European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2595

19.12.2025

LINJA GWIDA (UE) 2025/2595 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta’ Diċembru 2025

dwar l-approċċ superviżorju mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-kopertura ta’ skoperturi mhux produttivi miżmuma minn entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni (BĊE/2025/40)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(5)(a) u (c) tiegħu,

Filwaqt li:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Huwa jissorvelja l-funzjonament tas-sistema u jiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ standards għoljin ta’ superviżjoni u l-konsistenza ta’ eżiti superviżorji fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti. Il-BĊE jista’ joħroġ linji gwida lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK), li għandhom jiġu osservati fit-twettiq ta’ kompiti superviżorji u fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet superviżorji mill-ANK.

(2)

Il-BĊE jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (2).

(3)

Filwaqt li l-ANK huma primarjament responsabbli għar-rieżami tal-arranġamenti, il-proċessi, il-mekkaniżmi u l-istrateġiji implimentati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma kklassifikati bħala inqas sinifikanti biex jiżguraw ġestjoni tajba u kopertura tar-riskji tagħhom — inklużi l-politiki ta’ proviżjonament tagħhom u t-trattament tal-assi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji — il-BĊE, fir-rwol ta’ sorveljanza tiegħu fi ħdan l-MSU, jenħtieġ li jippromwovi l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin fl-eżekuzzjoni ta’ tali rieżamijiet. F’dan il-kuntest, applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin għar-rieżami superviżorju tal-ġestjoni u l-kopertura ta’ skoperturi mhux produttivi (NPEs) għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni fl-MSU kollu tikkontribwixxi għall-objettivi usa’ li jiġi żgurat li: (a) approċċ superviżorju prudenzjali koerenti u effettiv fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Istati Membri parteċipanti; b) il-ktieb wieħed tar-regoli għas-servizzi finanzjarji jiġi applikat b’mod konsistenti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Istati Membri parteċipanti; u (c) l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Istati Membri parteċipanti huma soġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità.

(4)

L-iżgurar ta’ ġestjoni u kopertura adegwati tal-NPEs kien prijorità importanti fi ħdan l-MSU sa mill-bidu tiegħu. Il-BĊE segwa approċċ superviżorju għall-NPEs ibbażat fuq il-qafas imfassal mil-leġiżlatur tal-Unjoni, u b’kont meħud tal-linji gwida interpretattivi adottati mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Bħala parti minn dan l-approċċ superviżorju, il-BĊE kkomunika aspettattivi ta’ kopertura superviżorja għall-NPEs miżmuma minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni. Dawk l-aspettattivi jirreferu għall-NPEs fejn l-iskopertura tkun oriġinat qabel is-26 ta’ April 2019 u li għalhekk mhumiex soġġetti għar-rekwiżit ta’ tnaqqis skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għal entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni, il-kopertura ta’ tali NPEs sal-lum ma kenitx soġġetta għal prattiki superviżorji uniformi fl-MSU kollu. Il-kopertura tal-NPEs kienet soġġetta għall-approċċi definiti mill-ANK għall-attivitajiet superviżorji rispettivi tagħhom.

(5)

Kif muri mill-esperjenza miksuba mill-BĊE fil-kuntest tal-approċċ superviżorju segwit fir-rigward tal-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, kopertura suffiċjenti u f’waqtha tal-NPEs tippromwovi ġestjoni proattiva ta’ dawk l-iskoperturi, it-tnaqqis tal-istokk tagħhom, u l-livelli ta’ proviżjonament li huma proporzjonati mar-riskji assoċjati mal-età tagħhom u l-evoluzzjoni tal-ammonti rekuperabbli.

(6)

Għalhekk, l-approċċ superviżorju tal-ANK fir-rigward tal-kopertura tal-NPEs miżmuma minn entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni jenħtieġ li jkopri r-rieżami tal-politiki ta’ proviżjonament u t-trattament tal-assi f’termini tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji ta’ dawk l-entitajiet taħt superviżjoni.

(7)

Approċċ superviżorju bħal dan għall-kopertura tal-NPEs jitqies bħala għodda effettiva biex jittaffew żewġ riskji ewlenin. L-ewwel wieħed huwa l-persistenza ta’ stokks materjali ta’ NPEs b’età kbira (imsejħa wkoll NPEs legati) u kopertura limitata tal-provvisti, li jikkostitwixxu sorsi dejjiema ta’ aktar telf potenzjali u jirrestrinġu l-kapaċità tal-banek għal self ġdid. It-tieni wieħed huwa l-possibbiltà ta’ inkonsistenzi fit-trattament prudenzjali ta’ dawk l-NPEs li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ tnaqqis skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u dawk li mhumiex, meta dawk l-inkonsistenzi ma jkunux ġustifikati minn ċirkostanzi speċifiċi.

(8)

Dawk iż-żewġ riskji ewlenin huma materjali. Il-proporzjonijiet aggregati tal-NPEs kemm għal entitajiet sinifikanti kif ukoll għal dawk inqas sinifikanti taħt superviżjoni b’mod ġenerali wrew xejra ’l isfel sostnuta sa mill-bidu tal-MSU. Din ix-xejra kienet aktar evidenti għal entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u ntemmet fl-2024. Fid-dawl tal-proporzjonijiet tal-NPE potenzjalment urġenti mill-ġdid, jitqies li, minħabba l-livelli ġenerali sodisfaċenti ta’ kapital u ż-żmien twil li l-entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti reċentement kellhom biex jagħmlu progress fit-tnaqqis u l-kopertura tal-NPEs legati fuq inizjattiva tagħhom stess, approċċ superviżorju armonizzat tal-ANK fir-rigward tal-kopertura tal-NPEs miżmuma minn istituzzjonijiet inqas sinifikanti huwa proporzjonat għall-objettiv superviżorju li jiġu indirizzati ż-żewġ riskji ewlenin relatati ma’ dawk l-NPEs, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti għal żviluppi negattivi potenzjali fl-ambjent makroekonomiku u deterjorament assoċjat fil-kwalità tal-kreditu.

(9)

Biex jivvalutaw il-kopertura minn entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti ta’ skoperturi mhux produttivi li huma fl-ambitu ta’ din il-Linja Gwida, huwa meħtieġ li l-ANK jiksbu data dettaljata fir-rigward tal-kopertura ta’ tali skoperturi. Tali data mhijiex attwalment inkluża fl-informazzjoni li l-istituzzjonijiet huma meħtieġa jirrapportaw taħt ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 (4), u għaldaqstant l-ANK għandhom jenħtieġu li l-entitajiet taħt supervivżjoni inqas sinifikanti jirrapportawha għal kull data ta’ referenza ta’ rapportar rilevanti,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din il-Linja Gwida tispeċifika l-approċċ superviżorju li l-ANK għandhom jużaw għar-rieżami tal-politiki ta’ proviżjonament u t-trattament tal-assi f’termini tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fl-istess Stat Membru bħall-ANK rilevanti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida, id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandhom japplikaw. Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

(1)

“data ta’ referenza tar-rapportar” tfisser il-31 ta’ Diċembru ta’ sena kalendarja partikolari;

(2)

“skopertura mhux produttiva fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida” tfisser skopertura li tissodisfa l-kundizzjonijiet għal deroga mill-Artikolu 36(1), il-punt (m), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif previst fl-Artikolu 469a ta’ dak ir-Regolament;

(3)

“garanzija teknika” tfisser, fir-rigward ta’ skopertura, garanzija li tiggarantixxi l-kapaċità tad-debitur li jikkonforma ma’ obbligi kuntrattwali mhux ekonomiċi bħall-provvista ta’ oġġetti jew l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet lejn parti terza u li ma għandhiex il-karattru ta’ sostituzzjoni ta’ kreditu.

Artikolu 3

Istituzzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-ANK għandhom japplikaw l-approċċ superviżorju stabbilit f’din il-Linja Gwida fir-rigward tal-entitajiet inqas sinifikanti kollha taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, ANK tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax l-approċċ superviżorju stabbilit f’din il-Linja Gwida għal entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni għal data ta’ referenza ta’ rapportar partikolari jekk din l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni:

(a)

l-ammont riportat gross totali ta’ self u avvanzi mhux produttivi tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni jirrappreżenta inqas minn 5 % tal-ammont riportat gross totali ta’ self u avvanzi tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni. Fil-kalkolu tal-proporzjon uniku li għandu jiġi vvalutat kontra l-limitu ta’ 5 %, self u avvanzi kklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ, bilanċi ta’ flus f’banek ċentrali u depożiti ta’ domanda oħrajn għandhom jiġu esklużi kemm mid-denominatur kif ukoll min-numeratur;

(b)

l-ammont totali ta’ skoperturi mhux produttivi tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni fl-ambitu ta’ din il-Linja Gwida kif definit fl-Artikolu 2(2) jirrappreżenta sehem insinifikanti tal-ammont totali ta’ skoperturi mhux produttivi tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni;

(c)

l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni tkun soġġetta għal proċess ta’ stralċ ordnat kontinwu;

(d)

l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni tkun soġġetta għal fużjoni kontinwa ma’ entità taħt superviżjoni oħra, jew qiegħda fil-proċess li tiġi akkwistata minn entità taħt superviżjoni oħra;

(e)

l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni hija “ristrutturatur tad-dejn speċjalizzat” kif definit fl-Artikolu 36(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f)

l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni hija soġġetta għal ċirkostanzi speċifiċi u fattwali li, fil-fehma tal-ANK rilevanti, jagħmlu l-applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida mhux xierqa, filwaqt li jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

3.   Wara l-valutazzjoni tagħhom tal-paragrafu 2, il-punti (a) sa (f), l-ANK għandhom għaldaqstant jinfurmaw lill-entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fl-Istati Membri rispettivi tagħhom li għalihom il-qafas stabbilit f’din il-Linja Gwida, u r-rekwiżiti ta’ rapportar assoċjati definiti fl-Artikolu 7, japplikaw għal data ta’ referenza tar-rapportar partikolari.

4.   L-ANK għandhom jinfurmaw lill-BĊE fuq bażi regolari dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet applikati skont il-paragrafu 2, inklużi l-valutazzjonijiet sottostanti tal-ANK ikkonċernati.

Artikolu 4

Skoperturi fil-kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-ANK għandhom japplikaw l-approċċ superviżorju stabbilit f’din il-Linja Gwida fir-rigward ta’ skoperturi mhux produttivi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida.

2.   Skoperturi sottostanti ta’ titolizzazzjonijiet tradizzjonali jew sintetiċi għandhom jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin fir-rigward ta’ dawk l-iskoperturi:

(a)

l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni tkun kisbet trasferiment tar-riskju sinifikanti (SRT) f’konformità mal-Artikolu 244(1), il-punt (a), jew l-Artikolu 245(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

l-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni ssegwi l-approċċ ta’ tnaqqis sħiħ f’konformità mal-Artikolu 244(1), il-punt (b), jew l-Artikolu 245(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   Fuq talba ta’ entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni, l-ANK jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 5 għal skoperturi individwali jew portafolli ta’ skoperturi abbażi ta’ ċirkostanzi speċifiċi murija minn evidenza dettaljata u robusta sottomessa mill-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni. Fuq il-bażi tal-evidenza msemmija, l-ANK għandhom jivvalutaw u jiddeċiedu dwar it-talba tal-entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

4.   Għall-fini tal-paragrafu 3, iċ-ċirkostanzi speċifiċi għandhom jinkludu kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

pagamenti regolari kontinwi tal-kapital u tal-imgħax, ibbażati fuq il-flussi tal-flus tad-debitur uffiċjali, se jwasslu għal ripagament sħiħ;

(b)

il-kopertura tal-NPEs, flimkien mar-rekwiżiti kapitali tal-Pilastru 1 għar-riskju ta’ kreditu, tirriżulta f’aktar minn 100 % tal-iskopertura li tkun koperta;

(c)

l-iskopertura hija relatata ma’ garanziji tekniċi.

Artikolu 5

Valutazzjoni tal-kopertura tal-NPE

1.   L-ANK għandhom jivvalutaw il-kopertura inqas sinifikanti tal-entitajiet taħt superviżjoni ta’ skoperturi mhux produttivi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida abbażi tal-ammont iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 47c(1), il-punt (a), moqri flimkien mal-Artikolu 47c(2), (3), u (4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Fid-determinazzjoni tal-ammonti ta’ kopertura tal-entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li għandhom jiġu vvalutati skont l-ammont speċifikat fil-paragrafu 1, l-ANK għandhom iqisu l-entrati elenkati fl-Artikolu 47c(1), il-punti (b) (i) sa (vi), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 6

Użu fil-proċess superviżorju

1.   L-ANK għandhom jużaw l-eżiti tal-valutazzjonijiet tagħhom tal-kopertura tal-entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti ta’ skoperturi mhux produttivi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida bħala parti mill-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji msemmi fl-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew utal-Kunsill (6).

2.   Jekk, wara li tqis kif xieraq iċ-ċirkostanzi speċifiċi ppreżentati minn entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni, ANK Issib li l-kopertura ta’ skoperturi mhux produttivi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida ma tkunx biżżejjed, hija għandha tikkunsidra li tadotta miżura superviżorja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE jew setgħat superviżorji ekwivalenti disponibbli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Artikolu 7

Rekwiżiti ta’ rapportar

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-valutazzjoni deskritta fl-Artikolu 5, l-ANK għandhom jirrikjedu li entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni jirrapportaw data dettaljata dwar il-kopertura tal-iskoperturi mhux produttivi tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Linja Gwida għal kull data ta’ referenza tar-rapportar.

2.   Il-mudelli li għandhom jintużaw għar-rapportar imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jitħejjew mill-BĊE f’kooperazzjoni mal-ANK.

3.   L-ANK għandhom jikkondividu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u sottomessa lilhom minn entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni mal-BĊE għall-użu bħala parti mill-mandat ta’ sorveljanza tiegħu.

Artikolu 8

Arranġamenti tranżitorji

1.   L-ANK għandhom jivvalutaw il-kopertura tal-NPEs skont l-Artikolu 5 ta’ din il-Linja Gwida mid-data ta’ referenza tar-rapportar tal-31 ta’ Diċembru 2028.

2.   Permezz ta’ deroga, għall-ewwel tliet dati ta’ referenza tar-rapportar wara n-notifika ta’ din il-Linja Gwida lill-ANK għandu japplika dan li ġej:

(a)

għall-fini tal-valutazzjoni tal-kopertura tal-NPEs imsemmija fl-Artikolu 5(1) għad-data ta’ referenza tar-rapportar tal-31 ta’ Diċembru 2025

(i)

il-fattur speċifikat fl-Artikolu 47c(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi sostitwit b’ 0,60;

(ii)

il-fatturi speċifikati fl-Artikolu 47c(3), il-punti (d) sa (i), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu sostitwiti b’ 0,60;

(iii)

il-fattur ta’ 1 speċifikat fl-Artikolu 47c(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi sostitwit b’ 0,60;

(b)

Għall-fini tal-valutazzjoni tal-kopertura tal-NPEs imsemmija fl-Artikolu 5(1) għad-data ta’ referenza tar-rapportar tal-31 ta’ Diċembru 2026

(i)

il-fattur speċifikat fl-Artikolu 47c(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi sostitwit b’ 0,70;

(ii)

il-fatturi speċifikati fl-Artikolu 47c(3), il-punti (e) sa (i), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi sostitwit b’ 0,70;

(iii)

il-fattur ta’ 1 speċifikat fl-Artikolu 47c(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi sostitwit b’ 0,70;

(c)

Għall-fini tal-valutazzjoni tal-kopertura tal-NPEs imsemmija fl-Artikolu 5(1) għad-data ta’ referenza tar-rapportar tal-31 ta’ Diċembru 2027

(i)

il-fattur speċifikat fl-Artikolu 47c(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi sostitwit b’ 0,80;

(ii)

il-fattur speċifikat fl-Artikolu 47c(3), il-punt (g) sa (i), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi sostitwit b’ 0,80;

(iii)

il-fattur ta’ 1 speċifikat fl-Artikolu 47c(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi sostitwit b’ 0,80.

3.   B’deroga mill-Artikolu 6 ta’ din il-Linja Gwida, għall-ewwel data ta’ referenza tar-rapportar wara n-notifika ta’ din il-Linja Gwida lill-ANK, ANK tista’ tiddeċiedi li ma tużax l-eżiti tal-valutazzjoni tal-kopertura ta’ skoperturi mhux produttivi tal-entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti bħala parti mill-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-ANK tal-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 10

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-ANK tal-Istati Membri parteċipanti u lill-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1024/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/468/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju tal-istituzzjonijiet u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (ĠU L 97, 19.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/451/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għ0al titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2402/oj).

(6)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2025/2595/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)