European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2507

9.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2507

tat-8 ta’ Diċembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK (1) li tikkonċerna miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK).

(2)

Fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 (2) b’reazzjoni għat-tfixkil tal-proċess elettorali u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut miegħu fir-RDK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 emendat id-Deċiżjoni 2010/788/PESK u introduċiet miżuri restrittivi awtonomi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

(3)

Abbażi ta’ rieżami tal-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti u fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fir-RDK, dawk il-miżuri għandhom jiġġeddu sat-12 ta’ Diċembru 2026.

(4)

Abbażi ta’ informazzjoni aġġornata, jenħtieġ li jiġu emendati l-entrati għal ċerti persuni elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK. Jenħtieġ li titħassar l-entrata għalpersuna waħda.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/788/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/788/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 9(2), id-data “12 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita b’dik ta’ “12 ta’ Diċembru 2026”.

(2)

L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

R. STOKLUND


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/788/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2231 tat-12 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336 I, 12.12.2016, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2231/oj).


ANNESS

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Taqsima “A. Persuni”, titħassar l-entrata 41;

(2)

fit-Taqsima “A. Persuni”, l-entrati 12, 20, 28, 36, 40, 42, 43 u 44 huma sostitwiti bl-entrati korrispondenti li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta’ Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“12.

Justin BITAKWIRA

magħruf ukoll bħala Bihona-Hayi

Pożizzjoni: deputat nazzjonali, responsabbli għall-Wazalendo f’Kivu t’Isfel

Data tat-twelid: 5.12.1960

Post tat-twelid: Lemera, DRC

Nazzjonalità: RDK

Sess: raġel

Funzjoni jew professjoni: politiku, eks Ministru nazzjonali u President tal-Alleanza għar-Repubblika u l-Kuxjenza Nazzjonali

Justin Bitakwira huwa politiku Kongoliż, eks Ministru tal-gvern u membru tal-partit politiku ‘Unjoni għan-Nazzjon Kongoliż’. Fi Frar 2025, inħatar mill-President Tshisekedi biex ikun responsabbli għall-Wazalendo f’Kivu t’Isfel fil-Parlament Nazzjonali.

Fid-diskorsi pubbliċi tiegħu, huwa ripetutament inċita l-vjolenza u ħeġġeġ id-diskriminazzjoni u l-ostilità lejn il-komunità ta’ Banyamulenge, li sfat fil-mira u ġiet attakkata minn gruppi armati.

Dawk id-diskorsi u n-narrattivi xewwiexa jikkontribwixxu biex jalimentaw il-konflitt u l-vjolenza fir-RDK, b’mod partikolari fir-reġjun ta’ Hauts-Plateaux ikkaratterizzat minn konflitti interkomunali.

Għalhekk Justin Bitakwira huwa responsabbli għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK permezz tal-inċitament għall-vjolenza.

8.12.2022

20.

Charles SEMATAMA

magħruf ukoll bħala Sebanyana

Funzjoni/grad: Kmandant, Kap Militari ta’ Twirwaneho

Data tat-twelid: 1975

Post tat-twelid: Kalunyo village, madwar il-lokalitajiet ta’ Kamombo, South Kivu, DRC

Nazzjonalità: RDK

Sess: raġel

Charles Sematama huwa eks uffiċjal tal-forzi armati Kongoliżi (FARDC) u għandu l-kariga ewlenija ta’ Kmandant u Mexxej Militari tal-grupp armat mhux governattiv Twirwaneho li jopera f’Kivu t’Isfel, li jgħid li jirrappreżenta l-Komunità ta’ Banyamulenge.

Twirwaneho jsostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK u huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f’dak il-pajjiż, b’mod partikolari permezz tar-reklutaġġ volontarju jew furzat tat-tfal biex jipparteċipaw b’mod attiv f’ostilitajiet, attakki kontra persuni ċivili u l-forzi armati Kongoliżi (FARDC), u qtil, bħall-attakki kontra persuni ċivili fir-raħal ta’ Mikenge f’Novembru 2021 li qatlu mill-inqas sitt persuni.

Barra minn hekk, Charles Sematama kien involut direttament f’sessjonijiet ta’ propaganda kif ukoll fir-reklutaġġ furzat u l-użu ta’ tfal, inkluż bħala skorti armati.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fi Twirwaneho u l-involviment dirett fir-reklutaġġ furzat u l-użu ta’ tfal, Charles Sematama huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

28.7.2023

28.

Justin Gacheri MUSANGA

magħruf ukoll bħala Gaceri MUSANGA, CS BRAVO SIERRA, BRAVO THREE

Funzjoni/grad: Brigadier Ġeneral tal-March 23 Movement/Congolese Revolutionary Army (M23/ARC), Kmandant tan-North-West Defense Zone

Post tat-twelid: Masisi, DRC

Sess: raġel

Missier: Erasto Ntibaturana (Mexxej konswetudinarju tal-Hutu Busumba)

Justin Gacheri Musanga għandu pożizzjoni ewlenija bħala Brigadier Ġeneral tal-M23/ARC, grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Lvant tar-RDK.

L-M23/ARC isostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b’mod partikolari permezz tal-inċitament tal-vjolenza. Barra minn hekk, huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil ta’ persuni ċivili, attakki u vjolenza sesswali kontrihom, kif ukoll reklutaġġ ta’ tfal.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-M23/ARC, Justin Gacheri Musanga huwa għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

26.7.2024

36.

Bertrand BISIMWA

Funzjoni/grad: Mexxej (President) tal-fergħa politika tal-‘Mouvement du 23 mars’ (M23)

Data tat-twelid: 8.9.1972

Post tat-twelid: Bukavu, Democratic Republic of the Congo

Nazzjonalità: Kongoliż

Sess: raġel

Bertrand Bisimwa għandu pożizzjoni ewlenija bħala President tal-Moviment tal-March 23 Movement (M23), moviment armat mhux governattiv.

Il-M23 isostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, b’mod partikolari billi jinċita l-vjolenza u juża amministrazzjoni parallela fil-Lvant tar-RDK, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tal-integrità territorjali tar-RDK. Barra minn hekk, huwa responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil ta’ ċivili u attakki u vjolenza sesswali kontrihom, kif ukoll għar-reklutaġġ ta’ tfal.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-M23, Bertrand Bisimwa huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK, speċjalment billi kkontribwixxa għall-installazzjoni ta’ amministrazzjonijiet paralleli fil-Lvant tar-RDK.

17.3.2025

40.

Eugène NKUBITO

Funzjoni/grad: Kmandant it-tielet diviżjoni (Maġġur Ġeneral) tar-Rwanda Defence Force (RDF)

Sess: raġel

Nazzjonalità: Rwandiż

Numru tas-servizz RDF: 218

Il-Maġġur Ġeneral Eugène Nkubito ilu minn Ġunju 2023 jokkupa pożizzjoni ewlenija bħala Kmandant tat-Tielet Diviżjoni tar-Rwanda Defence Force (RDF), skjerata fil-Lvant tar-RDK u b’mod aktar speċifiku fil-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq.

Il-preżenza tal-RDF fir-RDK għandha bħala l-għan tagħha li ssaħħaħ l-operazzjonijiet tal-March 23 Movement/l-Congolese Revolutionary Army (M23/ARC), grupp armat mhux governattiv li jopera fil-Kongo tal-Lvant billi jipprovdi truppi u materjal.

Il-preżenza tal-RDF tikkostitwixxi ksur tal-integrità territorjali tar-RDK u ssostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-reġjun. Hija responsabbli wkoll għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż kastig kollettiv, u ssostni abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-membri ta’ M23.

Minħabba r-rwol ta’ kmand tiegħu fit-Tielet Diviżjoni tal-Forza tal-RDF skjerata fil-Lvant tar-RDK, Eugène Nkubito huwa responsabbli li jsostni l-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-reġjun.

17.3.2025

42.

Jean-Bosco NZABONIMPA MUPENZI

Funzjoni/grad: Rappreżentant tal-AFC/M23 għall-Finanzi f’Kivu t’Isfel

Post tat-twelid: Rubaya, Masisi, North Kivu

Nazzjonalità: Kongoliż

Sess: raġel

Entitajiet assoċjati: March 23 Movement/Congolese Revolutionary Army (M23/ARC)

Jean-Bosco Nzabonimpa Mupenzi huwa r-Rappreżentant għall-Finanzi f’Kivu t’Isfel tal-March 23 Movement/Congolese Revolutionary Army (M23/ARC) li jopera fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). Minn Jannar 2024 huwa opera fil-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq qabel ma nħatar f’pożizzjoni ġdida f’Kivu t’Isfel f’Marzu 2025.

L-M23 huwa grupp armat ribelli responsabbli għall-konflitt armat attwali. Isostni wkoll il-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-reġjun kif ukoll l-abbużi u ksur serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn membri tal-M23, inkluż qtil ta’ ċivili u attakki u vjolenza sesswali kontrihom, kif ukoll reklutaġġ ta’ tfal.

Jean-Bosco Nzabonimpa Mupenzi jappoġġa lill-grupp armat M23, b’mod partikolari billi jmexxi d-Dipartiment tal-Finanzi u l-Produzzjoni tal-M23, kif ukoll billi jieħu sehem fit-taħriġ ta’ rekluti ġodda.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-M23, Jean-Bosco Nzabonimpa Mupenzi huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

17.3.2025

43.

Francis KAMANZI

Funzjoni/grad: Direttur Ġenerali tar-Rwanda Cooperative Agency, eks Uffiċjal Kap Eżekuttiv tar-Rwanda Mines, Petroleum and Gas Board (RMB)

Nazzjonalità: Rwandiż

Sess: raġel

Francis Kamanzi kellu pożizzjoni ewlenija bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv tar-Rwanda Mines, Petroleum and Gas Board (RMB) minn Frar 2024 sa Lulju 2025, meta nħatar Direttur Ġenerali tar-Rwanda Cooperative Agency (‘RCA’). L-RCA taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Kummerċ u l-Industrija. Waħda mir-responsabbiltajiet ewlenin tal-RCA hija li tirregola u tissorvelja l-organizzazzjonijiet kooperattivi. Fosthom, 141 kooperattiva joperaw fis-settur tal-minjieri, is-settur ewlieni tar-Rwanda li jaqla’ dħul mill-esportazzjoni. Għalhekk, Francis Kamanzi għadu involut fl-isfruttament jew fil-kummerċ tar-riżorsi naturali.

Il-minerali għadhom qed jiġu estratti f’żoni ta’ estrazzjoni kkontrollati mill-March 23 Movement (M23) u ttraffikati lejn ir-Rwanda għall-benefiċċju kemm tal-Alleanza Fleuve Congo/M23 kif ukoll tal-ekonomija tar-Rwanda, fejn dawn il-minerali ta’ konflitt jitħalltu mal-produzzjoni tar-Rwanda.

Minħabba l-eks pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-RMB u l-pożizzjoni tiegħu ta’ Direttur Ġenerali tal-RCA, Francis Kamanzi huwa responsabbli għall-isfruttament tal-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK, inkluż permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu ta’ riżorsi naturali.

17.3.2025

44.

Joseph MUSANGA BAHATI

magħruf ukoll bħala

‘Erasto’; ‘Bahati Erasto’; ‘Colonel Erasto’; ‘Colonel Bahati Musanga’

Funzjoni/grad: Gvernatur ta’ Kivu ta’ Fuq

Data tat-twelid: 18.8.1978

Post tat-twelid: Bashali-Mokoto (Busumba)

Nazzjonalità: Kongoliż

Sess: raġel

Entitajiet assoċjati: March 23 Movement/Alliance Fleuve Congo (M23/AFC)

Joseph Musanga Bahati huwa persuna importanti fl-istruttura tal-grupp ribelli tal-March 23 Movement (M23) u fl-Alliance Fleuve Congo. Kellu l-pożizzjoni ta’ Kap tal-Finanzi tal-M23 għal diversi snin.

Fi Frar 2025, huwa nħatar gvernatur ta’ Kivu ta’ Fuq bħala parti mill-‘amministrazzjoni’ illegali ġdida imposta mill-M23, bi ksur tas-sovranità Kongoliża.

L-istabbiliment ta’ amministrazzjoni parallela fir-RDK jikkostitwixxi ksur tal-integrità territorjali tar-RDK. Isostni wkoll il-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-reġjun kif ukoll l-abbużi u ksur serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn membri tal-M23.

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-M23, Joseph Musanga Bahati huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. Huwa responsabbli wkoll għas-sostenn tal-konflitt armat, l-instabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà fir-RDK.

17.3.2025”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2507/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)