|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2543 |
12.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2543
tal-11 ta’ Diċembru 2025
dwar iċ-ċaħda tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-blue patentat V bħala addittiv tal-għalf għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 643/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għaċ-ċaħda ta’ din l-awtorizzazzjoni. |
|
(2) |
Il-blue patentat V ġie awtorizzat għal għaxar snin bħala addittiv tal-għalf għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 643/2013 (2). |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-blue patentat V bħala addittiv tal-għalf għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u fil-grupp funzjonali “koloranti, sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fl-għalf”. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
|
(4) |
Kif previst fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, l-applikant ta’ awtorizzazzjoni għal addittiv tal-għalf għandu juri b’mod adegwat u suffiċjenti, f’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ġew issodisfati. Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 (3) jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-applikant jippreżenta evidenza li, fid-dawl tal-għarfien xjentifiku attwali, l-addittiv ikun għadu sikur fil-kundizzjonijiet approvati għall-ispeċijiet fil-mira, għall-konsumaturi, għall-ħaddiema u għall-ambjent. |
|
(5) |
Fl-opinjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2024 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikant ma pprovdiex evidenza li l-addittiv attwalment fis-suq jikkonforma mal-kundizzjonijiet eżistenti tal-awtorizzazzjoni (kriterji tal-purità: minimu ta’ 90 % ta’ koloranti totali, ikkalkulat bħala l-imlieħ tas-sodju, tal-kalċju jew tal-potassju). L-Awtorità ma setgħetx tikkonkludi jekk il-blue patentat V għadux sikur għall-ispeċijiet fil-mira minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-ispeċifikazzjonijiet awtorizzati għall-użu tal-addittiv fl-għalf u n-nuqqas ta’ data għall-valutazzjoni tal-anewġeniċità potenzjali tal-addittiv. |
|
(6) |
B’ittra tal-1 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni tat opportunità lill-applikant biex jissottometti informazzjoni supplimentari biex jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija fl-opinjoni tal-EFSA. L-applikant wieġeb fl-20 ta’ Settembru 2024 li ma kellu ebda intenzjoni li jipprovdi data addizzjonali għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-blue patentat V. |
|
(7) |
Mill-opinjoni tal-Awtorità tat-13 ta’ Marzu 2024 jirriżulta li l-applikant ma weriex b’mod adegwat u suffiċjenti li l-blue patentat V għadu sikur meta jintuża bħala addittiv tal-għalf għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u l-grupp funzjonali “koloranti, sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fl-għalf”. |
|
(8) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-blue patentat V ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ dik is-sustanza bħala addittiv tal-għalf, li jappartjeni għall-kategorija “addittivi sensorji” u l-grupp funzjonali “koloranti, sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fl-għalf”, għall-użu għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel, jenħtieġ li jiġi miċħud. |
|
(9) |
Għalhekk, is-sustanza blue patentat V u l-għalf li fih minnha jenħtieġ li jiġu rtirati mis-suq malajr kemm jista’ jkun, sa fejn għandu x’jaqsam l-użu għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel. Madankollu, jenħtieġ li jitħalla perjodu limitat għall-irtirar mis-suq tal-istokk eżistenti ta’ dawk il-prodotti, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jikkonformaw kif suppost mal-obbligu tal-irtirar. |
|
(10) |
B’konswegwenza taċ-ċaħda tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-blue patentat V bħala addittiv tal-għalf għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel, jenħtieġ li jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 643/2013. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ċaħda tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni
It-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-blue patentat V bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, li jappartjeni għall-kategorija “addittivi sensorji” u l-grupp funzjonali “koloranti, sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fl-għalf”, għall-użu għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel, huwa miċħud.
Artikolu 2
Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 643/2013
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 643/2013 jitħassar.
Artikolu 3
Irtirar mis-suq
1. L-istokkijiet eżistenti tal-addittiv imsemmi fl-Artikolu 1, li huma maħsuba għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel, u tal-premixxeli li fihom dan l-addittiv, għandhom jiġu rtirati mis-suq sal-1 ta’ April 2026.
2. Il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost, li ġew prodotti bl-addittiv jew bil-premixxeli msemmija fil-paragrafu 1 qabel l-1 ta’ April 2026, u li huma maħsuba għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel, għandhom jiġu rtirati mis-suq sal-1 ta’ Lulju 2026.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 643/2013 tal-4 ta’ Lulju 2013 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-Blu Patentat V bħala addittiv fl-għalf għall-annimali li ma jipproduċux ikel u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 358/2005 (ĠU L 186, 5.7.2013, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/643/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 tal-25 ta’ April 2008 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet u l-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi fl-għalf (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/429/oj).
(4) EFSA Journal, 22(4), e8722. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8722.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2543/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)