|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2548 |
22.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2548
tal-10 ta’ Diċembru 2025
li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu u l-pubblikazzjoni tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2023/956 jistabbilixxi r-regoli u l-karatteristiċi taċ-ċertifikati tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM, carbon border adjustment mechanism). Dawk ir-regoli jridu jiżguraw li l-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM jirrifletti mill-qrib il-prezzijiet tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (“EU ETS”, EU emissions trading system) biex tiġi ppreservata l-effettività tas-CBAM bħala miżura biex tiġi pprevenuta r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li l-karatteristiċi jappoġġaw il-funzjonament ġenerali tagħha. |
|
(2) |
Skont ir-Regolament (UE) 2023/956, il-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM għandu jirrifletti b’mod raġonevoli l-prezz tal-kwoti rkantati fis-suq tal-EU ETS. Sabiex tiġi żgurata kopertura rappreżentattiva, il-kalkolu tal-prezz medju jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-irkantijiet kollha fi ħdan l-EU ETS. Dan ikopri l-kwoti rkantati fuq il-pjattaforma tal-irkant komuni mill-irkantaturi kollha, u b’hekk huma inklużi l-fondi tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi kif ukoll dawk irkantati mill-Istati Membri li jużaw pjattaforma ta’ pajjiż nonparteċipanti filwaqt li huma esklużi l-irkantijiet ikkanċellati u l-irkantijiet tal-kwoti fir-rigward tal-bini, it-trasport bit-triq u setturi addizzjonali. |
|
(3) |
Peress li l-volum tal-kwoti tal-EU ETS ivarja fost l-irkantijiet, il-prezzijiet kollha rkantati jenħtieġ li ma jiġux ittrattati bl-istess mod fil-kalkolu tal-prezz medju. Sabiex jiġi prodott kejl aktar akkurat u rappreżentattiv tal-prezzijiet tal-kwoti, il-medja jenħtieġ li tiġi ponderata għal kull irkant. Dan jiżgura li l-impatt relattiv tal-volum ta’ kull irkant ikun irrappreżentat fil-prezz ġenerali, filwaqt li jipprovdi riflessjoni akkurata tal-prezzijiet tal-kwoti rkantati matul perjodu partikolari. Il-ponderazzjoni jenħtieġ li tassenja piż proporzjonali għal kull prezz tal-kwoti għall-volum tal-kwoti kollha rkantati f’dak l-irkant. |
|
(4) |
Sabiex jiġu riflessi mill-qrib il-prezzijiet tal-EU ETS, il-kalkolu tal-prezz medju tal-kwoti tal-EU ETS fuq perjodu partikolari jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prezz li jitqies bħala l-prezz finali tal-irkant. F’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2830 (2), dak il-prezz huwa ddefinit bħala l-prezz mill-ikklirjar f’irkant li jikkorrispondi għall-prezz li l-offerenti rebbieħa jħallsu għal kull kwota tal-EU ETS mal-għeluq tal-perjodu għall-offerti f’kull irkant. Għalhekk, il-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prezzijiet mill-ikklirjar f’irkant. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 21(1) u (1a) tar-Regolament (UE) 2023/956, il-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM għandu jiġi kkalkolat, għas-sena 2026, abbażi ta’ erba’ medji trimestrali tal-prezzijiet tal-kwoti tal-EU ETS u mill-2027 ’il quddiem abbażi tal-medja ta’ kull ġimgħa tal-prezzijiet tal-kwoti tal-EU ETS. |
|
(6) |
Għal raġunijiet ta’ sempliċità, il-kalkolu tal-medji ta’ kull ġimgħa u trimestrali jenħtieġ li jkun ibbażat rispettivament fuq ġimgħat kalendarji u trimestri kalendarji u ttondjat għal żewġ deċimali biss. |
|
(7) |
Il-prezzijiet medji tal-kwoti għall-finijiet tas-CBAM jenħtieġ li jiġu kkalkolati f’euro, skont l-istess approċċ bħal dak għall-prezzijiet tal-kwoti fuq il-pjattaforma tal-irkant komuni. |
|
(8) |
Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien bla bżonn, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina l-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM mill-aktar fis possibbli mill-mument meta ssir disponibbli l-informazzjoni meħtieġa. Dan jinvolvi l-finalizzazzjoni tal-prezz wara li jkunu saru l-irkantijiet kollha matul il-perjodu rilevanti, u l-pjattaformi tal-irkant ikunu għamlu disponibbli għall-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-prezzijiet kollha mill-ikklirjar f’irkant u l-volumi rkantati. |
|
(9) |
Jenħtieġ li tiġi pprovduta indikazzjoni tal-prezz unika u ċara għall-faċilità ta’ referenza. Għalhekk, il-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM jenħtieġ li jiġi ppubblikat biss mill-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika dak il-prezz fuq is-sit web tagħha sabiex ikun disponibbli għall-pubbliku online, b’mod direttament aċċessibbli u mingħajr ħlas. Fl-2026, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli l-prezzijiet trimestrali mill-aktar fis possibbli biex tipprovdi ċertezza lill-partijiet ikkonċernati. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel il-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM direttament aċċessibbli fil-kontijiet awtorizzati tad-dikjaranti tas-CBAM fir-reġistru tas-CBAM biex tiffaċilita l-ġestjoni tal-obbligazzjoni finanzjarja tas-CBAM tagħhom. Dan itejjeb ukoll il-proċessi tax-xiri u tar-riakkwist u jtejjeb is-sigurtà billi jiżgura rikonċiljazzjoni aħjar tal-informazzjoni bejn il-pjattaforma ċentrali komuni u r-reġistru tas-CBAM. |
|
(11) |
L-interpretazzjoni ta’ “jiem tax-xogħol” għall-pubblikazzjoni tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM jenħtieġ li ma tkunx ambigwa biex jiġu żgurati l-uniformità, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali madwar l-Unjoni. Peress li l-obbligu li jiġi ppubblikat il-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM jaqa’ fuq il-Kummissjoni, il-jiem tax-xogħol li fihom il-Kummissjoni trid tippubblika l-prezzijiet jenħtieġ li jirreferu għall-jiem indikati bħala tali mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (3). |
|
(12) |
Għall-finijiet ta’ monitoraġġ jew ta’ investigazzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob mill-pjattaformi tal-irkant tal-EU ETS, l-informazzjoni meħtieġa għall-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM matul perjodu xieraq li ma jaqbiżx il-5 snin kalendarji wara s-sena kalendarja li magħha tkun relatata l-informazzjoni. Il-pjattaformi tal-irkant u l-Kummissjoni jenħtieġ li jżommu rekord ta’ tali informazzjoni b’mod elettroniku u sigur matul l-istess perjodu. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkalkula l-prezzijiet taċ-ċertifikati tas-CBAM fl-2026 abbażi tal-prezzijiet tal-kwoti tal-EU ETS irkantati mill-1 ta’ Jannar 2026. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2026. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-CBAM, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Metodoloġija għall-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM fl-2026
1. Għal kull trimestru fl-2026, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM bħala l-medja trimestrali tal-prezzijiet mill-ikklirjar f’irkant tal-kwoti kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830.
2. Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-prezz ta’ trimestru matul l-ewwel ġimgħa kalendarja tat-trimestru ta’ wara.
3. Għandhom jitqiesu l-prezzijiet mill-ikklirjar f’irkant tal-kwoti kollha rkantati mill-aħħar kalkolu skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830 dwar il-pjattaforma tal-irkant komuni kif definita fl-Artikolu 3, il-punt 18 ta’ dak ir-Regolament u fil-pjattaformi tal-irkant ta’ pajjiż nonparteċipanti, kif iddefiniti fl-Artikolu 3, il-punt (19) ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, l-irkantijiet li jkunu ġew ikkanċellati ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-medja trimestrali.
4. Għal kull irkant, il-prezz mill-ikklirjar f’irkant għandu jiġi ponderat skont il-volum tal-kwoti rkantati.
5. Il-prezz trimestrali taċ-ċertifikati tas-CBAM għandu jiġi kkalkolat f’euro u ttondjat ’il fuq jew ’l isfel sal-eqreb ċenteżmu.
6. Il-prezz trimestrali taċ-ċertifikati tas-CBAM għandu japplika għaċ-ċertifikati tas-CBAM li jikkorrispondu għall-emissjonijiet inkorporati ddikjarati mid-dikjaranti tas-CBAM awtorizzati fir-rigward tas-sena 2026 għat-trimestru tal-importazzjoni tal-merkanzija li fiha jkunu inkorporati dawk l-emissjonijiet.
Artikolu 2
Aċċess għall-informazzjoni fir-rigward tal-2026
1. Il-pjattaformi tal-irkant imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM f’konformità mal-Artikolu 1 lill-Kummissjoni mal-għeluq tal-perjodu għall-offerti ta’ kull irkant li joperaw.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess immedjat, dirett u mingħajr ħlas għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 3
Żamma tar-rekords fir-rigward tal-2026
1. Il-pjattaformi tal-irkant u l-Kummissjoni għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 b’mod elettroniku b’mod sigur sal-31 ta’ Diċembru 2031.
2. Sal-31 ta’ Diċembru 2031, fuq talba tal-Kummissjoni, il-pjattaformi tal-irkant għandhom jipprovdu fil-ħin l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2.
3. Sal-31 ta’ Diċembru 2031, il-pjattaformi tal-irkant għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollha impatt fuq il-kalkolu tal-prezz medju trimestrali skont l-Artikolu 1.
Artikolu 4
Pubblikazzjoni tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM fir-rigward tal-2026
1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-prezz trimestrali taċ-ċertifikati tas-CBAM ikkalkolat skont l-Artikolu 1, fuq is-sit web tagħha fl-ewwel jum tax-xogħol, deżinjat bħala tali mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tal-ġimgħa kalendarja ta’ wara l-ġimgħa tal-kalkolu kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.
2. Mit-tielet trimestru tal-2026, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-prezzijiet trimestrali taċ-ċertifikati tas-CBAM applikabbli fl-2026 disponibbli għad-dikjaranti tas-CBAM awtorizzati fir-reġistru tas-CBAM.
Artikolu 5
Metodoloġija għall-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM mill-2027
1. Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM kull ġimgħa kalendarja bħala l-medja tal-prezzijiet mill-ikklirjar f’irkant tal-kwoti kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830.
2. Għandhom jitqiesu l-prezzijiet mill-ikklirjar f’irkant tal-kwoti kollha rkantati skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830 dwar il-pjattaforma tal-irkant komuni kif definita fifl-Artikolu 3, il-punt (18) ta’ dak ir-Regolament u dwar il-pjattaformi tal-irkant ta’ pajjiż nonparteċipanti, kif iddefiniti fl-Artikolu 3, il-punt (19) ta’ dak ir-Regolament mill-aħħar kalkolu. Madankollu, l-irkantijiet li jkunu ġew ikkanċellati ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu medju ta’ kull ġimgħa.
3. Għal kull irkant, il-prezzijiet mill-ikklirjar f’irkant għandhom jiġu ponderati skont il-volum tal-kwoti rkantati.
4. Il-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM għandu jiġi kkalkolat f’euro u ttondjat ’il fuq jew ’l isfel sal-eqreb ċenteżmu.
5. Il-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM għandu japplika għaċ-ċertifikati tas-CBAM li jinbiegħu lid-dikjaranti tas-CBAM awtorizzati matul il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2023/956.
Artikolu 6
Aċċess għall-informazzjoni mill-2027
1. Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-pjattaformi tal-irkant għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-kalkolu tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM f’konformità mal-Artikolu 5 lill-Kummissjoni mal-għeluq tal-perjodu għall-offerti ta’ kull irkant li joperaw.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess immedjat, dirett u mingħajr ħlas għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 7
Żamma tar-rekords mill-2027
1. Il-pjattaformi tal-irkant u l-Kummissjoni għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, b’mod elettroniku, b’mod sigur għal perjodu ta’ 5 snin kalendarji wara s-sena kalendarja li magħha tkun relatata l-informazzjoni.
2. Fuq talba mill-Kummissjoni, il-pjattaformi tal-irkant għandhom jipprovdu fil-ħin, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-pjattaformi tal-irkant għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollha impatt fuq il-kalkolu tal-prezz medju skont l-Artikolu 5.
Artikolu 8
Pubblikazzjoni tal-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM mill-2027
1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM, ikkalkolat skont l-Artikolu 5, fuq is-sit web tagħha fl-ewwel jum tax-xogħol, deżinjat bħala tali mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tal-ġimgħa kalendarja li ssegwi l-irkantijiet rilevanti.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-prezz taċ-ċertifikati tas-CBAM disponibbli għad-dikjaranti tas-CBAM awtorizzati fir-reġistru tas-CBAM fl-ewwel jum tal-applikazzjoni ta’ dak il-prezz.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2830 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dwar il-kalendar, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 2023/2830, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2830/oj).
(3) Ir-Regolament (KEE, EURATOM) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1971/1182/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2548/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)