|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2586 |
16.12.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2586
tal-15 ta’ Diċembru 2025
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 (1). |
|
(2) |
B’kont meħud tal-kriżi politika dejjem aktar profonda fil-Venezwela, kif ukoll l-azzjonijiet persistenti li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, inkluż b’rabta mat-twettiq u l-iżviluppi wara l-elezzjonijiet presidenzjali tat-28 ta’ Lulju 2024, f’dak il-pajjiż, u abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni jiġġeddu sal-10 ta’ Jannar 2027. |
|
(3) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu aġġornati l-entrati għal erba’ persuni fiżiċi li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074. |
|
(4) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 13, fl-ewwel paragrafu, id-data “10 ta’ Jannar 2026” hija sostitwita għal “10 ta’ Jannar 2027”; |
|
(2) |
l-Anness I jiġi emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2074/oj).
ANNESS
Fl-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074, fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, l-entrati 2, 11, 31 u 37 huma sostitwiti b’dan li ġej:
|
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“2. |
Gustavo Enrique GONZÁLEZ LÓPEZ |
Data tat-twelid: 2.11.1960 Sess: raġel |
President ta’ Petróleos de Venezuela (PDVSA). Direttur Ġenerali tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN) bejn April 2019 u Ottubru 2024. Konsulent dwar is-Sigurtà u l-Intelligence tal-President Maduro minn Jannar 2019, u Direttur Ġenerali ta’ SEBIN minn Frar 2014 sa Ottubru 2018. Matul iż-żminijiet li serva bħala direttur ta’ SEBIN, uffiċjali taħt l-awtorità aħħarija tiegħu wettqu atti ta’ detenzjoni arbitrarja, tortura u trattament krudili u inuman, inkluż vjolenza sesswali, fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ El Helicoide. Bħala Direttur Ġenerali ta’ SEBIN, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem inkluż detenzjoni arbitrarja, trattament inuman u degradanti, u tortura u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela. |
22.1.2018 |
|
11. |
Iván HERNÁNDEZ DALA |
Data tat-twelid 18.5.1966 Sess: raġel |
President tan-National Telephone Company of Venezuela (Cantv). Maġġur Ġeneral fil-FANB. Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal- tal-Counter-Intelligence Militari (DGCIM) bejn Jannar 2014 u Ottubru 2024 u Kap tal-Gwardja Presidenzjali bejn Settembru 2015 u Ottubru 2024. Bħala l-Kap tad-DGCIM, Iván Hernández Dala huwa responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, inkluż tortura, l-użu ta’ forza eċċessiva u l-maltrattament tad-detenuti. |
25.6.2018 |
|
31. |
Jorge Elieser MÁRQUEZ MONSALVE |
Data tat-twelid: 20.2.1971 Post tat-twelid: Caracas, Venezwela Numru tal-ID: V-8714253 Sess: raġel |
Ministru għall-Elettriku u Viċi President għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Utilitajiet mit-23 ta’ April 2024 ’l hawn. Eks Ministru għall-Uffiċċju tal-Presidenza u Direttur Ġenerali tan-National Commission of Telecommunications (CONATEL) mis-7 ta’ Awwissu 2017 ’l hawn. L-azzjonijiet tiegħu dgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi llimita serjament id-drittijiet tal-poplu Venezwelan għal-libertà tal-istampa, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni. Huwa uża s-setgħat speċjali tal-CONATEL biex isikket il-kritika u d-dissidenti lejn ir-reġim billi mblokka, iffiltra u ostakola s-siti web tal-Internet, billi rrevoka l-liċenzji eżistenti għall-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u billi rrifjuta li jingħataw liċenzji ġodda. |
29.6.2020 |
|
37. |
Remigio CEBALLOS ICHASO |
Data tat-twelid: 1.5.1963 Numru tal-ID: V-6557495 Sess: raġel |
Ambaxxatur tal-Venezwela għaċ-Ċina. Eks Ministru għall-Intern u l-Ġustizzja tal-Venezwela (Awwissu 2021 – Awwissu 2024) u Viċi President tal-Gvern għas-Sigurtà taċ-Ċittadini. Eks Kmandant tal-Kmand Operazzjonali u Strateġiku tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani tal-Venezwela (Comando Estratégico Operacional Fuerzas Armadas Nacionales Bolivarianas (CEOFANB)), l-ogħla organu fil-Forzi Armati Venezwelani (Ġunju 2017 – Lulju 2021). Is-CEOFANB jikkontrolla l-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani (FANB) u l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Is-CEOFANB huwa wkoll responsabbli għall-koordinazzjoni tal-interventi tal-FANB fid-dimostrazzjonijiet. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Kmandant tas-CEOFANB, huwa kien responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ta’ forza eċċessiva u t-trattament inuman u degradanti minn uffiċjali tal-FANB u minn forzi subordinati taħt il-kmand tiegħu, inkluż il-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Sorsi varji, inkluż il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, jattribwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem lill-FANB u lill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. |
22.2.2021”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2586/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)