European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2600

13.12.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/2600

tat-12 ta’ Diċembru 2025

dwar miżuri ta’ emerġenza li jindirizzaw id-diffikultajiet ekonomiċi serji kkawżati mill-azzjonijiet tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar “operazzjoni militari speċjali” fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk kontra l-Ukrajna. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna eskalat kontinwament u l-attivitajiet destabbilizzanti u l-kampanji ibridi tar-Russja nfirxu għat-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni.

(2)

Minbarra impatt devastanti fuq l-ekonomija Ukrena, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-azzjonijiet tar-Russja kontra l-Unjoni ħolqu u qed ikomplu joħolqu sfidi ekonomiċi serji barra mill-Ukrajna. Minħabba l-qrubija tal-Unjoni għar-Russja u l-Ukrajna, u minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kif ukoll l-azzjonijiet tar-Russja kontra l-Unjoni, l-ekonomija tal-Unjoni ġiet affettwata u mistennija li tkompli tiġi affettwata sakemm ir-Russja tippersisti fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha. Barra minn hekk, huwa mistenni li l-ekonomija tal-Unjoni tiġi affettwata saħansitra b’mod aktar sever f’każ li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna tiddeterjora.

(3)

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux ġustifikata u mhux provokata kontra l-Ukrajna wasslet għal xokk għall-ekonomija tal-Unjoni permezz ta’ tfixkil serju fil-provvista, inċertezza akbar, żieda fil-primjums tar-riskju, u inqas investiment u nfiq tal-konsumatur fl-Unjoni. B’riżultat ta’ dan, it-tkabbir medju annwali tal-PDG fl-2022–2023 kien 1,9 punti perċentwali aktar baxx milli pprojettat fit-Tbassir tal-Ħarifa 2021 tal-Kummissjoni għall-Istat Membru medjan.

(4)

B’mod partikolari, l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022 wasslet biex il-prezzijiet taż-żejt, tal-gass u tal-ikel żdiedu b’mod qawwi, hekk kif is-swieq aġġustaw għat-telf jew għat-telf potenzjali tal-esportazzjonijiet minn żewġ fornituri ewlenin tal-komoditajiet. Dan irriżulta wkoll direttament fi tfixkil fil-ktajjen tal-provvista għall-importazzjonijiet tal-Unjoni mill-Ukrajna, speċjalment taċ-ċereali u ż-żjut veġetali, kif ukoll fl-esportazzjonijiet mill-Unjoni lejn l-Ukrajna, li ħoloq impatt partikolarment sever fuq is-setturi tal-agrikoltura, tal-ipproċessar tal-ikel, tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Unjoni. Xi metalli u materja prima saru skarsi, minħabba l-aggressjoni militari u l-miżuri ta’ ritaljazzjoni meħuda mir-Russja, li jżidu l-kostijiet għall-industriji tal-Unjoni.

(5)

Fid-dawl tal-impatti negattivi fuq is-swieq tal-enerġija kkawżati mill-azzjonijiet tar-Russja, l-Istati Membri stabbilew appoġġ għall-unitajiet domestiċi u l-impriżi. Il-miżuri fiskali adottati mill-Istati Membri fil-perjodu mill-2022 sal-2024 biex jimminimizzaw l-impatt makroekonomiku u soċjali tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija ammontaw għal aktar minn EUR 365 biljun. Fis-17 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għall-miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja (1) li fl-4 ta’ Lulju 2025 ġiet segwita minn Komunikazzjoni dwar Qafas għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jiġi appoġġat il-Patt għal Industrija Nadifa (Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa) (2).

(6)

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-użu tal-provvisti tal-enerġija bħala arma taggrava wkoll l-urġenza li l-Unjoni tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u l-użu tal-kapaċitajiet f’setturi strateġiċi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti, filwaqt li jitqiesu wkoll l-isfidi globali li joħolqu theddida li l-investimenti f’dawk is-setturi jiġu ddevjati favur pajjiżi terzi barra miż-ŻEE. Fil-livell tagħha, l-Unjoni ħadet diversi miżuri biex tirrispondi għall-kriżi tal-enerġija, inkluż ir-REPowerEU li kellu l-għan li jaċċellera t-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika u jżid l-indipendenza enerġetika tal-Unjoni. Permezz ta’ REPowerEU, EUR 20 biljun addizzjonali saru disponibbli għall-Istati Membri permezz tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija li tirriżulta mill-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.

(7)

Barra minn hekk, ir-Russja ilha tħalli impatt negattiv fuq l-ekonomija u n-negozju tal-Unjoni permezz tal-qbid, il-konfiska jew il-bejgħ furzat ta’ assi ekonomiċi fir-Russja li jappartjenu għal investituri tal-Unjoni. Dak l-impatt negattiv jiżdied mal-pagamenti u t-taxxi separati imposti fuq l-entitajiet u l-investituri tal-Unjoni, flimkien ma’ restrizzjonijiet sinifikanti fuq il-moviment liberu tal-kapital, li min-naħa tagħhom ifixklu l-investimenti u jaffettwaw b’mod negattiv lill-kumpaniji u lis-swieq. Ir-riskji ta’ aktar sekwestri ta’ assi għadhom għoljin, minħabba l-iskopertura eżistenti u l-inabbiltà tal-investituri tal-Unjoni li wieħed joħroġ mis-suq Russu. F’dak il-kuntest, fit-30 ta’ Settembru 2025, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet għall-bejgħ aċċellerat tal-assi wara s-sekwestru tagħhom.

(8)

Minbarra t-telf tat-tkabbir ekonomiku u l-kapaċità tal-akkwist, l-azzjonijiet tar-Russja wasslu għal kostijiet fiskali diretti sinifikanti għall-Istati Membri. Dan seħħ f’perjodu fejn il-finanzi tal-Istati Membri għadhom qed jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19. Parti sinifikanti mill-baġit tal-Unjoni kellha wkoll tiġi diretta mill-ġdid lejn miżuri mmirati biex jindirizzaw il-konsegwenzi diretti u indiretti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(9)

Dawk l-elementi differenti juru li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna diġà kellha, u qed tkompli jkollha, riperkussjonijiet diretti u indiretti fuq l-ekonomija tal-Unjoni u kellha impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni fiskali tal-Istati Membri. Minkejja l-miżuri kollha meħuda fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, l-effetti tat-tfixkil ikkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u minn azzjonijiet oħra mir-Russja fit-territorju tal-Unjoni affettwaw direttament u indirettament il-prestazzjoni ekonomika tal-Unjoni u kellhom impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni fiskali tal-Istati Membri.

(10)

Din is-sitwazzjoni ta’ urġenza bla preċedent hija riżultat ta’ fatturi esterni li huma lil hinn mill-kontroll tal-Istati Membri u jħallu impatt serju fuq l-ekonomiji tagħhom. Dan jhedded li jaffettwahom saħansitra aktar jekk ma titteħidx azzjoni immedjata biex tiġi limitata l-kapaċità tar-Russja li tintensifika l-attakki ibridi fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ rispons rapidu u koordinat fil-livell tal-Unjoni. Tali azzjoni jenħtieġ li tittieħed fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri sabiex jiġu evitati r-riperkussjonijiet inugwali li żieda fit-theddida mir-Russja thedded li jkollha fuq l-Istati Membri, u b’mod partikolari fuq dawk li huma l-eqreb tal-fruntieri tar-Russja u l-Ukrajna. Dan ir-rispons huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri xierqa adottati mill-Kunsill skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni fir-rigward ta’ miżuri restrittivi kontra r-Russja.

(11)

Il-ħtieġa għal azzjoni urġenti tirriżulta mid-deterjorament qawwi reċenti tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fl-Ukrajna u fl-Istati Membri, li jirrappreżenta theddida reali għall-istabbiltà tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Unjoni u li jiddependi ħafna fuq parametri differenti u l-evoluzzjoni tagħhom maż-żmien.

(12)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni ta’ hawn fuq, huwa xieraq, li jiġi pprojbit, fuq bażi temporanja, kwalunkwe trasferiment dirett jew indirett ta’ assi u riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew taħt id-direzzjoni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund (il-“Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati”), sabiex jiġi żgurat li l-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati ma jiġux ittrasferiti lejn il-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati, jew għall-benefiċċju tiegħu, u finalment lejn ir-Russja.

(13)

It-trasferiment ta’ fondi lir-Russja jenħtieġ li jiġi evitat b’urġenza biex tiġi limitata l-ħsara lill-ekonomija tal-Unjoni. Kien l-infiq militari li l-aktar li wassal għat-tkabbir robust tar-Russja mill-2022, iżda l-pass tal-espansjoni ekonomika tar-Russja ddgħajjef b’mod sinifikanti fl-2025. It-tnaqqis fir-ritmu jirrifletti fost l-oħrajn l-impatt negattiv tal-iżbilanċi akkumulati, b’mod partikolari l-inflazzjoni għolja u r-rati tal-imgħax. Is-sitwazzjoni fiskali tar-Russja kompliet tmur għall-agħar fl-2025, hekk kif il-prezzijiet taż-żejt niżlu, il-prezz tar-Rublu żdied u l-isforzi tas-sanzjonijiet tal-Punent reġgħu intensifikaw. Minħabba l-pożizzjoni fiskali tar-Russja, jista’ jkun mistenni li kwalunkwe riżorsa addizzjonali riċevuta tintuża direttament biex tiffinanzja l-gwerra ta’ aggressjoni mhux ġustifikata u mhux provokata tagħha kontra l-Ukrajna b’konsegwenzi serji għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

(14)

Dan joħloq diffikultajiet serji għall-ekonomija tal-Unjoni għal żewġ raġunijiet ewlenin.

(15)

L-ewwel nett, it-trasferiment ta’ riżorsi addizzjonali lir-Russja jaggrava r-riskju ta’ eskalazzjoni ta’ attivitajiet ibridi belliġerenti mmirati kontra l-Istati Membri u fit-territorju tal-Istati Membri, li joħloq tfixkil ekonomiku addizzjonali u kostijiet fiskali u ekonomiċi, u jżid l-inċertezza ekonomika. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa t-tipi kollha ta’ attivitajiet ibridi, b'mod partikolari l-kampanja ibrida kontinwa tar-Russja, inkluż is-sabotaġġ, it-tfixkil tal-infrastruttura kritika, l-attakki ċibernetiċi, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza, u t-tentattivi biex tiddgħajjef id-demokrazija, inkluż fil-proċess elettorali. F’dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill Ewropew innota li l-Unjoni u l-Istati Membri ser ikomplu jsaħħu r-reżiljenza tagħhom, jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jirrispondu għat-theddid ibridu tar-Russja.

(16)

L-attivitajiet ibridi tar-Russja qed jintużaw dejjem aktar f’tentattiv biex jiddestabbilizzaw mhux biss lill-Ukrajna iżda wkoll lill-Istati Membri u lill-Unjoni (pereżempju permezz ta’ sabotaġġi, droni, spjunaġġ ekonomiku, interferenza fil-proċessi elettorali u kampanji ta’ miżinformazzjoni). F’dan il-kuntest, l-Unjoni u l-Istati Membri u n-negozji tagħha ġarrbu kostijiet diretti fl-indirizzar tal-kampanja ibrida tar-Russja.

(17)

Fin-nuqqas ta’ projbizzjoni dwar it-trasferiment tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati, huwa probabbli li dawk ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw biex jappoġġaw il-kampanja ibrida tar-Russja, u b’hekk ikabbru d-diffikultajiet ekonomiċi fl-Unjoni. Pereżempju, f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm vjolazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-Belġju, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Litwanja u l-Latvja. Dawk l-inċidenti huma xejra, mhux inċident u jirriskjaw li jaggravaw f’każ ta’ trasferiment ta’ assi u riżervi lill-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati u finalment lir-Russja, jew għall-benefiċċju tagħhom.

(18)

It-tieni, id-disponibbiltà ta’ fondi addizzjonali għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja tirriskja li ttawwal u taggrava l-inċertezza ekonomika u tirrikjedi rispons fiskali akbar mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw lill-Ukrajna u lill-ekonomija tal-Unjoni.

(19)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2025 jirrikonoxxu li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha għas-sigurtà Ewropea u dinjija f’ambjent li qed jinbidel, jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni. Il-komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għall-Preservazzjoni tal-Paċi u l-Prontezza tad-Difiża 2030 (4) tindika li l-Ukrajna għadha l-ewwel linja ta’ difiża tal-Ewropa u hija parti integrali mill-arkitettura tad-difiża u s-sigurtà tal-Ewropa.

(20)

F'dan il-kuntest, kieku kellha tibqa’ għaddejja l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, jista’ jkun mistenni li r-riperkussjonijiet fuq l-ekonomija tal-Unjoni jkunu saħansitra aktar severi fil-każ fejn l-Ukrajna ma tkunx tista’ ssostni l-isforzi fiskali li huma meħtieġa għat-tkomplija tal-isforz tal-gwerra tagħha. Telfa għall-Ukrajna tkun assoċjata wkoll ma’ riskju akbar ta’ aggressjoni, inkluż permezz ta’ attivitajiet ibridi, mir-Russja kontra xi wieħed mill-Istati Membri jew pajjiż fil-viċinat tal-Ukrajna, inkluż il-pajjiżi kandidati, li jkollha riperkussjonijiet immedjati diretti u indiretti ta' kobor bla preċedent fuq is-sigurtà u s-sitwazzjoni ekonomika fl-Unjoni. Sitwazzjoni bħal din tkompli żżid il-livell ta’ inċertezza għall-operaturi ekonomiċi. Dak l-impatt x’aktarx ikun aktar sever fl-Istati Membri li huma eqreb tal-fruntieri tal-Ukrajna, tar-Russja u tal-Belarussja. Analiżi ekonometrika reċenti mill-Kummissjoni tissuġġerixxi li minħabba l-gwerra, it-tkabbir tal-PDG fl-2022–2023 kien diġà 1,4–1,8 punti perċentwali aktar baxx fl-Istati Membri li jmissu mal-pajjiżi fi gwerra meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni, bit-telf jimmodera biss bi ftit meta jiġi estiż sal-2024.

(21)

F’Ottubru u Novembru 2025, l-attakki Russi bl-ajru mmirati lejn in-networks tat-trasport, iż-żoni residenzjali u l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna intensifikaw aktar. Ir-Russja nediet seba’ attakki kkombinati fuq skala kbira bil-missili u bid-droni fuq distanzi twal, li kkawżaw tfixkil serju fil-produzzjoni tal-enerġija tal-Ukrajna u li rriżultaw fil-ħtieġa ta’ importazzjonijiet addizzjonali tal-gass għall-perjodu li fih ikun meħtieġ it-tisħin. L-aktar attakki devastanti seħħew matul l-ljieli tas-7 ta’ Novembru, li involvew aktar minn 500 dron u missila, u tal-24 ta’ Novembru, b’464 dron u 22 missila. Skont iċ-ċifri ppreżentati mill-Missjoni ta’ Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-Ukrajna fil-25 ta’ Novembru 2025, il-vittmi ċivili fi bliet kbar fl-2025 (minn Jannar sa Ottubru) żdiedu b’26 % meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, filwaqt li ċ-ċivili feruti żdiedu b’75 % matul l-istess perjodu. Mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa mir-Russja, inqatlu mill-inqas 14 534 persuna ċivili, inkluż 745 tifel u tifla, u 38 472 midruba, inkluż 2 349 tifel u tifla.

(22)

Barra minn dan, l-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna mir-Russja diġà wasslet għal spostament maġġuri ta’ ċittadini Ukreni kemm internament kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, bi fluss bla preċedent ta’ persuni spustati mill-Ukrajna lejn l-Unjoni, b’konsegwenzi umanitarji u ekonomiċi kbar għall-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kellhom u għadhom qegħdin jagħmlu sforz fiskali mdaqqas biex jospitaw persuni spustati mill-Ukrajna. L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja ġiegħlet lil miljuni ta’ persuni jaħarbu minn pajjiżhom għas-sikurezza, l-aktar lejn l-Istati Membri. Sal-aħħar ta’ Settembru 2025, total ta’ 4,3 miljun ċittadin mhux tal-UE li ħarbu mill-Ukrajna rċevew protezzjoni temporanja skont id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2001/55/UE (5). Sa mill-2022, il-kost fiskali gross għall-Unjoni assoċjat mal-ospitar ta’ persuni spustati mill-Ukrajna huwa stmat li hu fil-livell ta’ 0,2 % tal-PDG fis-sena u stimi differenti juru li l-kostijiet fiskali li jirriżultaw għall-Istati Membri fil-perjodu bejn l-2022 u l-2025 jistgħu jilħqu aktar minn EUR 155 biljun. Eskalazzjoni ulterjuri tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja tista’ twassal għar-riskju ta’ influss f’daqqa u bil-massa ta’ persuni spustati mill-Ukrajna jew ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.

(23)

Bħala konsegwenza tal-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna, li huma ta’ theddida diretta għas-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kellhom iżidu b’mod sostanzjali l-investimenti tagħhom fil-kapaċitajiet tad-difiża. Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022, il-proporzjon tan-nefqa fid-difiża tal-Unjoni mal-PDG żdied b’madwar 0,25 punti perċentwali, u laħaq 1,5 % tal-PDG fl-2024 (jew madwar EUR 270 biljun). Fit-28 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill adotta, bħala miżura ta’ emerġenza, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 (6) li għandu l-għan li jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jappoġġaw il-prontezza industrijali tad-difiża tagħhom. It-Tbassir tal-Ħarifa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta żieda ulterjuri fl-infiq għad-difiża ta’ madwar 0,5 punti perċentwali sal-2027, meta għandu jilħaq it-2,0 % tal-PDG (jew madwar EUR 405 biljun). Minbarra dawk il-konsegwenzi ekonomiċi għall-ekonomija tal-Unjoni kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, ir-Russja nnifisha qed tikkawża impatti ekonomiċi diretti fuq l-ekonomija tal-Unjoni permezz tal-azzjonijiet tagħha. Dan ikun aggravat f'daqqa u drastikament jekk ir-Russja jkollha aċċess għal fondi addizzjonali f’każ li ma jkunx hemm projbizzjoni ta’ trasferiment.

(24)

Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet differenti, l-iżgurar ta’ projbizzjoni fuq it-trasferiment tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati lill-Bank Ċentrali tar-Russja jew għall-benefiċċju tiegħu jew entitajiet relatati u finalment lir-Russja hija miżura xierqa sabiex jiġu evitati aktar riperkussjonijiet ta’ kobor bla preċedent fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-Unjoni kkawżati mill-azzjonijiet tar-Russja. Sa fejn hija limitata fiż-żmien u riversibbli, hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(25)

Huwa xieraq ukoll, fiċ-ċirkostanzi attwali, li l-istituzzjonijiet finanzjarji li jżommu l-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati, jimmaniġġjaw separatament il-bilanċi tal-flus li kienu qed jakkumulaw hekk kif l-assi jimmaturaw.

(26)

Il-miżuri speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, li jikkonsistu fi pretensjoni kontra istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li hija soġġetta għal restrizzjonijiet fuq it-trasferiment. Is-sjieda ta’ dawk l-assi mhijiex affettwata mill-miżuri previsti skont dan ir-Regolament. Il-bilanċi tal-flus li jakkumulaw fuq il-karti tal-bilanċ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom assi u riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja bħala riżultat tal-projbizzjoni fuq trasferimenti lill-Bank Ċentrali tar-Russja jew għall-benefiċċju tiegħu ma jappartjenux għall-Bank Ċentrali tar-Russja u ma jikkostitwux assi sovrani. Il-projbizzjoni fuq trasferimenti tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati hija temporanja, riversibbli u taħt reviżjoni perjodika.

(27)

Dawk il-miżuri addizzjonali joħolqu obbligi ġodda għall-istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom assi u riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati biex jittaffew il-konsegwenzi ekonomiċi għall-Unjoni tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fid-dawl tal-kuntest li fih jittieħdu dawk il-miżuri u tal-fatt li dawk il-miżuri jsegwu għan ta’ ordni pubbliku li jikkonsisti f’li jiġi evitat id-deterjorament tal-ekonomija tal-Unjoni f’sitwazzjoni ta’ kriżi tas-sigurtà, dawk il-miżuri jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikolu 17 meħud f’konformità mal-Artikolu 52 tagħha, peress li huma ġustifikati u proporzjonati għall-objettivi mfittxija.

(28)

Il-miżuri marbuta mal-projbizzjoni fuq it-trasferimenti tal-assi jew ir-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jew entitajiet relatati jenħtieġ li jibqgħu temporanji. Jenħtieġ li dawn jinżammu sakemm it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi finanzjarji u oħrajn sinifikanti lir-Russja biex tkompli bl-azzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna joħloq, jew jhedded li joħloq, diffikultajiet ekonomiċi serji fl-Unjoni u fl-Istati Membri u r-riskju li jikkawża deterjorament serju ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Unjoni u fl-Istati Membri jippersisti. Għalhekk huwa xieraq li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jitwaqqfu meta r-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, tipprovdi reparazzjonijiet lill-Ukrajna sa fejn ikun meħtieġ biex tippermetti r-rikostruzzjoni mingħajr konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji għall-Unjoni u fejn l-azzjonijiet tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna jkunu waqfu oġġettivament milli joħolqu riskju serju ta’ diffikultajiet severi għall-ekonomija tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Għal dak l-għan, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jenħtieġ li tqis ir-rapport tal-Kummissjoni abbażi tar-rieżami annwali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jemenda dan ir-Regolament, inkluż billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ stralċ xierqa, strettament meħtieġa u temporanji għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-operaturi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inkluż perjodu ta’ żmien xieraq għat-twettiq tal-obbligi wara t-tmiem tal-miżuri. B’mod partikolari, biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u stralċ ordnat, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-iskeda ta’ żmien u l-modalitajiet tar-rimborż ta’ bilanċi tal-flus.

(29)

Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u li tiġi ssalvagwardata l-importanza sistemika tad-depożitorji ċentrali tat-titoli għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli jenħtieġ li titqies fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(30)

Meta jitqiesu l-iskala tal-kriżi, il-livell tal-impatt soċjali, ekonomiku u finanzjarju tagħha u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni minnufih, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(31)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza, b’eċċezzjoni u temporanji li jindirizzaw id-diffikultajiet ekonomiċi serji fl-Unjoni kkawżati mill-azzjonijiet tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u r-riskju ta’ deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jevitaw deterjorament serju tal-istabbiltà ekonomika fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha billi jipprevjenu li jsiru disponibbli riżorsi sinifikanti għar-Russja biex tkompli bl-azzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Artikolu 2

Projbizzjoni fuq trasferiment

1.   Għandu jkun ipprojbit kwalunkwe trasferiment dirett jew indirett ta’ assi jew riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew taħt id-direzzjoni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund.

2.   Il-bilanċi tal-flus li jikkorrispondu għall-assi u r-riżervi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ġestiti separatament.

Artikolu 3

Rappurtar

1.   Sal-livell li mhux diġà hu meħtieġ minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, u minkejja r-regoli applikabbli rigward ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew, il-banek ċentrali nazzjonali, l-entitajiet tas-settur finanzjarju kif definiti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-impriżi tal-assigurazzjoni u riassigurazzjoni kif definit fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), id-depożitarji ċentrali tat-titoli kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u l-kontropartijiet ċentrali kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, sal-14 ta’ Marzu 2026, informazzjoni dwar l-assi u r-riżervi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament li huma jżommu jew jikkontrollaw jew li huma kontroparti għalihom. Tali informazzjoni għandha tiġi aġġornata kull tliet xhur u għandha mill-inqas tinkludi dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni li tidentifika l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li jippossjedu, iżommu jew jikkontrollaw tali assi u riżervi, inkluż l-isem, l-indirizz u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT jew ta’ identifikazzjoni tat-taxxa;

(b)

l-ammont jew il-valur tas-suq ta’ tali assi u riżervi fid-data tar-rappurtar;

(c)

it-tipi ta’ assi jew riżervi kif ukoll il-kriptoassi u kategoriji rilevanti oħra ta’ assi, inkluż assi mhux pekunjarji. Għal kull waħda minn dawk il-kategoriji u fejn disponibbli, għandhom jiġu indikati l-karatteristiċi rilevanti, bħall-kwantità, il-post, il-munita, il-maturità u l-kundizzjonijiet kuntrattwali bejn l-entità relatriċi u s-sid tal-assi.

2.   Meta l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jirrappurtaw ikunu stabbilew telf jew ħsara straordinarji u mhux previsti għall-assi u r-riżervi msemmija fl-Artikolu 2, dik l-informazzjoni għandha tiġi rrappurtata minnufih lill-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri, kif ukoll il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi koperti mill-obbligu ta’ rappurtar stabbilit f’dan l-Artikolu, għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fi kwalunkwe verifika tal-informazzjoni riċevuta. Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li teħtieġ biex twettaq tali verifika. Meta tali talba tkun indirizzata lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħatha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti. Kwalunkwe informazzjoni li tasal għand il-Kummissjoni għandha tkun disponibbli għall-Istat Membru rilevanti.

4.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, jew riċevuta minnha u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’konformità ma’ dan l-Artikolu, għandha tintuża mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew riċevuta.

5.   Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolamenti (UE) 2016/679 (11) u (UE) 2018/1725 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u biss sa fejn ikun neċessarju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Salvagwardji

1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir mill-Federazzjoni Russa, mill-persuni ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2 jew minn persuni li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom. L-ebda deċiżjoni ġudizzjarja, arbitrali jew amministrattiva miksuba mill-Federazzjoni Russa, mill-persuni ġuridiċi, il-korpi u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 jew minn persuni li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom b’rabta mal-miżuri fl-Artikolu 2 ma għandha tiġi rikonoxxuta, mogħtija effett jew infurzata fl-Unjoni sakemm dan ir-Regolament jibqa’ fis-seħħ.

2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-obbligu tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jgħajjat lill-persuna li tkun qed tfittex l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.

3.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta’ prestazzjoni ta’ obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Rieżami

Sal-31 ta’ Diċembru 2026, u kull 12-il xahar wara, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta lill-Kunsill rapport dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. Dak ir-rieżami għandu jivvaluta wkoll jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi sinifikanti lir-Russja biex tkompli bl-azzjonijiet tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna jkomplix joħloq, jew jheddidx li joħloq, diffikultajiet ekonomiċi serji fl-Unjoni u fl-Istati Membri u jekk ir-riskju li jikkawża deterjorament serju ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Unjoni u fl-Istati Membri jippersistix.

Artikolu 6

Applikazzjoni temporanja tal-miżuri

1.   Il-miżuri fl-Artikoli 2 sa 4 għandhom ikunu temporanji. Dawn għandhom jinżammu sakemm it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi sinifikanti lir-Russja biex tkompli bl-azzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna joħloq, jew jhedded li joħloq, diffikultajiet ekonomiċi serji fl-Unjoni u fl-Istati Membri u r-riskju li jikkawża deterjorament serju ulterjuri tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Unjoni u fl-Istati Membri jippersisti. Għal dan il-għan, il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament ma għandhomx jibqgħu japplikaw meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

(b)

ir-Russja tipprovdi reparazzjonijiet lill-Ukrajna sa fejn ikun meħtieġ biex tippermetti r-rikostruzzjoni mingħajr konsegwenzi ekonomiċi jew finanzjarji negattivi għall-Unjoni; u

(c)

l-azzjonijiet tar-Russja fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna oġġettivament jieqfu milli joħolqu riskju serju ta’ diffikultajiet severi għall-ekonomija tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

2.   Għall-fini li tiġi żgurata n-natura temporanja tal-miżuri msemmija fl-Artikoli 2 sa 4 f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, b’kont meħud tar-rapport previst fl-Artikolu 5, għandu jemenda dan ir-Regolament, inkluż billi jadotta dispożizzjonijiet adatti, strettament meħtieġa u temporanji biex jiġi żgurat l-istralċ ordnat ta’ dawk il-miżuri, b’kont meħud tal-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-operaturi tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

Artikolu 7

Dispożizzjoni finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  (2023/C 101/03).

(2)  (C/2025/3602).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  JOIN(2025) 27 final.

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/55/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).

(8)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/138/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/909/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/648/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2600/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)