European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2552

18.12.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2552

tas-17 ta’ Diċembru 2025

li tagħti deroga lil ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħrajn għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għas-sistema ta’ Prova tal-Istatus tal-Unjoni

(notifikata bid-dokument C(2025) 8738)

(It-testi bil-Bulgaru, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Sloven u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) flimkien mal-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħażna ta’ tali informazzjoni, kif teżiġi l-leġiżlazzjoni doganali, għandhom isiru bl-użu ta’ tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 (2) tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-programm ta’ ħidma”). Il-programm ta’ ħidma jelenka s-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu żviluppati u d-dati meta dawk is-sistemi mistennija jsiru operattivi. Fost l-oħrajn, dak il-programm jispeċifika l-implimentazzjoni u l-varar tas-sistema tal-Prova tal-Istatus tal-Unjoni (PoUS, Proof of Union Status) f’konformità mal-Artikoli 6(1), 16, 153 u 278(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2879 tistabbilixxi l-15 ta’ Awwissu 2025 bħala d-data tal-varar tal-fażi 2 tas-sistema tal-PoUS.

(4)

Skont dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, il-fażi 2 tas-sistema tal-PoUS tkopri r-rabta bejn dik is-sistema u s-Single Window Nazzjonali Marittima (“MNSW”, Maritime National Single Window) li għandha tinħoloq minn kull Stat Membru u tiġi integrata fis-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (“EMSWe”, European Maritime Single Window environment), kif previst fir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li, f’konformità mal-Artikolu 26 tiegħu, japplika mill-15 ta’ Awwissu 2025. Il-varar sħiħ tal-fażi 2 tas-sistema tal-PoUS hija għalhekk marbuta mal-konnessjoni minn sistema għal oħra bejn is-sistema tal-PoUS u l-MNSWs.

(5)

Fil-Komunikazzjoni dwar l-aġġornament tal-2024 tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Pluriennali għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (4) (“il-Komunikazzjoni dwar l-EMSWe”), il-Kummissjoni indikat li l-implimentazzjoni tas-Single Windows Nazzjonali Marittimi avvanzat aktar bil-mod milli kien ippjanat oriġinarjament u anke l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja ħadet aktar żmien milli kien mistenni. B’riżultat ta’ dan, għalkemm l-implimentazzjonijiet nazzjonali qed jitlestew gradwalment, il-bidu tal-operazzjonijiet tas-Single Windows Nazzjonali Marittimi mhux se jiġi sinkronizzat bejn l-Istati Membri u jenħtieġ li jseħħ b’mod indikattiv fuq perjodu ta’ mhux aktar minn 18-il xahar mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1239.

(6)

Bħala riżultat tal-implimentazzjoni tard tal-MNSWs, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja ma setgħux jimplimentaw il-konnessjoni bejn l-MNSW rispettiva tagħhom u s-sistema tal-PoUS sal-15 ta’ Awwissu 2025. Għalhekk, dawk l-Istati Membri talbu formalment lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, biex tippermettilhom, b’deroga mill-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, ikomplu jużaw mezzi għall-iskambju u l-ħażna ta’ informazzjoni għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data, biex jipprovdu l-istatus doganali tal-merkanzija, kif stabbilit fl-Artikolu 199(1), il-punt (c), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5), sabiex l-operaturi jitħallew ikomplu jużaw, f’dawk l-Istati Membri, il-manifest tal-kumpanija tat-tbaħħir imsemmi fl-Artikolu 199(2) ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja jingħataw deroga, skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, fir-rigward tal-mezzi biex jipprovdu l-istatus doganali tal-merkanzija, għall-obbligu li jintużaw tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħażna ta’ tali informazzjoni, stabbilita bl-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Id-durata ta’ dik id-deroga tiddependi minn meta se jiġu stabbiliti l-funzjonalitajiet relatati mal-obbligi ta’ rapportar tad-dwana speċifikati fil-Parti A, il-punt A7, tal-Anness tar-Regolament (UE) 2019/1239. Fid-dawl ta’ dan u wara li ġiet ikkunsidrata l-Komunikazzjoni dwar l-EMSWe, id-deroga jenħtieġ li ddum sal-1 ta’ Marzu 2027.

(9)

Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja jenħtieġ li jissottomettu rapporti perjodiċi dwar il-progress tagħhom fl-istabbiliment tal-konnessjoni bejn is-sistema tal-PoUS u l-MNSWs rispettivi tagħhom.

(10)

Minħabba li skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2879, il-fażi 2 tas-sistema tal-PoUS jenħtieġ li tiġi varata sal-15 ta’ Awwissu 2025 u r-Regolament (UE) 2019/1239 japplika mill-15 ta’ Awwissu 2025 ukoll, u sabiex jiġi evitat vojt legali, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika wkoll minn dik id-data,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja jistgħu jużaw il-mezzi msemmija fl-Artikolu 199(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 biex jipprovdu l-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija.

Artikolu 2

Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja għandhom jirrapportaw dwar il-progress li jkun sar fl-istabbiliment tal-konnessjoni bejn is-sistema tal-PoUS kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2879 u s-Single Window Nazzjonali Marittima kif previst fir-Regolament (UE) 2019/1239 kull 4 xhur mill-15 ta’ Awwissu 2025, sal-15-il jum wara r-raba’ xahar.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-15 ta’ Awwissu 2025 sal-1 ta’ Marzu 2027.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 tal-15 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L, 2023/2879, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2879/oj.).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1239/oj).

(4)  Il-Komunikazzjoni C/2024/7170 tal-Kummissjoni li tippreżenta l-aġġornament tal-2024 tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Pluriennali għall-istabbiliment tas-Sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (ĠU C, C/2024/6300, 22.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6300/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2552/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)