European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2550

22.12.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2550

tal-10 ta’ Diċembru 2025

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210 fir-rigward tar-reġistru tas-CBAM

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/956 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2025/2083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-effetti tal-emendi tar-Regolament (UE) 2023/956 jinkludu, fost affarijiet oħra, l-introduzzjoni tal-possibbiltà li dikjarant awtorizzat tas-CBAM jiddelega l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM lil persuna li taġixxi f’isem dak id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM u għan-nom tiegħu, tar-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-verifikaturi, u ta’ soll uniku bbażat fuq il-massa, kif ukoll tar-regoli dwar il-monitoraġġ ta’ dak is-soll.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu aġġornati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3210 (3) biex isiru konsistenti mat-terminoloġija u r-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/956.

(3)

Ir-reġistru tas-CBAM, li ġie stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210, huwa interoperabbli ma’ sistemi doganali elettroniċi oħra. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1070 (4), li jistabbilixxi l-arranġamenti tekniċi għal tali sistemi elettroniċi, tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/512 (5). Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu aġġornati r-referenzi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1070 fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li r-rapporti taċ-ċertifikazzjoni jkunu jistgħu jiġu ġġenerati fir-reġistru tas-CBAM, u b’hekk jiġi ffaċilitat il-proċess taċ-ċertifikazzjoni u tiġi ssalvagwardjata l-awtentiċità tar-rapporti taċ-ċertifikazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi previst l-aċċess għar-reġistru tas-CBAM u l-użu tiegħu mill-persuna indipendenti msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2023/956. Sabiex jingħata biżżejjed żmien għad-disinn tas-soluzzjoni teknika xierqa, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-reġistrazzjoni tal-verifikaturi, jenħtieġ li tali aċċess jingħata mhux qabel l-1 ta’ Diċembru 2026.

(5)

L-Artikolu 3(2), l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 19(2), il-punt (c), u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210 fihom żball rigward il-lista ta’ persuni b’aċċess għar-reġistru tas-CBAM. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li dawk l-iżbalji jiġu kkoreġuti.

(6)

Huwa meħtieġ li tiġi speċifikata t-talba għar-reġistrazzjoni mill-UUM&DS, sabiex il-persuni delegati biex jaġixxu f’isem l-applikanti u għan-nom tagħhom, id-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM jew il-persuni li jkollhom awtorizzazzjoni revokata, ikunu jistgħu jiksbu aċċess għar-reġistru tas-CBAM.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2023/956, l-awtoritajiet doganali jrid ikollhom aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru tas-CBAM. Sabiex tiġi żgurata l-akkuratezza tal-informazzjoni doganali, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jużaw ir-reġistru tas-CBAM u jkollhom aċċess għalih biex jivvalidaw l-awtorizzazzjonijiet u jikkondividu data doganali addizzjonali, flimkien mal-iskambju awtomatizzat ta’ informazzjoni u s-sistemi doganali li huma interoperabbli mar-reġistru tas-CBAM.

(8)

Sabiex tiġi stabbilita l-infrastruttura, jenħtieġ li dan l-att ta’ implimentazzjoni jispeċifika wkoll il-proċess relatat mal-iskambju ta’ informazzjoni u data fir-reġistru tas-CBAM bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikoli 15 u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956. Meta ssir referenza għat-trasferiment tad-data fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210, jenħtieġ li dan jinftiehem bħala t-trasferiment u l-esportazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti u meħtieġa mir-reġistru tas-CBAM biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2023/956.

(9)

L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jipproċessaw id-data personali rreġistrata fir-reġistru tas-CBAM f’konformità mal-kompiti tagħhom kif speċifikat fir-Regolament (UE) 2023/956. Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat il-perjodu taż-żamma tad-data previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210 sabiex ikun hemm allinjament mal-emendi introdotti fir-Regolament (UE) 2023/956.

(10)

Id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament relatati mal-funzjonament tar-reġistru tas-CBAM jenħtieġ li tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati tar-Regolament (UE) 2023/956. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2026, għad-dispożizzjonijiet relatati mal-introduzzjoni u l-monitoraġġ tas-soll uniku bbażat fuq il-massa, għar-reġistrazzjoni tal-persuni indipendenti u l-verifikaturi, u għall-proċess relatat mal-iskambju ta’ informazzjoni u data fir-Reġistru tas-CBAM bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti kif imsemmi fl-Artikoli 15 u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210 jiġi emendat u kkoreġut kif xieraq.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-CBAM,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi u korrezzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3210 huwa emendat u kkoreġut kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti u kkoreġuti b’dan li ġej:

“1.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jkun bażi tad-data elettronika standardizzata u sigura li jkun fiha l-elementi tad-data tal-kontijiet tas-CBAM, tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM, tal-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, tal-importaturi tal-oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956, tar-reġistrazzjoni tal-persuni delegati biex jaġixxu f’isem dawk il-persuni u għan-nom tagħhom, tar-reġistrazzjoni tal-operaturi, tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, tar-reġistrazzjoni tal-verifikaturi, tar-rapporti ta’ verifika maħruġa mill-verifikaturi u tad-dokumenti ta’ sostenn maħruġa mill-verifikaturi, tal-persuna indipendenti msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2023/956 (il-‘persuna indipendenti’), kif ukoll ta’ importaturi oħra għall-fini ta’ monitoraġġ taċ-ċirkomvenzjoni kif previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2023/956, u li tipprovdi aċċess, trattament tal-każijiet u kunfidenzjalità.

2.   Ir-reġistru tas-CBAM għandu jippermetti l-komunikazzjoni, in-notifika, ir-reġistrazzjoni, il-kontrolli u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali u d-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, l-applikanti, il-persuni li għalihom ġie revokat l-istatus ta’ dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, il-persuni delegati biex jaġixxu f’isem dawk il-persuni u għan-nom tagħhom, l-operaturi, il-verifikaturi u l-persuni indipendenti.”

;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM, u tal-importatur li jaqbeż is-soll uniku bbażat fuq il-massa msemmi fl-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) 2023/956 (is-‘soll uniku bbażat fuq il-massa’), u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment ta’ persuna għajr dikjarant awtorizzat tas-CBAM li tintroduċi oġġetti fit-territorju doganali tal-Unjoni fil-każ imsemmi fl-Artikolu 26, il-paragrafi 2 u 2a, tar-Regolament (UE) 2023/956, għandhom jikkomunikaw id-deċiżjonijiet dwar il-penali lill-Kummissjoni permezz tar-reġistru tas-CBAM.”

;

(3)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(a)

is-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS, Uniform User Management and Digital Signature) għar-reġistrazzjoni tal-utenti u għall-ġestjoni tal-aċċess imsemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/512 (*1) għall-Istati Membri, għall-Kummissjoni, għad-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, għall-applikanti, għall-persuni li jkollhom awtorizzazzjoni revokata, u għall-persuni delegati biex jaġixxu f’isem dawk il-persuni u għan-nom tagħhom;

(b)

is-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI, Economic Operator Registration and Identification) imsemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/512 li permezz tagħha tiġi kontroverifikata d-data tal-EORI stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(c)

is-sistema ta’ Sorveljanza, żviluppata permezz tas-sistema ta’ Sorveljanza 3 (SURV3, Surveillance 3) tal-KDU, imsemmija fl-Artikolu 100 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/512;

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/512 tat-13 ta’ Marzu 2025 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/512, 20.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/512/oj).”;"

(ii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

is-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskju Doganali (CRMS2, Customs Risk Management System) imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u fl-Artikolu 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/512;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Meta awtorità kompetenti tikkonkludi li importatur jaqbeż is-soll uniku bbażat fuq il-massa stabbilit fil-punt 1 tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2023/956, l-awtoritajiet doganali għandhom jiġu infurmati bl-użu tas-CRMS2 permezz tar-reġistru tas-CBAM.”

;

(4)

fl-Artikolu 6, l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

“Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt għal kull waħda mis-sistemi msemmija fl-Artikoli 4 u 5 għall-iskambju ta’ informazzjoni biex jiġi żgurat żvilupp, tħaddim u manutenzjoni kkoordinati ta’ dawk il-komponenti. L-awtoritajiet doganali għandhom jaħtru wkoll punti ta’ kuntatt għall-finijiet tas-CBAM. L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali jistgħu jużaw punti ta’ kuntatt eżistenti.”;

(5)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“It-talba għall-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment.”;

(b)

fil-paragrafu 6, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta l-applikant, id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM, jew il-persuna li għaliha jkun ġie revokat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, tiddelega l-aċċess għar-reġistru tas-CBAM, il-persuna għandha tiġi identifikata mill-kredenzjali użati għall-ġestjoni tal-aċċess tal-UUM&DS imsemmija fil-paragrafi 1 u 5.

Fi kwalunkwe mument, dik il-persuna tista’ titlob li titneħħa mir-reġistru tas-CBAM. Fuq talba bħal din, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun tat l-aċċess għar-reġistru tas-CBAM għandha tiddiżattiva l-aċċess għar-reġistru tas-CBAM bl-użu tas-sistema tal-UUM&DS.”;

(6)

l-Artikolu 9 huwa emendat u kkoreġut kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Portal tad-Dikjaranti tas-CBAM għandu jkun il-punt uniku ta’ dħul fir-reġistru tas-CBAM għad-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, għall-applikanti, għall-persuni li għalihom ikun ġie revokat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, u għall-persuni delegati biex jaġixxu f’isem dawk il-persuni u għan-nom tagħhom.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-Portal tal-Operaturi tas-CBAM.”;

(7)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Portal tal-Operaturi tas-CBAM għandu jkun il-punt uniku ta’ dħul fir-reġistru tas-CBAM għall-operaturi, għall-verifikaturi u għall-persuni indipendenti. Il-portal għandu jkun aċċessibbli mill-internet.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-fażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Portal tal-Operaturi tas-CBAM għandu jintuża mill-operaturi, mill-verifikaturi u mill-persuni indipendenti f’konformità mal-Artikoli 9, 10 u 10a tar-Regolament (UE) 2023/956, rispettivament, għall-azzjonijiet li ġejjin:”;

(ii)

jiddaħħlu l-punti (ca) u (cb) li ġejjin:

“(ca)

l-iffaċilitar tal-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-informazzjoni rreġistrata mill-operatur, mill-verifikatur jew mid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM;

(cb)

l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-operatur, il-verifikatur, il-persuna indipendenti u d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM;”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-operatur, il-verifikatur u l-persuna indipendenti għandhom jużaw is-servizz ċentrali tal-Aċċess tal-UE operat mill-Kummissjoni biex jitolbu aċċess għar-reġistru tas-CBAM.”

;

(d)

jiżdiedu l-paragrafi 5 sa 9 li ġejjin:

“5.   Il-persuna indipendenti għandha tippreżenta talba għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tas-CBAM lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. Il-persuna indipendenti għandha tippreżenta t-talba għar-reġistrazzjoni fi żmien xahrejn mid-data li fiha ngħatat l-akkreditazzjoni, iżda mhux qabel l-1 ta’ Diċembru 2026. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-informazzjoni dwar il-persuna indipendenti fir-reġistru tas-CBAM.

6.   It-talba għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-identifikazzjoni unika tal-akkreditazzjoni tal-persuna indipendenti;

(b)

kwalunkwe ambitu tal-akkreditazzjoni rilevanti għas-CBAM;

(c)

il-pajjiż tal-istabbiliment tal-persuna indipendenti;

(d)

id-data effettiva taċ-ċertifikazzjoni u d-data tal-iskadenza taċ-ċertifikazzjoni;

(e)

kwalunkwe informazzjoni dwar miżuri amministrattivi imposti fuq il-persuna indipendenti rilevanti għas-CBAM;

(f)

kopja taċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni rilevanti għas-CBAM.

7.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-persuna indipendenti bir-reġistrazzjoni fir-reġistru tas-CBAM. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll, permezz tar-reġistru tas-CBAM, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra bir-reġistrazzjoni.

8.   Il-persuna indipendent għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 li tirriżulta wara r-reġistrazzjoni fir-reġistru tas-CBAM. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li r-reġistru tas-CBAM jiġi aġġornat kif xieraq.

9.   L-Awtorità kompetenti għandha tneħħi r-reġistrazzjoni tal-persuna indipendenti mir-reġistru tas-CBAM meta dik il-persuna indipendenti ma tibqax kwalifikata għal ambitu ta’ attività rilevanti għas-CBAM jew meta l-persuna indipendenti ma tkunx ikkonformat mal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 8. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra dwar it-tneħħija tar-reġistrazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tħassar l-informazzjoni dwar dik il-persuna indipendenti mir-reġistru tas-CBAM dment li tali informazzjoni ma tkunx meħtieġa għar-rieżami tad-dikjarazzjonijiet tas-CBAM li jkunu ġew ippreżentati.”

;

(8)

fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   L-awtoritajiet doganali għandhom jużaw ir-reġistru tas-CBAM u jkollhom aċċess għalih biex jivvalidaw l-awtorizzazzjonijiet u jikkondividu data doganali addizzjonali, meta jkun applikabbli.”

;

(9)

fl-Artikolu 12, jiddaħħlu l-paragrafi 2a u 2b li ġejjin:

“2a.   Il-Portal tal-Kummissjoni Ewropea tas-CBAM għandu jkun interoperabbli ma’ taqsima separata għall-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 15 u 27 tar-Regolament (UE) 2023/956.

2b.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra u tagħmel disponibbli kwalunkwe informazzjoni u data rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti permezz tal-Portal tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti tas-CBAM f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament meta tali informazzjoni u data jitqiesu meħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2023/956.”

;

(10)

fl-Artikolu 18, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

il-ġestjoni tal-operaturi, tal-verifikaturi u tal-persuni indipendenti;”;

(11)

l-Artikolu 19 huwa emendat u kkoreġut kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-ipproċessar tad-data personali għall-ġestjoni tal-aċċess tad-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, tal-applikanti, tal-persuni li għalihom ikun ġie revokat l-istatus ta’ dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, u tal-persuni delegati biex jaġixxu f’isem dawk il-persuni u għan-nom tagħhom, stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom f’konformità mal-Artikoli 8, 11 u 13 ta’ dan ir-Regolament;”;

(b)

fil-paragrafu 3, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

l-ipproċessar tad-data personali għall-monitoraġġ tas-soll uniku bbażat fuq il-massa f’konformità mal-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) 2023/956.”;

(12)

l-Artikolu 21 huwa emendat u kkoreġut kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, l-applikanti, il-persuni li għalihom ikun ġie revokat l-istatus ta’ dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, u l-persuni delegati biex jaġixxu f’isem dawk il-persuni u għan-nom tagħhom, jistgħu jaċċessaw id-data personali tagħhom irreġistrata fir-reġistru tas-CBAM wara r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-operaturi, il-verifikaturi u l-persuni indipendenti, jistgħu jaċċessaw id-data personali tagħhom irreġistrata fir-reġistru tas-CBAM wara r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tas-CBAM. F’konformità mal-Artikoli 9, 10 u 10a tar-Regolament (UE) 2023/956, id-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM jistgħu jaċċessaw id-data personali rreġistrata mill-operaturi, mill-verifikaturi u mill-persuni indipendenti fir-reġistru tas-CBAM jew jipproċessaw dik id-data b’mod ieħor, meta tkun ingħatat awtorizzazzjoni mill-operaturi f’dak ir-rigward f’konformità mal-Artikolu 10(7).”

;

(13)

fl-Artikolu 23(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Id-data tar-reġistrazzjoni tad-data personali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun l-aktar data bikrija minn dawn li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti tirrifjuta li tagħti l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM;

(b)

l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM jiġi revokat;

(c)

operatur, verifikatur, persuna indipendenti jew il-persuna delegata biex taġixxi f’isem dawk il-persuni u għan-nom tagħhom tkun tneħħiet mir-reġistru tas-CBAM.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, il-punti (7) u (10), għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2025/2083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/956 fir-rigward tas-simplifikazzjoni u tat-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L, 2025/2083, 17.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2083/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3210 tat-18 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistru tas-CBAM (ĠU L, 2024/3210, 30.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3210/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1070 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1070/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/512 tat-13 ta’ Marzu 2025 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/512, 20.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/512/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2550/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)