European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2504

9.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2504

tas-27 ta’ Novembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-24 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran u l-Protokolli tagħha fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi għall-Annessi II u III tal-Protokoll tagħha dwar Żoni Protetti b’Mod Speċjali u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il- Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-“Konvenzjoni ta’ Barċellona”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE (1) u daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Frar 1978.

(2)

Il-Protokoll dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran (il-“Protokoll SPA/BD”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE (2) u daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 1999.

(3)

Skont l-Artikolu 18(2), il-punt (iii), tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha (il-“Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti”) tista’ tadotta emendi tal-annessi ta’ dawk il-Protokolli.

(4)

L-24 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għandha tadotta emendi għall-Annessi II u III tal-Protokoll SPA/BD.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-24 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti. peress li l-emendi għall-Annessi II u II tal-Protokoll SPA/BD ser inkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(6)

Peress li l-emendi previsti tal-Annessi II u III tal-Protokoll SPA/BD ser jaġġornaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-protezzjoni tal-Baħar Mediterran, ser jaffettwaw ċerti impenji internazzjonali tal-Unjoni, u ser itejbu l-protezzjoni tal-ambjent, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-adozzjoni tagħhom.

(7)

Din id-Deċiżjoni, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, tikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sakemm dawn jistgħu jaffettwaw regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni jew jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sakemm il-Konvenzjoni ta’ Barċellona ma taffettwax ir-regoli komuni tad-dritt tal-Unjoni jew tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-24 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għall-Annessi II u III tal-Protokoll SPA/BD.

Artikolu 2

Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet tekniċi żgħar għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. TESFAYE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 li tikkonkludi l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tniġġiż u l-Protokoll għall-prevenzjoni tat-tniġġiż tal-Baħar Mediterran bir-rimi tal-iskart minn bastimenti u vetturi tal-ajru (ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1), ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1977/585/oj)..

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jikkonċerna żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, u dwar l-aċċettazzjoni tal-annessi ta’ dak il-Protokoll (Konvenzjoni ta’ Barċellona) (ĠU L 322, 14.12.1999, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/800/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2504/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)