|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2577 |
22.12.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2577
tat-18 ta’ Diċembru 2025
li tagħti deroga mitluba minn ċerti Stati Membri u mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għar-Rilaxx 3 tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2
(notifikata bid-dokument C(2025) 8768)
(It-testi bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Litwan, bit-Taljan u bl-Ungeriż biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) flimkien mal-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jirrikjedi li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħażna ta’ din l-informazzjoni, kif teżiġi l-leġiżlazzjoni doganali, isiru bl-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data. Għal dan il-fini u f’konformità mal-Artikolu 6(2) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni tfassal rekwiżiti komuni tad-data. |
|
(2) |
L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet, f’każijiet eċċezzjonali, biex Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jidderogaw mill-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni jekk tali deroga tkun ġustifikata mis-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru rikjedenti u tingħata għal perjodu speċifiku ta’ żmien. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 (2) tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-programm ta’ ħidma”). Il-programm ta’ ħidma jelenka s-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu żviluppati u d-dati meta dawk is-sistemi mistennija jsiru operattivi. Fost oħrajn, dak il-programm jispeċifika l-implimentazzjoni u l-perjodu tat-tnedija tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (“ICS2”) f’konformità mal-Artikolu 6(1), u l-Artikoli 16, 46, 47 u 127 sa 132, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(4) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 278(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jispeċifika l-iskadenza sa meta mezzi għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet rigward id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u l-analiżi tar-riskju f’relazzjoni mad-dħul ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (3) u l-Artikolu 13 tal-Qafas ta’ Windsor (4), ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq huwa intitolat ukoll li jitlob deroga skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(6) |
F’konformità mal-programm ta’ ħidma, l-Istati Membri għandhom ikunu lesti sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2025 biex jiskambjaw u jaħżnu d-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul (“ENS”, entry summary declarations) miġbura mill-operaturi ekonomiċi għall-merkanzija ttrasportata bit-triq u bil-ferrovija, inkluża l-merkanzija f’kunsinni postali ttrasportati b’dawn il-mezzi ta’ trasport. Minn din id-data, li hija t-tmiem tal-perjodu tat-tnedija tal-pass 3 tar-rilaxx 3 tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 tal-KDU (“ICS2”), l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jaqbdu mas-sistema u, mid-data tal-konnessjoni tagħhom, jitolbuhom jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul billi jużaw dik is-sistema. |
|
(7) |
Madankollu, fl-Unjoni Ewropea ħarġu fid-dieher diversi ċirkustanzi speċifiċi u l-effetti kontinwi tagħhom. Il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna u l-ħtieġa li jiġi żgurat funzjonament mingħajr interruzzjoni tal-korsiji ta’ Solidarjetà Ukreni, il-ħtieġa li l-ICS2 tiġi integrata mas-sistemi tal-fruntieri intelliġenti, l-għadd kbir ta’ operaturi ekonomiċi li għandhom diffikultajiet biex jiksbu reġistrazzjoni minn Stat Membru għall-konnessjoni mas-sistemi tal-IT, il-kumplessità u s-sinifikat uniċi tal-introduzzjoni tas-sistema ICS2 u r-riżorsi meħtieġa għall-interoperabbiltà mas-sistemi u l-interfaċċi nazzjonali, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi, kif ukoll in-natura speċifika u kumplessa tal-mekkaniżmi tat-trasport affettwati minn din l-introduzzjoni, li tinkludi forom multimodali, urew li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lil xi Stati Membri u lil operaturi ekonomiċi aktar minn oħrajn. L-Istati Membri affettwati huma dawk li għalihom is-sigurtà u s-sikurezza, relatati mat-trasport ta’ merkanzija bit-triq u bil-ferrovija, huma ta’ tħassib kbir u għalhekk dawn l-Istati Membri jeħtieġu soluzzjoni robusta biex jiżguraw iċ-ċertezza legali, il-kontinwità tan-negozju u tranżizzjoni bla xkiel biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Rilaxx 3 tal-ICS2, il-pass 3. |
|
(8) |
Dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi żammew lil ċerti Stati Membri, u lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, milli jimplimentaw ir-rekwiżiti l-ġodda tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul mirfuda mill-Pass 3 tar-Rilaxx 3 tal-ICS2 sal-1 ta’ Settembru 2025. Għalhekk, f’Awwissu 2025, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Finlandja u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, talbu formalment li jużaw mezzi għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(9) |
F’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, jenħtieġ li tali derogi ma jaffettwawx l-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawk li lilhom tkun indirizzata u Stati Membri oħra u lanqas ma jaffettwaw l-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni fi Stati Membri oħra, jew fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. |
|
(10) |
L-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Finlandja u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq iridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul skont ir-Rilaxx 3 tal-ICS2 fir-rigward tal-merkanzija ttrasportata bit-triq u bil-ferrovija bħala parti mill-proċess ta’ rapportar tal-progress stabbilit fl-Artikolu 278a tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Għandhom jiġu żgurati wkoll il-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-ippjanar nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2879. |
|
(11) |
Minħabba s-sinifikat tas-sistema ICS2 fl-istabbiliment ta’ approċċ integrat tal-Unjoni biex tissaħħaħ il-ġestjoni tar-riskju doganali u biex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza ta’ qabel il-wasla, filwaqt li jiġi ffaċilitat il-fluss liberu tal-kummerċ leġittimu, kif ukoll minħabba n-natura u l-kumplessità tas-sistema ICS2, il-bidliet meħtieġa għall-allinjament mar-rekwiżiti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom riperkussjonijiet ukoll fuq sistemi tal-IT relatati jew dipendenti oħra. Għalhekk jenħtieġ li d-durata tad-deroga tinżamm għal minimu strett. Fid-dawl ta’ dan u wara li jitqiesu l-impatti taċ-ċirkostanzi speċifiċi li kkawżaw dewmien fl-iżviluppi tal-IT li għaddejjin bħalissa tar-Rilaxx 3 tal-ICS 2 fl-Istati Membri u l-istat attwali ta’ dawk l-iżviluppi, id-deroga jenħtieġ li ddum sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025. |
|
(12) |
Peress li t-tmiem tal-perjodu tat-tnedija għall-pass 3 tar-rilaxx 3 tal-ICS2 huwa l-1 ta’ Settembru 2025, jenħtieġ għalhekk li din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tapplika minn dik id-data, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Finlandja u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, jistgħu jużaw mezzi għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data skont il-komponent komuni tar-rilaxx 3 tas-sistema elettronika prevista fl-Artikolu 182 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5) (“ICS2”), dment li l-użu ta’ mezzi għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data ma jaffettwax l-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawk li lilhom tkun indirizzata u Stati Membri oħra, jew ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, u lanqas ma jaffettwa l-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni fi Stati Membri oħra, jew ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali.
2. Għall-finijiet ta’ konformità mal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri, u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, għandhom jużaw is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 1 (“ICS1”) għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, f’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
3. L-uffiċċju doganali ta’ Stat Membru, jew tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, li lilu tingħata deroga prevista fil-paragrafu 1 għandu jikkomunika r-riżultati tal-kontroll imwettaq minnu lil awtoritajiet doganali oħra tal-Istati Membri, jew tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 186(7a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, permezz tal-użu tas-sistema elettronika CRMS imsemmija fl-Artikolu 36(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Ungerija, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 tal-15 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L, 2023/2879, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2879/oj).
(3) Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign).
(4) Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti relatati mal-Qafas ta’ Windsor (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 61, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/819/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2577/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)