kwantità ta’ bżieżaq skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Klassifikazzjoni ta’ Ri2 jew aħjar (jiġifieri Ri0 jew Ri1) għall-grad ta’ sadid skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Riżultat ta’ delaminazzjoni ta’ 4 mm jew inqas skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Punteġġ tal-aderenza ta’ 2 jew inqas skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità appoġġata mir-riżultati tat-test skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti għat-test tal-isprej tal-melħ, għas-sadid, għall-bżieżaq, għad-delaminazzjoni u għall-adeżjoni

2(e)   Esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp

Iż-żebgħa fi sprej aerosol, meta tiġi applikata fuq pannelli tal-azzar ibblastjati b’rita niexfa ta’ ħxuna ta’ mill-inqas 60 μm, għandha tiżgura reżistenza adegwata għall-kundizzjonijiet tat-temp wara li tkun soġġetta għal 500 siegħa ta’ ċikli ta’ kundizzjonijiet tat-temp skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

Wara l-esponiment, il-kisi għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti:

Bidla fil-kulur ta’ ΔΕ ≤ 4.

Tnaqqis fit-tleqqija ta’ ≤ 30 %.

Grad ta’ tqaxxir ta’ ≤ 2 f’termini ta’ densità tal-qxur u ta’ ≤ 2 f’termini ta’ daqs tal-qxur.

Grad ta’ tlugħ ta’ bżieżaq ta’ ≤ 3 f’termini ta’ densità tal-bżieżaq u ta’ ≤ 3 f’termini ta’ daqs tal-bżieżaq.

Grad ta’ tixqiq ta’ ≤ 2 f’termini ta’ daqs tax-xaqq.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità appoġġata mir-riżultati tat-testijiet tas-substrati miksija qabel u wara l-esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti: għad-devjazzjoni tal-kulur; għad-devjazzjoni fil-livell tat-tleqqija; għall-grad ta’ tqaxxir; għall-grad ta’ tixqiq, u għall-grad ta’ tligħ ta’ bżieżaq.

Kriterju 3.   Kontenut ta’ Komposti Organiċi Volatili u ta’ Komposti Organiċi Semivolatili (KOV, KOSV)

Il-kontenut massimu ta’ KOV permess fiż-żebgħat fi sprej aerosol ma għandux jaqbeż il-limiti definiti fit-Tabella 2. Il-kontenut ta’ KOV għandu jiġi ddeterminat separatament għal kull komponent u mbagħad jingħadd flimkien.

Il-kontenut ta’ KOV għall-komponent taż-żebgħa likwida għandu l-ewwel jiġi ddeterminat jew b’kalkolu bbażat fuq l-ingredjenti u l-materja prima jew bl-użu tal-metodi mogħtija fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti. Imbagħad, il-kontenut ta’ KOV għall-komponent taż-żebgħa (f’żebgħa likwida g/l) għandu jiġi kkonvertit f’unitajiet ta’ g/l ta’ prodott lest għall-użu billi jiġi mmultiplikat bil-proporzjon tal-volum taż-żebgħa fi sprej aerosol, iddefinit bħala:

Formula

Sakemm ma jintweriex mod ieħor, il-propellant, kemm jekk ikun sustanza jew taħlita individwali, għandu jiġi preżunt li huwa 100 % KOV. L-ammont ta’ KOV fi propellant fil-prodott lest għall-użu għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ kontenut iddikjarat ta’ propellant (f’unitajiet ta’ volum g ta’ propellant/l ta’ volum tal-bott aerosol). Il-massa ta’ propellant miżjuda għal kull litru ta’ aerosol għandha tiġi kkalkolata mill-manifattur.

Tabella 2

Limitu tal-kontenut ta’ KOV

Limitu tal-kontenut ta’ KOV (5)

Komponent taż-żebgħa likwida

Propellant

Prodotti finali

Limiti tal-KOV (espressi f’termini ta’ g/l ta’ aerosol)

60 g/l

290 g/l

350 g/l

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità appoġġata minn kalkoli tal-kontenut ta’ KOV.

Għall-komponent taż-żebgħa likwida, id-dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tkun appoġġata minn kalkoli tal-kontenut ta’ KOV abbażi tal-ingredjenti u l-materja prima użati fil-komponent taż-żebgħa likwida. Inkella, il-kontenut ta’ KOV tal-komponent taż-żebgħa likwida għandu jiġi kkomunikat permezz ta’ rapport tat-test rappreżentattiv jew rapporti li jużaw il-metodi mogħtija fl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti u r-riżultati, meta jiġu kkoreġuti għall-proporzjon tal-volum ta’ żebgħa fi sprej aerosol b’bażi ta’ ilma, għandhom juru konformità mal-limitu.

Għall-komponent tal-propellant, l-applikant għandu jiddikjara l-propellant(i) użat(i) u għandu jipprovdi d-dettalji tal-kalkolu.

Kriterju 4.   Restrizzjoni ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi

Nota:

Dawn is-subkriterji japplikaw għall-formulazzjoni tal-prodott finali u għal kwalunkwe ingredjent fornut fih.

4.1.   Restrizzjonijiet ta’ Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna (SVHCs, Substance of Very High Concern)

Il-formulazzjoni tal-prodott finali u kwalunkwe ingredjent fornut fih ma għandux ikun fiha sustanzi mdaħħla li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li jkunu ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59 ta’ dak ir-Regolament u inklużi fil-lista tal-kandidati għal sustanzi ta’ tħassib serju ħafna għall-awtorizzazzjoni.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata li l-formulazzjoni tal-prodott finali u kwalunkwe ingredjent fornut fih ma jkun fihom l-ebda SVHC bħala sustanzi mdaħħla. Id-dikjarazzjoni għandha tkun appoġġata minn skedi tad-data tas-sikurezza tal-ingredjenti fornuti kollha li jintużaw biex jiġi prodott il-prodott finali u dikjarazzjonijiet mill-fornituri tas-sustanzi kimiċi.

Il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala SVHCs u inklużi fil-lista ta’ kandidati f’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab hawn:

https://www.echa.europa.eu/candidate-list-table

Għandha ssir referenza għal-lista fid-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE.

Għal kwalunkwe livell ta’ impuritajiet magħrufa identifikati bħala SVHCs fl-ingredjenti, għandhom jintużaw il-konċentrazzjoni tal-impurità u fattur ta’ ritenzjoni preżunt ta’ 100 %, biex tiġi stmata l-kwantità tal-impurità ta’ SVHC li jifdal fil-formulazzjoni tal-prodott finali. L-impuritajiet li huma SVHCs ma jistgħux ikunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott taż-żebgħa jew tal-verniċ f’ammont ogħla minn 0,0100 % w/w jew fi kwalunkwe ingredjent individwali f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu 0,100 % w/w. Kwalunkwe devjazzjoni minn fattur ta’ ritenzjoni ta’ 100 % għal impurità ta’ SVHC (pereżempju minħabba evaporazzjoni tas-solvent) jew fil-każ ta’ modifika kimika, trid tkun appoġġata minn ġustifikazzjonijiet adegwati.

4.2.   Restrizzjonijiet ġenerali bbażati fuq klassifikazzjonijiet skont klassifikazzjonijiet speċifiċi ta’ periklu ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(a)   Formulazzjoni tal-prodott finali

Il-formulazzjoni tal-prodott finali ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala karċinoġenika, mutaġenika, tossika għar-riproduzzjoni, tossika b’mod akut, perikoluża jekk tittieħed man-nifs, tossikant speċifiku ta’ organi fil-mira, sensitizzatur respiratorju jew tal-ġilda, perikoluża għall-ambjent akkwatiku, perikoluża għas-saff tal-ożonu, li tfixkel is-sistema endokrinali, persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (PBT, persistent, bioaccumulative and toxic) jew persistenti, mobbli u tossika (PMT, persistent, mobile and toxic) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u speċifikament fit-termini tad-kodiċijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu fit-Tabella 3. L-unika eċċezzjoni permessa għal din ir-regola għandha tkun il-klassifikazzjoni H412 u H413, u biss jekk minħabba l-livelli ta’ preservattivi b’rita niexfa fil-każ ta’ żebgħat jew verniċi ta’ barra.

(b)   Sustanzi mdaħħla

Sakemm ma jkunx hemm deroga fit-Tabella 4, il-formulazzjoni tal-prodott finali ma għandu jkun fiha l-ebda sustanza mdaħħla f’konċentrazzjonijiet ta’ 0,010 % skont il-piż jew ogħla tal-formulazzjoni tal-prodott finali li huma kklassifikati, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, fi kwalunkwe waħda mill-klassijiet u kategoriji ta’ periklu, u kodiċijiet assoċjati tad-dikjarazzjonijiet tal-periklu ddikjarati fit-Tabella 3.

Tabella 3

Klassijiet ta’ periklu, kategoriji u kodiċijiet assoċjati tad-dikjarazzjoni ta’ periklu ristretti

Karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR, Carcinogenic, mutagenic or toxic for reprodution)

Kategoriji 1 A u 1B

Kategorija 2

H340: Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

H341: Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

H350: Jista’ jikkawża l-kanċer

H351: Suspettat li jikkawża l-kanċer

H350i: Jista’ jikkawża l-kanċer meta jittieħed bin-nifs

 

H360: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360F: Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

H361f: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

H360D: Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361d: Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360FD: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H361fd: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf

H360Fd: Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf.

H362: Jista’ jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

H360Df: Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità.

 

Tossiċità akuta

Kategoriji 1 u 2

Kategorija 3

H300: Fatali jekk jinbela’

H301: Tossiku jekk jinbela’

H310: Fatali jekk imiss mal-ġilda

H311: Tossiku jekk imiss mal-ġilda

H330: Fatali jekk jittieħed bin-nifs

H331: Tossiku jekk jittieħed bin-nifs

 

EUH070: Tossiku meta jmiss mal-għajnejn

Periklu jekk jittieħed man-nifs

Kategorija 1

 

H304: Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

 

Tossiċità speċifika għal organi ta’ mira

Kategorija 1

Kategorija 2

H370: Jikkawża ħsara lill-organi

H371: Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

H372: Jikkawża ħsara lill-organi minħabba esponiment fit-tul jew ripetut

H373: Jista’ jikkawża ħsara lill-organi minħabba esponiment fit-tul jew ripetut

Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda

Kategoriji 1, 1 A u 1B

 

H317: Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

 

H334: Jista’ jikkawża sintomi ta’ allerġija jew ta’ ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtamm

 

Perikoluż għall-ambjent akkwatiku

Kategoriji 1 u 2

Kategoriji 3 u 4

H400: Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412: Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

H410: Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

H413: Jista’ jikkawża effetti dejjiema lill-organiżmi akkwatiċi

H411: Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti dejjiema

 

Perikoluż għas-saff tal-ożonu

H420: Jagħmel ħsara lis-saħħa tal-pubbliku u lill- ambjent billi jeqred l-ożonu fl-atmosfera ta’ fuq

 

Interferent endokrinali (EDs, endocrine disruptor) għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent

Kategorija 1

Kategorija 2

EUH380: Jista’ jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fil-bnedmin

EUH381: Suspettati li jikkawżaw tfixkil fis-sistema endokrinali fil-bnedmin

EUH430: Jista’ jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fl-ambjent

EUH431: Suspettat li jikkawża tfixkil fis-sistema endokrinali fl-ambjent.

Persistenti, Bijoakkumulattiv u Tossiku (PBT, Persistent, Bioaccumulative and Toxic)

PBT

Persistenza għolja u Bijoakkumulazzjoni għolja (vPvB, very Persistent and very Bioaccumulative)

EUH440: Jakkumula fl-ambjent u f’organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin

EUH441: Jakkumula ħafna fl-ambjent u f’organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin

Persistenti, mobbli u tossiku (PMT, Persistent, Mobile and Toxic)

PMT

Persistenza għolja u Mobbiltà għolja (vPvM, very Persistent and very Mobile)

EUH450: Jista’ jikkawża kontaminazzjoni dejjiema u diffuża tar-riżorsi tal-ilma

EUH451: Jista’ jikkawża kontaminazzjoni diffuża u fit-tul tar-riżorsi tal-ilma

L-użu ta’ sustanzi jew ta’ taħlitiet li jkunu mmodifikati kimikament matul il-proċess ta’ produzzjoni, sabiex ma jibqa’ japplika l-ebda periklu rilevanti li għalih is-sustanza jew it-taħlita tkun ġiet ikklassifikata taħt ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, għandu jkun eżentat mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

Dan il-kriterju ma għandux japplika għas-sustanzi mdaħħla koperti mill punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxu kriterji għall-eżenzjoni ta’ sustanzi fi ħdan l-Annessi IV u V ta’ dak ir-Regolament mir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, tal-utent downstream u tal-evalwazzjoni.

Tabella 4

Derogi għar-restrizzjonijiet ta’ sustanzi mdaħħla li huma kklassifikati b’wieħed jew aktar mill-perikli ristretti elenkati fit-Tabella 3 u li huma preżenti f’konċentrazzjonijiet ta’ 0,010 % jew ogħla (skont il-piż) tal-formulazzjoni tal-prodott finali

Tip ta’ sustanza, isem tas-sustanza u numru CAS

Kodiċi(jiet) ta’ periklu b’deroga

Kundizzjonijiet tad-deroga

Preservattivi u stabbilizzaturi tal-preservattivi

Nota dwar il-preservattivi: il-preservattivi kollha: miżjuda mal-ingredjenti jridu jiġu ddikjarati mill-fornituri u l-preservattivi kollha miżjuda direttament mal-formulazzjoni tal-prodott finali iridu jiġu ddikjarati mill-produttur taż-żebgħa jew tal-verniċ. L-uniċi tipi ta’ preservattivi permessi fl-ingredjenti u fil-prodott finali għandhom ikunu dawk li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għall-prodotti finali li joriġinaw mill-Unjoni, huwa mfakkar li mhuwiex biżżejjed li s-sustanzi attivi li jinsabu fil-prodott preservattiv jiġu approvati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tip ta’ prodott 6 (PT6) (preservattiv fil-bott) jew għat-tip ta’ prodott 7 (PT7) (preservattiv b’rita niexfa), iżda l-prodott preservattiv irid jiġi awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-PT6 jew PT7 jew jitqiegħed fis-suq skont il-miżuri tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 89(2) ta’ dak ir-Regolament. Il-limiti totali kkombinati għall-preservattivi PT6 u PT7 għandhom japplikaw għal dawn il-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin:

Għall-prodotti ta’ ġewwa: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 fil-prodott finali.

Għall-ilwien ħfief ikkuluriti użati f’sistemi għall-għoti ta’ lewn ħafif: sa 0,20 % skont il-piż ta’ PT6 fil-lewn ħafif ikkulurit.

Għall-prodotti ta’ ġewwa kkummerċjalizzati għall-użu f’żoni b’umdità għolja: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 u sa 0,10 % skont il-piż ta’ PT7 fil-prodott finali.

Għall-prodotti ta’ barra: sa 0,080 % skont il-piż ta’ PT6 u sa 0,50 % skont il-piż ta’ PT7 fil-prodott finali.

Ħlief għall-ilwien ħfief ikkuluriti, ir-referenzi kollha għal konċentrazzjonijiet/limiti/livelli ta’ preservattivi fit-taqsima “preservattivi u stabbilizzaturi tal-preservattivi”, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għas-sustanzi attivi preservattivi li jinsabu fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Kwalunkwe preservattiv li ma jistax ikun preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-0,010 %, minħabba limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi (SCLs, specific concentration limits) inqas minn 0,010 % li jikklassifikaw il-prodott finali b’periklu ristrett tas-CLP, ma jissemmewx fit-tabella tad-derogi hawn taħt minħabba li ma jistgħux jintużaw f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-0,010 % fl-ewwel lok, u għalhekk ma jeħtiġux deroga. Dan ma jimplikax li ma jistgħux jintużaw bħala sustanzi mdaħħla fil-prodotti tal-Ekotikketta tal-UE fi kwalunkwe livell. Jekk ma jkunux esklużi b’mod espliċitu fis-subkriterju 4.3, tali preservattivi jistgħu jintużaw sakemm ikunu f’livelli taħt kwalunkwe SCLs li jwasslu għal klassifikazzjoni ristretta tas-CLP tal-formulazzjoni tal-prodott finali.

Preservattivi fil-bott (PT6) fl-ilwien ħfief ikkuluriti jew fil-prodott finali:

H301, H311, H317, H330, H331, H372, H373, H400, H410, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

It-total tas-somma tal-preservattivi kollha fil-bottijiet ta’ PT6 (dawk derogati għall-użu ta’ aktar minn 0,010 % u dawk li mhumiex derogati iżda permessi fil-livelli ta’ < 0,010 %) irid ikun fil-limiti rilevanti definiti fin-nota ta’ hawn fuq.

Meta jintużaw preservattivi li huma donaturi tal-formaldeid, iridu jiġu rrispettati l-limiti rilevanti għall-formaldeid liberu fil-prodott finali stabbiliti fis-subkriterju 4.3(l).

Għandhom japplikaw limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni (% skont il-piż fil-prodott finali) għas-sustanzi derogati elenkati hawn taħt:

Bronopol (Nru CAS 52-51-7): sa 0,030 %.

DBNPA (Nru CAS 10222-01-2): sa 0,030 %

Pirition tas-sodju (Nru CAS 3811-73-2): sa 0,030 %.

BIT (Nru CAS 2634-33-5): sa 0,036 %.

Total ikkombinat ta’ isotijażolinoni u rilaxxaturi ta’ isotijażolinoni (dawk derogati għall-użu ta’ aktar minn 0,010 % u dawk li mhumiex derogati iżda permessi fil-livelli ta’ < 0,010 %): sa 0,040 % fil-formulazzjonijiet tal-prodott finali.

Diammina (Nru CAS 2372-82-9): sa 0,050 %.

Preservattivi b’rita niexfa (PT7):

H311, H317, H330, H331, H372, H373 H400, H410, H411, H412 u H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Japplika biss għal prodotti ta’ barra u ta’ ġewwa għall-użu f’żoni ta’ umdità għolja.

It-total tas-somma tal-preservattivi kollha b’rita niexfa ta’ PT7 (dawk derogati għall-użu ta’ aktar minn 0,010 % u dawk li mhumiex derogati iżda permessi fil-livelli ta’ < 0,010 %) irid ikun fil-limiti rilevanti definiti fin-nota ta’ hawn fuq.

Fil-każ ta’ forom ta’ rilaxx bil-mod u inkapsulati ta’ preservattivi b’rita niexfa, il-klassifikazzjoni speċifika tal-prodott finali, jew formulazzjonijiet ta’ read-across, għandha tikkunsidra l-konċentrazzjoni assoluta tal-komponenti perikolużi (jiġifieri mingħajr il-kapsuli). Il-prodott finali jew il-formulazzjoni read-across ma tistax tiġi kklassifikata bi kwalunkwe wieħed mill-perikli elenkati fit-Tabella 3.

Kwalunkwe preservattiv b’rita niexfa kklassifikat bħala H400 jew H410 irid ikun mhux bijoakkumulattiv, muri billi jkollu koeffiċjent ottanol/ilma (Log Kow) ta’ ≤ 3,2 jew fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF, bioconcentration factor) ta’ ≤ 100.

Stabbilizzatur tal-preservattivi:

Ossidu taż-żingu (Nru CAS 1314-13-2)

H400, H410

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess li jintuża bħala stabbilizzatur tal-preservattivi, sa 0,040 % skont il-piż tal-prodott finali, meta jintuża biex jiġu stabbilizzati, f’kombinazzjonijiet ta’ preservattivi fil-bott jew b’rita niexfa li jeħtieġu 1,2-Benżisotijażol-3(2H)-on (BIT).

Aġenti li jnixxfu u għal kontra t-tqaxxir

Aġenti għal kontra t-tqaxxir

H317, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-kontenut ta’ aġent kontra t-tqaxxir ma għandhiex taqbeż il-0,40 % skont il-piż fil-prodott finali.

Nixxiefa (sustanzi għat-tnixxif)

H301, H317, H373, H400†, H410†, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-kontenut tan-nixxief ma għandhiex taqbeż iż-0,10 % skont il-piż fil-prodott finali.

† Id-deroga għal H400, H410 u H411 tapplika biss għall-komposti tan-nixxief ibbażat fuq il-kobalt u tali komposti jistgħu jintużaw biss sa 0,050 % skont il-piż fil-prodott finali.

Pigmenti u addittivi tal-pigmenti

Pigmenti/addittivi kontra l-korrużjoni

H400, H410

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 0,050 % skont il-piż fil-prodott finali u biss għat-tri-żingu bis(ortofosfat (Nru CAS 7779-90-0).

Trimetilolpropan

H361fd

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Biss meta jintuża bħala addittiv f’pigmenti fornuti u sa 0,50 % biss skont il-piż fil-pigment fornut.

Leganti u dispersjonijiet tal-polimeri

Leganti u aġenti ta’ retikolazzjoni:

Diidrażid tal-aċidu adipiku (Nru CAS 1071-93-8)

H317, H411

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż fl-ingredjent tal-legant jew tad-dispersjoni tal-polimeri u meta jintuża bħala promotur tal-adeżjoni jew bħala aġent ta’ retikolazzjoni.

Monomeri li ma jkunux ġew soġġetti għal reazzjoni (fil-leganti)

H301, H304, H311, H317, H331, H334, H372, H400, H410, H411, H412

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Is-somma totali tal-konċentrazzjoni ta’ monomeri li ma jkunux ġew soġġetti għal reazzjoni li jeħtieġu din id-deroga ma għandhiex taqbeż il-0,050 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Oħrajn, mixxellanji

Metanol (Nru CAS 67-56-1)

H301, H311, H331, H370

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss bħala prodott residwu ta’ reazzjoni ta’ sustanzi oħra fil-formulazzjoni tal-prodott. Il-konċentrazzjoni residwa permissibbli tiżdied bħala funzjoni tal-kontenut ta’ leganti bil-mod li ġej:

Kontenut ta’ legant ta’ 10-20 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,020 % skont il-piż fil-prodott finali.

Kontenut ta’ legant ta’ 20-40 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,030 % skont il-piż fil-prodott finali.

Kontenut ta’ legant ta’ > 40 %: il-metanol residwu permissibbli huwa ta’ 0,050 % skont il-piż fil-prodott finali.

Materja prima minerali, inklużi materjal għall-mili, aġenti kontra d-dendil u aġenti li jimmattjaw

H372, H373

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Japplika biss għall-materja prima minerali u għall-minerali ta’ lewkofilliti li fihom b’mod naturali s-siliċju kristallin.

Permess biss fil-kontenut sa 1,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali għall-materjali tal-H372 jew sa 10 % għall-materjali tal-H373.

F’każijiet fejn il-materjal jiġi pprovdut f’forma ta’ trab xott, l-applikant għandu juri li għandu sistemi fis-seħħ biex jimminimizzaw l-esponiment tal-ħaddiema għal trab xott fuq il-post tax-xogħol (pereżempju sistemi ta’ dożaġġ magħluqa, żoni ta’ dożaġġ ventilati u ta’ taħlit u tagħmir protettiv personali).

Aġenti newtralizzanti

H301, H311, H331, H400, H410, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż fil-formulazzjonijiet tal-verniċ, u sa 0,50 % fil-prodotti l-oħra kollha.

Illuminanti ottiċi

H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 0,10 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Reżina tas-siliċju

H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 2,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Solventi

H304

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 2,0 % skont il-piż fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Aġenti tensjoattivi

H304, H400, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Permess biss sa 1,0 % skont il-piż f’formulazzjonijiet ta’ prodotti trasparenti, semitrasparenti, bojod jew ċari jew sa 3,0 % skont il-piż bil-kuluri l-oħra kollha

Stabbilizzaturi tal-UV

H317, H411, H412, H413

 (*1)Ara l-kundizzjoni tad-deroga orizzontali f’qiegħ it-tabella

Applikabbli biss għall-prodotti ta’ barra u sa 0,60 % skont il-piż biss fil-formulazzjoni tal-prodott finali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ffirmata ta’ konformità mas-subkriterju 4.2, inkluża l-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni tad-deroga rilevanti, appoġġata minn dikjarazzjonijiet mill-fornituri u kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti oħra.

Għandha tiġi ppreżentata lista tas-sustanzi mdaħħla kollha b’wieħed jew aktar mill-perikli ristretti tas-CLP ikkalkulati li jkunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet ta’ aktar minn 0,010 % skont il-piż, flimkien man-numri CAS tagħhom, l-istatus tal-klassifikazzjoni tas-CLP (jiġifieri armonizzati, dħul konġunt jew awtoentrati biss) il-funzjoni rilevanti tas-sustanza mdaħħla (pereżempju preservattiv fil-bott, nixxief, pigment, aġenti newtralizzanti, aġenti tal-UV, aġenti tensjoattivi, stabbilizzatur tal-UV, eċċ.). Il-kalkoli għall-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi mdaħħla fil-prodott finali għandhom ikunu bbażati fuq:

lista tal-ingredjenti, tas-sustanzi kimiċi jew tal-materja prima kollha użata biex issir il-formulazzjoni tal-prodott finali,

l-iskrinjar ta’ ingredjenti, ta’ sustanzi kimiċi jew ta’ materja prima għal dawk is-sustanzi mdaħħla u impuritajiet magħrufa bi kwalunkwe wieħed mill-perikli tas-CLP ristretti għall-Ekotikketta tal-UE,

il-konċentrazzjonijiet ta’ kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata u ta’ kwalunkwe impurità magħrufa b’perikli tas-CLP ristretti għall-Ekotikketta tal-UE fl-ingredjenti, fis-sustanzi kimiċi jew fil-materja prima użati fil-format ipprovdut.

il-piż ta’ kull wieħed mill-ingredjenti, sustanzi kimiċi jew materja prima miżjuda biex ikun magħmul piż magħruf tal-formulazzjoni tal-prodott finali.

L-impuritajiet magħrufa għandhom jiġu ttrattati bħala sustanzi mdaħħla biss jekk l-eżerċizzju ta’ skrinjar jiżvela li l-kontenut tagħhom fil-formulazzjoni tal-prodott finali għandu jaqbeż 0,010 % skont il-piż jew il-kontenut tagħhom f’ingredjent għandu jaqbeż 0,100 % skont il-piż. L-impuritajiet magħrufa taħt dawn il-limiti ma għandhomx jingħaddu fil-kalkoli.

Kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata għandha tiġi preżunta awtomatikament li hija 100 % miżmuma fil-prodott finali. Għandhom jiġu pprovduti ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe devjazzjoni minn fattur ta’ ritenzjoni ta’ 100 % matul l-ipproċessar (pereżempju evaporazzjoni tas-solvent) jew għal modifika kimika ta’ sustanza mdaħħla skrinjata. Is-sustanzi magħrufa li jiġu rilaxxati jew li jiddegradaw mis-sustanzi mdaħħla jitqiesu bħala sustanzi mdaħħla u mhux impuritajiet.

Għal kwalunkwe sustanza mdaħħla skrinjata miżmuma fil-formulazzjoni tal-prodott finali f’konċentrazzjonijiet ta’ aktar minn 0,010 % skont il-piż, iżda li huma eżentati mis-subkriterju 4.2 (ara l-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006), dikjarazzjoni b’dan l-effett mill-applikant għandha tkun biżżejjed għal dawk is-sustanzi.

Peress li diversi prodotti jew prodotti potenzjali (pereżempju sfumaturi personalizzati minn sistema għall-għoti ta’ lewn ħafif) li jużaw l-istess ingredjenti, sustanzi kimiċi jew materja prima jistgħu jkunu koperti minn liċenzja waħda tal-Ekotikketta tal-UE, jista’ jkun aċċettabbli kalkolu tal-agħar xenarju għal kull sustanza mdaħħla skrinjata fi ħdan familja komuni ta’ prodotti koperti mill-istess liċenzja.

Fir-rigward tal-informazzjoni mitluba mill-fornituri li tista’ tkun kummerċjalment sensittiva, l-evidenza mill-fornituri tista’ tiġi pprovduta wkoll direttament lill-korpi kompetenti mingħajr ma neċessarjament tipprovdi ċerti dettalji lill-applikant.

4.3.   Restrizzjonijiet speċifiċi ta’ sustanzi perikolużi għal sustanzi mdaħħla.

Sakemm ma jkunx hemm deroga fis-subkriterju 4.2, is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi bħala sustanzi mdaħħla fil-formulazzjoni tal-prodott finali jew bħala sustanzi mdaħħla fl-ingredjenti użati biex issir il-formulazzjoni tal-prodott finali:

(a)

Preservattivi jew nixxiefa kklassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni.

(b)

Sustanzi kklassifikati bħala interferenza endokrinali tal-kategorija 1 jew tal-kategorija 2 għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista kandidata msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, sustanzi identifikati bħala li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jew mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, minbarra d-DBNPA (Nru CAS 10222-01-2) fejn jintuża bħala preservattiv fil-bott.

(c)

Sustanzi kklassifikati bħala Persistenti, Bijoakkumulattivi u Tossiċi (PBT) jew b’Persistenza għolja u Bijoakkumulazzjoni għolja (vPvB) għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista tal-kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inkluż fil-bnedmin, sustanzi identifikati bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB għall-ambjent u għall-organiżmi ħajjin inklużi fil-bnedmin f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jew mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(d)

Sustanzi kklassifikati bħala sustanzi Persistenti, Mobbli u Tossiċi (PMT) jew Persistenti ħafna u Mobbli ħafna (vPvB) f’konformità mar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008, sustanzi inklużi fil-lista tal-kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 bħala li għandhom proprjetajiet PMT jew vPvM.

(e)

Alkilfenoli, alkilfenoletossilati (APEOs, alkylphenol ethoxylates) u d-derivattivi tagħhom, kif imsemmija fl-entrata 43 tal-Anness XIV jew fl-entrata 46 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(f)

Sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS, Perfluorinated and polyfluorinated compounds), kif definiti fl-Artikolu 4(42).

(g)

Ftalati.

(h)

Komposti tal-organotin.

(i)

Sustanzi tal-fwieħa li huma pprojbiti jew ristretti fi prodotti kożmetiċi u elenkati fl-Annessi II jew III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(j)

Bisfenoli li ġew identifikati mill-ECHA fil-valutazzjoni tagħhom tal-2021 bl-isem “Assessment of Regulatory Needs report on Bisphenols” għal ġestjoni ulterjuri tar-riskju regolatorju tal-UE li huma magħrufa jew potenzjalment interferenti endokrinali għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, jew li jistgħu jiġu identifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni.

(k)

Il-pigmenti użati ma għandhomx ikunu bbażati fuq il-Kadmju, iċ-Ċomb, il-Kromu (VI), il-Merkurju, l-Arseniku, is-Selenju, l-Antimonju jew il-Kobalt. L-impuritajiet li ġejjin minn kwalunkwe pigment użat ma għandhomx ikunu preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali fi kwantitajiet li jaqbżu 0,010 % skont il-piż (għal kull metall): Kadmju, Ċomb, Kromu (VI), Merkurju, Arseniku, Selenju, Antimonju u Kobalt. L-uniċi eċċezzjonijiet għall-użu tal-pigment u l-limitu ta’ 0,010 % għall-impuritajiet għandhom ikunu:

Kobalt: minħabba l-użu ta’ Spinell blu tal-aluminat tal-kobalt (Nru CAS 1345-16-0) u pigmenti tal-ispinell blu-aħdar tal-kromit tal-kobalt (Nru CAS 68187-11-1).

Antimonju: minħabba l-użu ta’ pigmenti bbażati fuq in-Nikil tal-Antimonju f’kannizzata tat-TiO2 insolubbli.

(l)

Il-formaldeid liberu ma għandux jiżdied intenzjonalment mal-formulazzjoni tal-prodott finali. Il-prodott finali għandu jiġi ttestjat sabiex jiġi stabbilit il-kontenut ta’ formaldeid liberu fih. Għandhom jintgħażlu kampjuni tal-agħar xenarju għall-ittestjar għal kull familja ta’ prodotti li abbażi tagħhom il-prodott huwa previst li jkollu l-ogħla ammont teoretiku ta’ kontenut ta’ formaldeid. Fil-kundizzjonijiet definiti hawn taħt, għandhom ikunu permessi l-limiti totali tas-somma li ġejjin ta’ formaldeid liberu:

Sa 0,0010 % skont il-piż permess meta jkunu meħtieġa l-bronopol jew preservattivi li huma donaturi tal-formaldeid bħala preservattiv fil-bott biex jiġi protett tip speċifiku ta’ żebgħa jew verniċ

Sa 0,010 % skont il-piż permess meta d-dispersjonijiet tal-polimeri (leganti) jipprovdu, permezz ta’ livelli residwi ta’ formaldeid, il-funzjoni ta’ donaturi tal-formaldeid minflok preservattivi fil-bottijiet.

Sa 0,010 % meta ż-żewġ kundizzjonijiet elenkati hawn fuq japplikaw fl-istess prodott.

(m)

Mikropartikoli ta’ polimeri sintetiċi (SPMs, Synthetic polymer microparticles, magħrufa b’mod komuni bħala mikroplastiks) kif definiti fl-entrata 78 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH), ma għandhomx jintużaw għal finijiet mhux ta’ formazzjoni ta’ riti fi kwalunkwe formulazzjoni ta’ prodott sakemm l-użu u l-iskop tagħhom ma jiġux iddikjarati b’mod espliċitu, flimkien ma’ ġustifikazzjoni għaliex l-użu tagħhom itejjeb il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodott taż-żebgħa jew tal-verniċ.

(n)

In-nanoforma ta’ TiO2, kif definit fl-Artikolu 4(52), ma għandhiex tintuża bħala ingredjent għal xi skop fi prodotti aerosol.

Valutazzjoni u verifika:

(a sa j)

L-applikant għandu jiddikjara n-nuqqas ta’ użu tas-sustanzi rilevanti indikati f’dan is-subkriterju, jiġifieri preservattivi CMR, nixxiefa CMR, interferenti endokrinali (minbarra DBNPA), sustanzi PBT u vPVB, sustanzi PMT u vPvM, alkilfenoli u APEOs, PFAS, ftalati, komposti tal-organotin, fwejjaħ u bisfenoli bħala sustanzi mdaħħla fil-formulazzjonijiet tagħhom, appoġġati minn dikjarazzjonijiet mill-fornituri tagħhom dwar in-nuqqas ta’ użu tal-gruppi ta’ sustanzi mhux perikolużi bħala sustanzi mdaħħla fl-ingredjenti fornuti u li jintużaw bħala formulazzjonijiet koperti mill-proċedura tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE.

(k)

Fil-każ tar-restrizzjonijiet tal-metall tqil mill-pigmenti, l-applikant jew il-fornitur tal-pigment għandu jipprovdi dikjarazzjoni li tiddikjara li la l-pigment innifsu u lanqas kwalunkwe sustanza mdaħħla li tista’ tiġi inkorporata fil-prodott tal-pigment ma huma bbażati fuq il-metalli tqal elenkati. L-applikant jew il-fornitur tal-pigment għandu jipprovdi wkoll rapport tat-test bil-livelli ta’ impuritajiet tal-metall tqil ta’ kampjuni rappreżentattivi tal-pigment fornut. Imbagħad, l-applikant għandu juża dawn ir-riżultati, flimkien mal-% tal-pigment(i) użat(i) fil-prodott finali, biex jikkalkula l-konċentrazzjoni ta’ metalli tqal mill-pigmenti li jifdal fil-prodott finali. Fil-każ ta’ pigmenti eżentati, il-fornitur tal-pigment għandu jiddikjara liema pigment(i) għandu/għandhom l-eżenzjoni (jiġifieri spinell blu tal-aluminat tal-kobalt, spinell blu-aħdar tal-kromit tal-kobalt jew nikil tal-antimonju f’kannizzata tat-TiO2 insolubbli).

(l)

L-applikant għandu jiddikjara liema mill-prodotti tiegħu għandu jkollu l-ogħla kontenut teoretiku ħieles ta’ formaldeid f’kull familja ta’ formulazzjoni ta’ prodotti. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-għażla tal-formulatur taż-żebgħa li juża d-donaturi tal-formaldeid bħala preservattivi u dikjarazzjonijiet mill-fornituri fir-rigward tal-ammonti ta’ donaturi tal-formaldeid użati biex jippreservaw l-ingredjenti fornuti (speċjalment il-leganti). Iż-żieda ta’ dawn is-sustanzi (u ta’ kwalunkwe ingredjent ieħor li jirrilaxxa l-formaldeid) mal-formulazzjonijiet tal-agħar xenarju ma għandhiex tirriżulta fil-kontenut ta’ formaldeid liberu fil-prodott finali li jaqbeż il-limitu ta’ konċentrazzjoni rilevanti, kif imkejjel bl-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti.

(m)

L-applikant għandu jipprovdi jew dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ użu ta’ SPMs għal skopijiet li mhumiex ta’ formazzjoni ta’ rita jew dikjarazzjoni dwar l-użu tagħhom fil-formulazzjoni tal-prodott. F’każijiet fejn jiġi ddikjarat l-użu ta’ SPMs għal skopijiet li mhumiex ta’ formazzjoni ta’ rita, it-tip, il-kwantità (% piż skont il-piż) u l-iskop għandhom jiġu ddikjarati fid-dikjarazzjoni, flimkien ma’ ġustifikazzjoni ta’ kif l-użu ta’ SPMs għal skopijiet li mhumiex ta’ formazzjoni ta’ rita itejjeb il-prestazzjoni ambjentali ġenerali tal-prodott. Dawn il-ġustifikazzjonijiet normalment għandhom iqabblu l-prestazzjoni ambjentali tal-istess prodott ma’ SPMs u mingħajrhom għal skopijiet li mhumiex ta’ formazzjoni ta’ rita.

(n)

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tan-nuqqas ta’ użu tal-pigmenti nanoformi ta’ TiO2, appoġġata minn dikjarazzjonijiet mill-fornitur(i) tal-pigment tagħhom.

Kriterju 5.   Tagħrif għall-konsumaturi

5(a)

L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuq l-imballaġġ jew għandha tkun mehmuża miegħu:

Rakkomandazzjoni biex titnaqqas il-ħela taż-żebgħa billi jiġi stmat kemm hemm bżonn ta’ żebgħa qabel ix-xiri,

Kif tistma l-ammont ta’ żebgħa meħtieġa qabel ma tixtri sabiex timminimizza l-ħela taż-żebgħa u ammont rakkomandat bħala linja gwida (pereżempju għal 1 m2 ta’ ħajt, hemm bżonn X litri ta’ żebgħa),

Miżuri ta’ sikurezza għall-utent inkluż rakkomandazzjoni bażika dwar tagħmir protettiv personali li għandu jintlibes u miżuri addizzjonali li għandhom jittieħdu meta jintuża l-prodott,

Rakkomandazzjoni biex il-prodott jintuża fuq barra jew f’ambjent ventilat,

Informazzjoni mitluba fis-subkriterju 5(b) jew spjegazzjoni ta’ kif wieħed jista’ jaċċessa din l-informazzjoni.

5(b)

L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuq l-imballaġġ jew għandha tkun imwaħħla miegħu jew tkun disponibbli permezz ta’ weblink jew kodiċi QR:

Kundizzjonijiet xierqa tal-ħażna tal-prodott (qabel u wara l-ftuħ), inkluż, fejn xieraq, pariri dwar is-sikurezza,

Ġestjoni xierqa tal-iskart taż-“żebgħa li jifdal” u l-imballaġġ (sabiex jiġi limitat it-tniġġis tal-ilma u tal-ħamrija). Pereżempju, test li jagħti parir li ż-żebgħa mhux użata teħtieġ immaniġġar speċjalizzat għal rimi sikur fl-ambjent u għalhekk ma għandhiex tintrema mal-iskart domestiku jew kummerċjali.

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jiddikjara li l-prodott huwa konformi mar-rekwiżit u jipprovdi lill-korp kompetenti bix-xogħol artistiku jew bil-kampjuni tal-informazzjoni għall-utent u/jew link jew kodiċi QR għas-sit web tal-manifattur li jkun fiha dan it-tagħrif bħala parti mill-applikazzjoni. Għandu jingħata l-ammont ta’ żebgħa rakkomandat bħala linja gwida.

Kriterju 6.   Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

It-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali għandu jkun fiha tlieta mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin, skont ir-rilevanza tagħhom:

Kontenut minimizzat kemm jista’ jkun ta’ sustanzi perikolużi,

Kontenut imnaqqas ta’ komposti organiċi volatili (KOV): x g/l,

Prestazzjoni tajba għall-użu fuq ġewwa (għal prodotti ta’ ġewwa), jew

Prestazzjoni tajba għall-użu fuq barra, (għal prodotti ta’ barra) jew

Prestazzjoni tajba kemm għall-użu fuq ġewwa kif ukoll fuq barra (għal prodotti adatti għall-użu fuq ġewwa u fuq barra).

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali jistgħu jinstabu fil-“Linji Gwida għall-Użu tal-Logo tal-Ekotikketta” f’dan is-sit web:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf

Valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta tal-prodott jew tax-xogħol artistiku tal-imballaġġ fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.


(1)  Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ trab fl-arja mill-proċess tal-klorur jitqiesu bħala: stadji tal-maċinazzjoni, tal-klorinazzjoni, tal-ossidazzjoni u tal-mikronizzazzjoni. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ HCl fl-arja mill-proċess tal-klorur jitqiesu bħala: klorinazzjoni, purifikatur tal-aċidu minn proċessi ta’ separazzjoni tas-solidi u ta’ trattament tal-klorur tal-metall. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ trab fl-arja mill-proċess tas-sulfat jitqiesu bħala: stadji tal-maċinazzjoni, tad-diġestjoni, tal-kalċinazzjoni u tal-mikronizzazzjoni. Is-sorsi punt għall-emissjonijiet ta’ SO2 fl-arja mill-proċess tas-sulfat jitqiesu bħala: proċessi ta’ diġestjoni u ta’ kalċinazzjoni.

(2)  Meta l-mineral użat ikun > 95 % kontenut ta’ TiO2.

(3)  Meta l-mineral użat ikun 90-95 % kontenut ta’ TiO2.

(4)  Meta l-mineral użat ikun < 90 % kontenut ta’ TiO2.

(5)   “Kompost organiku volatili” (KOV) tfisser kwalunkwe kompost organiku li jkollu punt tat-togħlija inizjali ta’ inqas minn jew daqs 250 °C imkejjel fi pressjoni standard ta’ 101,3 kPa

(*1)  Kundizzjoni tad-deroga orizzontali: l-ebda waħda mid-derogi ta’ hawn fuq, individwalment jew flimkien, ma għandha tkun permessa jekk tirriżulta fil-klassifikazzjoni tal-formulazzjoni tal-prodott finali bi kwalunkwe wieħed mill-perikli definiti fit-Tabella 3, bl-eċċezzjoni notevoli ta’ H412 u H413 għall-prodotti ta’ barra minħabba l-preżenza ta’ preservattivi b’rita niexfa.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2607/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)