European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2588

15.12.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2588

tal-15 ta’ Diċembru 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna qawwija tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u afferma mill-ġdid l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha. Il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-isforzi biex tkompli tiġi limitata l-kapaċità tar-Russja li tiġġieled gwerra jridu jkomplu. Huwa esprima wkoll ir-rieda tal-Unjoni li żżid il-pressjoni fuq ir-Russja, inkluż billi timponi aktar sanzjonijiet.

(3)

Fid-dawl tal-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa li għadha għaddejja u qed teskala kontra l-Ukrajna, u b’mod partikolari l-kampanja militari brutali reċenti tagħha mmirata deliberatament lejn l-infrastruttura ċivili, inkluż il-faċilitajiet tal-enerġija, tal-ilma u tas-saħħa, li kkawżat tbatija serja lill-popolazzjoni ċivili u li għandha l-għan li ddgħajjef ir-reżiljenza tal-Ukrajna, il-Kunsill iqis li huwa neċessarju li jiġu adottati aktar miżuri restrittivi.

(4)

B’mod partikolari, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li 5 persuni u 4 entitajiet responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/269/oj.


ANNESS

Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1981.

Murtaza Ali LAKHANI

Funzjoni: Negozjant

Data tat-twelid: Marzu 1962

Post tat-twelid: Pakistan

Nazzjonalità: Pakistana; Kanadiża

Sess: raġel

Murtaza Lakhani huwa negozjant b’interessi fis-settur taż-żejt. Permezz tal-kumpaniji tiegħu, qed jiffaċilita l-vjeġġi u l-esportazzjoni taż-żejt Russu, b’mod partikolari mill-kumpanija taż-żejt Russa proprjetà tal-Istat Rosneft. B’mod partikolari, Murtaza Lakhani jikkontrolla bastimenti li jittrasportaw żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi li joriġinaw mir-Russja jew li qed jiġu esportati mir-Russja, filwaqt li jbaħħru b’mod irregolari li huwa ta’ riskju għoli. Dawn il-prattiki jinkludu li ma jkollhomx assigurazzjoni ta’ responsabilità ċivili xierqa, li jwettqu operazzjonijiet mhux sikuri, li intenzjonalment jieħdu miżuri biex jevitaw id-detezzjoni tal-bastiment, bħal jitfu s-Sistemi ta’ Identifikazzjoni Awtomatika, jew ma joperawx taħt politika ta’ governanza korporattiva trasparenti. Barra minn hekk, is-settur tal-enerġija, b’mod partikolari s-settur taż-żejt, huwa settur li jipprovdi sors ta’ dħul sostanzjali lill-Gvern Russu.

Għalhekk, Murtaza Lakhani huwa involut f’settur ekonomiku li jipprovdi sors ta’ dħul sostanzjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa qed jikkontrolla wkoll bastimenti li jittrasportaw żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi li joriġinaw mir-Russja jew li qed jiġu esportati mir-Russja, filwaqt li jbaħħru b’mod irregolari li huwa ta’ riskju għoli kif stipulat fir-Riżoluzzjoni A.1192(33) tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

15.12.2025

1982.

Valery KILDIYAROV

Funzjoni: Maniġer ta’ Alghaf Marine DMCC; direttur tal-finanzi ta’ Litasco Middle East DMCC

Sess: raġel

Valery Kildiyarov huwa maniġer ta’ Alghaf Marine DMCC, u d-direttur tal-finanzi ta’ Litasco Middle East DMCC. Iż-żewġ kumpaniji jfornu volumi sinifikanti ta’ żejt mhux maħdum Russu. Is-settur tal-enerġija, b’mod partikolari s-settur taż-żejt, huwa settur li jipprovdi sors ta’ dħul sostanzjali lill-Gvern Russu.

Għalhekk, Valery Kildiyarov huwa involut f'settur ekonomiku li jipprovdi sors ta' dħul sostanzjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Barra minn hekk, Valery Kildiyarov huwa assoċjat ma' Litasco Middle East DMCC.

15.12.2025

1983.

Anar MADATLI

Funzjoni: Azzjonist fi u Direttur ta’ 2Rivers Group

Anar Madatli huwa azzjonist fi u direttur ta’ 2Rivers Group, kumpanija li tinnegozja fiż-żejt ibbażata fl-Emirati Għarab Magħquda, li qabel kienet magħrufa bħala ‘Coral Energy’. Mill-2024, l-ishma tal-kumpanija huma miżmuma minn tliet maniġers tal-kumpanija – Talat Safarov, Ahmed Kerimov u Anar Madatli. 2Rivers Group tiffaċilita l-vjeġġi u l-esportazzjoni taż-żejt Russu, b’mod partikolari mill-kumpanija taż-żejt tal-Istat Russu, Rosneft, billi taħbi l-oriġini reali taż-żejt. B’mod partikolari, 2Rivers Group tikkontrolla proporzjon kbira mill-bastimenti fl-hekk imsejħa ‘flotta mistura’ tar-Russja. Irrispettivament mill-bidla fl-isem u fis-sjieda tagħha, 2Rivers Group għadha topera l-istess network bħal Coral Energy, li jinkludi entitajiet assoċjati bħal Nord Axis u Bellatrix, kif jidher mill-konnessjoni bejn is-sidien preċedenti u l-maniġment il-ġdid. Barra minn hekk, is-settur tal-enerġija, b’mod partikolari s-settur taż-żejt, huwa settur li jipprovdi dħul sostanzjali lill-Gvern Russu.

Għalhekk, Anar Madatli huwa involut f’settur ekonomiku li jipprovdi sors ta’ dħul sostanzjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.

15.12.2025

1984.

Talat SAFAROV

Funzjoni: Azzjonist fi u Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ 2Rivers Group

Nazzjonalità: Ażerbajġana

Sess: raġel

Indirizz: 301 JBC 4, Jumeriah Lake Towers Dubai, UAE; 336 Smith Street #04-304, New Bridge Centre Singapore 050336; 409 Platinum Tower, Jumeirah Lake Towers, Dubai United Arab Emirates

Individwi assoċjati: Ahmed KERIMOV; Anar MADATLI

Entitajiet assoċjati: 2Rivers PTE LTD; 2Rivers DMCC

Posta elettronika: talat.safarov@coralenergy.ch

Talat Safarov huwa azzjonist u għandu pożizzjoni maniġerjali (Uffiċjal Kap Eżekuttiv) f’2Rivers Group, grupp li jinnegozja fiż-żejt ibbażat fl-Emirati Għarab Magħquda, li qabel kien magħruf bħala ‘Coral Energy’ u li jiffaċilita l-vjeġġi u l-esportazzjoni taż-żejt Russu, b’mod partikolari mill-kumpanija taż-żejt Russa proprjetà tal-Istat Rosneft, billi jaħbi l-oriġini reali taż-żejt. Mill-2024, l-ishma tal-kumpanija huma miżmuma minn tliet maniġers tal-kumpanija (Talat Safarov, Ahmed Kerimov u Anar Madatli). B’mod partikolari, 2Rivers Group tikkontrolla proporzjon kbira mill-bastimenti fl-hekk imsejħa ‘flotta mistura’ tar-Russja. Irrispettivament mill-bidla fl-isem u fis-sjieda tagħha, 2Rivers Group għadha topera l-istess network bħal Coral Energy, li jinkludi entitajiet assoċjati bħal Nord Axis u Bellatrix, kif jidher mill-konnessjoni bejn is-sid preċedenti u l-maniġment il-ġdid. Barra minn hekk, is-settur tal-enerġija, b’mod partikolari s-settur taż-żejt, huwa settur li jipprovdi dħul sostanzjali lill-Gvern Russu.

Għalhekk, Talat Safarov qed ifixkel b’mod sinifikanti d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u tar-Regolament (UE) Nru 833/2014. Permezz tal-pożizzjoni azzjonarja u maniġerjali tiegħu f’2Rivers Group (qabel ‘Coral Energy’), huwa involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors ta’ dħul sostanzjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.

15.12.2025

1985.

Etibar EYYUB

(magħruf ukoll bħala Akin KOCAK)

Post tat-twelid: Azerbaijan

Nazzjonalità: Ażerbajġana

Sess: raġel

Etibar Eyyub waqqaf u jmexxi network ta’ kumpaniji inkluż Coral Energy (aktar tard 2Rivers Group). Permezz ta’ dan in-network ta’ kumpaniji, huwa jippermetti l-vjeġġi u l-esportazzjonijiet taż-żejt Russu, b’mod partikolari mill-kumpanija taż-żejt Russa proprjetà tal-Istat Rosneft, billi jaħbi l-oriġini reali taż-żejt. B’mod partikolari, in-network 2Rivers jikkontrolla u juża l-parti l-kbira tal-bastimenti fl-hekk imsejħa ‘flotta mistura’ tar-Russja.

Għalhekk, Etibar Eyyub qed ifixkel b’mod sinifikanti d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u tar-Regolament (UE) Nru 833/2014. Hu involut ukoll f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.

15.12.2025”

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“684.

Nova Shipmanagement LLC-FZ

Indirizz: 6th Floor, Meydan Grandstand, Al Meydan Road, Nad Al Sheba, Dubai, United Arab Emirates

Tip ta’ entità: Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata

Post tar-reġistrazzjoni: United Arab Emirates

OMI: 0055652

Nova Shipmanagement L.L.C – FZ hija kumpanija tat-tbaħħir ibbażata fl-Emirati Għarab Magħquda, li timmaniġġa tankers li jittrasportaw żejt mhux maħdum Russu, anke għal finijiet ta’ esportazzjoni.

Diversi tankers immaniġġati minn Nova Shipmanagement L.L.C – FZ jagħmlu parti mill-hekk imsejħa ‘flotta mistura’ tar-Russja, u huma involuti fi prattiki tat-tbaħħir ta’ riskju għoli filwaqt li jittrasportaw żejt mhux maħdum Russu. B’mod partikolari, hija timmaniġġa tankers li qabel kienu mmaniġġati mill-grupp Sovcomflot, bħall-bastimenti Arrow (OMI: 9413561), Amulet (OMI: 9413547) u Bobcat (OMI: 9422457).

Għalhekk, Nova Shipmanagement L.L.C – FZ qed tikkontrolla u timmaniġġa bastimenti li jittrasportaw żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi li joriġinaw mir-Russja jew li qed jiġu esportati mir-Russja, filwaqt li jbaħħru b’mod irregolari li huwa ta’ riskju għoli kif stipulat fir-Riżoluzzjoni A.1192(33) tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

15.12.2025

685.

Citrine Marine SPC

Indirizz: C/O: Nova Shipmanagement LLC-FZ, 6th Floor, Meydan Grandstand, Al Meydan Road, Nad Al Sheba, Dubai, United Arab Emirates

Tip ta’ kumpanija: Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata

Post tar-reġistrazzjoni: United Arab Emirates

OMI: 0138716

Citrine Marine SPC hija kumpanija tat-tbaħħir ibbażata fl-Emirati Għarab Magħquda, u hija proprjetarja ta’ tankers li jittrasportaw żejt mhux maħdum Russu, anke għal finijiet ta’ esportazzjoni.

Diversi tankers li jappartjenu lil Citrine Marine SPC huma mmaniġġati minn Nova Shipmanagement LLC–FZ; it-tnejn għandhom l-istess indirizz fl-Emirati Għarab Magħquda. Il-vapuri jagħmlu parti mill-hekk imsejħa ‘flotta mistura’ tar-Russja, u huma involuti fi prattiki tat-tbaħħir ta’ riskju għoli filwaqt li jittrasportaw żejt mhux maħdum Russu. B'mod partikolari, Citrine Marine SPC timmaniġġa tankers li qabel kienu mmaniġġati mill-grupp Sovcomflot, bħall-bastimenti Arrow (OMI: 9413561), Amulet (OMI: 9413547) u Bobcat (OMI: 9422457).

Għalhekk, Citrine Marine SPC hija l-proprjetarja ta’ bastimenti li jittrasportaw żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi li joriġinaw mir-Russja jew li qed jiġu esportati mir-Russja, filwaqt li jbaħħru b’mod irregolari li huwa ta’ riskju għoli kif stipulat fir-Riżoluzzjoni A.1192(33) tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Barra minn hekk, Citrine Marine SPC hija assoċjata ma’ Nova Shipmanagement LLC–FZ.

15.12.2025

686.

Hung Phat Maritime Trading

magħruf ukoll bħala HPMT

Indirizz: Service Zone No. 04, Level 06, R2 Tower, The Everrich Building, No. 968 3/2 Street, Word 15, District 11, Ho Chi Minh City, Vietnam

Post tar-reġistrazzjoni: Vietnam

Data tar-reġistrazzjoni: 24.2.2011

OMI: 6198018

Hung Phat Maritime Trading hija kumpanija li hija proprjetarja ta’ jew timmaniġġa tankers li huma soġġetti għal miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni u minn pajjiżi oħra talli jagħmlu parti mill-hekk imsejħa ‘flotta mistura’ tar-Russja, u talli jittrasportaw żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi filwaqt li jbaħħru b’mod irregolari li huwa ta’ riskju għoli.

Għalhekk, Hung Phat Maritime Trading hija l-proprjetarja ta’ u timmaniġġa bastimenti li jittrasportaw żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi li joriġinaw mir-Russja jew li qed jiġu esportati mir-Russja, filwaqt li jbaħħru b’mod irregolari li huwa ta’ riskju għoli kif stipulat fir-Riżoluzzjoni A.1192(33) tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Barra minn hekk, Hung Phat Maritime Trading qed tagħti appoġġ tekniku lill-operazzjonijiet ta’ dawn il-bastimenti.

15.12.2025

687.

SeverTransBunker Company Limited

Indirizz: Office 207A, Lit A, ul Yakornaya 13, Saint Petersburg, 195027, Russian Federation; Office 601, prospect Budyonnovskiy 2, Rostov-on-Don, 344002, Russian Federation

OMI: 6197187

SeverTransBunker Company Limited hija kumpanija tat-tbaħħir ibbażata fir-Russja li hija proprjetarja ta’ u timmaniġġa tankers. Il-kumpanija hija rreġistrata bħala s-Sid Benefiċjarju ta’ diversi bastimenti li jittrasportaw żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi li joriġinaw mir-Russja jew li qed jiġu esportati mir-Russja, filwaqt li jbaħħru b’mod irregolari li huwa ta’ riskju għoli kif stipulat fir-Riżoluzzjoni A.1192(33) tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

15.12.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2588/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)